EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0918

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/918 tat-22 ta' Ġunju 2018 li tawtorizza lill-Ġermanja u lill-Polonja biex idaħħlu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

ST/9037/2018/INIT

ĠU L 163, 28.6.2018, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/918/oj

28.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 163/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/918

tat-22 ta' Ġunju 2018

li tawtorizza lill-Ġermanja u lill-Polonja biex idaħħlu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tal-ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fid-9 ta' Jannar 2018 u fit-22 ta' Jannar 2018, rispettivament, il-Ġermanja u l-Polonja talbu awtorizzazzjoni biex idaħħlu miżura speċjali li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-kostruzzjoni ta' pont ġdid bejn Küstrin-Kietz u Kostrzyn nad Odrą.

(2)

Permezz tal-ittri ddatati l-5 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba li saret mill-Ġermanja u l-Polonja lill-Istati Membri l-oħrajn. Permezz tal-ittri tas-6 ta' Marzu 2018, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja u lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba tagħhom.

(3)

F'konformità ma' ftehim li jrid jiġi konkluż bejn il-Ġermanja u l-Polonja, iż-żona tax-xogħlijiet fuq it-twaqqigħ tal-pont eżistenti fuq il-fruntiera u l-kostruzzjoni ta' pont ġdid bejn Küstrin-Kietz u Kostrzyn nad Odrą, għandhom jitqiesu, fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”), bħala li jifformaw parti mit-territorju tal-Polonja, f'dak li jirrigwarda l-provvisti ta' merkanzija u servizzi, l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjonijiet ta' merkanzija maħsuba għall-eżekuzzjoni ta' dawk ix-xogħlijiet.

(4)

Il-Ġermanja u l-Polonja huma tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim li jikkonċernaw it-taxxa huma ġġustifikati għall-finijiet tas-simplifikazzjoni tal-prċoedura għall-konformita mal-obbligi tal-VAT. Mingħajr tali dispożizzjonijiet, ikun meħtieġ li ssir kategorizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet abbażi tat-territorju li fih ikunu twettqu, li tinvolvi kumplikazzjonijiet ta' taxxa għall-kumpaniji kontraenti responsabbli għax-xogħlijiet.

(5)

Fid-dawl tal-fatt li l-miżura speċjali tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT, u li tista' tolqot l-ammont globali tad-dħul għall-Istati Membri mit-taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali f'miżura insinifikanti biss, jixraq li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE u li jiġi previst li, għall-finijiet tal-VAT, kull provvista ta' merkanzija u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji u importazzjonijiet ta' merkanzija maħsuba għat-twaqqigħ tal-pont eżistenti fuq il-fruntiera u l-bini ta' pont ġdid fuq il-fruntiera bejn Küstrin-Kietz u Kostrzyn nad Odrą jitwettqu fit-territorju tal-Polonja u għalhekk għandhom ikunu soġġetti għall-VAT Pollakka.

(6)

Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Ġermanja u l-Polonja huma awtorizzati li jittrattaw iż-żona tas-sit tal-kostruzzjoni tal-pont fuq il-fruntiera bejn Küstrin-Kietz u Kostrzyn nad Odrą daqslikieku din tifforma parti mit-territorju tal-Polonja għall-finijiet tal-provvista ta' merkanzija u servizzi, l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjonijiet ta' merkanzija maħsuba għat-twaqqigħ tal-pont eżistenti fuq il-fruntiera u l-kostruzzjoni ta' pont ġdid fuq il-fruntiera.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


Top