Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32017D2303

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2303 tat-12 ta' Diċembru 2017 li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva

    ĠU L 329, 13.12.2017, p. 55—60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumento teisinis statusas Galioja: Šis aktas pakeistas. Dabartinė konsoliduota redakcija: 09/12/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2303/oj

    13.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/55


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2303

    tat-12 ta' Diċembru 2017

    li tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2118 (2013) u d-deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/DEC.1 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-27 ta' Settembru 2013, matul is-sessjoni EC-M-33 tiegħu, il-Kunsill Eżekuttiv tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) adotta deċiżjoni dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani (“EC-M-33/DEC.1”).

    (2)

    Fis-27 ta' Settembru 2013 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (“UNSCR”) 2118 (2013), li tapprova EC-M-33/DEC.1.

    (3)

    Fit-12 ta' Diċembru 2003 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (l-“Istrateġija”), li tissottolinja r-rwol kruċjali tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom u tal-OPCW fil-ħolqien ta' dinja ħielsa mill-armi kimiċi.

    (4)

    L-Unjoni qed timplimenta l-Istrateġija b'mod attiv u qed tagħti effett għall-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tipprovdi riżorsi finanzjarji għall-appoġġ ta' proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali bħall-OPCW.

    (5)

    Fid-9 ta' Diċembru 2013 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/726/PESK (1), li tappoġġa l-provvista ta' prodotti għall-għarfien tas-sitwazzjoni b'rabta mas-sigurtà tal-Missjoni Konġunta OPCW-NU dwar l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi Sirjani permezz tal-forniment lill-OPCW ta' prodotti ta' immaġini bis-satellita u ta' informazzjoni relatati taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen). Id-Deċiżjoni 2013/726/PESK skadiet fit-30 ta' Settembru 2015.

    (6)

    Fit-30 ta' Novembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2215 (2), b'appoġġ tal-OPCW u l-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU stabbilit skont l-UNSCR 2235 (2015).

    (7)

    Fl-10 ta' Lulju 2017 is-Segretarjat Tekniku tal-OPCW talab l-istabbiliment mill-ġdid tal-forniment mill-Unjoni ta' prodotti ta' immaġini bis-satellita għall-benefiċċju tal-operazzjonijiet tagħhom fis-Sirja. Skont l-OPCW, dan is-servizz irriżulta li kien estremament utli għall-istazzjonament fis-Sirja tal-Missjoni ta' Tiftix tal-Fatti tal-OPCW (“FFM”) u timijiet oħra, bħat-Tim ta' Valutazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet fir-rigward tas-sikurezza tal-persunal u t-twettiq tajjeb tal-missjonijiet.

    (8)

    L-Unjoni hija sostenitur sod u konsistenti tal-OPCW fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha. Id-Dikjarazzjoni tal-Unjoni tas-7 ta' April 2017 tipprovdi li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa l-isforzi u l-ħidma tal-OPCW, b'mod partikolari fis-Sirja, inkluż il-FFM u l-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU, fir-rigward tal-investigazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi.

    (9)

    L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun fdata lill-OPCW. Il-proġetti appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji lis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW. Tali kontribuzzjonijiet mogħtija mill-Unjoni ser ikunu strumentali biex l-OPCW tkun tista' tkompli twettaq il-kompiti tagħha indikati fid-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u fil-UNSCR 2118 (2013).

    (10)

    Jenħtieġ li s-superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tkun fdata lill-Kummissjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW billi tikkontribwixxi għall-ispejjeż assoċjati mal-ispezzjoni u l-verifika tal-qerda tal-armi kimiċi Sirjani, kif ukoll għall-ispejjeż assoċjati mal-attivitajiet komplementari għall-kompiti prinċipali assenjati b'appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u EC-M-33/DEC.1u riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet sussegwenti relatati.

    2.   Il-proġett appoġġat permezz ta' din id-Deċiżjoni huwa l-forniment ta' prodotti għall-għarfien tas-sitwazzjoni b'rabta mas-sigurtà tal-FFM, inkluż l-istat tan-netwerk tat-toroq, permezz tal-forniment lill-OPCW ta' prodotti ta' immaġini tas-SatCen.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“RGħ”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha tkun fdata lill-OPCW. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-OPCW.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 003 717,00.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-OPCW. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-OPCW trid tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b'mod adatt skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

    Artikolu 4

    1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-OPCW. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 12 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-OPCW imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk dak il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. MIKSER


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec. 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 41).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2215 tat-30 ta' Novembru 2015 b'appoġġ għall-UNSCR 2235 (2015), li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' investigazzjoni konġunt bejn l-OPCW u n-NU sabiex jiġu identifikati l-awturi ta' attakki kimiċi fir-Repubblika Għarbija Sirjana (ĠU L 314, 1.12.2015, p. 51).


    ANNESS

    1.   Kuntest

    Wara użu allegat ta' armi kimiċi fiż-żona ta' Ghouta ta' Damasku f'Awwissu 2013, l-isforzi diplomatiċi biex jiġi eliminat il-programm tal-armi kimiċi tar-Repubblika Għarbija Sirjana wasslu għall-Qafas għall-Eliminazzjoni tal-Armi Kimiċi Sirjani datat l-14 ta' Settembru 2013, miftiehem bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka.

    Fis-27 ta' Settembru 2013 il-Kunsill Eżekuttiv tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) adotta deċiżjoni storika dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjan (“EC-M-33/DEC.1”), li tistabbilixxi programm aċċellerat għall-kisba tal-eliminazzjoni tal-armi kimiċi Sirjani. Is-Sirja saret uffiċjalment Parti Stat għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda Tagħhom fl-14 ta' Ottubru 2013. Fis-16 ta' Ottubru 2013 ġiet stabbilita formalment Missjoni Konġunta bejn l-OPCW u n-NU għall-eliminazzjoni tal-armi kimiċi Sirjan (il-“Missjoni Konġunta”), bil-missjoni ewlenija li tissorvelja l-eliminazzjoni fil-ħin tal-programm tal-armi kimiċi Sirjan bl-inqas periklu u l-ikbar sigurtà possibbli. L-Unjoni kkontribwiet EUR 12-il miljun lill-Fond Fiduċjarju Speċjali Sirjan tal-OPCW stabbilit speċifikament biex jiffinanzja l-attivitajiet għall-qerda totali tal-ħażniet ta' materjal kimiku fis-Sirja.

    B'riżultat tal-Missjoni Konġunta, b'kooperazzjoni mal-gvern Sirjan, l-armi kimiċi kollha ddikjarati mis-Sirja tneħħew u nqerdu barra mit-territorju Sirjan sa Awwissu 2014. Il-Missjoni Konġunta lestiet il-mandat tagħha u l-operazzjonijiet tagħha ntemmu fit-30 ta' Settembru 2014. Madankollu, minkejja dawn l-isforzi, komplew jaslu rapporti tal-użu allegat ta' armi kimiċi fis-Sirja, u l-OPCW kompliet l-attivitajiet li kien fadlilha ta' spezzjoni u ta' verifika.

    Fid-29 ta' April 2014 id-Direttur Ġenerali tal-OPCW ħoloq missjoni ta' tiftix tal-fatti (“FFM”) tal-OPCW bil-mandat li tistabbilixxi l-fatti dwar l-allegazzjonijiet tal-użu ta' kimiki tossiċi għal finijiet ostili fir-Repubblika Għarbija Sirjana. Il-FFM tappoġġa l-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt stabbilit bir-Riżoluzzjoni 2235 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jidentifika l-awturi, l-organizzaturi, is-sostenituri jew min kien involut b'xi mod ieħor fl-użu ta' kimiki bħala armi fir-Repubblika Għarbija Sirjana. Fl-istess ħin, peress li tqajmu dubji dwar jekk id-dikjarazzjoni tas-Sirja lill-OPCW dwar il-programm tagħha tal-armi kimiċi kinitx kompluta u korretta, id-Direttur Ġenerali tal-OPCW stabbilixxa grupp ta' esperti - magħruf bħala l-Grupp ta' Valutazzjoni tad-Dikjarazzjoni (DAT) - biex jaħdem mal-awtoritajiet rilevanti fis-Sirja sabiex jiġu solvuti l-lakuni u l-inkonsistenzi identifikati fid-dikjarazzjoni Sirjana. L-attivitajiet tad-DAT kif ukoll tal-FFM għadhom għaddejjin. Il-missjonijiet tal-OPCW fis-Sirja qed ikomplu peress li għadhom jiġu rrappurtati inċidenti tal-użu allegat ta' armi kimiċi li ser ikunu jeħtieġu s-sostenn tal-immaġini għall-għarfien viżiv u l-valutazzjonijiet tas-sigurtà, qabel ma jintbagħtu timijiet.

    Fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, l-Unjoni pprovdiet appoġġ għall-missjonijiet tal-OPCW fis-Sirja permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/726/PESK, b'appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u EC-M-33/DEC.1. Id-Deċiżjoni 2013/726/PESK appoġġat il-forniment ta' prodotti ta' għarfien tas-sitwazzjoni relatati mas-sigurtà tal-Missjoni Konġunta, inkluż l-istat tan-netwerk tat-toroq permezz tal-provvista lill-OPCW ta' prodotti ta' immaġini bis-satellita u ta' informazzjoni relatati taċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (SatCen). SatCen ipprovda appoġġ lill-OPCW bl-immaġini bis-satellita sat-30 ta' Settembru 2015. Dan is-servizz irriżulta li kien estremament utli għall-istazzjonament tal-FFM u ta' timijiet oħra fis-Sirja (pereżempju d-DAT) fir-rigward tas-sikurezza tal-persunal u t-twettiq tajjeb tal-missjonijiet.

    Fl-10 ta' Lulju 2017 l-OPCW talbet l-istabbiliment mill-ġdid tal-forniment ta' immaġini bis-satellita tal-Unjoni bħala segwitu għad-Deċiżjoni 2013/726/PESK.

    2.   L-objettivi Ġenerali tal-proġett

    L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa li tappoġġa l-missjonijiet tal-OPCW relatati mar-Repubblika Għarbija Sirjana, inkluż il-FFM u d-DAT.

    L-objettivi speċifiċi tal-proġett huma kif ġej:

    il-valutazzjoni tal-istatus tan-netwerk tat-toroq, b'mod partikolari l-identifikazzjoni ta' barrikati fit-triq u żoni ta' diffikultà ta' moviment fit-toroq;

    il-verifika tal-eżattezza tar-rapporti Sirjani lill-OPCW;

    il-valutazzjoni tal-faċilitajiet u l-inħawi ta' madwarhom;

    it-tisħiħ tal-għarfien tas-sitwazzjoni fuq il-post fir-rigward tas-sigurtà tal-missjoni fuq il-post u tal-missjoni permanenti stazzjonati fir-Repubblika Għarbija Sirjana u fir-rigward tal-postijiet fejn għandhom isiru żjarat/spezzjonijiet.

    3.   Deskrizzjoni tal-attivitajiet

    Kompiti ad hoc ta' SatCen, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/401/PESK, fil-Qasam ta' Interess (AOI) (postijiet ta' interess ġewwa l-istat sovran tas-Sirja) u fil-mandat tas-SEAE - inkluż il-ġestjoni u r-rappurtar assoċjati - fir-rigward ta' dan li ġej:

    prodotti u servizzi ta' intelligence mill-immaġini (IMINT) u intelligence ġeospazjali (GEOINT), kif deskritti fil-Portafoll tal-Prodotti u s-Servizzi tas-SatCen (1), għar-rispons għal kriżijiet, valutazzjoni tas-sitwazzjoni, analiżi dettaljata, ippjanar ta' kontinġenza u informazzjoni fuq mapep, bħal pereżempju:

    Rapporti tal-Ewwel Impressjoni (FIRs) bħala reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi;

    Noti ta' Informazzjoni (BNs) fuq Post ta' Interess (LOI) (2);

    Rapporti (Rs) dwar LOIs bl-appoġġ ta' test deskrittiv, informazzjoni kollaterali, informazzjoni vettorjali, sorsi, u immaġini waħda jew aktar li jiddeskrivu l-oġġett/il-faċilità u l-inħawi ta' madwarha;

    Dossiers (Ds) li jipprovdu dokumenti ta' rappurtar ta' intelligence dwar oqsma aktar kumplessi magħmula minn LOIs;

    Studji ta' Fattibilità (FSs) meħtieġa biex issir valutazzjoni preliminari ta' prodotti;

    Pakkett ta' Appoġġ Ġeospazjali ta' Kontinġenza (GCSP) li jiffoka fuq attivitajiet ta' evakwazzjoni bl-użu ta' immaġini bis-satellita, sorsi kollaterali u, jekk jista' jkun, informazzjoni appoġġata minn fuq l-art bħala inputs primarji;

    Mapep bl-Immaġini (IMs) li jipprovdu informazzjoni tematika rilevanti u aġġornata fuq LOIs speċifiċi;

    Mapep ta' Ortoimmaġini (OMs) li jipprovdu mapep ta' immaġini bi grid, inkluż immaġini bis-satellita fuq LOIs speċifiċi;

    Mapep ta' Bliet (CMs) li jipprovdu informazzjoni kompluta dwar belt imqassma f'saffi bi skala dettaljata;

    Kotba tal-Mapep (MBs) li jirriżultaw minn tekniki ta' analiżi ta' sistema ta' informazzjoni ġeografika (GIS), analiżi tal-art, il-pożizzjoni tas-servizzi f'żoni urbani, eċċ.;

    Kopertura ta' Mapep (MC) li tipprovdi informazzjoni kompluta mqassma f'saffi fuq meded kbar.

    appoġġ lill-persunal fuq il-post tal-missjoni tal-OPCW: prodotti għal rotot ippjanati derivati minn immaġini (eż. prodotti ta' analiżi tar-rotta li tqis l-istat tan-netwerk tat-toroq).

    taħriġ tal-persunal tal-OPCW fil-kwartieri tas-SatCen: taħriġ f'GEOINT, taħriġ f'ArcGIS software u taħriġ fl-esplojtazzjoni tal-prodotti IMINT. Jekk ikun fattibbli, jista' jiġi kkunsidrat ukoll taħriġ fil-kwartieri tal-OPCW.

    L-Appoġġ tas-SatCen ser jiġi pprovdut billi jitwasslu sa massimu ta' ħames FIRs (jew l-ekwivalenti (3)) kull ġimgħa tul iż-żmien totali tal-proġett kif speċifikat fil-punt 8.

    4.   Riżultati mistennija

    Riżultati mistennija tal-proġett huma kif ġej:

    l-istatus tan-netwerk tat-toroq vvalutat u, b'mod partikolari, il-barrikati fit-triq u ż-żoni ta' diffikultà ta' moviment fit-toroq identifikati;

    aktar sigurtà fir-rotot użati mit-timijiet ta' spezzjoni u verifika stazzjonati;

    r-rapporti Sirjani vverifikati;

    il-faċilitajiet u l-inħawi ta' madwarhom vvalutati;

    ħarfien tas-sitwazzjoni mtejjeb ipprovdut lit-timijiet ta' spezzjoni u verifika stazzjonati;

    appoġġ ipprovdut lid-DAT u l-FFM;

    kapaċità mtejba ta' valutazzjoni ta' faċilitajiet speċifiċi u l-inħawi ta' madwarhom;

    tisħiħ fil-kapaċità tal-persunal tal-OPCW li jesplojtaw prodotti tal-immaġini, jieħdu ħsieb database tal-immaġini, u jużaw l-ARCGIS biex jipproduċu prodotti speċifiċi għall-OPCW bbażati fuq analiżi tal-immaġini.

    5.   Benefiċjarji tal-proġett

    L-OPCW ser tkun il-benefiċjarju tal-proġett għal valutazzjonijiet tas-sigurtà u l-għarfien viżiv qabel ma jiġu stazzjonati gruppi fis-Sirja.

    Il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU, peress li jistrieħ fuq il-ħidma tal-FFM, ser jibbenefika wkoll mill-proġett.

    6.   Tim ta' implimentazzjoni tal-proġett

    Il-proġett ser jiġi implimentatat mill-OPCW b'kooperazzjoni mas-SatCen, ibbażat f'Torrejon de Ardoz, fi Spanja.

    It-tim ta' implimentazzjoni tal-proġett ser ikun magħmul minn uffiċjal Sostantiv tal-OPCW u uffiċjal tal-proġett ta' SatCen. It-tim ta' implimentazzjoni tal-proġett ser ikun responsabbli għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-proġett kollu, inkluż l-istabbiliment tal-qafas legali, maniġerjali, ta' monitoraġġ u ta' verifika, għall-kisba effettiva tar-riżultati tal-proġett u għar-rappurtar.

    7.   Viżibbiltà tal-Unjoni

    Viżibbiltà tal-Fondi tal-Unjoni f'avvenimenti jew laqgħat tal-OPCW: l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni ser tiġi rikonoxxuta f'rapporti tad-Direttur Ġenerali tal-OPCW u tal-Kunsill Eżekuttiv li jirreferu għall-attivitajiet imsemmijin hawn fuq. Ser tidher il-bandiera tal-Unjoni fuq id-dokumentazzjoni kollha tal-proġetti. Fejn tali wiri jista' jipperikola l-privileġġi u l-immunitajiet tal-OPCW jew is-sikurezza tal-persunal tal- OPCW jew tal-benefiċjarji aħħarija, ser isiru arranġamenti alternattivi adatti.

    8.   Tul ta' żmien stmat

    It-tul ta' żmien tal-proġett huwa previst għal 12 xahar.

    9.   Kumitat ta' tmexxija

    Il-kumitat ta' tmexxija għal dan il-proġett ser ikun magħmul minn rappreżentanti tas-SEAE, tal-OPCW u tas-SatCen. Il-kumitat ta' tmexxija ser jirrieżamina l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni regolarment, tal-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz tal-użu ta' mezzi elettroniċi ta' komunikazzjoni.

    10.   Rappurtar

    L-OPCW ser tipprovdi rapport ta' progress narrattiv wara sitt xhur għar-rieżami tal-progress lejn it-twettiq tar-riżultati tal-proġett. L-OPCW ser tippreżenta rapport narrattiv u finanzjarju finali fi żmien sitt xhur minn tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni.


    (1)  Portafoll tal-Prodotti u s-Servizzi tas-SatCen, Verżjoni 2.4 – 5 ta' April 2017.

    (2)  L-estensjoni ġeografika massima tipika ta' LOI hija 100 km2.

    (3)  Il-prodotti tas-SatCen ġew “trasformati jew konvertiti” f'unitajiet ekwivalenti bbażati fuq /l-ispejjeż għad-data u x-xogħol meħtieġa għat-twettiq ta' prodott fir-rigward ta' FIR. Nota għall-Membri tal-Bord: “L-istorja tal-irkupru tal-ispejjeż u proposta għal modifika tal-Proċedura ta' Implimentazzjoni” tat-30 ta' Marzu 2017.


    Į viršų