Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2230

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2230 tal-4 ta' Diċembru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2017/7914

ĠU L 319, 5.12.2017, p. 10–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2230/oj

5.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2230

tal-4 ta' Diċembru 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni tal-antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005 (2), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku (“TCCA”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) u l-Istati Uniti tal-Amerka (“Stati Uniti”). Il-miżuri kontra r-RPĊ ħadu l-forma ta' dazji individwali ad valorem li jvarjaw minn 7,3 % sa 40,5 %, b'dazju residwu ta' 42,6 %.

(2)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 855/2010 (3), il-Kunsill baxxa d-dazju individwali applikat għal kumpanija waħda minn 14,1 % għal 3,2 %.

(3)

Wara rieżami ta' skadenza tal-miżuri (“l-ewwel rieżami ta' skadenza”), li kien indirizzat biss għall-importazzjonijiet ta' TCCA li joriġinaw fir-RPĊ, il-Kunsill estenda d-dazji antidumping fuq it-TCCA ta' oriġini Ċiniża għal ħames (5) snin oħra permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 (4).

(4)

Fit-28 ta' Awwissu 2013 u fl-1 ta' Lulju 2014 rispettivament, il-Kummissjoni bdiet żewġ verifiki tal-esportaturi ġodda. Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 569/2014 (5), il-Kummissjoni imponiet dazju individwali ta' 32,8 % fuq it-TCCA magħmul minn produttur esportatur Ċiniż ġdid (6). Il-produttur esportatur Ċiniż l-ieħor (7) irtira formalment it-talba tiegħu u b'konsegwenza l-Kummissjoni temmet l-investigazzjoni permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/392 (8).

2.   Talba għal rieżami tal-iskadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-iskadenza imminenti (9) tal-miżuri antidumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami tal-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (10).

(6)

It-talba ġiet ippreżentata minn żewġ produtturi tal-Unjoni: Ercros S.A. u Inquide S.A.(“l-applikanti”) li fl-2015 kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta' TCCA tal-Unjoni.

(7)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ kienet wisq probabbli se tirriżulta fir-rikorrenza tad-dumping u r-rikorrenza tal-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

3.   It-tnedija tal-analiżi tal-iskadenza

(8)

Wara li ddeterminat li kienet hemm biżżejjed evidenza, fl-20 ta' Diċembru 2016 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (11) (“in-Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.   Investigazzjoni

4.1.   Perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(9)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2015 sat-30 ta' Settembru 2016 (il-“perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sat-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami (il-“perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

4.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(10)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-applikanti, lill-produttur l-ieħor magħruf tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, lill-importaturi, lill-kummerċjanti, lill-utenti, u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati u lir-rappreżentanti tar-RPĊ bil-bidu tar-rieżami tal-iskadenza.

(11)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu seduta ta' smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta' Bidu. L-ebda parti ma ppreżentat ruħha u talbet seduta ta' smigħ fl-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni.

4.3.   Kampjunar

(12)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni qalet li hi, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, kellha l-intenzjoni li tieħu kampjuni tal-produtturi esportaturi u importaturi mhux relatati fil-każ li għadd sinifikanti minnhom jippreżentaw irwieħhom.

Il-kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(13)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi Ċiniżi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(14)

Fil-bidu, ġew ikkuntattjati 27 produttur esportatur Ċiniż magħruf. Ma kien hemm l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ li ppreżenta tweġiba għall-formola ta' kampjunar jew li ddeċieda li jikkoopera fir-rieżami tal-iskadenza. Għaldaqstant, l-ebda kampjunar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kien meħtieġ f'din il-proċedura.

Kampjunar ta' importaturi mhux relatati

(15)

Biex ikun deċiż jekk kienx hemm bżonn kampjunar u, jekk dan ikun il-każ, jittieħed kampjun, l-importaturi/distributuri magħrufa kollha (14 b'kollox) ġew mistednin jimlew il-formola ta' kampjunar mehmuża man-Notifika ta' Bidu.

(16)

Kienu ħames importaturi biss li wieġbu għall-formola tal-kampjunar, u għaldaqstant il-kampjunar ma kienx meqjus neċessarju.

4.4.   Kwestjonarji u żjarat ta' verifika

(17)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja biex tiġi determinata l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping, tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

(18)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ produtturi magħrufin fil-pajjiż analogu (il-Ġappun), lit-tliet produtturi magħrufin tal-Unjoni, żewġ importaturi mhux relatati u 39 utent magħruf fl-Unjoni.

(19)

Waslu risposti kompluti għall-kwestjonarju mingħand iż-żewġ produtturi fil-pajjiż analogu, żewġ produtturi tal-Unjoni (12), u importatur ieħor mhux relatat.

(20)

Il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tal-Unjoni (13):

Ercros S.A., Barċellona, Spanja

(b)

Importaturi:

Diasa Industrial, Calahorra, Spanja

(c)

Produtturi fil-pajjiż analogu f'ekonomija tas-suq:

Nissan Chemical Industries Ltd., il-Ġappun,

Shikoku Chemicals Corporation, il-Ġappun.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(21)

Il-prodott ikkonċernat huwa t-TCCA u taħlietiet tiegħu, magħruf ukoll bħala “simklosene” skont l-isem nonproprjetarju internazzjonali (INN), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċjiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020) u li joriġina mir-RPĊ.

(22)

It-TCCA huwa prodott kimiku użat bħala diżinfettant u bliċer organiku ġenerali tal-kloru, użat b'mod partikolari bħala diżinfettant tal-ilma fil-pixxini u l-ispas. Użi oħrajn jinkludu t-trattament tal-ilma fit-tankijiet settiċi jew torrijiet tat-tkessiħ u t-tindif tal-apparat elettrodomestiku. It-TCCA jinbiegħ bħala trab, bċejjeċ żgħar, pilloli jew laqx. Il-forom u t-taħlitiet kollha tat-TCCA għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi (diżinfettanti) u għaldaqstant jitqiesu bħala prodott wieħed.

2.   Prodott simili

(23)

Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili prodotta u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Ġappun, il-pajjiż analogu, kif ukoll il-prodott simili prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni nstabu li għandhom l-istess użi u karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi.

(24)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA' TKOMPLIJA JEW TA' RIKORRENZA TAD-DUMPING

(25)

F'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ aktarx twassal biex id-dumping mir-RPĊ ikompli jew jerġa' jseħħ.

1.   Kooperazzjoni mir-RPĊ

(26)

Meta nbdiet l-investigazzjoni ta' rieżami, il-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha magħrufin ġew mistiedna jippreżentaw ruħhom u jipprovdu tweġibiet għall-formola ta' kampjunar mehmuża man-Notifika ta' Bidu. Madankollu, l-ebda kumpanija Ċiniża ma rreaġiet għall-bidu tal-investigazzjoni ta' rieżami u/jew iddeċidiet li tikkoopera fi kwalunkwe stadju ulterjuri tal-proċedura.

(27)

Il-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea ġiet infurmata permezz ta' note verbale li taħt dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ssejjes il-kostatazzjonijiet tagħha rigward il-probabbiltà tat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta' dumping u ħsara fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ma wasal l-ebda kumment.

(28)

Għaldaqstant, il-kostatazzjonijiet rigward it-tkomplija jew ir-rikorrenza ta' dumping ġew imsejsa fuq it-tagħrif li jinsab fit-talba għal rieżami, statistiċi tal-Eurostat, il-bażi ta' dejta tal-Artikolu 14(6) u l-Bażi ta' Dejta ta' Esportazzjoni Ċiniża u l-estimi tas-suq tal-produtturi fil-pajjiż analogu li kkooperaw.

2.   Dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami

2.1.   L-ekonomija tas-suq f'pajjiż terz

(29)

F'konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli fis-suq domestiku jew il-valur maħdum f'pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq (il-“pajjiż analogu”).

(30)

Kemm fl-investigazzjoni oriġinali, kif ukoll fl-ewwel rieżami tal-iskadenza, il-Kummissjoni għażlet lill-Ġappun bħala pajjiż analogu biex jiġi stabbilit il-valur normali. Wara t-talba għal rieżami, fin-notifika ta' bidu, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li kienet qed terġa' tippjana li tuża l-Ġappun bħala l-pajjiż analogu. Barra minn hekk, in-Notifika ta' Bidu semmiet li produtturi oħrajn f'ekonomija tas-suq setgħu jinsabu, fost l-oħrajn, fl-Istati Uniti tal-Amerka. Ma wasal l-ebda kumment.

(31)

Il-Kummissjoni kkuntattjat lill-produtturi esportaturi magħrufin kollha, jiġifieri tnejn fil-Ġappun u tlieta fl-Istati Uniti. L-ebda kumpanija mill-Istati Uniti ma qablet li tikkoopera fl-investigazzjoni. Iż-żewġ kumpaniji Ġappuniżi, Nissan Chemical Industries Ltd u Shikoku Chemicals Corporation qablu li jikkooperaw fl-investigazzjoni u wieġbu l-kwestjonarju, li wara ġie vverifikat fil-post.

(32)

Il-Ġappun għandu suq domestiku mdaqqas (14) għat-TCCA, b'livell sodisfaċenti ta' kompetizzjoni. Hemm tal-anqas tliet produtturi domestiċi kompetituri (15) fil-Ġappun, u tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami 15 % tas-suq kien kopert mill-importazzjonijiet (16). Il-pajjiż mhuwiex protett permezz ta' dazji doganali għoljin (17). Finalment, il-Ġappun ma għandu l-ebda miżuri għad-difiża tal-kummerċ fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA.

(33)

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ġappun kien pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

2.2.   Produtturi esportaturi Ċiniżi mingħajr TES

(34)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mir-RPĊ, il-kalkolu tad-dumping sar mingħajr differenzjazzjoni tat-tipi ta' prodott.

(a)   Valur normali

(35)

Il-valur normali għall-produtturi esportaturi mingħajr TES ġie stabbilit abbażi tad-data verifikata fil-kwartieri taż-żewġ produtturi li kkooperaw fil-Ġappun.

(36)

F'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti li sar mill-produtturi kooperanti tal-pajjiż analogu matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami kienx rappreżentattiv. Għal dan il-għan, il-volumi ta' bejgħ kombinati tagħhom tqabblu mal-volum totali tal-prodott ikkonċernat esportat minn produtturi esportaturi Ċiniżi mingħajr TES lejn l-Unjoni matul l-istess perjodu. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonstatat li l-prodott simili kien jinbiegħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku tal-Ġappun.

(37)

Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat, fir-rigward tal-produtturi tal-pajjiż analogu, jekk il-prodott li kien jinbiegħ fis-suq domestiku setax jitqies li kien jinbiegħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ kif iddefinita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(38)

It-test tat-tmexxija ordinarja tal-kummerċ wera li l-volum li nbigħ bi prezz tal-bejgħ nett li kien daqs jew iktar mill-kost tal-produzzjoni kkalkulat (kostijiet tal-manifattura u kostijiet SG&A) kien jirrappreżenta inqas minn 80 % tal-volum tal-bejgħ domestiku totali, u għalhekk il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet domestiċi profitabbli biss.

(b)   Prezz tal-esportazzjonijiet

(39)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi, il-prezz ta' esportazzjoni medju għall-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami ġie stabbilit abbażi tal-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

(c)   Paragun

(40)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż medju kif determinat iktar 'il fuq ġew ipparagunati fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika.

(41)

Sabiex ikun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konsiderazzjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, il-valur normali ġie aġġustat għat-trasport intern u l-kostijiet tal-immaniġġar (fil-medda ta' bejn 8 % u 13 %). Il-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat għat-tariffi għall-ġarr bil-baħar u t-trasport intern abbażi tal-estimi li jinsabu fit-talba għal rieżami (li jvarjaw bejn 3 % u 8 %).

(d)   Marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi Ċiniżi mingħajr TES

(42)

Il-marġni tad-dumping li għalhekk ġie stabbilit għall-produtturi esportaturi Ċiniżi mingħajr TES ammonta għal 80,2 % tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

2.3.   Produtturi esportaturi Ċiniżi bit-TES

(a)   Valur normali

(43)

Il-valur normali għall-produtturi esportaturi bit-TES ġie bbażat fuq il-kost tal-produzzjoni fir-RPĊ kif stmat fit-talba għal rieżami.

(b)   Prezz tal-esportazzjonijiet

(44)

Il-prezz ta' esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta' esportazzjoni tat-tliet kumpaniji TES għall-Unjoni kif irreġistrat fil-bażi tad-data tal-Artikolu 14(6).

(c)   Paragun

(45)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż medju kif determinat iktar 'il fuq ġew ipparagunati fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika.

(46)

Sabiex ikun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konsiderazzjoni xierqa fil-forma ta' aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kumparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, abbażi tal-estimi li jinsabu f'din it-talba għal rieżami, il-prezz tal-esportazzjoni ġie aġġustat għat-tariffi tal-ġarr bil-baħar u t-trasport intern (li jmorru minn 3 % sa 8 %).

(d)   Marġni tad-dumping tal-produtturi esportaturi Ċiniżi bit-TES

(47)

Il-marġnijiet ta' dumping li nstabu kienu ta' 49,4 % għal Hebei Jiheng Chemical Co. Limited, 49,2 % għal Heze Huayi Chemical Co. Limited u 37,4 % għal Puyang Cleanway Chemicals Limited.

2.4.   Konklużjoni dwar id-dumping fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

(48)

Il-Kummissjoni kkonstatat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi komplew jesportaw it-TCCA għall-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping tul l-investigazzjoni ta' rieżami.

3.   Evidenza dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tad-dumping

(49)

Il-Kummissjoni analizzat jekk kienx hemm il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping jekk il-miżuri fis-seħħ jitħallew jiskadu. Hija u tagħmel dan, fliet il-kapaċità ta' riżerva Ċiniża, l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra.

(a)   Il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ

(50)

L-ewwel rieżami ta' skadenza stima li l-kapaċità ta' riżerva għall-produzzjoni tat-TCCA fir-RPĊ kienet ta' 180 000 tunnellata kull sena (18). Skont it-talba għal rieżami, il-kapaċita ta' produzzjoni totali Ċiniża kienet stmata għal 278 000 tunnellata fl-2015 (19). Il-produzzjoni Ċiniża tul il-PIR kienet stmata għal madwar 145 000 tunnellata, li kienet tinkludi 125 000 tunnellata ta' esportazzjonijiet (20) u madwar 20 000 tunnellata għall-konsum domestiku (21). Dan kollu taha kapaċità ta' riżerva annwali ta' madwar 130 000 tunnellata, li hija kważi tliet darbiet il-konsum tal-Unjoni kif stabbilit fit-Tabella 1 iktar 'il quddiem. Wieħed mill-produtturi Ġappuniżi fil-pajjiż analogu, abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq tiegħu, kellu stima iktar moderata tal-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ ta' madwar 50 000 tunnellata fis-sena. Din id-data, madankollu, ma setgħetx tiġi vverifikata. F'kull każ, abbażi tal-fatti disponibbli, m'hemm l-ebda dubju li l-kapaċità ta' riżerva Ċiniża tat-TCCA hija sinifikanti, u faċilment tisboq il-konsum totali tal-Unjoni (li varja bejn madwar 41 000 u 48 000 tunnellata bejn l-2013 u l-PIR).

(b)   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq ta' pajjiżi terzi.

(51)

L-attraenza tas-suq tal-Unjoni hija riflessa fil-fatt li minkejja l-miżuri antidumping fis-seħħ, il-volumi ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni komplew jespandu. Ir-RPĊ esportat 28 000 tunnellata TCCA lejn l-Unjoni fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, minn 21 500 tunnellata matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali.

(52)

Is-suq tal-Unjoni huwa t-tieni l-ikbar suq għat-TCCA fid-dinja wara l-Istati Uniti, u dan ifisser li huwa attraenti fejn jidħol id-daqs tiegħu (il-volum ta' opportunitajiet ta' bejgħ).

(53)

Abbażi tal-Bażi ta' Data tal-Esportazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni sabet li tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, madwar 23 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kienu ddestinati għall-Unjoni. Meta qabblet il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni (FOB iċ-Ċina) il-Kummissjoni sabet li madwar 47 % tal-volum tal-bejgħ Ċiniż għall-bqija tad-dinja kien mibjugħ bi prezzijiet medji li kienu inqas mill-prezz ta' esportazzjoni medju lejn l-Unjoni (22). Il-volum tal-esportazzjoni jikkorrespondi għal 46 100 tunnellata, jiġifieri volum tad-daqs tal-konsum totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-bażi tad-data tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni identifikat ukoll li l-maġġoranza ta' dan il-bejgħ (madwar 85 %, ekwivalenti għal 40 000 tunnellata) saru mill-produtturi esportaturi Ċiniżi mingħajr it-TES (jiġifieri kumpaniji li bħalissa huma soġġetti għall-ogħla dazji antidumping fis-suq tal-Unjoni). Għalhekk, dawn il-volumi huma wisq iktar probabbli li jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni hekk kif il-miżuri jiskadu, ladarba li fil-każ tagħhom, it-tneħħija tad-dazji relattivament għoljin huwa inċentiv akbar.

(54)

Abbażi ta' dan li għadu kemm intqal, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq tal-Unjoni kien jikkostitwixxi suq attraenti għall-produtturi esportaturi tat-TCCA, kemm rigward il-prezz kif ukoll id-daqs, u li mill-inqas kien se jkun hemm 40 000 tunnellata ta' TCCA Ċiniż li jinbiegħ bi prezzijiet oġġett ta' dumping li jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni malli jitneħħew il-miżuri antidumping attwali.

(c)   Konklużjoni dwar id-dumping u l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping

(55)

L-investigazzjoni wriet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi baqgħu jbigħu t-TCCA lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li r-RPĊ kellha kapaċità ta' riżerva sinifikanti tal-prodott ikkonċernat. Finalment, is-suq tal-Unjoni għadu attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi minħabba d-daqs kbir u l-prezzijiet relattivament għoljin tiegħu.

D.   ĦSARA

1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(56)

Il-prodott simili kien manifatturat minn tliet produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami (23).

(57)

Tul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li wieħed minn dawn il-produtturi, Inquide S.A.U, ma kellux jiġi kkunsidrat bħala parti mill-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku ladarba dan il-produttur kien hu stess importatur nett tal-prodott allegatament oġġett ta' dumping. Id-data li ppreżentat fit-tweġiba tagħha wriet li din il-kumpanija importat il-prodotto ikkonċernat, li l-volumi importati kienu jeċċedu l-volumi manifatturati fl-Unjoni, u li dawn l-importazzjonijiet ma kinux ta' natura temporanja.

(58)

Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqisx lil din il-kumpanija bħala parti mill-industrija tal-Unjoni. F'termini prattiċi, din id-deċiżjoni timplika li d-data marbuta mal-kumpanija ma tqisitx meta ġew stabbiliti l-indikaturi tal-ħsara pertinenti għas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Il-volumi tal-bejgħ ta' Inquide S.A.U., madankollu, ittieħdu inkonsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-konsum totali tal-Unjoni.

(59)

B'riżultat tal-esklużjoni ta' Inquide S.A.U., u biex tiġi rrispettata l-informazzjoni kummerċjali riservata, l-informazzjoni rigward iż-żewġ produtturi tal-Unjoni kkonċernati qed tiġi ppreżentata f'forma indiċjata jew f'meded.

2.   Konsum Komunitarju

(60)

Il-Konsum Komunitarju ġie stabbilit fuq il-bażi tal-volumi tal-bejgħ verifikati tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, il-volum ta' bejgħ verifikat ta' Inquide S.A.U., u l-volumi tal-importazzjonijiet (livell TARIC) fis-suq tal-Unjoni rrappurtat fl-Eurostat.

(61)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum Komunitarju żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum Komunitarju

 

2013

2014

2015

PIR

Volum (f'tunnellati)

41 217

44 446

44 637

48 662

Indiċi (2013 = 100)

100

108

108

118

Sors: Eurostat (COMEXT) data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(62)

Il-konsum Komunitarju żdied kontinwament u kumplessivament bi 18 % mill-2013 sal-PIR. Dan kellu implikazzjonijiet kbar fuq ċerti indikaturi tal-ħsara kif deskritt iktar 'il quddiem.

3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

3.1.   Volum u sehem mis-suq ta' importazzjonijet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(63)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2013

2014

2015

PIR

Volum ta' importazzjonijiet (MT)

17 021

23 457

22 589

28 095

Indiċi (2013 = 100)

100

138

133

165

Sehem mis-suq (%)

41,3

52,8

50,6

57,7

Sors: Eurostat (COMEXT)

(64)

L-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ żdiedu b'kollox f'termini assoluti u f'termini tas-sehem mis-suq tul il-perjodu kkunsidrat. L-unika eċċezzjoni minuri kienet l-2015, fejn il-volumi ta' importazzjoni fil-fatt naqsu xi ftit meta mqabbel mas-sena ta' qabel, li kienet tirrifletti l-istaġnar fil-konsum tal-Unjoni f'dik is-sena, kif muri fit-Tabella 1. Dan it-tnaqqis fl-importazzjonijiet imbagħad ġie segwit minn risorġiment notevoli ta' importazzjonijiet fil-PIR (iktar minn 24 % meta mqabbel mal-2015). Meta titqies komprensivament, iż-żieda dinamika fil-konsum kif murija fit-Tabella 1 ġiet assorbita kważi esklussivament mill-importazzjonijiet li kienu qed jiżdiedu mir-RPĊ.

(65)

B'mod parallel, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żiedu s-sehem tagħhom mis-suq b'mod sinifikanti mill-2013, u kkonsolidaw gwadann sinifikanti ta' iktar minn 16-il punt perċentwali bejn l-2013 u l-PIR.

3.2.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

(66)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2013

2014

2015

PIR

Prezz CIF medju fil-fruntiera tal-Unjoni EUR/tunnellata

1 262

1 174

1 445

1 308

Indiċi (2013 = 100)

100

93

115

104

Sors: Eurostat (COMEXT)

(67)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjoni mir-RPĊ varjaw xi ftit tul il-perjodu kkunsidrat, u mmarkaw żieda kumplessiva ta' 4 %. Din ix-xejra tista', sa ċertu punt, tirrifletti varjazzjonijiet bejn sena u oħra fit-taħlita tal-prodott (24).

(68)

Id-data mill-Bażi Tad-Data tal-Esportazzjonijiet Ċiniżi (25) madankollu wriet xejra ta' pprezzar differenti. Fil-fatt, għall-perjodu ta' referenza, il-prezz medju tal-esportazzjoni tat-TCCA lejn l-Unjoni f'USD naqas b' 9 %. Dan jagħti x'wieħed jifhem li ż-żieda fil-prezz kienet konsegwenza tal-fluttwazzjonijiet fil-kambju, iktar milli rifless tal-imġiba fl-ipprezzar fis-suq tal-Unjoni, kif fehmet l-ewwel l-Eurostat.

(69)

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ baqgħu taħt il-prezzijiet tal-industrija tal-unjoni tul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat, bl-eċċezzjoni tal-2015. Biex tiddetermina kemm kien hemm twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tagħha fuq il-prezzijiet ta' esportazzjoni CIF tar-RPĊ miksubin mill-Eurostat, bl-aġġustamenti xierqa 'l fuq għad-dazji doganali u kostijiet ta' wara l-importazzjoni (26). Il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat tqabblu mal-medja differenzjata tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni aġġustat għal-livell ta' kif joħroġ mill-fabbrika.

(70)

Il-paragun wera li, tul il-PIR, l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'bejn 2 % sa 4 %, mingħajr ma jitqies id-dazju antidumping fis-seħħ.

4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(71)

It-tabella segwenti turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni min pajjiżi terzi li mhumiex ir-RPĊ tul il-perjodu kkunsidrat f'termini ta' volum u sehem mis-suq:

Tabella 4

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

 

2013

2014

2015

PIR

Volum (f'tunnellati)

659

853

655

1 874

Sehem mis-suq (%)

1,6

1,9

1,5

3,9

Prezz medju (EUR/tunnellata)

1 466

1 359

1 706

1 438

Sors: Eurostat (COMEXT)

(72)

Hux f'termini ta' volum jew ta' sehem mis-suq, l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni minn pajjiżi li mhumiex ir-RPĊ kienu negliġibbli bejn l-2013 u l-2015 u żdiedu moderatament f'punt perċentwali fil-PIR. Fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijijet, ix-xejra osservata tista', sa ċertu punt, tirrefletti varjazzjonijiet minn sena għall-oħra fit-taħlita tal-prodott. Madankollu, hemm bżonn li jiġi enfasizzat li l-prezz medju tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn qatt ma kien baxx daqs il-prezzijiet Ċiniżi.

5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

5.1.   Rimarki ġenerali

(73)

B'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(74)

Għad-determinazzjoni tal-ħsara, il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-indikaturi tal-ħsara makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi peress li l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku hija kkostitwita minn żewġ produtturi biss. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi ekonomiċi abbażi tad-data relatata ma' dawn iż-żewġ produtturi, bl-eċċezzjoni tal-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti li minħabba nuqqas ta' data jikkonċernaw biss waħda minn dawn iż-żewġ kumpaniji.

(75)

L-indikaturi ekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, l-impjiegi, il-produttività, il-kost tax-xogħol, il-kobor tal-marġini ta' dumping, u l-irkupru minn dumping tal-passat, il-prezzijiet medji ta' unità, il-kost unitarju, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital. Dawn huma analizzati kif ġej.

5.2.   L-indikaturi tal-ħsara

5.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(76)

Il-produzzjoni totali, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2013

2014

2015

PIR

Volum ta' produzzjoni – Indiċi

100

113

129

132

Kapaċità ta' produzzjoni – Indiċi

100

115

120

120

L-użu tal-kapaċità – Indiċi

100

98

107

110

Sors: Data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni (2013 = 100)

(77)

Mill-2013, il-produtturi tal-Unjoni gradwalment żiedu l-volumi tal-produzzjoni u l-kapaċità installata tagħhom huma u jirreaġġixxu għad-domanda miżjuda, kif muri fit-Tabella 1 iktar 'il fuq. Mill-2015, l-industrija tal-Unjoni kienet pjuttost qed topera bil-kapaċità sħiħa. L-użu ottimali tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ġie rifless pożittivament f'kostijiet ta' manifattura iktar baxxi, u, għalhekk, fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, kif jiġi nnutat iktar 'il quddiem.

5.2.2.   Il-volum ta' bejgħ, is-sehem mis-suq

(78)

Il-volum tal-bejgħ lil konsumaturi indipendenti u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw hekk matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2013

2014

2015

PIR

Volum ta' bejgħ (Indiċi 2013 = 100)

100

90

99

95

Sehem mis-suq

40 % sa 50 %

35 % sa 45 %

35 % sa 45 %

30 % sa 40 %

Sors: Eurostat (COMEXT) data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(79)

Kollox ma' kollox, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b'5 % bejn l-2013 u l-PIR, minkejja li l-konsum żdied bi 18 % tul l-istess perjodu. B'riżultat ta' dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b'mod evidenti minn sena għal sena. Min-naħa l-oħra, tul l-istess żmien, il-produtturi esportaturi Ċiniżi rnexxielhom iżidu s-sehem mis-suq u l-volumi tal-esportazzjoni tagħhom, kif indikat fit-Tabella 2.

5.2.3.   L-impjiegi u l-produttività

(80)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej:

Tabella 7

L-impjiegi u l-produttività

 

2013

2014

2015

PIR

Numru ta' impejgati - (Indiċi 2013 = 100)

100

105

110

112

Produttività (Indiċi 2013 = 100)

100

107

117

119

Sors: Data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(81)

Il-livell ta' impjiegi tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 12 % bejn l-2013 u l-PIR. Il-produttività espressa skont il-volum tal-produzzjoni għal kull impjegat żdiedet bi 19 % tul il-perjodu kkunsidrat.

5.2.4.   Kostijiet lavorattivi

(82)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

Kost lavorattiv medju għal kull impjegat

 

2013

2014

2015

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (Indiċi 2013 = 100)

100

96

94

96

Sors: Data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(83)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat naqsu b'4 % mill-2013 sal-2014, u sussegwentement baqgħu relattivament konsistenti sal-PIR.

5.2.5.   Il-prezzijiet tal-bejgħ u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(84)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 9

Prezzijiet tal-bejgħ u l-kost tal-oġġetti mibjugħa tal-industrija tal-Unjoni

 

2013

2014

2015

PIR

Prezz medju tal-bejgħ (Indiċi 2013 = 100)

100

102

100

104

Kost tal-oġġetti mibjugħa (Indiċi 2013 = 100)

100

97

98

95

Sors: Data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(85)

Il-prezzijiet tal-bejgħ tat-TCCA fl-UE baqgħu pjuttost stabbli, bħala medja, sal-2015, u żdiedu bi ftit, b'4 %, tul il-PIR. Din iż-żieda tirrefletti, sa ċertu punt, l-effett imsemmi tat-taħlita tal-prodott (ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 24).

(86)

Minħabba ż-żieda fil-volumi tal-produzzjoni u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima, il-kost tal-unità tal-merkanzija mibjugħa niżel b'5 % tul il-perjodu kkunsidrat.

5.2.6.   L-inventarji

Tabella 10

L-inventarji

 

2013

2014

2015

PIR

Ħażniet tal-għeluq (tunnellati)

4 500

2 696

2 821

3 940

Indiċi (2013 = 100)

100

60

63

88

Sors: Data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

(87)

Il-livelli tal-ħażniet naqsu b'40 % bejn l-2013 u l-2014, u baqgħu fl-istess medda fl-2015. Il-livell ogħla ta' ħażniet fi tmiem il-PIR jirrifletti t-tnaqqis fil-bejgħ tul l-istess perjodu.

5.2.7.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiġi ġġenerat kapital

(88)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 11

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2013

2014

2015

PIR

Profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (indiċi)

– 100

– 46

– 73

13

Investimenti (Indiċi 2014 = 100)  (*1)

100

198

66

Redditu fuq l-investimenti (meded)

– 20 % sa – 10 %

– 10 % sa 0 %

– 20 % sa – 10 %

0 % sa 10 %

Sors: Data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni.

(89)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Tul il-perjodu kkunsidrat, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni tjiebet gradwalment, biex tul il-PIR saret pożittiva. Din il-profittabbiltà hija madankollu ħafna inqas mill-profitt fil-mira stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, li kien stabbilit fil-livell ta' profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni fin-nuqqas ta' dumping dannuż.

(90)

Il-perjodu mill-2013 sal-2015 kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta' profittabbiltà u redditu negattiv fuq l-investimenti. L-aħħar ċifri juru li hemm ritorn għal redditi pożittivi baxxi. Il-pressjoni konsiderevoli ta' volum imqiegħda fuq l-industrija tal-Unjoni miż-żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ tul l-2013 u r-RIP waqqfet lill-industrija tal-Unjoni milli tibbenefika għalkollox mit-tkabbir dinamiku tal-konsum tal-Unjoni. Kif indikat fil-premessa (64) aktar 'il fuq, dan it-tkabbir kien assorbit kważi għalkollox mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ.

(91)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attività tagħha. Il-fluss tal-flus nett żdied bosta drabi matul il-perjodu kkunsidrat. Iż-żieda sostanzjali fil-fluss tal-flus hija prinċipalment spjegata minn bidliet fil-kapital operatorju.

(92)

Il-livelli osservati fil-perjodu 2014 sal-PIR ma jirriflettux biss ir-rati ta' investiment standard li jkopru l-manteniment kontinwu u l-bdil ta' komponenti tal-makkinarju meħtieġ, iżda l-inċentivi biex tittejjeb il-produttività u l-proċessi tal-produzzjoni.

(93)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-assi fissi. Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, ir-redditu fuq l-investimenti relatat mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-prodott simili wkoll żviluppa pożittivament iżda xorta għadu ma wasalx fil-punt li jkun raġonevoli.

5.2.8.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru mid-dumping tal-imgħoddi

(94)

Il-marġnijiet ta' dumping instabu li kienu ferm ogħla l-livell de minimis u l-livell attwali tal-miżuri (ara l-premessi (2), (4) u (47) iktar 'il fuq). Barra minn hekk, meta jitqiesu l-kapaċità ta' riżerva u l-prezzijiet tal-importazzjoni mir-RPĊ (Ara l-premessi (50) u (66)), l-impatt tal-marġnijiet reali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni ma jistax jitqies negliġibbli.

(95)

Il-miżuri oriġinali ġew imposti f'Ottubru 2005. Kif indikat fil-premessa (89) iktar 'il fuq, fil-PIR l-industrija tal-Unjoni kellha rendiment ferm inqas mill-profitt fil-mira ta' 10 % kif determinat fl-investigazzjoni oriġinali (27). Meta nqisu s-sitwazzjoni kumplessiva tal-industrija tal-Unjoni, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fi snin riċenti, nistgħu nikkonkludu li l-industrija tal-Unjoni għadha ma rkupratx għalkollox minn dawn l-effetti, minkejja d-dazji antidumping li hemm fis-seħħ.

5.3.   Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(96)

Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, huwa konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Għadd ta' indikaturi, b'mod partikolari l-indikaturi finanzjarji, tjiebu matul il-perjodu kkunsidrat.

(97)

Madankollu, l-indikaturi msemmija ma jistgħux jitqiesu f'iżolament minn xulxin. Fil-fatt, it-telfien tas-sehem mis-suq, il-volumi ta' bejgħ li qed jonqsu u l-livelli ta' profittabbiltà, meta analizzati f'korrelazzjoni ma' kuntest pjuttost favorevoli għall-konsum, jikkonfermaw li raġonevolment seta' jkun mistenni li l-industrija tal-Unjoni jkollha prestazzjoni eqreb lejn il-marġni ta' 10 % tal-fatturat, li huwa meqjus raġonevoli għas-settur taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Barra minn hekk, ix-xejra pożittiva osservata fil-produzzjoni, fil-kapaċità u l-profittabbiltà għandha tiġi attribwita wkoll għal deċiżjonijiet li l-industrija tal-Unjoni ħadet biex tinvesti f'faċilitajiet ta' produzzjoni addizzjonali u għal użu iktar razzjonali tal-makkinarju eżistenti. Dan l-użu ottimali tal-kapaċità huwa spjegat ukoll mil-livell ta' esportazzjonijiet li qiegħed jogħla lejn swieq terzi.

(98)

Dawn l-iżviluppi, flimkien maż-żieda sinifikanti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina, iwasslu għall-konklużjoni li minkejja x-xejra pożittiva osservata għal xi fatturi tal-ħsara, kollox ma' kollox, minkejja li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx ħsara tul il-PIR, xorta tinsab f'sitwazzjoni vulnerabbli li fiha ma tkunx kapaċi tlaħħaq ma' mewġiet ġodda ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ.

E.   IL-PROBABBILTÀ LI L-ĦSARA TERĠA' SSEĦĦ

1.   Kummenti preliminari

(99)

Kif ġie konkluż fil-premessi (96) sa (98), l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx ħsara materjali tul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, iżda s-sitwazzjoni tagħha għadha prekarja.

(100)

Sabiex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara li kieku jitħassru l-miżuri kontra r-RPĊ, ġew analizzati l-elementi li ġejjin: (a) id-disponibbiltà tal-kapaċità ta' riżerva tal-produtturi esportaturi mir-RPĊ; (b) l-attrattività tas-suq tal-Unjoni u l-imġiba ta' esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq terzi oħrajn; u (c) l-impatt probabbli tal-importazzjonijiet ta' TCCA mir-RPĊ.

2.   Kapaċità żejda fir-RPĊ

(101)

Ir-RPĊ hija l-akbar produttur ta' TCCA fid-dinja u fi tmiem l-2015 kienet tirrappreżenta madwar 57 % tal-kapaċità tal-produzzjoni dinjija. L-analiżi li saret fil-premessa (50) uriet li l-kapaċitajiet ta' riżerva disponibbli fiċ-Ċina kienu stmati li jaqbżu, b'mod sinifikanti, il-konsum totali tal-Unjoni fil-PIR. F'dan ir-rigward huwa importanti li jiġi nnutat ukoll li, skont informazzjoni mit-talba għal rieżami u kif ikkonfermat ukoll mill-produtturi esportaturi Ġappuniżi li kkooperaw, is-suq tal-Unjoni huwa t-tieni l-akbar fid-dinja wara l-Istati Uniti.

(102)

Fid-dawl ta' dawn l-elementi, hemm probabbiltà qawwija li, li kieku l-miżuri jitneħħew, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jiggwidaw il-produzzjoni tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni.

3.   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-imġiba tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fi swieq terzi oħrajn

(103)

L-attraenza tas-suq tal-Unjoni hija riflessa fil-fatt li minkejja l-miżuri antidumping fis-seħħ, il-volumi ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni komplew jespandu rapidament tul il-perjodu kkunsidrat. Ir-RPĊ esportat 28 000 tunnellata TCCA lejn l-Unjoni fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, minn 17 000 tunnellata fl-2013.

(104)

Il-Kummissjoni ddeterminat ukoll li tul il-PIR, madwar 23 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi kienu destinati għas-suq tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, l-evidenza li nġabret wasslet biex jiġi stabbilit li madwar 47 % tal-volum tal-bejgħ f'esportazzjonijiet Ċiniżi għall-bqija tad-dinja kien mibjugħ bi prezzijiet medji li kienu inqas mill-prezz ta' esportazzjoni medju lejn is-suq tal-Unjoni. Il-volum tal-esportazzjoni jikkorrespondi għal volum li jiġi madwar id-daqs tal-konsum totali tal-Unjoni.

(105)

Fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, kif imsemmi fil-premessa (53), il-volumi tal-esportazzjonjiet li jsiru minn esportaturi Ċiniżi mingħajr TES huma saħansitra iktar probabbli li jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni, ladarba fil-każ tagħhom, it-tneħħija tad-dazji relattivament għoljin huwa inċentiv iktar b'saħħtu.

(106)

Għar-raġunijiet imsemmija, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq tal-Unjoni huwa suq attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, kemm f'termini ta' prezzijiet kif ukoll f'termini ta' daqs.

4.   Impatt tad-dumping Ċiniż fuq l-industrija tal-Unjoni

(107)

Hi u tivvaluta l-impatt probabbli tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni għamlet simulazzjoni biex tivvaluta l-impatt li l-volumi Ċiniżi aktarx ikollhom fuq l-industrija tal-Unjoni. Jekk wieħed jassumi tnaqqis pjuttost moderat fil-volum tal-bejgħ u l-produzzjoni ta' 5 000 tunnellata b'riżultat ta' żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi ta' TCCA, il-kost ta' produzzjoni tal-unità jiżdied b'7,1 %, li jiddeterjora s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni u jwassalhom biex jagħmlu t-telf.

(108)

Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li aktar importazzjonijiet Ċiniżi jżidu wkoll il-pressjoni tal-prezz fis-suq tal-Unjoni. Kif imsemmi fil-premessa (70), il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni diġà jwaqqgħu l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni bi 2 % sa 4 %. Fil-każ probabbli li l-importazzjonijiet addizzjonali diġà msemmija jidħlu bl-istess prezz, l-impatt negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni jkompli jiggrava.

(109)

Il-profittabbiltà, minkejja li qed tiżviluppa b'mod pożittiv, għadha wisq baxxa biex tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul. Barra minn hekk, ir-redditi msemmija seħħew f'kuntest ta' volumi ta' produzzjoni li qed jiżdiedu li ma ġewx riflessi f'termini ta' sehem mis-suq. Għalhekk, seta' jiġi mistenni li l-industrija tal-Unjoni tkompli tammortizza l-kostijiet fissi tagħha bis-saħħa tal-volumi akbar prodotti.

(110)

Huwa importanti li jiġi nnutat li ma kienx hemm importazzjonijiet lejn l-UE minn pajjiżi oħrajn f'volumi suffiċjenti biex dawn jitqiesu fattur relevanti għas-sitwazzjoni attwali tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara

(111)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, u fin-nuqqas ta' kummenti, il-Kummissjoni sabet li r-revoka tal-miżuri tirriżulta f'rikorrenza tal-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   Kummenti preliminari

(112)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri eżistenti kontra r-RPĊ tmurx kontra l-interess tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-bosta interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(113)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ppreżentati fil-premessi (96) sa (98) iktar 'il fuq, u konformement mal-argumenti li jirfdu l-probabbiltà tar-rikorrenza tal-ħsara kif iddeterminat fil-premessa (111), il-Kummissjoni sabet li l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ twassal għad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika prekarja tal-industrija tat-TCCA tal-Unjoni, li batiet biex tlaħħaq mal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ u li s-sitwazzjoni tagħha hija 'l bogħod minn ekwa meta mqabbla mal-produtturi esportaturi mir-RPĊ.

(114)

Għaldaqstant, it-tkomplija tal-miżuri tibbenefika lill-industrija tal-Unjoni, li fda'n il-każ tkun tista' tirkupra aktar mill-effett tad-dumping kontinwu. Kuntrarjament, il-waqfien tal-miżuri jġib fi tmiem l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni u b'hekk jhedded serjament il-vijabilità tagħha, u, minħabba f'hekk, ipoġġi l-eżistenza tagħha fil-periklu, biex b'hekk tonqos il-provvista u l-kompetizzjoni fis-suq.

3.   L-interess tal-importaturi

(115)

Erbatax-il importatur/distributur, 11-il Federazzjoni Nazzjonali Ewropea u żewġ assoċjazzjonijiet Ewropej ġew ikkuntattjati fl-istadju tal-bidu. Importatur wieħed fi Spanja wieġeb il-kwestjonarju.

(116)

Dan il-kummerċant xtara kwantitajiet kbar ta' TCCA mir-RPĊ (6 % tal-importazzjonijiet totali) tul il-PIR. Dan xtara wkoll kwantitajiet limitati ta' TCCA mingħand fornituri fl-Unjoni. In-negozju tat-TCCA huwa parti minn diviżjoni tan-negozju akbar, li fl-2015 kienet tikkostitwixxi 35 % tal-fatturat totali tal-kumpanija. Il-kumpanija rrapportat profitt għall-prodott taħt rieżami fil-PIR iżda eventwalment ma pprovdietx biżżejjed spjegazzjonijiet dwar kif iddeterminat dan il-profitt. Il-kumpanija topponi li l-miżuri jitkomplew iżda ma ppreżentatx argumenti konvinċenti biex issostni din il-fehma.

(117)

Kif stipulat fil-premessa (57), waqt l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqisx lil Inquide S.A.U, wieħed mill-applikanti, bħala parti mill-industrija tal-Unjoni, minħabba li dan il-produttur kien hu stess importatur nett tal-prodott allegatament oġġett ta' dumping. Wara li ġiet innotifikata, Inquide S.A.U. ma oġġezzjonatx għal din id-deċiżjoni. Madankollu, Inquide S.A.U. saħqet li, tkun xi tkun id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-appoġġ tagħha għall-issoktar tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ baqa' ma nbidilx.

(118)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni oħra, l-investigazzjoni ma wrietx li t-tkomplija tal-miżuri se jkollha xi impatt negattiv sinifikanti fuq dan l-importatur, jew l-importaturi inġenerali.

(119)

Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u fin-nuqqas ta' xi informazzjoni jew evidenza li tindika l-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri ma għandha l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi fl-Unjoni.

4.   L-interess tal-utenti

(120)

Intbagħtu kwestjonarji lil 39 utent identifikat fil-fażi ta' bidu. L-ebda utent ma wieġeb. Ladarba ma kienx hemm tweġibiet, ma setgħux jinsiltu konklużjonjiet dwar l-interess tal-utenti. Fin-nuqqas, l-appoġġ mill-utenti għal dawn il-miżuri, kif stipulat fil-premessa 91 tar-Regolament dwar l-ewwel rieżami tal-iskadenza, jiġifieri li t-tkomplija tal-miżuri ma jkollhiex impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni u li din tagħti lill-industrija tal-utenti b'firxa usa' ta' fornituri li jikkompetu fi prezzijiet tas-suq, tista' għaldaqstant titqies li għadha relevanti.

5.   Konklużjoni dwar l-interessi tal-Unjoni

(121)

Wara li qieset dawn il-fatturi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma hemmx raġunijiet konvinċenti biex il-miżuri fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ ma jinżammux.

G.   DIVULGAZZJONI

(122)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li żżomm il-miżuri eżistenti kontra r-RPĊ. Ingħataw ukoll perjodu biex jissottomettu kummenti wara din id-divulgazzjoni. L-ebda parti interessata ma ppreżentat kummenti għad-divulgazzjoni.

H.   MIŻURI ANTIDUMPING

(123)

Minn dan isegwi li, kif previst fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw fir-RPĊ imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011, jenħtieġ li jinżammu.

(124)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku ma tax l-opinjoni tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv antidumping huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala “simklosene” skont id-denominazzjoni internazzjonali komuni (INN), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċjiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020), u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti mmanifatturati mill-kumpaniji mniżżla hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Rata ta' dazju antidumping

Kodiċi addizzjonali TARIC

Hebei Jiheng Chemical Co. Limited

8,1 %

A604

Puyang Cleanway Chemicals Limited

7,3 %

A628

Heze Huayi Chemical Co. Limited

3,2 %

A629

Zhucheng Taisheng Chemical Co. Limited

40,5 %

A627

Liaocheng City Zhonglian Industry Co. Ltd.

32,8 %

A998

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

42,6 %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta' dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, għandha tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1631/2005 tat-3 ta' Ottubru 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu trichloroisocyanuric li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 855/2010 tas-27 ta' Settembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1631/2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' aċidu trichloroisocyanuric li joriġina, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 254, 29.9.2010, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 tad-19 ta' Diċembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 346, 30.12.2011, p. 6).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 569/2014 tat-23 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 80).

(6)  Liaocheng City Zhonglian Industry Co. Ltd.

(7)  Juancheng Kangtai Chemical Co. Ltd.

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/392 tad-9 ta' Marzu 2015 li jtemm reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jerġa' jimponi d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-esportatur u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet (ĠU L 65, 10.3.2015, p. 18).

(9)  Avviż tal-iskadenza imminenti ta' ċerti miżuri antidumping (ĠU C 117, 2.4.2016, p. 9).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Dan ir-Regolament tħassar u ġie sostitwit mir-Regolament bażiku.

(11)  Notifika ta' tnedija ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-aċidu trikloroisoċjanuriku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 476, 20.12.2016, p. 6).

(12)  It-tielet produttur magħruf tal-Unjoni ta biss risposta parzjali għall-kwestjonarju.

(13)  Wara l-bidu l-Kummissjoni eskludiet wieħed mill-produtturi mid-definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni (ara t-taqsima D.1, definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni).

(14)  Stmat li huwa mill-inqas 10 000 tunnellata fis-sena.

(15)  Iż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw infurmaw lill-Kummissjoni li kien hemm produttur ieħor Ġappuniż (jiġifieri t-tielet) tat-TCCA, Nankai Chemical Co. Ltd.

(16)  Skont il-produtturi Ġappuniżi li kkooperaw, ir-RPĊ biss qed tbigħ it-TCCA fis-suq Ġappuniż. Skont il-Bażi ta' Data ta' Esportazzjoni Ċiniża, ir-RPĊ biegħet madwar 1 500 tunnellata TCCA lill-Ġappun tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(17)  Skont it-talba għal rieżami, id-dazju doganali regolari huwa ta' 4,6 % għall-kodiċi HS 2933 69 u 4,9 % għall-kodiċi HS 3808 94.

(18)  Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011, fil-premessa 35 (ĠU L 346, 30.12.2011, p. 6).

(19)  

Sors: CEFIC (Kunsill Ewropew għall-Industrija Kimika) u l-informazzjoni dwar is-suq tal-applikanti, p. 38 tat-talba għal eżami.

(20)  Il-Bażi tad-Data tal-Esportazzjonijiet Ċiniżi.

(21)  Talba għal rieżami, paġna 33.

(22)  Il-livelli tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi medji varjaw ħafna, skont il-pajjiż ta' destinazzjoni. L-ogħla livelli ta' prezzijiet instabu għal destinazzjonijiet bħall-Istati Uniti, il-Brażil, l-Arġentina, u l-Afrika t'Isfel (f'ordni dekrexxenti tal-kwantità ta' bejgħ). Id-destinazzjonijiet b'livelli ta' prezzijiet inqas mill-prezz ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni kienu jinkludu, f'ordni dekrexxenti, il-Messiku, l-Indoneżja, it-Tajlandja, l-Indja u l-Vjetnam. Il-bażi tad-data tal-esportazzjoni Ċiniża għandha kodiċi NM wieħed għat-TCCA, li jfisser li ma hemmx informazzjoni dwar it-taħlita eżatta tal-prodott (pilloli vs laqx/trab). Madankollu, ladarba, skont l-Eurostat, il-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni kienet tikkonsisti fi bċejjeċ żgħar, jiġifieri l-irħas verżjoni tal-prodott ikkonċernat, u ladarba kull forma tat-TCCA hija meqjusa bħala l-prodott ikkonċernat għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni ta' rieżami, l-eżitu tal-paragun tal-prezzijiet ma għandux jiġi affettwat.

(23)  Ercros S.A., Inquide S.A.U. u 3VSIGMA

(24)  Il-prodott ikkonċernat huwa mmanifatturat f'forom differenti, li jaqgħu taħt żewġ kategoriji ewlenin: prodotti f'forma ta' żibeġ u ta' trab minn naħa, u pilloli min-naħa l-oħra. Il-prezzijiet għall-pilloli huma ogħla mill-prezzijiet tal-prodotti f'għamla ta' żibeġ u/jew trab. Dan ifisser li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jvarjaw skont il-varjazzjoni fil-kompożizzjoni tat-taħlita tal-prodott. Fi kliem ieħor, taħlita tal-prodott li fiha proporzjon ogħla ta' pilloli tkun iktar għalja minn taħlita ta' prodott li apparagun fiha prodotti aktar f'għamla ta' żibeġ u ta' trab.

(25)  Il-Bażi Tad-Data tal-Esportazzjonijiet Ċiniżi tagħti l-prezzijiet f'livelli FOB. Dawn ġew aġġustati 'l fuq mill-kostijiet medji tat-trasportazzjoni lejn l-Unjoni, kif ukoll il-kostijiet ta' wara l-importazzjoni biex tinkiseb l-istima tal-prezz tal-prodott li jkun wasal fl-Unjoni. Ara l-premessa (41) iktar 'il fuq għal stima tiegħu.

(26)  Il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi CIF ġew aġġustati b'6 % sa 8 %

(*1)  Ma sar l-ebda investiment fl-2013.

(27)  Ir-Regolament (KE) Nru 1631/2005.


ANNESS

Fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3) għandha tidher dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li tkun qiegħda toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej:

1.

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li ħarġet il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) ta' aċidu triklorojsoċjanuriku mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u sede rreġistrata) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.

Isem u firma.”


Top