Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1645

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1645 tas-7 ta' Settembru 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2016/5805

    ĠU L 245, 14.9.2016, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1645/oj

    14.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 245/3


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1645

    tas-7 ta' Settembru 2016

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jenħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), għar-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati b'dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Settembru 2016.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Prodott fil-forma ta' frammenti jew laqx iebsin (bi ħxuna ta' madwar 2 mm), irregolari, ċatti u kannella mmanifatturati minn (% skont il-piż):

    raża tal-arznu (magħrufa wkoll bħala rożin taż-żejt tat-tall jew rożin)

    madwar 58-69,

    anidride tal-aċidu malejku

    madwar 1-4,

    diversi fenoli

    madwar 11-24,

    formaldeid

    madwar 5,5-9,

    pentaeritritol

    madwar 7-12.

    Il-prodott jirriżulta minn proċess b'bosta stadji li jibda bit-trasformazzjoni tar-rożin u tal-anidride malejka f'addott tar-rożin. Wara li jiżdiedu l-ossidu tal-manjeżju (bħala katalist għar-reazzjonijiet sussegwenti), il-fenoli u l-formaldeid tifforma raża polimerizzata. Fl-aħħar nett, il-gruppi aċidi ħielsa tar-raża jiġu esterifikati wara li jiżdied il-pentaeritritol.

    Il-prodott inkwistjoni jintuża bħala sustanza li twaħħal fl-industrija tal-istampar.

    3909 40 00

    Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bir-regoli ġenerali 1,3(a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (NM) u l-kliem tal-kodiċijiet NM 3909 u 3909 40 00 .

    Il-klassifikazzjoni skont l-intestatura 3506 bħala sustanzi li jwaħħlu bbażati fuq polimeri ta' titli 3901 sa 3913 hija eskluża bl-applikazzjoni tar-regola ġenerali 3(a) billi l-prodott huwa deskritt b'mod aktar speċifiku fl-intestatura 3909 .

    Fil-manifattura ta' derivattiv tar-rożin, l-addott tar-rożin jiġi esterifikat bl-etilen glikol, bil-gliċerol jew b'alkoħol polidriku ieħor (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 3806 (D)(I)(7)). Madankollu, fil-każ tal-prodott inkwistjoni, qabel l-esterifikazzjoni b'alkoħol polidriku (f'dan il-każ il-pentaeritritol), isseħħ reazzjoni ta' polimerizzazzjoni bil-fenol u bil-formaldeid. Għalhekk, il-klassifikazzjoni skont l-intestatura 3806 bħala derivattiv tar-rożin hija eskluża.

    Il-molekuli tal-prodott intermedjarju polimerizzat għandhom piż molekulari ta' madwar 5 000 –30 000  g/mol. Sussegwentament, il-gruppi aċidi ħielsa huma esterifikati biż-żieda tal-pentaeritritol u wara sseħħ retikolazzjoni b'żieda fil-massa molekulari sa madwar 100 000  g/mol. Konsegwentement, il-prodott miksub huwa polimeru tal-Kapitolu 39, li huwa differenti mill-addotti u mid-derivattivi tar-rożin tal-intestatura 3806 minħabba l-piż molekulari għoli tiegħu.

    Għaldaqstant, il-prodott irid jiġi kklassifikat skont il-kodiċi NM 3909 40 00 bħala rażi fenoliċi.


    Top