EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1393

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1393 tal-4 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta' pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

C/2016/2658

ĠU L 225, 19.8.2016, p. 41–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R1172

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1393/oj

19.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/41


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1393

tal-4 ta' Mejju 2016

li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta' pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1) u, b'mod partikolari, l-Artikoli 63(4), 64(6) u 72(5), l-Artikolu 76, l-Artikoli 77(7), 93(4) u 101(1), u l-Artikolu 120 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (2), is-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-pagament trid tiżgura t-traċċabbiltà effettiva tad-drittijiet għall-pagament fir-rigward ta' ċerti elementi, fost l-oħrajn, id-data tal-aħħar attivazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar ir-riforniment tar-riżerva nazzjonali jew tar-riżerva reġjonali fil-qafas tal-iskema ta' pagament bażiku ma għadhomx jeħtieġu dan it-tagħrif speċifiku diment li jkun jista' jiġi stabbilit l-għadd totali ta' drittijiet għall-pagament għal kull bidwi.

(2)

L-Artikolu 9 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jistabbilixxi regoli dwar id-determinazzjoni ta' erjas li fihom l-ħbula art agrikoli jkun fihom karatteristiċi ta' pajsaġġ u siġar. Huwa xieraq li tiġi ċċarata l-formulazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni billi ssir referenza għall-ettari eliġibbli.

(3)

L-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (4) jistipula li r-riżultati tal-verifiki preliminari jridu jiġu nnotifikati lill-benefiċjarju mill-awtorità kompetenti fi żmien 26 jum kalendarju wara d-data finali tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talba għall-pagament imsemmija fl-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament. L-Artikolu 12 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jipprevedi derogi mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (5) għad-dati finali ta' preżentazzjoni. Għal raġunijiet ta' konsistenza, huwa xieraq li tiddaħħal l-istess deroga għall-aħħar data possibbli għan-notifika tar-riżultati ta' dawk il-verifiki preliminari u għall-aħħar data possibbli biex il-benefiċjarju jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-modifiki li jkunu saru wara dawk il-verifiki preliminari. Għandu jiġi ċċarat ukoll li, fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta' 26 jum kalendarju għan-notifika tar-riżultati ta' dawk il-verifiki preliminari jiskadi jum wara l-aħħar data possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard ta' applikazzjoni għall-għajnuna jew ta' talba għall-pagament jew ta' applikazzjoni marbuta ma' drittijiet għall-pagament.

(4)

Għall-pagament ridistributtiv, il-pagament lill-bdiewa żgħażagħ u l-pagament għal erjas b'restrizzjonijiet naturali, l-Artikolu 18 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jistabbilixxi l-prinċipju li bidwi ma għandux ikun soġġett għal penali għal dikjarazzjonijiet eċċessivi meta ma jkun hemm l-ebda vantaġġ possibbli x'jinkiseb minħabba limitu massimu fir-rigward ta' ettari li bis-saħħa tagħhom jaf ikun jista' jingħata l-pagament. Fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (6) kienet teżisti dispożizzjoni simili għal primjums għall-bhejjem u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 (7) kienet teżisti waħda għall-miżuri marbuta mal-erja agrikola. Sabiex jiġi żgurat it-trattament kontinwu u ġust tal-bdiewa u għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, huwa xieraq li tiddaħħal regola bħal din fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 għall-kalkolu tal-bażi għall-pagament għall-iskemi kollha ta' għajnuna marbuta mal-erja u mal-annimali u għall-miżuri kollha tal-iżvilupp rurali marbuta mal-erja u mal-annimali, meta dan jkun rilevanti.

(5)

Fis-sistema integrata ta' amministrazzjoni u ta' kontroll, il-kalkolu tal-għajnuna li l-benefiċjarju jkun intitolat għaliha huwa bbażat fuq il-kunċett ta' grupp ta' għelejjel. Skont il-pagament ridistributtiv previst fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jaqsmux l-għadd ta' ettari fi gradi biex jitħallsu b'mod differenti. L-introduzzjoni ta' grupp speċifiku ta' għelejjel għall-pagament ridistributtiv kieku tikkontribwixxi biex tissimplifika l-applikazzjoni tal-benefiċjarju f'każ li fih il-pagament ridistributtiv ikun imqassam fi gradi, peress li l-benefiċjarju ma jkollux għalfejn jindika liema ħabel art agrikola jkun jappartjeni għal liema parti tal-għadd ta' ettari fi gradi. Għal raġunijiet ta' konsistenza, huwa xieraq li tiddaħħal l-istess dispożizzjoni għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ u għall-miżuri ta' appoġġ akkoppjat volontarju.

(6)

Għall-iskemi ta' għajnuna jew għall-miżuri ta' appoġġ marbuta mal-erja għajr l-iskema ta' pagament bażiku jew l-iskema ta' pagament uniku skont l-erja, l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jagħmel distinzjoni bejn il-gruppi ta' għelejjel bħala grupp għal kull waħda mill-erjas iddikjarati li għalihom tkun applikabbli rata differenti ta' għajnuna jew ta' appoġġ. Fir-rigward ta' pagamenti għal erjas b'restrizzjonijiet naturali jew b'restrizzjonijiet speċifiċi oħra, l-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jeżiġi li l-Istati Membri, għajr f'xi każijiet speċifiċi, jistipulaw id-digressività tal-pagamenti 'l fuq minn livell limitu ta' erja għal kull azjenda, u dan irid jiġi ddefinit fil-programm. Fir-rigward ta' dak il-pagament, għandu jiġi ċċarat li meta jintużaw ammonti digressivi ta' għajnuna, trid titqies il-medja ta' dawk l-ammonti b'rabta mal-erjas rispettivi ddikjarati, kif previst preċedentement fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011.

(7)

Filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u ta' kontroll u għal raġunijiet ta' simplifikazzjoni, huwa xieraq li jiġu adattati l-penali amministrattivi fir-rigward tal-iskemi ta' għajnuna jew tal-miżuri ta' appoġġ meta jkunu jistgħu jitwettqu kontroverifiki amministrattivi effettivi bis-sistema ta' identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli u meta l-irkupru retroattiv ikun possibbli, jiġifieri l-iskemi ta' għajnuna marbuta mal-erja previsti fil-Kapitoli 1, 2, 4 u 5 tat-Titolu III u fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-miżuri ta' appoġġ marbuta mal-erja msemmija fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Dan għandu jqis il-prinċipji tad-dissważività u tal-proporzjonalità sabiex tiġi rrispettata l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-politika agrikola komuni.

(8)

Għal dawk l-iskemi ta' għajnuna jew il-miżuri ta' appoġġ huwa xieraq li tiddaħħal sistema ta' penali mnaqqsa għal min iwettaq ksur għall-ewwel darba fir-rigward ta' dikjarazzjonijiet eċċessivi żgħar. Skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-sistema u sabiex jiġu stimulati dikjarazzjonijiet korretti fil-futur, l-ammont imnaqqas tal-penali amministrattiva għandu jitħallas meta penali amministrattiva oħra għall-iskema ta' għajnuna jew għall-miżura ta' appoġġ ikkonċernati marbuta mal-erja marbuta mal-erja tiġi imposta fuq il-benefiċjarju fis-sena tat-talba ta' wara.

(9)

L-Artikolu 24 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jipprevedi tnaqqis tal-pagament ta' titjib ekoloġiku f'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel. F'ġieħ iċ-ċarezza, għandha tiġi inkluża dispożizzjoni speċifika sabiex jiġu koperti l-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(10)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-benefiċjarju jrid jintrabat, meta dan ikun applikabbli, li jżomm l-annimali fl-azjenda tiegħu matul perjodu stabbilit mill-Istat Membru u jrid jindika l-post jew il-postijiet li fihom l-annimali jkunu se jinżammu matul dak il-perjodu fl-applikazzjoni għall-għajnuna għall-bhejjem jew fit-talbiet għall-pagamenti fil-qafas tal-miżuri ta' appoġġ marbuta mal-annimali. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom l-annimali li matul dak il-perjodu jkunu ġew imċaqilqa lejn post ieħor li ma jkunx wieħed minn dawk innotifikati, ikunu jistgħu jitqiesu skont kif ikun ġie stabbilit, diment li jkunu jistgħu jinstabu minnufih fl-azjenda waqt il-verifiki fuq il-post.

(11)

L-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (9) jistipula li l-Istati Membri jridu jiddefinixxu r-rekwiżit tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat bħala kundizzjoni ta' eliġibbiltà, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). L-għan li ssir referenza għal dak ir-Regolament bħala kundizzjoni sistematika ta' eliġibbiltà huwa li tiġi żgurata identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-annimali eliġibbli għall-għajnuna jew għall-appoġġ. F'dan ir-rigward, fl-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 għandu jiġi ċċarat li l-entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-annimali u/jew fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini ta' elementi bħal pereżempju s-sess, ir-razza, il-kulur jew id-data għandhom jitqiesu bħala nuqqas ta' konformità wara l-ewwel sejba jekk it-tagħrif ikun essenzjali għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-annimali fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna jew tal-miżura ta' appoġġ ikkonċernati. Inkella, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f'minn tal-inqas żewġ verifiki f'perjodu ta' 24 xahar.

(12)

Il-penali amministrattivi li jridu jiġu applikati għall-miżuri ta' appoġġ marbuta mal-annimali huma stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 u huma mfassla sabiex jiġu applikati fil-livell tal-miżura. Dak l-Artikolu ma jqisx il-fatt li l-operazzjonijiet fil-qafas ta' miżura jistgħu jikkonċernaw razez u speċijiet differenti ta' annimali, li jaf ikunu soġġetti għal rati differenti ta' appoġġ u ta' kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà fil-programmi tal-iżvilupp rurali. Għalhekk, huwa xieraq li ssir referenza għat-tip ta' operazzjoni f'dak l-Artikolu.

(13)

Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jirreferi għal livell limitu ta' tliet annimali li jinstabu b'nuqqas ta' konformità. Fil-każ ta' speċijiet b'ċiklu qasir ta' produzzjoni, b'rata għolja ta' sostituzzjoni tal-annimali, dak il-livell limitu jaf ma jwassalx għal livell ekwivalenti ta' penali daqs speċijiet bħall-bovini, l-ovini u l-kaprini. Għalhekk, fir-rigward ta' dawk l-ispeċijiet b'ċiklu qasir ta' produzzjoni, l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu għadd aġġustat ta' annimali li sostanzjalment ikun ekwivalenti għal-livell limitu ta' tliet annimali.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li d-dejta li tintuża għall-fini tas-sistema mingħajr talbiet kif imsemmi fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 tkun affidabbli, l-annimali li jkunu potenzjalment eliġibbli għandhom ikunu soġġetti għal verifiki fuq il-post. Il-penali amministrattivi stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 japplikaw f'każ li jinstab xi nuqqas ta' konformità. Mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta' eliġibbiltà, annimali bħal dawn li jkunu potenzjalment eliġibbli xorta waħda se jibqgħu jitqiesu li jkunu eliġibbli għal pagament diment li n-nuqqas ta' konformità fir-rigward tar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni jiġu rrimedjati mhux iktar tard mill-ewwel jum tal-perjodu taż-żamma jew mhux iktar tard mid-data magħżula mill-Istat Membru, f'konformità mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014. Għalhekk, fl-Artikolu 31(3) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 għandu jiġi speċifikat li l-annimali li jkunu potenzjalment eliġibbli u li jinstabu li ma jkunux identifikati jew irreġistrati kif suppost, jgħoddu bħala annimali li jkunu nstabu b'nuqqas ta' konformità, ikun x'ikun l-istatus tagħhom fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014.

(15)

Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati fil-qafas tal-iskemi ta' għajnuna jew tal-miżuri ta' appoġġ għall-annimali. Dik il-metodoloġija hija bbażata fuq l-għadd ta' annimali individwali li jkunu nstabu b'nuqqasijiet ta' konformità, ikun x'ikun l-għadd ta' jiem li fihom dawk l-annimali kienu preżenti fl-azjenda. Xi Stati Membri stabbilew sistema li fiha l-kalkolu tal-għajnuna jew tal-appoġġ ma jkunx ibbażat biss fuq l-għadd ta' annimali individwali li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà, iżda wkoll fuq l-għadd ta' jiem li fihom l-annimali kienu preżenti fl-azjenda u b'hekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà. F'ġieħ il-proporzjonalità, dawk l-Istati Membri għandhom jadattaw il-metodoloġija tagħhom għall-kalkolu tal-penali amministrattivi skont dan.

(16)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (11), l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini li jkun fiha reġistru ċentrali jew bażi tad-dejta kompjuterizzata. Għalhekk, huwa xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jiġi estiż għal dawk l-ispeċijiet ta' annimali.

(17)

F'ġieħ iċ-ċarezza, huwa xieraq li fl-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jiġi ċċarat li l-applikazzjoni kontinwa tar-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 u l-applikazzjoni differita tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 tikkonċerna wkoll l-applikazzjonijiet għall-appoġġ. Huwa wkoll xieraq li jiġi ċċarat li l-applikazzjoni kontinwa tar-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 tikkonċerna t-talbiet għall-pagamenti marbuta mal-2014 u mas-snin ta' qabel.

(18)

Barra minn hekk, huwa xieraq li fl-Artikolu 43 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 jiġi speċifikat li fir-rigward tat-talbiet għall-pagamenti tan-nefqa marbuta mal-assistenza teknika kif imsemmi fl-Artikolu 66(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (12) li jkunu saru b'rabta mal-2015, ikomplu japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011.

(19)

Fl-aħħar nett, għal raġunijiet ta' ċarezza, huwa xieraq li r-referenzi għal bażi ġuridika fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jiġu sostitwiti b'referenza għall-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (13).

(20)

Għalhekk, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(21)

L-emendi li jiċċaraw l-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014, f'ġieħ il-kontinwità, għandhom japplikaw b'rabta mas-snin tat-talba jew mal-perjodi tal-primjum mill-istess data kif previst fir-Regolament (UE) Nru 640/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 640/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) jitħassar;

(b)

jiżdied it-tieni sottoparagrafu li ġej:

“Dak ir-reġistru elettroniku għandu jkun fih it-tagħrif kollu meħtieġ biex jitwettaq ir-riforniment tar-riżerva nazzjonali jew tar-riżerva reġjonali skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.”

(2)

fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 9(3), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

l-għadd ta' siġar għal kull ettaru eliġibbli ma jaqbiżx densità massima.”

(3)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Deroga għall-aħħar data għall-preżentazzjoni u għan-notifika

B'deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (*), meta waħda mid-dati li ġejjin tkun btala pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd, din titqies li tkun l-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss:

(a)

l-aħħar data għall-preżentazzjoni ta' applikazzjoni għall-għajnuna, ta' applikazzjoni għall-appoġġ, ta' talba għall-pagament jew ta' dikjarazzjonijiet oħra jew ta' kwalunkwe dokument ta' prova jew ta' kuntratt, jew l-aħħar data għall-emendi tal-applikazzjoni unika jew tat-talba għall-pagament;

(b)

l-aħħar data possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard imsemmija fit-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-aħħar data possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard imsemmija fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 14 għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-benefiċjarji għall-allokazzjoni jew għaż-żieda tad-drittijiet għall-pagament;

(c)

l-aħħar data possibbli għan-notifika tar-riżultati tal-verifiki preliminari lill-benefiċjarju msemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (**).

(d)

l-aħħar data possibbli għall-benefiċjarju biex jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-modifiki li jkunu saru wara l-verifiki preliminari msemmija fl-Artikolu 15(2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

Madankollu, meta l-aħħar dati possibbli għall-preżentazzjoni li ssir tard imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu diġà jitqiesu li jaħbtu fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss, l-aħħar data possibbli għan-notifika msemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu għandhom jitqiesu li jaħbtu fit-tieni jum tax-xogħol li jkun imiss.

(*)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1)."

(**)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).”"

(4)

jiddaħħal l-Artikolu 15a li ġej:

“Artikolu 15a

Limitu jew livell massimu individwali

Meta limitu individwali jew livell massimu individwali jkunu applikabbli fil-qafas ta' skema ta' għajnuna jew ta' miżura ta' appoġġ u l-erja jew l-għadd ta' annimali ddikjarati mill-benefiċjarju jkunu jaqbżu l-limitu individwali jew il-livell massimu individwali, l-erja ddikjarata jew l-għadd ta' annimali ddikjarati li jkunu jikkorrispondu magħhom għandhom jiġu aġġustati għal-limitu jew għal-livell massimu stabbilit għall-benefiċjarju kkonċernat.”

(5)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet ta' din it-Taqsima, għandha ssir distinzjoni tal-gruppi ta' għelejjel li ġejjin kif xieraq:

(a)

erjas iddikjarati għall-fini ta' attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-qafas tal-iskema ta' pagament bażiku jew għall-fini li jingħata l-pagament uniku skont l-erja;

(b)

erjas li jagħtu dritt għall-pagament ridistributtiv;

(c)

erjas li jagħtu dritt għal pagament fil-qafas tal-iskema tal-bdiewa żgħażagħ;

(d)

erjas iddikjarati għal kull miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju;

(e)

grupp ta' kull waħda mill-erjas iddikjarati għall-fini ta' kwalunkwe skema oħra ta' għajnuna jew ta' kwalunkwe miżura oħra ta' appoġġ marbuta mal-erja, li għalih tkun applikabbli rata differenti ta' għajnuna jew ta' appoġġ;

(f)

erjas iddikjarati fl-intestatura “użi oħra”.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel sottoparagrafu, fir-rigward tal-pagamenti għal erjas b'restrizzjonijiet naturali jew b'restrizzjonijiet speċifiċi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, meta jintużaw ammonti digressivi ta' għajnuna, għandha titqies il-medja ta' dawk l-ammonti b'rabta mal-erjas rispettivi ddikjarati.”

(6)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1 u 2 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (***), il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

(***)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).”"

(7)

jiddaħħal l-Artikolu 19 a li ġej:

“Artikolu 19a

Penali amministrattivi f'każijiet ta' dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas għall-iskema ta' pagament bażiku, għall-iskema ta' pagament uniku skont l-erja, għall-pagament ridistributtiv, għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, għall-pagament għal erjas b'restrizzjonijiet naturali, għall-iskema tal-bdiewa żgħar, għall-pagamenti ta' Natura 2000 u tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u għall-pagamenti għal erjas b'restrizzjonijiet naturali jew b'restrizzjonijiet speċifiċi oħra

1.   Jekk, fir-rigward ta' grupp ta' għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-iskemi ta' għajnuna previsti fil-Kapitoli 1, 2, 4 u 5 tat-Titolu III u fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-miżuri ta' appoġġ imsemmija fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa b'darba u nofs (1,5) tad-differenza li tinstab jekk dik id-differenza tkun iżjed minn 3 % tal-erja stabbilita jew iżjed minn żewġ (2) ettari.

Il-penali amministrattiva ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-ammonti bbażati fuq l-erja ddikjarata.

2.   Meta ma tkun ġiet imposta l-ebda penali amministrattiva fuq il-benefiċjarju skont il-paragrafu 1 għal dikjarazzjoni eċċessiva tal-erjas għall-iskema ta' għajnuna jew għall-miżura ta' appoġġ ikkonċernati, il-penali amministrattiva msemmija f'dak il-paragrafu għandha titnaqqas bi 50 % jekk id-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita ma taqbiżx l-10 % tal-erja stabbilita.

3.   Meta benefiċjarju titnaqqaslu l-penali amministrattiva tiegħu skont il-paragrafu 2 u trid tiġi imposta penali amministrattiva oħra fuq dak il-benefiċjarju għall-iskema ta' għajnuna jew għall-miżura ta' appoġġ ikkonċernati fir-rigward tas-sena tat-talba li jkun imiss, kif imsemmi f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 21, huwa għandu jħallas il-penali amministrattiva sħiħa fir-rigward ta' dik is-sena tat-talba li jkun imiss u għandu jħallas l-ammont tal-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 li jkun ġie mnaqqas skont il-paragrafu 2.

4.   Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.”

(8)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Jekk l-ammont tal-pagamenti mhux dovuti u tal-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.”

(9)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Meta l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeżiġi li l-għalla ewlenija (il-wiċċ tar-raba' ewlieni) fuq il-kumplament tar-raba' li jinħarat ma għandhiex tkopri iżjed minn 75 % ta' dak il-kumplament tar-raba' li jinħarat, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-grupp ta' għelejjel ewlenin fuq il-kumplament tar-raba' li jinħarat tkun tkopri iżjed minn 75 %, l-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' titjib ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament għandha titnaqqas b'50 % tal-kumplament tal-erja tar-raba' li jinħarat li tkun ġiet stabbilita u għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon tad-differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmi fl-ewwel sottoparagrafu għandu jkun il-parti tal-erja tal-grupp ta' għelejjel ewlenin fuq il-kumplament tar-raba' li jinħarat li tmur lil hinn minn 75 % tal-kumplament tar-raba' li jinħarat li tkun ġiet stabbilita fl-erja totali li tkun meħtieġa għall-gruppi l-oħra ta' għelejjel fuq dak il-kumplament tar-raba' li jinħarat.”;

(b)

il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Meta benefiċjarju jinstab li ma jkunx konformi mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel kif deskritt f'dan l-Artikolu għal tliet snin, l-erja li trid titnaqqas bl-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament ta' titjib ekoloġiku skont il-paragrafi 1, 2, 3 u 3a għas-snin sussegwenti għandha tkun l-erja totali tar-raba' li jinħarat li tkun stabbilita u għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon applikabbli tad-differenza.”

(10)

fl-Artikolu 28, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Jekk l-ammont tal-penali amministrattivi kkalkolat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.”

(11)

L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

“3a.   Meta l-annimali jkunu ġew imċaqilqa lejn postijiet oħra għajr dawk innotifikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 matul il-perjodu stabbilit mill-Istat Membru msemmi f'dak il-punt, dawn għandhom jitqiesu bħala stabbiliti jekk dawk l-annimali jinstabu minnufih fl-azjenda waqt il-verifika fuq il-post.”;

(b)

fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 4, il-punt (c) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

meta n-nuqqas ta' konformità li jinstab jirrigwarda entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna jew tal-miżura ta' appoġġ ikkonċernati, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f'minn tal-inqas żewġ verifiki f'perjodu ta' 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba.”

(12)

L-Artikolu 31 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 31

Penali amministrattivi fir-rigward ta' annimali ddikjarati fil-qafas tal-iskemi ta' għajnuna għall-annimali jew tal-miżuri ta' appoġġ marbuta mal-annimali

1.   Meta, fir-rigward ta' applikazzjoni għall-għajnuna fil-qafas ta' skema ta' għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta' talba għall-pagament fil-qafas ta' miżura ta' appoġġ marbuta mal-annimali jew ta' tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' tali miżura ta' appoġġ, tinstab differenza bejn l-għadd ta' annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l-Artikolu 30(3), l-ammont totali ta' għajnuna jew ta' appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta' dik l-iskema ta' għajnuna jew ta' dik il-miżura ta' appoġġ jew ta' tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' tali miżura ta' appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jekk ma jinstabux iżjed minn tliet annimali b'nuqqas ta' konformità.

2.   Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali b'nuqqas ta' konformità, l-ammont totali ta' għajnuna jew ta' appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna jew tal-miżura ta' appoġġ jew tat-tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' tali miżura ta' appoġġ, imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:

(a)

bil-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ma jkunx iżjed minn 10 %;

(b)

bid-doppju tal-perċentwal li jrid jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ikun iżjed minn 10 % iżda ma jkunx iżjed minn 20 %.

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 20 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna jew tal-miżura ta' appoġġ jew tat-tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' din il-miżura ta' appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun iżjed minn 50 %, l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom kieku l-benefiċjarju jkun intitolat skont l-Artikolu 30(3) ma għandhom jingħataw fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna jew tal-miżura ta' appoġġ jew tat-tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' din il-miżura ta' appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta' ammont li jkun daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta' annimali ddikjarati u l-għadd ta' annimali stabbiliti skont l-Artikolu 30(3). Jekk dak l-ammont ma jkunx jista' jiġi paċut għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.

Għal speċijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 30(4) u (5) ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu għadd ta' annimali li jkun differenti mill-livell limitu ta' tliet annimali li huwa previst fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Meta jistabbilixxu dak l-għadd, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak il-livell limitu, billi fost l-oħrajn iqisu l-unitajiet ta' bhejjem u/jew l-ammont ta' għajnuna jew ta' appoġġ li jkun ingħata.

3.   Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-għadd ta' annimali ddikjarati fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna għall-annimali jew tal-miżura ta' appoġġ jew tat-tip ta' operazzjoni marbuta mal-annimali u li jinstabu b'nuqqasijiet ta' konformità għandu jiġi diviż bl-għadd ta' annimali li jkun ġie stabbilit għal dik l-iskema ta' għajnuna għall-annimali jew għal dik il-miżura ta' appoġġ jew tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' miżura ta' appoġġ bħal dik fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talba għall-pagament jew tat-tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' miżura ta' appoġġ bħal dik għas-sena tat-talba kkonċernata.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, meta Stat Membru juża l-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 l-annimali li jkunu potenzjalment eliġibbli u li jinstabu li ma jkunux identifikati jew irreġistrati kif suppost fis-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali għandhom jgħoddu bħala annimali li jkunu nstabu b'nuqqasijiet ta' konformità, ikun x'ikun l-istatus tagħhom fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà kif stabbilit fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament (UE) Nru 639/2014.

4.   Meta l-kalkolu tal-ammont totali ta' għajnuna jew ta' appoġġ li jkun intitolat għalih il-benefiċjarju fil-qafas ta' skema ta' għajnuna jew ta' miżura ta' appoġġ jew ta' tip ta' operazzjoni fil-qafas ta' tali miżura ta' appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata jkun ibbażat fuq l-għadd ta' jiem li fihom l-annimali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà jkunu preżenti fl-azjenda, il-kalkolu tal-għadd ta' annimali li jkunu nstabu b'nuqqasijiet ta' konformità kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun ibbażat ukoll fuq l-għadd ta' jiem li fihom dawk l-annimali jkunu preżenti fl-azjenda.

Għall-annimali li jkunu potenzjalment eliġibbli kif imsemmi fit-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 3, il-kalkolu tal-għadd ta' annimali li jkunu nstabu b'nuqqasijiet ta' konformità għandu jkun ibbażat fuq l-għadd ta' jiem li fihom l-annimali jaf jikkwalifikaw għall-għajnuna jew għall-appoġġ.”

(13)

L-Artikolu 34 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 34

Emendi u aġġustamenti tal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali

Fir-rigward tal-annimali ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u għal ommissjonijiet b'rabta mal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali li jsiru mill-waqt meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pagament.”

(14)

fl-Artikolu 35, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Jekk l-irtirar tal-pagamenti u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 6 ma jkunux jistgħu jiġu paċuti għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta' wara s-sena kalendarja tas-sejba, f'konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-bilanċ pendenti għandu jiġi kkanċellat.”

(15)

fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 43, il-punt (b) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

it-talbiet għall-pagament li jkunu saru u l-applikazzjoni għall-appoġġ marbuta mal-2014 u s-snin ta' qabel u t-talbiet għall-pagament marbuta mal-2015 skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005; u”

(16)

fl-Artikolu 44, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Dan japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna, għall-applikazzjonijiet għall-appoġġ u għat-talbiet għall-pagament marbuta mas-snin tat-talba jew mal-perjodi tal-primjum mill-1 ta' Jannar 2015.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan jibda japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna, għall-applikazzjonijiet għall-appoġġ u għat-talbiet għall-pagament marbuta mas-snin tat-talba jew mal-perjodi tal-primjum mill-1 ta' Jannar 2016.

Madankollu, il-punti (15) u (16) tal-Artikolu 1 japplikaw għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna, għall-applikazzjonijiet għall-appoġġ u għat-talbiet għall-pagament marbuta mas-snin tat-talba jew mal-perjodi tal-primjum mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta' pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 48).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(5)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta' appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta' appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta' Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(9)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta' appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(13)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).


Top