Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1246

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1246 tat-28 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' żbarri u vireg tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    C/2016/4722

    ĠU L 204, 29.7.2016, p. 70–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/07/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1246/oj

    29.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/70


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1246

    tat-28 ta' Lulju 2016

    li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' żbarri u vireg tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri Provviżorji

    (1)

    Fid-29 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' żbarri u vireg tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit (“HFP rebars”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/113 (“ir-Regolament provviżorju”) (2).

    (2)

    L-investigazzjoni nbdiet fit-30 ta' April 2015 (3) wara lment li ġie ppreżentat fis-17 ta' Marzu 2015 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“Eurofer” jew “l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni kollha ta' HFP rebars tal-Unjoni. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping tal-prodott imsemmi u ta' dannu materjali bħala riżultat ta' dan, li tqies biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni.

    2.   Reġistrazzjoni ta' oġġetti importati

    (3)

    Wara talba mill-ilmentatur li kien fiha biżżejjed evidenza li l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku kienu sodisfatti, permezz tar-Regolament (UE) 2015/2386 (4), il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta' HFP rebars li joriġinaw fiċ-Ċina soġġetti għal reġistrazzjoni mid-19 ta' Diċembru 2015.

    3.   Proċedura sussegwenti

    (4)

    Wara li ġew divulgati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien ġie impost dazju antidumping provviżorju (“id-divulgazzjoni provviżorja”), il-produtturi tal-Unjoni, il-produtturi esportaturi Ċiniżi, l-importaturi, l-utenti, u assoċjazzjoni ta' importaturi ppreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

    (5)

    Is-seduti ta' smigħ saru mal-produtturi esportaturi Ċiniżi u ma' importaturi u utenti mhux relatati fl-Unjoni.

    (6)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti verbali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati, u fejn xieraq, immodifikat is-sejbiet provviżorji skont dan.

    (7)

    Parti interessata talbet l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta biex tiġi vverifikata l-korrettezza tad-dejta mill-pajjiż analogu, peress li minħabba n-natura kunfidenzjali tagħha d-dejta ma kinitx ġiet divulgata fid-divulgazzjoni provviżorja. L-Uffiċjal tas-Seduta vverifika d-dejta u ma sab ebda żbalji. L-istess parti interessata talbet ukoll seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta sabiex tesprimi d-dubji tagħha dwar il-metodu għall-kalkolu tad-dazji. Fil-konklużjoni tas-seduta, l-Uffiċjal tas-Seduta sab li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu mexxew l-investigazzjoni skont il-prattika aċċettata u regolari.

    (8)

    L-ilmentatur qies li fir-Regolament provviżorju, il-profitt fil-mira ma kienx ġie stabbilit b'mod korrett u ma kienx adegwat għall-industrija tal-HFP rebars. Wera d-dubji tiegħu dwar il-metodu li kien intuża biex jiġi stabbilit dan il-profitt u talab lill-Kummissjoni biex tapprofondixxi l-investigazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni. Għalhekk intbagħtu kwestjonarji speċifiċi lill-produtturi tal-Unjoni dwar il-livelli storiċi tal-profitabbiltà tagħhom qabel il-perjodu meqjus, jiġifieri mill-2005 sal-2010. L-erba' produtturi kollha tal-Unjoni li kienu inklużi fil-kampjun bagħtu t-tweġibiet, li, fl-istess ħin, ippreżentaw kalkoli riveduti dwar il-kost u l-profitabilità għall-perjodu kkunsidrat.

    (9)

    Wara r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, il-partijiet interessati kellhom perjodu ta' 20 jum biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Waslu kummenti mingħand il-produtturi tal-Unjoni, mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, mill-importaturi, mill-utenti, u minn assoċjazzjoni ta' importaturi.

    (10)

    Sabiex jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji definittivi kinitx iġġustifikata, intbagħtu kwestjonarji lil importaturi mhux relatati dwar il-volumi tal-importazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-inventarji tagħhom fil-perjodu wara l-perjodu ta' investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta' April 2015 sal-31 ta' Jannar 2016. Waslu tweġibiet mingħand tliet produtturi mhux relatati. Intbagħtu wkoll kwestjonarji lil produtturi tal-Unjoni dwar il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom fil-perjodu ta' wara l-perjodu ta' investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta' April 2015 sal-31 ta' Jannar 2016. Waslu tweġibiet mingħand l-erba' produtturi kollha tal-Unjoni li kienu inklużi fil-kampjun.

    (11)

    Sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet għall-kwestjonarji imsemmija fil-premessi (8) u (10) hawn fuq, saru żjarat ta' verifika fl-istabbilimenti tal-partijiet li ġejjin:

    (a)

    Produtturi tal-Unjoni

    Megasa Siderur, Spanja

    Riva Acier, Franza

    SN Maia, Il-Portugall

    (b)

    Importaturi mhux relatati fl-Unjoni

    CMS Ltd, Ir-Renju Unit

    Eurosteel Ltd, Ir-Renju Unit

    Ronly Ltd, Ir-Renju Unit

    (12)

    Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom biħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' HFP rebars (“id-divulgazzjoni definittiva”). Il-partijiet kollha ingħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni definittiva. Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u fejn xieraq tqiesu.

    4.   Kampjunar

    (13)

    Fin-nuqqas ta' kummenti rigward il-metodu ta' kampjunar, is-sejbiet provviżorji stabbiliti fil-premessi (6) sa (11) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    5.   Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    (14)

    Kif stabbilit fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-danni kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-danni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sat-tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”). Minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi fis-suq fl-2011 spjegati fil-premessa (148) tar-Regolament provviżorju, is-sena 2011 tnaqqsilha l-piż fl-analiżi tad-dannu, u l-iżviluppi li saru sa mill-1 ta' Jannar 2012 ingħataw aktar enfasi kif xieraq. Għalhekk l-indiċi huma bbażati fuq is-sena 2012, meta applikabbli.

    B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    (15)

    Kif stabbilit fil-premessi (17) sa (19) tar-Regolament provviżorju, il-prodott soġġett għal investigazzjoni huwa żbarri u vireg tal-ħadid jew tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit, magħmula mill-ħadid, mill-azzar mhux illigat jew mill-azzar illigat (iżda minbarra l-azzar inossidabbli, l-azzar rapidu u l-azzar siliko-manganiż), mhux maħdum aktar ħlief irrumblat bis-sħana, iżda inkluż dawk mibruma wara l-irrumblar; dawn l-iżbarri u l-vireg fihom indentazzjonijiet, tqabbiż, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħra magħmula waqt il-proċess tal-irrumblar jew jiġu mibrumin wara l-irrumblar. Il-karatteristika ewlenija tar-reżistenza għolja għar-reħi hija l-kapaċità ta' materjal li jiflaħ stress ripetut mingħajr ma jinkiser u, b'mod speċifiku, il-kapaċità li jirreżisti f'eċċess ta' 4,5 miljun ċiklu ta' reħi bl-użu ta' proporzjon tal-istress (minimu/massimu) ta' 0,2 u medda ta' stress li taqbeż il-150 MPa.

    (16)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott deskritt fil-premessa (15) hawn fuq, li joriġina miċ-Ċina, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7214 20 00, ex 7228 30 20, ex 7228 30 41, ex 7228 30 49, ex 7228 30 61, ex 7228 30 69, ex 7228 30 70 u ex 7228 30 89.

    (17)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, importatur sostna li fil-prattika jkun diffiċli li l-prodott ikkonċernat jiġi sseparat minn tipi oħra ta' rebars, li jaqgħu taħt l-istess kodiċijiet NM. Allega li għalhekk l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni jistgħu bi żball jimponu dazji antidumping fuq prodotti oħra li mhumiex ikkonċernati mill-investigazzjoni u ma jimponux dazji fuq il-prodott ikkonċernat.

    (18)

    Kif spjegat fil-premessa (18) tar-Regolament provviżorju, id-definizzjoni tal-prodott tikkorrispondi b'mod esklussiv għar-rekwiżiti tal-Istandard Brittaniku BS4449 u hija normalment distingwibbli miċ-ċertifikazzjoni ta' CARES u l-immarkar imbuzzat fuq ir-rebars infushom.

    (19)

    L-importatur ma setax jispeċifika b'liema mod id-definizzjoni tal-prodott tista' tikkoinċidi jew tiġi konfuża mad-definizzjoni ta' tipi ta' rebars oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ma hemm l-ebda problema ta' implimentazzjoni prattika tal-miżuri u rrifjutat it-talba. Il-Kummissjoni tosserva li ċ-ċertifikazzjoni ma ġietx inkluża fid-deskrizzjoni tal-prodott sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni permezz ta' importazzjonijiet ta' oġġetti mhux iċċertifikati li jiġu ċċertifikati biss ladarba jaslu fl-Unjoni.

    (20)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, żewġ partijiet interessati sostnew li fil-fatt il-prodott ikkonċernat qiegħed jinbiegħ ukoll fi Spanja u fil-Portugall, u li b'konsegwenza ta' dan il-figuri tal-Kummissjoni dwar il-konsum ma jinkludux il-konsum kollu fl-Unjoni. Il-partijiet interessati bbażaw id-dikjarazzjoni fuq dikjarazzjoni fuq is-sit web ta' produttur tal-Unjoni, li elenka lil Spanja u lill-Portugall bħala pajjiżi li jużaw rebars b'duttilità għolja.

    (21)

    Il-Kummissjoni tirriafferma li rebars li jikkorrispondu għall-istandards Spanjoli u Portugiżi mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat, minħabba li r-rekwiżiti tekniċi tar-rebars fi Spanja u fil-Portugall ma jikkorrispondux mad-definizzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni attwali, kif stabbilit fil-premessa (15). Għalhekk din il-pretensjoni għandha tiġi miċħuda.

    (22)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet li waslu għalihom fil-premessi (17) sa (19) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    C.   ID-DUMPING

    (23)

    Id-dettalji tal-kalkolu tad-dumping, huma stabbiliti fil-premessi (21) sa (45) tar-Regolament provviżorju.

    (24)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, żewġ partijiet interessati tennew it-tħassib tagħhom, deskritt fil-premessa (22) tar-Regolament provviżorju, dwar il-fatt li għall-finijiet tal-kalkoli tal-marġnijiet tad-dumping u tad-danni, iż-żewġ gruppi ta' kumpaniji ġew ikkunsidrati bħala relatati. Dawn il-partijiet tennew argumenti preċedenti dwar in-nuqqas ta' ebda rabta operattiva bejn iż-żewġ gruppi u n-nuqqas ta' involviment fil-proċess deċiżjonali ta' xulxin. Barra minn hekk il-partijiet interessati rrilevaw li fi proċeduri antidumping li saru minn pajjiżi terzi (jiġifieri mill-Malasja, mit-Tajlandja u mill-Istati Uniti) dawn ġew trattati bħala entitajiet separati. Il-partijiet interessati inkwistjoni tennew l-istess argumenti f'dan ir-rigward wara d-divulgazzjoni definittiva.

    (25)

    Madankollu, il-Kummissjoni għadha tal-fehma li n-natura u s-saħħa tar-relazzjonijiet bejn il-gruppi, jiġifieri r-rabtiet kapitali tagħhom u d-dritt, li huwa stabbilit b'mod ċar fl-istatut ta' assoċjazzjoni, li jinnominaw l-uffiċjali ta' wieħed mill-gruppi fil-korpi statutorji tal-ieħor, ma jippermettux li dawn il-partijiet interessati jiġu trattati bħala entitajiet separati, b'mod partikolari minħabba li dik l-interkonnessjoni tagħmilha possibbli li tiġi stabbilita relazzjoni strutturali u kummerċjali aktar mill-qrib bejniethom mingħajr diffikultà. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet interessati jqajmu l-kwistjoni ta' trattament separat, filwaqt li fil-fatt din id-deċiżjoni ser twassal għal miżuri antidumping aktar stretti għal wieħed minnhom, jista' jwassal ukoll għall-konklużjoni ta' hawn fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda obbligu li ssegwi d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fil-proċeduri antidumping tagħhom abbażi tal-leġislazzjoni domestikament applikabbli tagħhom. Għalhekk, il-konklużjoni preliminari milħuqa fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju dwar it-trattament komuni taż-żewġ Gruppi ta' esportaturi hija b'dan ikkonfermata.

    (26)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, parti interessata reġgħet qajmet it-tħassib tagħha dwar l-għażla tal-Afrika t'Isfel bħala pajjiż analogu u l-bini sussegwenti tal-valur normali abbażi ta' dan il-pajjiż. Il-parti interessata enfasizzat il-fatt li l-ebda tip ta' prodott mit-tmienja prodotti u mibjugħa mill-esportaturi Ċiniżi ma kien għadda mit-test tar-rappreżentanza ta' 5 % fuq il-bejgħ domestiku fl-Afrika t'Isfel u tlieta minnhom lanqas biss kienu prodotti mill-produttur tal-Afrika t'Isfel. Għalhekk ma kienx hemm il-kost tal-produzzjoni disponibbli għal dawn it-tliet tipi. Il-parti interessata kkontestat ukoll il-livell għoli ta' profitt (fuq medda ta' 10-20 % (5)) użat għall-valur normali maħdum. Fl-aħħar nett, il-parti interessata indikat li l-kost tal-produzzjoni fl-Afrika t'Isfel kien għoli, u saħansitra sostanzjalment ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni, u allegat li dan jikkontradixxi l-konklużjoni provviżorja tal-Kummissjoni li l-Afrika t'Isfel hija suq miftuħ b'kompetizzjoni interna u esterna.

    (27)

    Bi tweġiba għad-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq, l-ewwel għandu jiġi spjegat li anki jekk produttur fil-pajjiż analogu ma jkollux biżżejjed volumi ta' bejgħ domestiku ta' ċerti tipi ta' prodotti biex jissodisfa t-test ta' rappreżentattività ta' 5 %, dan ma jwaqqafx it-twaqqif tal-valur normali għal dawn it-tipi ta' prodotti. Minħabba li dawn it-tipi kienu prodotti u mibjugħa mill-produttur tal-Afrika t'Isfel, il-valur normali kien maħdum abbażi tal-kost attwali tal-produzzjoni. Fir-rigward tat-tliet tipi ta' prodotti li ma jiġux prodotti fl-Afrika t'Isfel, il-valur normali maħdum tagħhom kien ibbażat fuq il-kost tal-produzzjoni tal-eqreb tipi ta' prodotti prodotti fl-Afrika t'Isfel. F'dan il-każ, l-eqreb tipi ta' prodotti ġew identifikati permezz ta' tibdil f'parametru wieħed biss tal-prodott, jiġifieri t-tul tiegħu. Minflok il-kost tal-produzzjoni (għal kull kg) għat-tulijiet qosra jew twal intuża l-kost tal-produzzjoni għat-tulijiet medji. Fir-rigward tal-profitt użat biex jinħadmu l-valuri normali, ġie applikat il-metodu standard. Għat-tipi ta' prodotti fejn ma kienx hemm bejgħ domestiku jew tranżazzjonijiet domestiċi profitabbli, intuża l-profitt medju tal-kumpanija fuq il-bejgħ domestiku kollu tal-prodott ikkonċernat. L-investigazzjoni wriet li dan il-profitt domestiku kien ivarja bejn 10-20 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat ukoll is-sentenza tal-bord tad-WTO fil-kawża Norwegian Salmon (6) biex jinħadmu l-valuri normali għal dawk it-tipi ta' prodotti li ma kellhomx biżżejjed tranżazzjonijiet domestiċi profitabbli. F'dak il-każ, ġie applikat il-profitt attwali tat-tranżazzjonijiet domestiċi profitabbli għal kull tip ta' prodott. F'dak il-każ ir-rata tal-profitt kienet normalment inqas minn 10-20 %.

    (28)

    Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni fil-fatt uriet li l-kost tal-produzzjoni fl-Afrika t'Isfel huwa ogħla mill-kost u mill-prezzijiet tal-Industrija tal-Unjoni. Dan huwa l-kost attwali li ġie vverifikat fil-bini tal-produttur u nstab li l-produttur tal-Afrika t'Isfel kien irrapportah b'mod korrett. Il-Kummissjoni ma tarax kif dan jista' jikkontradixxi l-konklużjoni preliminari tagħha dwar il-ftuħ u n-natura kompetittiva tas-suq tal-Afrika t'Isfel. Għandu jiġi enfasizzat li filwaqt li l-prezzijiet tal-Industrija tal-Unjoni ġew imnaqqsa minħabba l-preżenza ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezz baxx miċ-Ċina, il-produttur tal-Afrika t'Isfel jista' jopera taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni. Is-sitwazzjoni fl-Industrija tal-Unjoni mhijiex punt referenzjarju għall-għażla ta' pajjiż analogu li wara kollox huwa sostitut għaċ-Ċina.

    (29)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva l-parti interessata inkwistjoni kompliet tiżviluppa l-argumenti tagħha fir-rigward tal-prezzijiet domestiċi u l-kost tal-produzzjoni allegatament għoljin ħafna fil-pajjiż analogu li jindikaw li l-valur normali bbażat fuq dawn il-figuri huwa kważi 40 % ogħla mill-prezz indikattiv tal-Unjoni li kien intuża fid-determinazzjoni tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz. Il-parti interessata rabtet dawn il-prezzijiet domestiċi u l-kost tal-produzzjoni allegatament għoljin fil-pajjiż analogu ma' diversi miżuri għad-difiża tan-negozju li jipproteġu dak is-suq li jimminaw ukoll konklużjoni oħra tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tal-Afrika t'Isfel għall-kompetizzjoni.

    (30)

    Wara l-preżentazzjoni imsemmija hawn fuq reġgħet ġiet ivvalutata d-data dwar il-prezzijiet u l-kost fil-pajjiż analogu. L-ewwel nett, id-dikjarazzjoni hija esaġerati peress li l-prezzijiet mill-fabbrika tal-produttur tal-Afrika t'Isfel li ġew verifikati mill-Kummissjoni fuq il-post u li intużaw biex jiġi determinat il-valur normali għall-produtturi esportaturi Ċiniżi huma sostanzjalment aktar baxxi minn dawk allegati mill-parti interessata inkwistjoni. It-tieni nett, il-valutazzjoni mill-ġdid wasslet għall-identifikazzjoni ta' ċerti tipi ta' prodotti li jsiru biss skont l-istandards tal-Afrika t'Isfel u għalhekk ma kinux f'kompetizzjoni mat-tipi ta' prodotti esportati miċ-Ċiniżi. Minħabba li l-Kummissjoni żgurat tqabbil sħiħ tat-tranżazzjonijiet kollha ta' esportazzjonijiet Ċiniżi billi qabblithom ma' tipi ta' prodotti mill-Afrika t'Isfel li kienu f'kompetizzjoni diretta mat-tipi ta' prodotti esportati u li għalhekk kienu jeħtieġu livell inqas ta' aġġustamenti li wassal għal tqabbil aktar preċiż, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tieħux inkunsiderazzjoni dawn il-prodotti li ma kinux f'kompetizzjoni. Bħala konsegwenza, il-valuri normali u l-marġnijiet ta' dumping ġew riveduti 'l isfel għall-produtturi esportaturi kollha fil-kampjun. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjoni nnifisha dwar il-ftuħ limitat tas-suq tal-pajjiż analogu minħabba l-eżistenza ta' miżuri għad-difiża tan-negozju hija rifjutata. Il-miżuri difensivi msemmija fil-preżentazzjoni jew ma għandhomx il-prodott ikkonċernat fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom (miżuri antidumping) jew dawn ġew imposti wara l-perjodu ta' investigazzjoni (miżuri ta' salvagwardja). Fi kwalunkwe każ, il-miżuri għad-difiża tan-negozju li pajjiż seta' applika biex jiġu ristabbiliti kundizzjonijiet kummerċjali ekwi ma jannullawx in-natura ta' ekonomija tas-suq ta' dan il-pajjiż u l-adegwatezza tiegħu bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq magħżul biex jiġi determinat il-valur normali għaċ-Ċina (7).

    (31)

    Filwaqt li ħadet inkonsiderazzjoni dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjoni preliminari tal-premessa (30) tar-Regolament provviżorju li l-Afrika t'Isfel hija pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota wkoll li ma kienx possibbli li tinkiseb kooperazzjoni f'pajjiż ieħor b'ekonomija tas-suq, u li l-każistika tal-Qrati tal-Unjoni teħtieġ li f'tali sitwazzjoni l-Kummissjoni tuża d-data tal-pajjiż li għalih tkun inkisbet din il-kooperazzjoni.

    (32)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja żewġ partijiet interessati ddikjaraw li minħabba li l-prezzijiet tal-azzar, u b'mod parallel il-kost tal-produzzjoni, kienu waqgħu matul il-PI, il-Kummissjoni kien imissha kkalkolat il-marġnijiet ta' dumping u ta' dannu fuq bażi mensili jew, għall-inqas, fuq bażi trimestrali. B'mod partikolari, josservaw li altrimenti jiġu kkastigati dawk il-produtturi li kellhom ħafna bejgħ fix-xhur bikrin. Din id-dikjarazzjoni kienet imtennija wkoll wara d-divulgazzjoni definittiva.

    (33)

    Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-prezzijiet tal-HFP rebars waqgħu matul il-PI u b'mod partikolari meta d-domanda kienet qiegħda tiżdied minħabba l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din is-sitwazzjoni ma tidhirx li tirrikjedi jew li tiġġustifika l-użu ta' xi metodoloġija speċjali. Il-partijiet interessati stess jammettu li t-tnaqqis fil-kost kien fenomenu globali u ma kienx speċifiku għall-Unjoni. Għalhekk, it-tnaqqis fil-kost kellu jaffettwa lill-partijiet kollha bl-istess mod. Barra minn hekk, minkejja li kien hemm fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima u fil-prezzijiet tal-prodott finali, il-livell tal-varjazzjonijiet matul il-PI ma tali li jiġġustifika l-applikazzjoni ta' metodoloġija speċjali. Id-data ppreżentata mill-partijiet interessati li tirreferi għas-suq globali tal-azzar turi tnaqqis ta' madwar 12 % fil-prezzijiet. Fir-rigward tat-tnaqqis rapidu tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fis-suq Ċiniż (iktar minn 50 %), il-Kummissjoni tinnota li l-impatt tat-tnaqqis fuq il-prezzijiet tal-HFP rebars kien limitat għal 20 % fil-PI. Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet kienet biss ta' natura temporanja fis-sens li l-prezzijiet tas-suq dinji huma volatili, li huwa fenomenu normali għal dan it-tip ta' materja prima. Bidliet bħal dawn fil-prezzijiet tal-materja prima għandhom jitqiesu bħala parti normali mill-operazzjonijiet tan-negozju. Għalhekk l-evoluzzjoni osservata fil-prezz tal-materja prima matul il-perjodu ta' investigazzjoni ma tindikax il-ħtieġa ta' analiżi mensili, u lanqas ma tidher li hija tali li setgħet tinfluwenza sostanzjalment il-kalkoli tal-marġni tad-dumping u tad-danni. Fi kwalunkwe każ, id-determinazzjoni tal-valur normali fuq bażi mensili mhijiex fattibbli minħabba li t-testijiet tal-profittabilità tal-bejgħ domestiku ta' pajjiż analogu u l-kost tal-produzzjoni tal-produttur tal-pajjiż analogu kienu, b'mod konformi mar-regolament bażiku, determinati fuq bażi annwali għat-tipi kollha ta' prodotti li kienu esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi lejn l-Unjoni. Din in-nuqqas ta' data tagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit b'mod preċiż il-valur normali għal dawn il-perjodi ta' żmien tant qosra.

    (34)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, is-sejbiet provviżorji kif stabbiliti fil-premessi (21) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati bl-aġġustament deskritt fil-premessa (30) hawn fuq. Il-marġnijiet definittivi tad-dumping, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, ġew aġġustati kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni ta' dumping definittiv (%)

    Jiangyin Xicheng Steel Co., Ltd.

    62,1

    Jiangyin Ruihe Metal Products Co., Ltd.

    62,1

    Jiangsu Yonggang Group Co., Ltd.

    48,1

    Jiangsu Lianfeng Industrial Co., Ltd.

    48,1

    Zhangjiagang Hongchang High Wires Co., Ltd.

    48,1

    Zhangjiagang Shatai Steel Co., Ltd.

    48,1

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    62,1

    D.   DANNU

    1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

    (35)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (46) sa (50) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

    (36)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment fir-rigward tal-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (51) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    3.   Is-swieq ħielsa u magħluqin

    (37)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment fir-rigward ta' swieq ħielsa u magħluqin, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (52) sa (56) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    4.   Il-konsum tal-Unjoni

    (38)

    Kif ġie spjegat fil-premessi (20) sa (21) hawn fuq, wara d-divulgazzjoni definittiva parti interessata ddikjarat li ċ-ċifri dwar il-konsum tal-Unjoni erronjement ma jkunux jinkludu l-konsum fi Spanja u fil-Portugall. Din id-dikjarazzjoni ġiet rifjutata minħabba li r-rebars li jintużaw fi Spanja u fil-Portugall ma jagħmlux parti mill-prodott taħt investigazzjoni.

    (39)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (57) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    5.   Importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat

    (40)

    Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment fir-rigward tal-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet konċernati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (58) sa (61) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    (41)

    Kif ġie spjegat fil-premessa (62) tar-Regolament provviżorju, it-twaqqigħ tal-prezz ġie stabbilit permezz ta' tqabbil bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fuq bażi CIF mal-prezzijiet tat-tipi ta' prodotti li jaqblu, aġġustat għal-livell tal-prezz mill-fabbrika.

    (42)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-industrija tal-Unjoni sostniet li fil-każ preżenti, it-tqabbil tal-prezzijiet ma' kundizzjonijiet differenti ta' bejgħ, jiġifieri CIF kontra mill-fabbrika, iwassal għal sottovalutazzjoni tat-twaqqigħ attwali fil-prezz prattikat mill-esportaturi Ċiniżi. Dan huwa partikolarment minnu meta l-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina jiġu mqabbla mal-prezzijiet ta' prodotti mibjugħa mill-Ewropa kontinentali lejn ir-Renju Unit u l-Irlanda, li huma l-uniċi żewġ swieq fejn l-HFP rebars jintużaw esklussivament. Skont l-industrija tal-Unjoni, l-aġġustament tal-prezzijiet tal-Unjoni tal-produtturi li jbiegħu mill-Ewropa kontinentali lil livell mill-fabbrika ma jirriflettix il-kompetizzjoni attwali mal-importazzjonijiet miċ-Ċina li jiġu konsenjati lill-portijiet tar-Renju Unit u Irlandiżi, qrib l-istabbilimenti tal-klijenti tagħhom. L-industrija tal-Unjoni argumentat li l-livell ta' twaqqigħ tal-prezz u tal-eliminazzjoni tad-dannu (“bejgħ taħt il-prezz”) għandu jiġi stabbilit fil-punt l-aktar xieraq għal tqabbil, jiġifieri permezz ta' tqabbil bejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-prezzijiet tal-Unjoni mal-wasla tagħhom fil-port tal-importazzjoni fir-Renju Unit u fl-Irlanda, sabiex jitqabblu l-prezzijiet Ċiniżi fil-livell CIF mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-istess destinazzjoni. L-industrija tal-Unjoni enfasizzat il-marġni wiesa' ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni fit-twaqqif tal-iktar metodu preċiż biex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz.

    (43)

    Bi tweġiba għal dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni tinnota li l-investigazzjoni wriet li fl-industriji tal-kostruzzjoni fi Stati Membri differenti jintużaw standards u gradi differenti. Filwaqt li l-istandard tal-HFP rebars jikkorrispondi mal-istandard adattati biex jiġu kkunsmati biss fir-Renju Unit u fl-Irlanda, il-produzzjoni sseħħ fir-Renju Unit u f'diversi Stati Membri oħra, b'mod partikolari fi Franza, fi Spanja u fil-Portugall Il-Kummissjoni tikkonferma li d-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz għandha tkun ibbażata fuq tqabbil ġust tal-prezz bejn tipi ta' prodotti li jaqblu. L-investigazzjoni stabbiliet li t-tipi ta' prodotti li jaqblu jiġu prodotti esklussivament mill-produtturi tal-Unjoni li jinsabu fl-Ewropa kontinentali li jikkonsenjaw il-prodotti tagħhom bil-baħar lejn portijiet fir-Renju Unit u fl-Irlanda. B'kuntrast, l-investigazzjoni wriet ukoll li l-HFP rebars prodotti fir-Renju Unit huma ta' grad differenti mill-importazzjonijiet miċ-Ċina u għalhekk ma jistgħux jiġu mqabbla mal-importazzjonijiet miċ-Ċina.

    (44)

    Huwa ċar li f'dan il-każ l-importazzjonijiet miċ-Ċina jidħlu f'kompetizzjoni ma' prodotti tal-industrija tal-Unjoni biss meta jiġu konsenjati fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Il-klijenti jagħmlu d-deċiżjonijiet ta' xiri tagħhom abbażi ta' prezzijiet ikkwotati fl-istess punt ta' destinazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li sabiex tintlaħaq determinazzjoni ġusta ta' twaqqigħ tal-prezz, u sussegwentement ta' bejgħ taħt il-prezz, il-kalkoli għandhom jirriflettu tqabbil fil-livell tal-importazzjoni fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Għalhekk id-dikjarazzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija aċċettata.

    (45)

    Madankollu, b'mod differenti mid-dikjarazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni tqis li minflok il-livell CIF, l-aktar punt preċiż ta' tqabbil huwa l-livell fejn l-oġġetti jkunu ġew skarikat mill-bastimenti u jkunu laħqu l-art fil-port. Dan ifisser li fil-prezzijiet Ċiniżi dan it-tqabbil jinkludi l-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni, li tipikament jitħallsu mill-importatur, li huma apparti l-ispejjeż CIF. L-investigazzjoni ma stabbiliet ebda differenza fil-kost tal-immaniġġjar tal-merkanzija fil-portijiet bejn il-kunsinni miċ-Ċina u dawk mill-Unjoni. B'kuntrast, tqabbil ġust għandu jirrifletti wkoll il-fatt li l-vjeġġi miċ-Ċina għandhom jgħaddu minn żdoganar tal-merkanzija fil-port tal-importazzjoni, filwaqt li dan mhuwiex il-każ għal vjeġġi mill-Unjoni.

    (46)

    Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni aġġustat id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz għat-tqabbil tal-prezzijiet fil-punt fejn il-merkanzija kemm miċ-Ċina u mill-Unjoni tkun inħattet fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Minħabba dan, fil-prezz komparabbli tal-industrija tal-Unjoni ġie inkluż il-kost tat-trasport (fil-medda ta' bejn 25-35 EUR/tunnellata) u l-kost tal-immaniġġjar tal-merkanzija (fil-medda ta' bejn 5-10 EUR/tunnellata), li jikkorrispondi għal madwar 8 % tal-prezz CIF. L-istess aġġustament sar għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz kif spjegat fil-premessa (127) hawn taħt.

    (47)

    Għalhekk, il-premessi (62) sa (63) tar-Regolament provviżorju ġew sostitwiti bil-premessi li ġejjin:

    (48)

    Sabiex jiġi determinat jekk kienx hemm twaqqigħ tal-prezz matul il-PI, u sa liema punt il-prezzijiet tal-bejgħ b'medja ponderata għal kull tip ta' prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-kost tal-merkanzija żbarkata billi żdiedu l-ispejjeż reali tal-konsenja sal-port tal-wasla u l-kost tal-immaniġġjar tal-merkanzija fil-port, u billi tnaqqsu s-senseriji u n-noti ta' kreditu, ġew mqabbla mal-prezzijiet medji ponderati għal kull tip ta' prodott tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF, u aġġustati bi spejjeż ta' wara l-importazzjoni li jikkorrispondu għall-kost tal-immaniġġjar u tal-iżdoganar tal-merkanzija u billi tnaqqsu s-senseriji u n-noti ta' kreditu. Kif spjegat fil-premessa (103) tar-Regolament provviżorju, it-twaqqigħ tal-prezz ġie stabbilit bi tqabbil ma' bejgħ lil konsumaturi mhux relatati biss u sempliċiment għal tipi ta' prodotti li jaqblu. Il-bejgħ lil partijiet relatati li sar mill-industrija tal-Unjoni kien esklussivament magħmul minn tipi ta' prodotti li ma kinux importati miċ-Ċina.

    (49)

    Ir-riżultat tat-tqabbil, meta espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun matul il-PI wera marġni ta' twaqqigħ tal-prezz li jvarja bejn 8,3 % u 11,8 %. Il-prezzijiet aktar baxxi tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping meta mqabbla ma' dawk tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat jispjegaw iż-żieda sinifikanti fil-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi u fis-sehem tas-suq li kellhom l-importazzjonijiet miċ-Ċina mill-2013 'l quddiem.

    (50)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, diversi partijiet interessati ma qablux mat-tqabbil tal-prezzijiet abbażi tal-kost tal-merkanzija żbarkata. Żewġ partijiet interessati ddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom mingħajr ma ssostanzjaw għaliex dan ma kienx xieraq fil-każ inkwistjoni. Għalhekk din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni.

    (51)

    Parti interessata oħra sostniet li t-tqabbil għandu jittratta l-industrija kollha tal-Unjoni u li għalhekk ma kienx korrett li jitqiesu l-prezzijiet f'pajjiż jew f'pajjiżi membri biss. Esprimiet it-tħassib tagħha li b'riżultat ta' dan kien se jinbidel il-prinċipju bażiku tat-twaqqif ta' prezzijiet tal-Unjoni.

    (52)

    Il-Kummissjoni tafferma mill-ġdid li t-tqabbil tal-prezzijiet abbażi tal-kost tal-merkanzija żbarkata jibqa' eċċezzjonali. F'sitwazzjonijiet fejn il-konsum tal-Unjoni jista' jseħħ f'diversi Stati Membri, kif inhu normalment il-każ, it-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-Unjoni mill-fabbrika u l-prezzijiet CIF tal-importazzjoni huwa ġustifikat. Madankollu, fil-każ preżenti tqabbil differenti huwa eċċezzjonalment ġustifikat minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, kif spjegat hawn fuq.

    (53)

    L-istess parti interessata talbet ukoll divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kost tat-trasport, il-kost tal-immaniġġjar tal-merkanzija u l-profitabilità, li kellha impatt fuq id-determinazzjoni meta mqabbla mal-miżuri provviżorji.

    (54)

    Il-Kummissjoni tinnota li d-divulgazzjoni definittiva kienet tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet użati fil-kalkolu. Fil-premessa (41) tad-Dokument ta' Informazzjoni Ġenerali, il-Kummissjoni żvelat il-meded tal-kost tat-trasport u tal-immaniġġjar tal-merkanzija. Dan il-kost ġie espress f'meded sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data kummerċjali tal-produtturi tal-Unjoni li kienu qegħdin jikkooperaw. Il-meded ippermettew lill-partijiet interessati li jivverifikaw il-fatti użati għad-determinazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-ebda parti interessati ma kkontestat il-livell ta' dawn l-ispejjeż. Il-premessi (46) sa (49) tad-Dokument ta' Informazzjoni Ġenerali kienu jinkludu informazzjoni dettaljata dwar il-kalkoli tal-profitabbiltà, li tippermetti tqabbil mad-data divulgata fl-istadju provviżorju fil-premessi (81) sa (83) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-partijiet interessati kienu ingħataw il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom biħsiebha timponi miżuri definittivi.

    (55)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, diversi partijiet interessati argumentaw li l-produttur tal-Unjoni li jipproduċi esklussivament tipi ta' prodotti li ma jaqblux (“Grad Ċ”) ma setax ġarrab danni mill-importazzjoni miċ-Ċina (“grad B”) minħabba li ż-żewġ tipi ta' prodotti mhumiex f'kompetizzjoni ma' xulxin. Il-partijiet interessati argumentaw li sabiex tkun konsistenti, il-Kummissjoni kien imissha llimitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott u d-definizzjoni ta' industrija tal-Unjoni biss għall-grad B. Alternattivament, il-partijiet interessati allegaw li jekk il-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott jinkludi kemm il-grad B u Ċ, mhuwiex korrett li t-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz jiġi kkalkulat abbażi ta' tipi ta' prodotti li jaqblu biss. Huma sostnew li hemm ftit differenza fil-kost tal-produzzjoni tal-grad B u tal-grad Ċ. Il-partijiet interessati argumentaw li f'dan il-każ il-Kummissjoni kien imissha injorat id-differenza bejn it-tipi ta' prodotti, biex b'hekk tinkludi t-tipi kollha ta' prodotti fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz.

    (56)

    Il-Kummissjoni tiċċara li kienet intużat il-metodoloġija standard fir-rigward tal-kamp tal-applikazzjoni tal-prodott u t-tipi ta' prodotti. Il-prodott soġġett għall-investigazzjoni jinkludi diversi tipi ta' prodotti, li uħud jiġu importati miċ-Ċina filwaqt li oħrajn mhumiex. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tipi differenti ta' prodotti qegħdin f'kompetizzjoni ma' xulxin, minħabba li l-grad Ċ jista' jintuża għall-applikazzjonijiet kollha fejn hemm bżonn tal-grad B. L-argumenti tal-partijiet interessati jenfasizzaw ukoll dan il-fatt. Il-Kummissjoni tikkonferma li l-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott u d-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni jinkludu kemm il-grad B u Ċ. L-indikaturi tad-dannu ġew stabbiliti abbażi tal-industrija kollha tal-Unjoni, f'konformità mal-prattika standard. Kif ġie spjegat fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, anki kieku l-indikaturi tad-dannu kienu ġew stabbiliti abbażi tat-tipi ta' prodotti li jaqblu biss, dan ma kienx se jbiddel it-tendenzi osservati.

    (57)

    Fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet abbażi tan-numru ta' kontroll tal-prodott, jiġifieri qabblet prodotti tal-istess tip, skont il-prattika standard. Il-Kummissjoni tissottolinja wkoll li r-rappreżentattività tat-tipi ta' prodotti li jaqblu bejn it-tipi ta' prodotti esportati miċ-Ċina u t-tipi ta' prodotti mibjugħa mill-industrija tal-UE fis-suq ħieles hija għolja. In-numri ta' kontroll tal-prodott jirriflettu, fost oħrajn, anke l-grad B jew Ċ. L-inklużjoni tal-grad bħala wieħed mill-karatteristiċi fin-numru ta' kontroll tal-prodott hija ġustifikata minħabba li ż-żewġ gradi għandhom karatteristiċi fiżiċi differenti: il-grad Ċ għandu duttilità ogħla mill-grad B, li jagħmlu neċessarju għal ċerti applikazzjonijiet fejn ma jkunx jista' jintuża l-grad B. L-investigazzjoni wriet ukoll li l-grad Ċ jinbiegħ bi prezz ogħla mill-grad B, u bħala medja l-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu huma ogħla. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni qieset din il-karatteristika tal-prodott fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz. Bħala riżultat, it-tqabbil tal-prezz bejn il-grad B u grad Ċ ma setax isir minħabba li ma kienx hemm tqabbil bejn it-tipi ta' prodotti mibjugħa mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u l-grad Ċ mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għat-tibdil tan-numru ta' kontroll tal-prodott minħabba li r-rappreżentattività tat-tipi ta' prodotti importati kienet għolja. Fl-istess waqt, il-fatt li tip ta' prodott mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni ma jaqbilx għal kollox mat-tipi ta' prodotti importati fl-UE mill-pajjiż ikkonċernat ma jeskludix il-fatt li dawn it-tipi ta' prodotti jikkompetu ma' xulxin u jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott. Għalhekk id-dikjarazzjoni tal-partijiet interessati għandha tiġi rifjutata.

    (58)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, żewġ partijiet interessati sostnew li l-prezzijiet tat-tipi ta' prodott li ma jaqblux ma kinux twaqqgħu minħabba l-importazzjonijiet miċ-Ċina, u li għalhekk proporzjon sinifikanti tas-suq tal-Unjoni ma ġiex affettwat mill-importazzjonijiet miċ-Ċina.

    (59)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-prezzijiet tat-tipi ta' prodotti li ma jaqblux (grad Ċ) kienu ogħla minn dawk tat-tipi ta' prodotti li jaqblu (grad B), u għalhekk l-importazzjonijiet miċ-Ċina waqqgħu l-prezzijiet tal-grad Ċ b'aktar milli waqqgħu l-prezzijiet tal-grad B. L-importazzjonijiet miċ-Ċina nstabu li huma anke f'kompetizzjoni mal-bejgħ tal-grad Ċ, kif spjegat fil-premessa (56). Għalhekk, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tal-parti interessata, il-prezzijiet tal-Unjoni tat-tipi kollha ta' prodotti twaqqgħu mill-importazzjonijiet miċ-Ċina. Madankollu, kif spjegat fil-premessa (57) hawn fuq, id-determinazzjoni tal-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz kienet saret abbażi tan-numri ta' kontroll ta' prodotti li jaqblu sabiex tintlaħaq determinazzjoni oġġettiva u ġusta. Dan huwa għall-vantaġġ tal-produtturi Ċiniżi, minħabba li l-importazzjonijiet Ċiniżi ma ġewx imqabbla ma' tipi ta' prodotti tal-Unjoni aktar għoljin. Fi kwalunkwe każ, it-tipi ta' prodotti li ma jaqblux kienu sempliċiment jirrappreżentaw parti żgħira tas-suq ħieles, peress li l-maġġoranza vasta tal-bejgħ tal-grad Ċ iseħħ fis-suq magħluq. Għalhekk din id-dikjarazzjoni għandha tiġi rifjutata.

    6.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    (60)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar ir-rimarki preliminari u l-indikaturi makroekonomiċi, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (64) sa (80) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    (61)

    Wara divulgazzjoni provviżorja, kif spjegat fil-premessa (8) hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni ppreżentat data riveduta dwar il-kost b'mod partikolari għall-perjodu kkunsidrat. Id-data riveduta li ġiet ivverifikata fl-istabbilimenti tagħhom tittratta wkoll il-fluss tal-flus u l-investimenti. Bħala riżultat ta' dan, reġgħu ġew iddikjarat l-indikaturi li jirrigwardaw il-kost, il-profitabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti biex jirriflettu l-informazzjoni verifikata. Filwaqt li t-tibdil jaffettwa kemmxejn il-livell eżatt ta' ċerti indikaturi, dan ma jbiddilx il-konklużjonijiet ġenerali dwar id-dannu tar-Regolament provviżorju Il-premessi (66) sa (68) ta' hawn taħt jissostitwixxu l-premessi (81) sa (83) tar-Regolament provviżorju.

    (62)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, għadd ta' partijiet interessati kkontestaw il-bażi proċedurali għall-preżentazzjoni tad-data riveduta u l-verifika tagħha mill-Kummissjoni. Il-partijiet interessati talbu informazzjoni addizzjonali dwar id-data riveduta, u sostnew li r-reviżjonijiet ipoġġu f'dubju l-konklużjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta' dannu.

    (63)

    Dwar il-proċedura, il-Kummissjoni tinnota li l-preżentazzjonijiet il-ġodda indirizzaw il-mistoqsijiet jew l-ommissjonijiet li nstabu fl-istadju provviżorju u għalhekk l-għan tagħhom kien li titjieb l-eżattezza tas-sejbiet. Il-Kummissjoni aċċettat biss ir-reviżjonijiet li jistgħu jiġu vverifikati, li dan illimita l-impatt tal-preżentazzjonijiet riveduti meta mqabbla mad-dikjarazzjonijiet inizjali tal-industrija tal-Unjoni.

    (64)

    Dwar il-konsegwenzi tat-tibdil fuq is-sejbiet dwar id-dannu, il-Kummissjoni tosserva, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet interessati, li l-impatt tal-modifiki kien wieħed żgħir. Il-Kummissjoni tosserva li l-aġġustamenti fil-prezzijiet tar-ruttam u l-kost tal-oġġetti mibjugħa kienu fil-medda ta' bejn 1 % u 2 %. Għalhekk it-tibdil ma jbiddilx is-sejbiet ġenerali dwar l-eżistenza ta' dannu.

    (65)

    Dwar il-fluss tal-flus minn bejgħ mhux relatat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-data riveduta li ma kinitx disponibbli fl-istadju provviżorju. Il-korrezzjoni ma affettwax il-fluss tal-flus fuq il-bejgħ relatat, u lanqas ma bidlet il-konklużjoni li l-qagħda tal-fluss tal-flus iddeterjorat wara li bdew l-importazzjonijiet miċ-Ċina. Fir-rigward tar-redditu fuq l-investimenti u l-kost tal-impjiegi, il-Kummissjoni kkoreġiet żbalji klerikali fil-formuli fit-tabelli fil-premessi (83) u (91) tar-Regolament provviżorju. Dawn il-korrezzjonijiet ikkonfermaw il-konklużjonijiet dwar it-tnaqqis fir-redditu fuq l-investiment u l-impatt tal-kost lavorattiv.

    (a)   Prezzijiet medji tal-bejgħ għal kull unità fis-suq tal-Unjoni u l-kost ta' unità tal-produzzjoni

    (66)

    Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqsu b'16 % mill-2012 sal-PI. It-tnaqqis fil-prezz jirrifletti x-xejra ta' tnaqqis ġenerali fil-prezz dinji tal-materja prima, kemm tar-ruttam imqatta' użat fl-Unjoni kif ukoll tal-minerali tal-ħadid użati fiċ-Ċina u fil-pajjiż analogu, kif muri fit-tabella hawn taħt.

     

    2011

    2012

    2013

    2014

    PI

    Il-prezz tar-ruttam f'EUR/tunnellata (produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun)

    319

    307

    279

    269

    260

    Indiċi (2012 = 100)

    104

    100

    91

    88

    85

    Il-prezz tar-ruttam imqatta' f'EUR/tunnellata (is-suq tal-Unjoni)

    318

    285

    254

    261

    251

    Indiċi (2012 = 100)

    112

    100

    89

    92

    88

    Il-prezz tal-mineral tal-ħadid f'EUR/tunnellata (importazzjonijiet lejn iċ-Ċina)

    124

    100

    96

    72

    60

    Indiċi (2012 = 100)

    125

    100

    96

    73

    61

    Il-prezz tal-mineral tal-ħadid f'EUR/tunnellata (importazzjonijiet lejn iċ-Ċina) ippreżentat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi

    Mhux ipprovdut

    Mhux ipprovdut

    [90-110]

    [60-80]

    [50–70]

    Sors: L-ilmentatur, it-tweġibiet għall-kwestjonarju, www.indexmundi.com, CISA.

    (67)

    Madankollu, il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, mill-2012 sal-PI, naqsu aktar malajr mill-prezzijiet tal-materja prima għar-ruttam imqatta', kemm f'termini assoluti kif ukoll relattivi. Kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt, dan irriżulta f'telf mill-2013 'il quddiem.

     

    2011

    2012

    2013

    2014

    PI

    Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni lil klijenti relatati

    529

    540

    483

    464

    458

    Indiċi (2012 = 100)

    98

    100

    89

    86

    85

    Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati

    505

    507

    456

    434

    427

    Indiċi (2012 = 100)

    100

    100

    90

    86

    84

    Il-kost ta' unità ta' oġġetti mibjugħa għall-bejgħ relatat (EUR/tunnellata)

    544

    527

    490

    479

    470

    Indiċi (2012 = 100)

    103

    100

    93

    91

    89

    Il-kost ta' unità ta' oġġetti mibjugħa għall-bejgħ mhux relatat (EUR/tunnellata)

    504

    491

    458

    444

    433

    Indiċi (2012 = 100)

    103

    100

    93

    90

    88

    Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju

    (b)   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

    (68)

    Matul il-perjodu kkunsidrat, il-likwidità tal-produtturi tal-Unjoni, l-investiment, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiżdied il-kapital żviluppaw kif ġej:

     

    2011

    2012

    2013

    2014

    PI

    Profittabiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ)

    – 2,8

    + 2,5

    – 1,5

    – 3,2

    – 2,7

    Il-profittabiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati aġġustata għal tipi ta' prodotti komparabbli (% tal-fatturat tal-bejgħ)

    + 0,2

    + 4,8

    + 0,9

    – 1,9

    – 0,5

    Bejgħ relatat mal-fluss tal-flus (EUR)

    – 208 055

    6 928 639

    1 692 126

    609 421

    1 441 890

    Bejgħ mhux relatat mal-fluss tal-flus (EUR)

    3 311 842

    11 567 283

    1 947 404

    2 258 271

    1 060 330

    Investimenti (EUR)

    7 176 323

    6 546 524

    5 880 627

    4 504 181

    5 030 792

    Indiċi (2012 = 100)

    110

    100

    90

    69

    77

    Redditu fuq l-investimenti (%)

    – 3

    8

    – 2

    – 7

    – 5

    Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju

    (69)

    Fin-nuqqas ta' modifiki dwar il-profitabilità tal-bejgħ relatat, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (84) sa (85) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    (70)

    Bħala riżultat tad-data riveduta, il-premessi (86) sa (87) tar-Regolament provviżorju ġew sostitwiti bil-premessi (71) sa (72) hawn taħt:

    (71)

    Għall-bejgħ mhux relatat tagħhom, ittieħdet xejra simili bħal dik tal-bejgħ relatat. Il-bejgħ mhux relatat kien qiegħed jagħmel profitt fl-2012, kważi laħaq ekwilibriju fl-2013 u mbagħad beda' jagħmel telf mill-2014 'il quddiem.

    (72)

    Il-fluss tal-flus, li huwa l-kapaċità tal-industrija li tiffinanzja l-attivitajiet tagħha stess, kien inizjalment pożittiv għall-bejgħ mhux relatat, iżda naqas mill-2013, f'konformità mat-tnaqqis fil-profitti. Il-fluss tal-flus mill-bejgħ relatat kien negattiv fl-2011, iżda pożittiv fil-bqija tal-perjodu kkunsidrat. Madankollu, peress li l-prezzijiet tal-bejgħ relatat mhux bilfors jirriflettu l-prezzijiet tas-suq, il-fluss tal-flus mill-bejgħ relatat ma setax jiġi meqjus li jirrifletti l-fluss tal-flus tal-industrija tal-Unjoni.

    (73)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar l-indikaturi elenkati fil-premessa (68) hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (88) sa (89) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    (c)   L-istokks

    (74)

    Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-istokks, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (90) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    (d)   Il-kost lavorattiv

    (75)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, wasal għall-attenzjoni tal-Kummissjoni żball li kien hemm fit-Tabella fil-premessa (91) tar-Regolament provviżorju. L-iżball klerikali kien jittratta l-formula tal-ispejjeż medji għal kull impjegat fit-tabella fil-premessa (91) tar-Regolament provviżorju. L-espressjoni “13 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni” ġiet sostitwita b'“4 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni”. It-tabella fil-premessa (91) tar-Regolament provviżorju ġiet sostitwita bit-tabella ta' hawn taħt:

     

    2011

    2012

    2013

    2014

    PI

    Kost lavorattiv medju għal kull impjegat (EUR)

    41 407

    47 208

    41 650

    45 539

    49 449

    Indiċi (2012 = 100)

    88

    100

    88

    96

    105

    Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju

    (76)

    Fid-dawl tal-premessa (91) tar-Regolament provviżorju, parti interessata kkummentat li mill-2012 sal-PI l-kost lavorattiv tal-industrija tal-Unjoni żdied b'mod sinifikanti.

    (77)

    Il-Kummissjoni tinnota li t-tabella kkoreġuta ta' hawn fuq turi żieda moderata ta' 5 % fil-kost lavorattiv medju mill-2012 sal-PI. Il-kumment tal-parti interessata nstab li huwa ġustifikat u ġie indirizzat fit-tabella kkoreġuta. Il-korrezzjoni ma tbiddilx il-konklużjoni ġenerali dwar id-dannu.

    7.   Konklużjoni dwar id-dannu

    (78)

    Fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju, l-espressjoni “4 punti perċentwali” ġiet sostitwita b'“aktar minn 5 punti perċentwali”.

    (79)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar il-konklużjoni dwar id-dannu, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (92) sa (94) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku huma kkonfermati.

    E.   KAWŻALITÀ

    1.   Introduzzjoni u l-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

    (80)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, parti interessata ddikjarat li l-industrija tal-Unjoni nnifisha kienet dawret l-attenzjoni tagħha minn fuq il-prodott ikkonċernat għal fuq prodotti oħra. Għalhekk it-tnaqqis osservat fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat huwa riżultat tal-għażliet li saru mill-industrija tal-Unjoni u mhuwiex attribwibbli għall-importazzjonijiet Ċiniżi. Il-parti interessata ddikjarat li għalhekk l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu minħabba li prodotti oħra għamlu tajjeb għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, mingħajr ebda effett nett negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Din id-dikjarazzjoni ġiet ripetuta minn żewġ partijiet interessati wara d-divulgazzjoni definittiva.

    (81)

    Il-Kummissjoni tinnota li, kif spjegat fil-premessa (72) tar-Regolament provviżorju, l-istess makkinarju jista' jintuża kemm għall-manifattura ta' HFP rebars u ta' prodotti oħra. Madankollu, dan il-fatt ma jwassalx għall-konklużjoni li ż-żieda fil-produzzjoni tal-prodotti l-oħra hija l-kawża tat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-HFP rebars. Din ir-rabta kawżali tkun teżisti biss jekk il-makkinarju jkun qed jopera viċin il-kapaċità sħiħa tiegħu. F'inqas minn kapaċità sħiħa, kif inhu l-każ hawnhekk, tista' tiżdied il-produzzjoni ta' prodotti oħra mingħajr ma tikkawża t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-HFP rebars. Iż-żieda fil-produzzjoni ta' prodotti oħra ma taffettwax il-valutazzjoni tad-dannu għall-HFP rebars li ġiet stabbilita fis-sezzjoni D hawn fuq. Il-Kummissjoni ma sabet ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-produtturi tal-Unjoni kienu ħadu deċiżjoni attiva biex inaqqsu l-produzzjoni tal-HFP rebars sabiex jiffokaw fuq prodotti oħra. Għalhekk din il-pretensjoni għandha tiġi miċħuda.

    (82)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward l-introduzzjoni u l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (95) sa (99) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.   L-effett ta' fatturi oħrajn

    2.1.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni

    (83)

    Parti interessata qalet li l-kawża tad-dannu materjali hija l-ineffiċjenza tal-industrija tal-Unjoni u mhux l-importazzjonijiet miċ-Ċina. Il-parti interessata allegat li n-nuqqas ta' esportazzjonijiet lejn swieq terzi u l-eżistenza ta' importazzjonijiet mit-Turkija lejn l-Unjoni, minkejja l-prezzijiet għoljin tagħhom, huma sinjali tal-ineffiċjenza tal-industrija tal-Unjoni. Il-parti interessata ddikjarat li bħala riżultat ta' dan, l-impożizzjoni ta' miżuri kontra l-importazzjonijiet miċ-Ċina mhijiex sejra tgħin lill-industrija tal-UE, peress li l-importazzjonijiet miċ-Ċina jiġu sostitwiti minn importazzjonijiet minn pajjiżi oħra. Din id-dikjarazzjoni ġiet ripetuta minn żewġ partijiet interessati wara d-divulgazzjoni definittiva.

    (84)

    Il-Kummissjoni tinnota li fl-2012, qabel bdew l-importazzjonijiet mill Ċina, l-industrija tal-Unjoni kienet profitabbli. Il-volumi tal-esportazzjonijiet kienu diġà żgħar, u dan ma waqqafx lill-industrija milli tagħmel profitt. Għalhekk id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma setgħetx ġiet ikkawżata min-nuqqas ta' esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tosserva li d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni beda malli tfaċċaw l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina.

    (85)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li kif ġie spjegat fil-premessa (105) tar-Regolament provviżorju, matul il-PI l-importazzjonijiet mit-Turkija kienu jirrappreżentaw 2 % biss tas-sehem mis-suq u li għalhekk l-impatt tal-importazzjonijiet mit-Turkija ma kienx tali li jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u d-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    (86)

    Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza biex tissostanzja l-allegata ineffiċjenza tal-industrija tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, instab li l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż analogu. Għalhekk id-dikjarazzjoni għandha tiġi rrifjutata.

    (87)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (100) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.2.   Bejgħ lil partijiet relatati

    (88)

    Parti interessata kkummentat li t-tnaqqis globali fil-bejgħ lil partijiet mhux relatati hija spjegata mill-fatt li produttur wieħed tal-Unjoni żied il-bejgħ lill-partijiet relatati tiegħu għad-detriment ta' partijiet mhux relatati. Il-parti interessata allegat li għalhekk it-tnaqqis fil-bejgħ mhux relatat ma ġiex ikkawżat mill-importazzjonijiet miċ-Ċina, iżda minħabba li produttur wieħed tal-Unjoni qaleb il-bejgħ lejn klijenti relatati.

    (89)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li t-tnaqqis fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil partijiet mhux relatati seħħ f'kuntest ta' żieda fil-konsum tal-Unjoni, kif spjegat fil-premessi (74) sa (76) tar-Regolament provviżorju. Bejgħ relatat ma jistax jispjega għaliex il-produtturi tal-Unjoni ma setgħux iżidu l-bejgħ tagħhom b'mod konformi mal-espansjoni fil-konsum. It-tieni nett, id-dikjarazzjoni ta' hawn dwar il-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni lil partijiet relatati hija kontradetta mit-tabella fil-premessa (74) tar-Regolament provviżorju li turi li l-bejgħ relatat ma żdiedx, iżda baqa' pjuttost stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. L-argument dwar allegat żieda ta' bejgħ relatat għad-detriment tal-bejgħ mhux relatat huwa infondat u għalhekk ma jistax ikisser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u d-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    (90)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-bejgħ lil partijiet relatati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (101) sa (103) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

    (91)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (104) sa (106) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.4.   Il-kriżi ekonomika

    (92)

    Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-kriżi ekonomika, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (107) sa (108) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.5.   Il-prezzijiet tal-materja prima prinċipali

    (93)

    Parti interessata tenniet id-dikjarazzjoni diskussa fil-premessi (109) sa (110) tar-Regolament provviżorju, li tgħid li l-kawża ewlenija tad-dannu huma l-ispejjeż aktar għoljin tal-metodi ta' produzzjoni u tal-materja prima tal-industrija tal-UE (ruttam u fran tal-elettriku) meta mqabbla maċ-Ċina (mineral tal-ħadid u faħam). Tgħid li r-raġunament tal-premessi (109) sa (110) tar-Regolament provviżorju naqas milli jqis ir-rati differenti ta' konsum tal-mineral tal-ħadid u tar-ruttam.

    (94)

    Il-Kummissjoni ttenni, kif iddikjarat fil-premessa (110) tar-Regolament provviżorju, li ż-żewġ metodi ta' produzzjoni huma differenti u jużaw kombinazzjonijiet differenti ta' materja prima u enerġija. Il-parti interessata ma ppreżentat l-ebda data sostanzjata dwar l-allegat impatt tal-metodu ta' produzzjoni. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tosserva li l-piż tal-materja prima jlaħħaq madwar 60 % tal-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li l-kost tal-enerġija huwa fil-medda ta' 8-10 %. Kwalunkwe tfaddil fil-prezz tal-materja prima minħabba metodu alternattiv ta' produzzjoni jispiċċa talanqas parzjalment newtralizzat minn konsum akbar ta' enerġija. Għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-prezzijiet taż-żewġ materji primi differenti mhumiex direttament komparabbli. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tosserva li l-marġni ta' dumping ġie stabbilit abbażi tal-valur normali fl-Afrika t'Isfel, u mhux abbażi tal-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija Ċiniżi. L-argumenti imressqa mill-parti interessata ma jurux li d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni huwa dovut għall-metodu ta' produzzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li għalkemm it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fiċ-Ċina seta' kellu impatt pożittiv fuq il-produtturi esportaturi Ċiniżi, fih innifsu l-metodu ta' produzzjoni ma jistax ikun il-kawża tad-dannu imġarrab mill-industrija tal-Unjoni u jkisser ir-rabta kawżali bejn id-dannu u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina. Għalhekk din id-dikjarazzjoni trid tiġi rrifjutata.

    (95)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-prezz tal-materja prima ewlenija, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (109) sa (110) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.6.   Kompetizzjoni bejn il-produtturi tal-Unjoni

    (96)

    Parti interessata qalet li t-tnaqqis fil-prezzijiet u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni ma ġiex ikkawżat mill-importazzjonijiet miċ-Ċina iżda mill-kompetizzjoni ħarxa bejn il-produtturi tal-Unjoni. Allegat li dan huwa muri mit-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet fil-perjodu ta' wara l-PI, anki fin-nuqqas ta' importazzjonijiet miċ-Ċina.

    (97)

    Il-Kummissjoni tinnota li matul il-PI instab li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina kienu waqqgħu l-prezzijiet tal-UE, u b'hekk ġiet stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina. Fir-rigward tal-iżviluppi wara l-PI, il-Kummissjoni tinnota ż-żieda sinifikanti fl-inventarji ta' oriġini Ċiniża, li probabbilment maż-żmien dan se jispiċċa jrażżan il-prezzijiet anki fin-nuqqas ta' importazzjonijiet immedjati. Għalhekk dan l-argument għandu jiġi rrifjutat.

    2.7.   Ir-rata tal-kambju tal-USD/GBP

    (98)

    Parti interessata qalet li l-kawża tal-importazzjonijiet miċ-Ċina hija l-fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju bejn il-GBP u l-USD. L-apprezzament tal-GBP kontra l-USD allegatament wassal biex il-produttur tar-Renju Unit ma baqax kompetittiv u fetaħ id-domanda għal importazzjonijiet miċ-Ċina, li huma kkwotati f'USD.

    (99)

    Il-Kummissjoni tinnota li d-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz hija bbażata fuq il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li jinsabu fi Franza, fil-Portugall u fi Spanja, filwaqt li d-determinazzjoni tad-dumping hija bbażata fuq il-valur normali fl-Afrika t'Isfel. Dawn is-sejbiet mhumiex affettwati minn fluttwazzjonijiet fir-rata tal-kambju tal-USD/GBP. Barra minn hekk, mill-2012 sal-PI l-USD apprezza kontra l-GBP. Għalhekk l-argument għandu jiġi rrifjutat.

    2.8.   Fatturi oħra allegati

    (100)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, għadd ta' partijiet interessati qalu li l-importazzjonijiet miċ-Ċina ma setgħux ikkawżaw id-dannu lill-produttur tal-Unjoni li tipi ta' prodotti tiegħu ma kienux jaqblux mat-tipi ta' prodotti importati miċ-Ċina. Dan huwa allegatament muri mir-rata aktar baxxa ta' profitt ta' dan il-produttur meta mqabbla mal-profitt medju tal-produtturi l-oħra tal-Unjoni. Il-partijiet interessati sostnew li għandu jkun hemm fattur ieħor li qed jikkawża d-dannu lil dan il-produttur li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, iżda ma speċifikawx kawża alternattiva possibbli. Il-partijiet interessati sostnew li l-produttur tal-Unjoni ma kellux jiġi inkluż fl-analiżi tad-dannu.

    (101)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa (69) tar-Regolament provviżorju, li tiċċara li anki jekk id-dannu kien ġie stabbilit abbażi tat-tipi ta' prodotti li jaqblu biss, dan ma kienx se jbiddel it-tendenzi osservati. It-tieni nett, kif spjegat fil-premessi (55) sa (57) hawn fuq, it-tipi ta' prodotti importati miċ-Ċina jistgħu jiġu sostituti mill-prodott li ma jaqbilx u għalhekk jistgħu jikkawżaw dannu anke lill-produttur tal-Unjoni li t-tipi ta' prodotti tiegħu ma kienux jaqblux mat-tipi ta' prodotti importati miċ-Ċina. It-tielet nett, il-profitti tal-produtturi differenti jistgħu jkunu differenti minħabba l-istrutturi speċifiċi tal-ispejjeż u tal-prezzijiet ta' kull produttur. Fl-aħħar nett, il-parti interessata ma ssuġġeriet ebda kawża alternattiva ta' dannu li tista' tkisser ir-rabta kawżali. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-dikjarazzjoni għandha tiġi rrifjutata.

    2.9.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (102)

    Fil-qosor, il-Kummissjoni tqis li l-ebda argument imressaq mill-partijiet interessati wara d-divulgazzjoni provviżorja ma jista' jbiddel is-sejbiet provviżorji li stabbilixxew rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u d-dannu materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni matul il-PI. Il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (111) sa (114) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    (103)

    Abbażi tal-analiżi ta' hawn fuq, li ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping, ġie konkluż li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping miċ-Ċina kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

    (104)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, diversi partijiet interessati qalu li l-impożizzjoni tal-miżuri jmorru kontra l-interess tal-Unjoni.

    1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    (105)

    Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (115) sa (117) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

    (106)

    Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (118) sa (124) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    3.   L-interess tal-utenti

    (107)

    Diversi partijiet interessati esprimew tħassib dwar id-disponibbiltà tal-provvista għall-utenti indipendenti. Irrilevaw li l-importazzjonijiet huma neċessarji sabiex tiġi sodisfatta d-domanda peress li l-kapaċità domestika hija ferm inqas mill-konsum. Skont dawn il-partijiet interessati, l-utenti indipendenti sejrin jiffaċċjaw diffikultajiet sabiex iġibu l-prodott ikkonċernat fil-każ li l-importazzjonijiet miċ-Ċina ma jibqgħux kompetittivi bħala riżultat tal-miżuri. Allegaw li ma hemmx sorsi alternattivi disponibbli minħabba li l-produttur tal-Unjoni li jinsab fir-Renju Unit qiegħed jagħti preferenza lill-utenti relatati tiegħu, u dan jirrestrinġi d-disponibbiltà tal-provvista għall-utenti indipendenti u potenzjalment jispiċċaw joħroġu mis-suq. Dan imbagħad iwassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq downstream, li jipperikola proporzjon kbir tal-impjiegi attwalment eżistenti mal-utenti indipendenti. Irrilevaw li fir-rigward tal-prodott ikkonċernat hemm aktar impjiegi involuti fl-industrija downstream milli f'dik tal-Unjoni.

    (108)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għan tal-miżuri antidumping mhuwiex li jiġi prekluż l-aċċess għas-suq għall-esportaturi li jipprattikaw id-dumping imma sabiex jiġi eliminat l-effett distortiv ta' dumping dannuż fuq il-kummerċ u tiġi restawrata kompetizzjoni effettiva fis-suq. Ladarba tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet l-utenti jistgħu jkomplu jixtru l-HFP rebars miċ-Ċina. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (132) tar-Regolament provviżorju, hemm kapaċità żejda sinifikanti fl-Unjoni, b'mod partikolari ma' produtturi li jinsabu barra mir-Renju Unit u li ma għandhomx utenti relatati. Il-Kummissjoni tqis li ma tressaq ebda argument li juri li l-utenti indipendenti sejrin jiffaċċjaw diffikultajiet biex jixtru mingħand dawn il-produtturi tal-Unjoni. Bħala konsegwenza, l-utenti indipendenti jistgħu jkomplu jikkompetu fis-suq. Għalhekk l-argument għandu jiġi injorat.

    (109)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, żewġ partijiet interessati sostnew li l-miżuri mhumiex fl-interess tal-Unjoni minħabba li jekk jiġu imposti l-miżuri kontra l-importazzjonijiet miċ-Ċina l-utenti jispiċċaw jagħmlu telf. Madankollu l-partijiet interessati ma pprovdewx argumenti għaliex l-utenti ma jistgħux iduru għas-sorsi alternattivi ta' provvista spjegati hawn fuq. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet injorata.

    (110)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-interess tal-utenti, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (125) sa (136) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    4.   L-interess tal-importaturi

    (111)

    Xi partijiet interessati argumentaw li l-impożizzjoni tal-miżuri se jkollha impatt negattiv fuq l-importaturi. L-importaturi ma jkunux jistgħu jgħaddu ż-żidiet fil-prezzijiet lill-klijenti, li jwassalhom biex jagħmlu t-telf. Meta wieħed iqis il-marġni ta' profitt dejjaq tagħhom, ikunu fil-periklu li jfallu.

    (112)

    Madankollu l-Kummissjoni tinnota li l-produzzjoni domestika fir-Renju Unit mhijiex biżżejjed biex tforni l-konsum kollu, u dan iwassal għall-ħtieġa kontinwa ta' importazzjonijiet. L-importaturi se jkunu jistgħu jkomplu l-attività tagħhom billi jimportaw minn sorsi oħra ta' provvista u anke miċ-Ċina bi prezzijiet mhux dannużi wara l-impożizzjoni tad-dazji. Għalhekk mhuwiex probabbli li l-importaturi se jsofru effetti negattivi sostanzjali bħala riżultat tal-miżuri.

    (113)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-interess tal-importaturi, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (137) sa (139) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (114)

    Fil-qosor, l-ebda argument imressaq mill-partijiet interessati ma juri li hemm raġunijiet konvinċenti kontra l-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina. Kwalunkwe effett negattiv fuq l-utenti mhux relatati jittaffa permezz tad-disponibbiltà ta' sorsi alternattivi ta' provvista. Barra minn hekk, meta jiġi kkunsidrat l-impatt globali tal-miżuri antidumping fuq is-suq tal-Unjoni, l-effetti pożittivi, b'mod partikolari fuq l-industrija tal-Unjoni, jidhru li jegħlbu l-impatti potenzjalment negattivi fuq il-gruppi ta' interess l-oħra. Għalhekk, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (140) sa (142) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    G.   L-IMPOŻIZZJONI RETROATTIVA TA' DAZJI ANTIDUMPING

    (115)

    Kif imsemmi fil-premessa (3) hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet importazzjonijiet HFP rebars li joriġinaw miċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni mid-19 ta' Diċembru 2015 wara talba mill-ilmentatur.

    (116)

    Ir-reġistrazzjoni tikkonċerna importazzjonijiet li saru bejn id-19 ta' Diċembru 2015 u l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji antidumping, jiġifieri d-29 ta' Jannar 2016.

    (117)

    Kif imsemmi fil-premessa (10) hawn fuq, kien hemm kooperazzjoni mill-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u minn tliet importaturi mhux relatati. L-importazzjonijiet tagħhom irrappreżentaw 70 % tat-total tal-importazzjonijiet miċ-Ċina matul il-PI u 79 % tal-importazzjonijiet kollha miċ-Ċina fil-perjodu ta' wara l-PI, jiġifieri minn April 2015 sa Jannar 2016.

    (118)

    Bosta partijiet interessati taw kummenti li jopponu ġbir retroattiv tad-dazji. L-industrija tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, talbet għal applikazzjoni retroattiva.

    (119)

    Skont l-Artikolu 10(4)(b) tar-Regolament bażiku, id-dazji jistgħu jiġu imposti retroattivament jekk ikun hemm “flimkien mal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw ħsara matul il-perjodu ta' investigazzjoni, hemm żjieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, x'aktarx taħdem b'mod serju kontra l-effett ta' rimedju tad-dazju kontra l-bejgħ taħt il-prezz li għandu jiġi applikat”.

    (120)

    Il-Kummissjoni tosserva li wara r-reġistrazzjoni, l-importazzjonijiet miċ-Ċina waqfu, bl-eċċezzjoni ta' konsenja waħda ta' bejn wieħed u ieħor 10 000 tunnellata li daħlu fl-Unjoni wara r-reġistrazzjoni. Verifika mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, fuq il-bażi ta' talba bbażata fuq l-Artikolu 6(4) tar-Regolament bażiku, ma wrietx dikjarazzjonijiet oħra li jappartjenu taħt il-kodiċi TARIC rilevanti, għalhekk l-istatistika tal-importazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tidher affidabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tosserva li r-reġistrazzjoni kienet biżżejjed biex twaqqaf l-importazzjonijiet kważi għal kollox u għalhekk biex jiġi evitat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konsenja għalhekk x'aktarx ma timminax b'mod serju l-effett rimedjali tad-dazji.

    1.   Konklużjoni dwar ir-retroattività

    (121)

    Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li waħda mill-kundizzjonijiet legali taħt l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku mhijiex issodisfata u għalhekk id-dazju ma għandhomx jiġu imposti b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati.

    H.   IL-MIŻURI DEFINITTIVI TA' ANTIDUMPING

    1.   Il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (Marġni ta' dannu)

    (122)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-industrija tal-Unjoni kkontestat il-profitt fil-mira li intuża sabiex jiġi determinat il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu kif stabbilit fil-premessa (147) tar-Regolament provviżorju, u argumentat li l-livell (+ 1,65 %) ma kienx biżżejjed u lanqas ma kien rappreżentattiv għal dak it-tip ta' industrija fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping. L-industrija tal-Unjoni argumentat li l-Kummissjoni għandha tagħżel rata ogħla ta' profitt u ssuġġeriet għadd ta' metodi alternattivi sabiex tiġi determinata r-rata ta' profitt rilevanti. Kif issemma fil-premessa (8) hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni ppreżentat ukoll data dwar il-profitti storiċi minn qabel il-perjodu kkunsidrat u ssuġġeriet li bħala alternattiva possibbli l-2008 tintuża bħala l-aktar sena adattata ta' referenza. Fl-aħħar nett, kif spjegat ukoll fil-premessa (61) hawn fuq, il-verifika tad-data riveduta dwar l-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni għall-perjodu kkunsidrat wasslet ukoll għal tibdil fil-profitabbiltà tagħhom.

    (123)

    Il-Kummissjoni tosserva li d-data dwar il-profittabilità speċifikament relatata mal-prodott ikkonċernat tikkostitwixxi punt ta' riferiment aktar preċiż mid-data dwar il-profittabilità ta' prodotti oħra tal-azzar jew tas-settur tal-azzar inġenerali, li kienu l-bażi ta' uħud mill-metodi suġġeriti mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk dawk il-metodi ġew rifjutati.

    (124)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li d-data dwar il-profitabbiltà mill-perjodu kkunsidrat, jekk ikun hemm sena disponibbli b'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, tikkostitwixxi punt ta' riferiment aktar preċiż mid-data dwar il-profitabbiltà minn qabel il-perjodu kkunsidrat, li kien il-bażi ta' uħud mill-metodi l-oħra suġġeriti mill-industrija tal-Unjoni. Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (147) sa (148) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni sabet li s-sena 2012 tirrifletti l-profitti li l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Għalhekk il-metodi li kienu bbażati fuq id-data mis-snin ta' qabel il-perjodu kkunsidrat ġew rifjutati.

    (125)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-livell ta' profitt provviżorjament determinat fil-premessa (147) tar-Regolament provviżorju kien konformi mad-dħul u mal-ispejjeż tas-sena 2012 ippreżentati mill-industrija tal-Unjoni u vverifikati mill-Kummissjoni fl-istadju provviżorju.

    (126)

    Kif spjegat fil-premessa (61) hawn fuq, id-data riveduta ppreżentata u verifikata wara d-divulgazzjoni provviżorja wasslet għal tibdil fil-livell ta' ċerti indikaturi dwar il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti. Id-data riveduta ġiet applikata b'mod konsistenti għall-perjodu kollu meqjus. Bħala riżultat ta' dan, kif jista' jidher fit-tabelli fil-premessi (66) sa (68), l-ispejjeż u l-profitti kienu kemmxejn differenti fis-snin kollha. B'mod partikolari, il-profittabilità tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati miksuba fis-sena 2012 inbidlet għal + 4,8 %, filwaqt li fl-istadju provviżorju l-qligħ kien ta' 1,65 %. It-tibdil fil-profitabilità kien dovut għall-fatt li l-ispejjeż riveduti kienu aktar baxxi, li b'hekk wassal għal profitt ogħla.

    (127)

    Il-Kummissjoni sabet li l-profitti li nkisbu fis-sena 2012 kienu jirriflettu l-profitti li l-industrija tal-Unjoni setgħet tikseb taħt kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, fin-nuqqas ta' dumping. Għalhekk dan il-livell ta' profitt rivedut li inkiseb fl-2012 ġie applikat bħala l-profitt fil-mira fl-istadju definittiv biex jiġu stabbiliti l-marġni ta' dannu. Bħala riżultat, fil-premessa (147) tar-Regolament provviżorju, l-espressjoni “1,65 %” għandha tiġi sostitwita b'“4,8 %”.

    (128)

    Wara d-divulgazzjoni definittiva, l-industrija tal-Unjoni kkummentat li l-marġni ta' profitt ta' prodotti oħra u ta' perjodi oħra ma għandhomx jiġu esklużi bħala modi possibbli biex jiġi stabbilit il-profitt normali. L-industrija tal-Unjoni ssottolinjat ir-rwol tal-Kummissjoni li tagħmel valutazzjoni fattwali sabiex jiġi determinat il-marġni ta' profitt l-aktar preċiż f'kull sitwazzjoni. Fir-rigward il-każ attwali, l-industrija tal-Unjoni argumentat li l-2012 ma kinitx sena b'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni minħabba l-prezzijiet għoljin tar-ruttam, id-domanda batuta u l-likwidazzjoni ta' produttur tar-Renju Unit li żiedu l-provvista fis-suq. Għalhekk minflok messhom intużaw il-marġni ta' profitt ta' prodotti oħra u/jew perjodi oħra.

    (129)

    Il-Kummissjoni tinnota li kienet speċifikament analizzat is-sitwazzjoni fis-suq matul il-perjodu kkunsidrat fid-dawl tal-argumenti dwar il-prezzijiet tar-ruttam, id-domanda u l-likwidazzjoni ta' produttur imressqa mill-industrija tal-Unjoni fl-istadju provviżorju. Kif spjegat fil-premessa (148) tar-Regolament provviżorju, dawn iċ-ċirkostanzi wasslu lill-Kummissjoni biex tqis li s-sena 2011 ma kinitx perjodu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. B'kuntrast, il- Kummissjoni ma ssibx li dawn il-fatturi jiġġustifikaw l-esklużjoni tas-sena 2012. Fir-rigward tal-prezzijiet tar-ruttam, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet seħħet kmieni fl-2011, u l-prezzijiet tar-ruttam komplew jonqsu fl-2012, kif muri fil-premessa (81) tar-Regolament provviżorju. Fir-rigward tad-domanda allegatament batuta, mill-2011 sal-2012 il-konsum żdied b'9 %, kif muri fil-premessa (57) tar-Regolament provviżorju. Fir-rigward tal-likwidazzjoni ta' produttur, it-tfixkil kellu impatt fuq is-suq b'mod partikolari fis-sena 2011, filwaqt li l-likwidazzjoni tlestiet kmieni fl-2012.

    (130)

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tal-ilmentatur u tafferma mill-ġdid il-konstatazzjoni li s-sena 2012 kienet perjodu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Peress li fil-perjodu li qed jiġi investigat hemm sena b'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, ma hemmx bżonn li d-determinazzjoni ta' profitt normali tkun ibbażata fuq perjodi oħra jew fuq prodotti oħra.

    (131)

    Wara d-divulgazzjoni provviżorja, parti interessata staqsiet jekk il-prezzijiet indikattivi tal-industrija tal-Unjoni kienu ġew ikkalkolati b'mod korrett u b'mod partikolari jekk il-Kummissjoni kinitx ikkalkolat il-profitt attwali u l-profitt fil-mira separatament għal kull PCN jew jekk il-Kummissjoni kinitx użat l-istess marġni ta' profitt għall-PCNs kollha.

    (132)

    Bi tweġiba għall-mistoqsija, il-Kummissjoni tikkonferma li kienet intużat il-metodoloġija standard: il-prezz indikattiv għal kull unità ġie kkalkulat billi l-profitt fil-mira stabbilit hawn fuq ġie miżjud mal-kost individwali ta' produzzjoni ta' kull PCN separat. B'kuntrast, il-profitt effettivament miksub kien differenti għal kull PCN, u laħħaq id-differenza bejn il-prezz medju tal-bejgħ u l-ispejjeż medji għal kull PCN individwali. Għalhekk il-mistoqsija tal-parti interessata hija meqjusa bħala imwieġba.

    (133)

    Fl-aħħar nett, kif spjegat fil-premessi (40) sa (49) hawn fuq, it-tqabbil tal-prezzijiet bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina u l-produtturi tal-Unjoni ġie aġġustat għal-livell tal-oġġetti żbarkati fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Bħala riżultat, il-kalkolu tal-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu ġie modifikat ukoll biex jirrifletti tqabbil tal-prezzijiet tal-livell tal-prodotti żbarkati fil-port fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Minħabba dan żdied il-marġni tad-dannu.

    (134)

    Parti interessata enfasizzat li l-livell tal-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi esportaturi Ċiniżi jidhru kontradittorji, peress li l-produtturi b'marġnijiet ogħla ta' dumping għandhom marġnijiet ta' dannu iktar baxxi.

    (135)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-valur normali huwa bbażat fuq il-pajjiż analogu u għalhekk huwa l-istess għall-produtturi esportaturi Ċiniżi kollha. Għalhekk tabilħaqq jista' jkun mistenni li marġni ogħla ta' dumping jkun konsegwenza ta' prezzijiet CIF aktar baxxi tal-esportazzjoni, li dan iwassal ukoll għal marġni ogħla ta' bejgħ taħt il-prezz. Madankollu, l-esportazzjonijiet ta' produttur esportatur Ċiniż wieħed (Xicheng Grupp) lejn l-Unjoni saru permezz ta' kumpaniji kummerċjali indipendenti li jinsabu fiċ-Ċina. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni użati għall-kalkolu tal-marġni ta' dumping ġew stabbiliti abbażi tal-prezzijiet fatturati lill-kumpaniji kummerċjali indipendenti, filwaqt li l-prezzijiet CIF użati għall-kalkolu tal-marġni ta' dannu ġew stabbiliti abbażi tal-prezzijiet imħallsa mill-ewwel xerrejja indipendenti fl-Unjoni. Il-prezzijiet CIF kienu talanqas 20 % ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni. L-effett ta' din id-differenza fil-mezzi ta' bejgħ kien żieda fid-differenza bejn il-marġni ta' dumping u l-marġni ta' dannu ta' dan il-produttur esportatur.

    (136)

    Meta wieħed iqis it-tibdil fil-profitt fil-mira imsemmi fil-premessa (121) hawn fuq, fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, il-konklużjonijiet l-oħra milħuqa fil-premessi (144) sa (151) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

    2.   Miżuri definittivi

    (137)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet li saru fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u f'konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell tal-marġni tal-ħsara, f'konformità mar-regola tad-dazju inferjuri. Il-Kummissjoni tinnota li anki jekk jiġu aċċettati d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet interessati dwar il-marġni ta' dumping, dan ma kienx sejjer ibiddel il-livell tal-miżuri.

    (138)

    Fuq il-bażi ta' hawn fuq, ir-rata li biha se jiġu imposti dawn id-dazji hija stabbilita kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni tad-dannu (%)

    Marġni tad-dumping (%)

    Rata ta' dazji antidumping definittivi (%)

    Jiangyin Xicheng Steel Co., Ltd.

    Jiangyin

    18,4

    62,1

    18,4

    Jiangyin Ruihe Metal Products Co., Ltd.

    Jiangyin

    18,4

    62,1

    18,4

    Jiangsu Yonggang Group Co., Ltd.

    Zhangjiagang

    22,5

    48,1

    22,5

    Jiangsu Lianfeng Industrial Co., Ltd.

    Zhangjiagang

    22,5

    48,1

    22,5

    Zhangjiagang Hongchang High Wires Co., Ltd.

    Zhangjiagang

    22,5

    48,1

    22,5

    Zhangjiagang Shatai Steel Co., Ltd.

    Zhangjiagang

    22,5

    48,1

    22,5

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    22,5

    62,1

    22,5

    (139)

    Ir-rati tad-dazju antidumping għal kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni attwali. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għal importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw miċ-Ċina u prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati mmanifatturati minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, bl-isem u bl-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenifikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

    (140)

    Kull dikjarazzjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping tal-kumpaniji individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (8) flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, b'mod partikolari kwalunkwe tibdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u esportat, assoċjat per eżempju ma' dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entità tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpa,niji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali.

    (141)

    Sabiex ir-riskji ta' ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati ta' dazju jiġu minimizzati, hemm bżonn ta' miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji antidumping individwali. Il-kumpaniji b'dazji antidumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura għandhom ikunu soġġetti għad-dazju antidumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

    (142)

    Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazju antidumping, il-livell tad-dazju residwu ma għandux japplika biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx iżda anke għal dawk il-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PI.

    3.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

    (143)

    Fid-dawl tal-marġnijiet ta' dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b'mod definit.

    (144)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju antidumping definittiv huwa b'dan impost fuq l-importazzjonijiet ta' żbarri u vireg tal-ħadid jew tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit, magħmula mill-ħadid, l-azzar mhux illigat jew l-azzar illigat (iżda minbarra l-azzar inossidabbli, l-azzar rapidu, l-azzar siliko-manganiż), mhux maħdum aktar ħlief irrumblat bis-sħana, iżda inkluż dak mibrum wara l-irrumblar; dawn l-iżbarri u l-vireg fihom indentazzjonijiet, tqabbiż, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħra magħmula waqt il-proċess tal-irrumblar jew jiġu mibrumin wara l-irrumblar; Il-karatteristika ewlenija tal-prestazzjoni li tiflaħ għal ħafna reħi hija l-kapaċità li tkun tiflaħ għal stress ripetut mingħajr ma tinkiser u, speċifikament, il-kapaċità li tirreżisti għal aktar minn 4,5 miljun ċiklu ta' reħi bl-użu ta' proporzjon ta' stress (minimu/massimu) ta' 0,2 u firxa tal-istress li taqbeż l-150 MPa, li attwalment taqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7214 20 00, ex 7228 30 20, ex 7228 30 41, ex 7228 30 49, ex 7228 30 61, ex 7228 30 69, ex 7228 30 70 u ex 7228 30 89 (kodiċijiet TARIC 7214200010, 7228302010, 7228304110, 7228304910, 7228306110, 7228306910, 7228307010 u 7228308910) u li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    2.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġej:

    Kumpanija

    Dazju (%)

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Jiangyin Xicheng Steel Co., Ltd., Jiangyin

    18,4

    C060

    Jiangyin Ruihe Metal Products Co., Ltd.,Jiangyin

    18,4

    C061

    Jiangsu Yonggang Group Co., Ltd., Zhangjiagang

    22,5

    C062

    Jiangsu Lianfeng Industrial Co., Ltd., Zhangjiagang

    22,5

    C063

    Zhangjiagang Hongchang High Wires Co., Ltd., Zhangjiagang

    22,5

    C064

    Zhangjiagang Shatai Steel Co., Ltd., Zhangjiagang

    22,5

    C065

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    22,5

    C999

    3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 isseћћ bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fiha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (Kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    L-ammonti garantiti bħala dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/113 għandhom jinġabru b'mod definittiv.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/113 tat-28 ta' Jannar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' żbarri u vireg tal-azzar b'reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 23, 29.1.2016, p. 16).

    (3)  ĠU C 143, 30.4.2015, p. 12.

    (4)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2386 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jagħmel l-importazzjonijiet ta' vireg tal-azzar għar-rinfurzar tal-konkrit li jifilħu għal ħafna reħja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 111).

    (5)  Peress li l-kalkolu tal-valur normali huwa bbażat fuq id-data ta' kumpanija waħda biss fl-Afrika t'Isfel ma tistax tiġi żvelata l-figura eżatta.

    (6)  Rapport tal-Bord tas-16 ta' Novembru 2007, DS337 Il-Komunitajiet Ewropej — Miżura Antidumping fuq is-Salamun Imrobbi min-Norveġja (WT/DS337/R).

    (7)  Il-Kawża C-26/96, Rotexchemie, sentenza tad-29 ta' Mejju 1997, EU:C:1997:261, para. 16

    (8)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, CHAR 04/039, 1049 Brussels, Belgium.


    Top