Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0634

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/634 tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru SA.25338 (2014/C) (ex E 3/2008 u ex CP 115/2004) implimentata min-Netherlands - Eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi (notifikata bid-dokument C(2016) 167) (Il-verżjoni bin-Netherlandiż biss hija awtentika)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    C/2016/0167

    ĠU L 113, 27.4.2016, p. 148–164 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/634/oj

    27.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 113/148


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/634

    tal-21 ta' Jannar 2016

    dwar il-miżura ta’ għajnuna Nru SA.25338 (2014/C) (ex E 3/2008 u ex CP 115/2004) implimentata min-Netherlands - Eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi

    (notifikata bid-dokument C(2016) 167)

    (Il-verżjoni bin-Netherlandiż biss hija awtentika)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmijin hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fl-1997 id-dipartimenti tal-Kummissjoni nedew stħarriġ dwar ir-regoli speċjali tat-taxxa applikabbli għall-intrapriżi pubbliċi fl-Istati Membri. B’rispons għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Netherlandiżi pprovdew informazzjoni dwar il-Kodiċi tan-Netherlands dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji (Wet Vennootschapsbelasting 1969 – “Wet Vpb 1969”) b’ittra tat-23 ta’ Jannar 1998.

    (2)

    Fit-2 ta’ Lulju 2004, id-dipartimenti tal-Kummissjoni bdew proċediment fuq inizjattiva proprja, irreġistrata bin-numru CP 115/2004, rigward l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi Netherlandiżi stipulata fil-Wet Vpb 1969. Huma bagħtu talbiet għall-informazzjoni fid-9 ta’ Lulju 2004, it-22 ta’ Novembru 2004, id-29 ta’ Ġunju 2006 u t-2 ta’ Lulju 2007, li l-awtoritajiet Netherlandiżi wieġbu fit-3 ta’ Settembru 2004, fl-4 ta’ April 2005, fis-26 ta’ Settembru 2006, fit-13 ta’ Diċembru 2006, fit-22 ta’ Jannar 2007 u fis-27 ta’ Lulju 2007.

    (3)

    Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2008 (“l-ittra tal-Artikolu 17”), id-dipartimenti tal-Kummissjoni nedew proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2) (“ir-Regolament Proċedurali”). Għarrfu lill-awtoritajiet Netherlandiżi li kienu tal-fehma preliminari li l-eżenzjoni tal-intrapriżi pubbliċi mit-taxxa korporattiva fil-Wet Vpb 1969 kienet tidher li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-TFUE”). Talbu lill-awtoritajiet Netherlandiżi sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Proċedurali.

    (4)

    F’Settembru 2010, wara li kienet bagħtet l-ittra tal-Artikolu 17, il-Kummissjoni rċeviet ilment relatat mal-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva tal-intrapriżi pubbliċi elenkati fil-Wet Vpb 1969. L-ilment kien marbut ma’ ajruport provinċjali, entità inkorporata bħala kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (NV), li allegatement ma kienx soġġett għat-taxxa fuq il-kumpaniji. L-ilmentatur argumenta li, billi s-sitwazzjoni fattwali u legali kienet kumparabbli mal-każ ta’ Schiphol (3), l-ajruport missu ddaħħal fil-lista ta’ intrapriżi pubbliċi indiretti taxxabbli fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni għaqqdu l-ilment mal-każ li kien qiegħed jiġi trattat skont il-proċedura ta’ kooperazzjoni.

    PROPOSTA GĦAL MIŻURI XIERQA

    (5)

    Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li kienet tipproponi miżuri xierqa skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Proċedurali bil-għan li tabolixxi l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva tal-intrapriżi pubbliċi fl-Artikolu 2(1)(g), fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969, sabiex jiġi żgurat li r-reġim tat-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi involuti f’attivitajiet ekonomiċi skont it-tifsira tal-liġi tal-UE jkun l-istess bħal dak għall-intrapriżi privati.

    (6)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ntalbu jagħtu lill-Kummissjoni l-aċċettazzjoni inkondizzjonata u inekwivoka tagħhom tal-proposta għal miżuri xierqa bil-miktub, fi żmien xahar, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Proċedurali.

    (7)

    F’ittra tal-24 ta’ Mejju 2013, l-awtoritajiet Netherlandiżi għarrfu lill-Kummissjoni li “Soġġett għall-approvazzjoni mill-Parlament, il-Gvern Netherlandiż beħsiebu jadotta leġiżlazzjoni fi żmien 18-il xahar sabiex jiżgura li l-intrapriżi pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi jkunu soġġetti għal taxxa korporattiva bl-istess mod bħall-intrapriżi privati. Din il-leġiżlazzjoni se tidħol fis-seħħ mhux aktar tard mis-sena fiskali ta’ wara. Fil-prattika, dan ifisser li l-leġiżlazzjoni se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 u l-effetti tagħha se jibdew mill-1 ta’ Jannar 2016.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

    (8)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dikjarazzjoni inkluża fl-ittra ma kinitx tikkostitwixxi aċċettazzjoni inkondizzjonata, minħabba li kienet tiddikjara biss intenzjoni kondizzjonali li tadotta l-leġiżlazzjoni.

    (9)

    F’ittra tal-11 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni lejn l-għamla kondizzjonali tal-aċċettazzjoni u talbet lill-awtoritajiet Netherlandiżi sabiex jgħarrfu lid-dipartimenti tal-Kummissjoni fi żmien tliet ġimgħat mindu jirċievu l-ittra dwar jekk in-Netherlands kinux aċċettaw il-miżuri xierqa inkondizzjonalment u inekwivokament. In-Netherlands ma weġbux għal dik l-ittra.

    FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (10)

    B’ittra tad-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni għarrfet lin-Netherlands li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna (“id-deċiżjoni li tibda l-proċedura”).

    (11)

    Id-deċiżjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

    (12)

    Wara li tat estensjoni għall-iskadenza oriġinali tas-27 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti mingħand in-Netherlands f’ittra tal-10 ta’ Settembru 2014. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll osservazzjonijiet konġunti mingħand il-partijiet interessati permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2014, u għaddiethom lin-Netherlands sabiex jikkummentaw permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2014. Il-kummenti mingħand in-Netherlands waslu fit-3 ta’ Novembru 2014.

    LIĠI LI TIMMODERNIZZA R-RESPONSABBILTÀ TAT-TAXXA KORPORATTIVA TAL-INTRAPRIŻI PUBBLIĊI

    (13)

    Fl-14 ta’ April 2014 l-awtoritajiet Netherlandiżi nedew abbozz ta’ proposta leġiżlattiva għal konsultazzjoni pubblika sabiex tiġi emendata l-Wet Vpb 1969. Il-proposta kellha l-għan li timmodernizza r-responsabbiltà tat-taxxa korporattiva tal-intrapriżi pubbliċi, sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi pubbliċi u dawk privati skont il-liġi dwar it-taxxa korporattiva.

    (14)

    Fis-16 ta’ Settembru 2014, il-proposta leġiżlattiva kienet ippreżentata quddiem il-Parlament Netherlandiż. L-Ewwel Kamra approvat il-proposta fis-26 ta’ Mejju 2015 u l-liġi l-ġdida msejħa “Wet Modernisering Vpb-plicht overheidsondernemingen” (“Wet Vpb 2015”) kienet promulgata f’liġi fl-4 ta’ Ġunju 2015. Il-liġi l-ġdida għandha l-għan li tagħmel l-intrapriżi pubbliċi soġġetti għat-taxxa korporattiva bl-istess mod bħall-intrapriżi privati, u tapplika għall-ewwel darba għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2016 jew wara din id-data. L-awtoritajiet Netherlandiżi ma nnotifikawx il-liġi l-ġdida lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-TFUE.

    (15)

    Madankollu, il-Wet Vpb 2015 tinkludi ċerti eċċezzjonijiet:

    (a)

    Din iżżomm b’mod ċar l-eżenzjonijiet mit-taxxa korporattiva għal ċerti intrapriżi pubbliċi, b’mod partikolari għal sitt intrapriżi li joperaw il-portijiet pubbliċi Netherlandiżi, jiġifieri Groningen Seaports NV, Havenbedrijf Amsterdam NV, Havenbedrijf Rotterdam NV, Havenschap Moerdijk, NV Port of Den Helder u Zeeland Seaports NV. Il-korpi li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu primarjament fil-ġestjoni, l-iżvilupp jew l-operat ta’ port huma eżentati wkoll. Għal dawn il-portijiet Netherlandiżi, l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva tibqa’ fis-seħħ sa data li għandha tiġi stabbilita mill-awtoritajiet Netherlandiżi permezz ta’ Digriet Irjali (5).

    (b)

    Din teżenta wkoll lil entitajiet edukattivi jew entitajiet tar-riċerka, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (6).

    (16)

    Id-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom laqgħa mal-awtoritajiet Netherlandiżi fis-27 ta’ Awwissu 2015. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2015, l-awtoritajiet Netherlandiżi spjegaw ir-raġunijiet li, fil-fehma tagħhom, kienu jiġġustifikaw perjodu tranżitorju sabiex il-portijiet pubbliċi Netherlandiżi jibdew iħallsu t-taxxa korporattiva.

    (17)

    Din id-Deċiżjoni ma tindirizzax biss l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi fis-seħħ fl-istess żmien tad-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri fid-9 ta’ Lulju 2014, iżda tqis ukoll l-emendi li saru mill-Wet Vpb 2015 għall-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi Netherlandiżi fl-Artikolu 2(1)(g), fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-valutazzjoni ta’ kwalunkwe emenda possibbli oħra għall-Wet Vpb 1969, li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni. B’mod partikolari, din id-Deċiżjoni la tivvaluta l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 u 6 tal-Wet Vpb 1969 u l-ebda emenda tagħha. Din id-Deċiżjoni hija limitata għall-eżenzjoni tat-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi stipulata fl-Artikolu 2(1), fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969 (7).

    2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

    2.1.   Il-Liġi Netherlandiża dwar it-Taxxa Korporattiva

    (18)

    Skont il-Wet Vpb 1969, l-entitajiet korporattivi fin-Netherlands huma soġġetti għal taxxa fuq il-kumpaniji.

    (19)

    Qabel l-emenda tal-Artikolu 2(1)(g), tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 2(7) bil-liġi l-ġdida, il-Wet Vpb 1969 kienet tapplika reġim tat-taxxa differenti għall-intrapriżi privati u pubbliċi. L-intrapriżi privati huma soġġetti għat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali. Il-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat stabbiliti sabiex imexxu negozju, bħal kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (NVs) u kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata (BVs) huma kompletament soġġetti għat-taxxa korporattiva fuq id-dħul totali tagħhom. Il-fondazzjonijiet (stichtingen) u l-assoċjazzjonijiet (verenigingen) huma soġġetti għat-taxxa korporattiva sakemm ikollhom negozju (l-Artikolu 2(1)(e) tal-Wet Vpb 1969). It-twettiq ta’ negozju (het drijven van een onderneming) huwa ddefinit fl-Artikolu 4 tal-Wet Vpb 1969 bħala kwalunkwe attività fejn ikun hemm kompetizzjoni ma’ intrapriżi oħrajn.

    (20)

    Il-Wet Vpb 2015 għandha l-għan li tneħħi l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-maġġoranza tal-intrapriżi pubbliċi, b’ċerti kundizzjonijiet. Għal dak il-għan, temenda l-Artikolu 2(1)(g), l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969 sabiex l-intrapriżi pubbliċi jsiru soġġetti għat-taxxa. Madankollu, dispożizzjonijiet ġodda jżommu l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet u għall-istituzzjonijiet edukattivi u tar-riċerka li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet (ara l-premessa 15).

    2.2.   Eżenzjoni għall-intrapriżi pubbliċi skont il-Wet Vpb 1969

    (21)

    L-intrapriżi pubbliċi huma soġġetti għal regoli speċjali dwar it-taxxa korporattiva stipulati fl-Artikoli 2(1), 2(3) u 2(7) tal-Wet Vpb 1969 (8).

    (22)

    Il-Wet Vpb 1969 tiddinstingwi bejn intrapriżi pubbliċi diretti u indiretti. Intrapriża pubblika diretta (direct overheidsbedrijf) tifforma parti minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku (publiekrechtelijke rechtspersoon). Eżempji ta’ intrapriżi pubbliċi diretti huma aġenzija muniċipali għall-iżvilupp tal-proprjetà jew dipartiment muniċipali għall-ġbir tal-iskart.

    (23)

    Intrapriża pubblika indiretta hija organizzazzjoni (ġeneralment kumpanija jew fondazzjoni limitata pubblika jew privata) li tkun irregolata mid-dritt privat iżda tkun ikkontrollata minn istituzzjoni pubblika. Dan huwa l-każ fejn (a) l-uniċi azzjonisti fl-intrapriża jkunu istituzzjonijiet pubbliċi Netherlandiżi jew (b) fil-każ ta’ entitajiet oħrajn tal-liġi privata, li l-kapital tagħhom ma jkunx maqsum f’ishma (fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet), id-diretturi jistgħu jinħatru u jitkeċċew biss minn istituzzjonijiet pubbliċi u, fil-każ ta’ likwidazzjoni, l-assi jiġu assenjati esklussivament lil istituzzjonijiet pubbliċi.

    (24)

    Skont l-Artikolu 2(1)(g) tal-Wet Vpb 1969, intrapriżi li jappartjenu lil persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku (ondernemingen van publiekrechtelijke rechtspersonen) ikunu soġġetti għat-taxxa korporattiva biss jekk ikunu elenkati fl-Artikolu 2(3). Din il-lista eżawrjenti tinkludi:

    (a)

    rziezet (landbouwbedrijven);

    (b)

    intrapriżi industrijali (nijverheidsbedrijven), sakemm dawn ma jfornux l-ilma b’mod esklussiv jew kważi esklussiv (9);

    (c)

    intrapriżi tal-minjieri;

    (d)

    intrapriżi ta’ kummerċ (handelsbedrijven) li ma jittrattawx esklussivament jew kważi esklussivament il-proprjetà immobbli jew id-drittijiet marbutin mal-proprjetà immobbli (10);

    (e)

    intrapriżi tat-trasport, bl-eċċezzjoni ta’ intrapriżi li jittrattaw esklussivament jew kważi esklussivament it-trasport tal-passiġġieri f’muniċipalità;

    (f)

    soċjetajiet tal-bini (bouwkassen).

    (25)

    Il-lista ta’ intrapriżi fl-Artikolu 2(3) b’mod ġenerali baqgħet l-istess minn meta ġiet introdotta l-Wet Vpb fl-1969, li wirtet ir-regoli dwar it-taxxa korporattiva li kien ilhom jeżistu mill-1956. B’mod partikolari, ma tinkludix intrapriżi pubbliċi li jipprovdu s-servizzi. Pereżempju, intrapriżi pubbliċi attivi fl-immaniġġjar tal-iskart jew fil-forniment tal-ikel, istituzzjonijiet muniċipali ta’ kreditu, portijiet, ajruporti, u l-Holland Casino, il-fondazzjoni li topera l-każinòs, huma eżentati mit-taxxa korporattiva skont l-Artikolu 2(1)(g) (11).

    (26)

    L-intrapriżi diretti u indiretti huma soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji biss jekk jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(1)(g) flimkien mal-Artikolu 2(3) tal-Wet Vpb 1969. Fi kliem ieħor, kemm l-intrapriżi diretti kif ukoll dawk indiretti jridu jħallsu t-taxxa korporattiva biss jekk ikunu mniżżlin fl-Artikolu 2(3) tal-Wet Vpb 1969.

    (27)

    Barra mill-intrapriżi pubbliċi indiretti mniżżlin fl-Artikolu 2(3), għadd ta’ intrapriżi pubbliċi indiretti kienu soġġetti għat-taxxa korporattiva fuq bażi ta’ każ b’każ. Dawn l-intrapriżi huma mniżżlin b’mod eżawrijenti fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969, u jinkludu:

    (a)

    het Nederlands Meetinstituut NV;

    (b)

    de NV Nederlands Inkoopcentrum (NIC);

    (c)

    de Stichting Exploitatie Nederlandse Staatsloterij;

    (d)

    de Koninklijke Nederlandse Munt NV;

    (e)

    korpi li fihom persuna ġuridika li tkun sid ta’ intrapriża ta’ distribuzzjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar id-Distribuzzjoni tal-Enerġija (Wet energiedistributie) tkun azzjonista, u korpi li flimkien ma’ persuna ġuridika bħal din jiffurmaw grupp fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 24b tal-Ktieb 2 tal-Kodiċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek), sakemm il-korp iwettaq attivitajiet li l-persuna ġuridika azzjonista ma tkunx tista’ twettaq hija stess minħabba l-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar id-Distribuzzjoni tal-Enerġija, sakemm il-korp ma jfornix l-ilma b’mod esklussiv jew kważi esklussiv;

    (f)

    korpi li jwettqu attività industrijali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3), it-tieni inċiż, tal-Wet Vpb 1969, bl-eċċezzjoni ta’ korpi li jfornu l-ilma b’mod esklussiv jew kważi esklussiv;

    (g)

    NOB Holding NV;

    (h)

    de NV Luchthaven Schiphol;

    (i)

    de NV KLIQ;

    (j)

    de NV Bank Nederlandse Gemeenten;

    (k)

    de Nederlandse Waterschapsbank NV;

    (l)

    Fortis Bank (Nederland) NV;

    (m)

    ASR Nederland NV;

    (n)

    ABN AMRO Group NV;

    (o)

    de Nederlandse Investeringsbank voor Ontwikkelingslanden NV;

    (p)

    Ultra Centrifuge Nederland NV;

    (q)

    SNS REAAL NV;

    u kwalunkwe korp li fih l-intrapriżi msemmijin hawn fuq ikollhom sehem u kwalunkwe korp li d-diretturi tiegħu jinħatru u jitkeċċew mill-intrapriżi msemmijin hawn fuq, bl-eċċezzjoni ta’ korpi li jfornu l-ilma b’mod esklussiv jew kważi esklussiv.

    (28)

    Din il-lista ġiet immodifikata b’mod regolari u żdiedu ċerti intrapriżi pubbliċi indiretti. Kieku ma ġewx miżjudin dawn l-intrapriżi pubbliċi indiretti ma kinux jiġu soġġetti għal taxxa fuq il-kumpaniji, peress li mhumiex fil-lista tal-Artikolu 2(3) tal-Wet Vpb 1969. Pereżempju, żdiedu l-kumpaniji li ġejjin:

    (a)

    NOB Holding NV (1999);

    (b)

    Weerbureau HWS BV (2002);

    (c)

    Luchthaven Schiphol NV (2002) – b’rispons għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 li tipproponi miżuri xierqa fil-każ E45/2000;

    (d)

    KLIQ NV (2002);

    (e)

    Bank Nederlands Gemeenten (2005);

    (f)

    Nederlandse Waterschapsbank NV (2005);

    (g)

    ABN AMRO Group NV u SNS REAAL NV, wara n-nazzjonalizzazzjoni tagħhom.

    (29)

    L-intrapriżi pubbliċi indiretti li mhumiex imniżżlin fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969 u li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 2(3) ma jiġux soġġetti għat-taxxa korporattiva. Eżempji ta’ intrapriżi bħal dawn huma De Nederlandse Bank NV, Havenbedrijf Rotterdam NV, NV Luchthaven Maastricht, Twinning Holding BV, NV Noordelijke Ontwikkelingsmaatschappij, NV Industriebank LIOF, NV Brabantse Ontwikkelingsmaatschappij, Ontwikkelingsmaatschappij Oost Nederland NV u Holland Casino (12).

    2.3.   Eżenzjoni għall-intrapriżi pubbliċi skont il-Wet Vpb 2015

    (30)

    Fil-prinċipju, il-Wet Vpb 2015 għandha l-għan li tissottoponi l-intrapriżi pubbliċi għat-taxxa korporattiva bl-istess mod bħall-intrapriżi privati. B’mod partikolari, temenda l-Artikolu 2 tal-Wet Vpb 1969 sabiex tissottoponi għat-taxxa korporattiva persuni ġuridiċi li jkunu rregolati mid-dritt pubbliku u li għandhom negozju u negozji tal-Istat.

    (31)

    Madankollu, kif diġà ġie spjegat fil-premessa 15, il-Wet Vpb 2015 tistipula ċerti eċċezzjonijiet:

    (a)

    Il-Wet Vpb 2015 tintroduċi l-Artikolu 6c il-ġdid fil-Wet Vpb 1969. Id-dispożizzjoni żżomm b’mod ċar l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal għadd ta’ portijiet pubbliċi Netherlandiżi u għal korpi li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu prinċipalment mill-ġestjoni, l-iżvilupp jew l-operat ta’ port, diment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (13).

    (b)

    Il-Wet Vpb 2015 tintroduċi wkoll l-Artikolu 6b il-ġdid fil-Wet Vpb 1969. Id-dispożizzjoni teżenta lil entitajiet edukattivi u lil entitajiet li jwettqu r-riċerka, dment li l-kost tal-edukazzjoni jew tar-riċerka jitħallas mir-riżorsi pubbliċi, minn miżati meħtieġa legalment għall-edukazzjoni universitarja jew mill-miżati għall-edukazzjoni universitarja stipulati fil-Kapitolu 7, titolu 3, paragrafu 2 tal-Att dwar l-Edukazzjoni Ogħla u r-Riċerka Xjentifika, minn miżati għat-tagħlim tat-tip imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Att dwar il-Miżati tat-Tagħlim u tal-Korsijiet, minn pagamenti barranin li fin-natura u l-iskop tagħhom jkunu ekwivalenti għal miżati tal-edukazzjoni universitarja u l-miżati tat-tagħlim, jew minn pagamenti minn istituzzjonijiet ta’ interess ġenerali li ma jiġux ikkunsidrati kuntrattwalment.

    3.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

    (32)

    Il-Kummissjoni rċeviet sottomissjoni konġunta mingħand sitt partijiet interessati, jiġifieri sitt operaturi ta’ portijiet Netherlandiżi: Groningen Seaports NV, Havenbedrijf Amsterdam NV, Havenbedrijf Rotterdam NV, Havenschap Moerdijk, Port of Den Helder NV u Zeeland Seaports NV (il-“portijiet interessati”).

    (33)

    Il-portijiet interessati jgħidu li d-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura hija kontra l-liġi, minħabba li n-Netherlands aċċettaw b’mod inkondizzjonali l-miżuri xierqa u ħadu l-impenn li jadottaw il-leġiżlazzjoni fi żmien 18-il xahar sabiex jiżguraw li l-intrapriżi pubbliċi jkunu soġġetti għat-taxxa korporattiva bl-istess mod bħall-intrapriżi privati. Peress li r-rifjut ta’ proposta tal-Kummissjoni għal miżuri xierqa huwa prekundizzjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura ma messhiex ġiet adottata. Il-portijiet interessati qalu wkoll li, bir-rifjut tagħha milli tagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni kisret prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Unjoni kkodifikata fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (34)

    Skont il-portijiet interessati, il-portijiet Netherlandiżi huma f’kompetizzjoni diretta ma’ portijiet Ewropej oħrajn, b’mod partikolari dawk fin-naħat ta’ Hamburg-Le Havre, li jibbenefikaw minn diversi forom ta’ appoġġ pubbliku. Il-fatt li l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fit-tassazzjoni tal-portijiet fl-Ewropa qegħdin isiru b’passi differenti u bdew fi żminijiet differenti jġib miegħu r-riskju li jingħata vantaġġ kompetittiv lill-portijiet ta’ dawk l-Istati Membri li jinsabu fi stadju aktar bikri tal-investigazzjoni. Dan imur kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità. Il-portijiet Netherlandiżi interessati jgħidu li huma lesti li jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda bil-kundizzjoni stretta li jkunu japplikaw kundizzjonijiet ekwi għall-portijiet kollha fil-pajjiżi Ewropej kollha.

    (35)

    Il-portijiet interessati jgħidu li l-portijiet kollha fin-Netherlands huma soġġetti, bl-istess mod, għal-leġiżlazzjoni Netherlandiża eżistenti dwar it-taxxa korporattiva. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva applikabbli għall-portijiet ma tagħtix vantaġġ selettiv, mhijiex diskriminatorja u ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni fuq livell nazzjonali.

    (36)

    Skont il-portijiet interessati, jeżistu differenzi sinifikanti fir-rigward tal-ammont ta’ appoġġ pubbliku mogħti lill-portijiet differenti fin-naħat ta’ Hamburg-Le Havre. L-eżenzjoni mit-taxxa ma twassalx għal trattament preferenzjali tal-portijiet Netherlandiżi iżda, l-aktar, l-aktar, twassal għal pożizzjoni kemxejn anqas żvantaġġjata għall-portijiet Olandiżi meta mqabblin ma’ portijiet Ewropej oħrajn. Għaldaqstant, ma jeżisti ebda tgħawwiġ tal-kompetizzjoni mir-reġim tat-taxxa korporattiva li hija s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni la fuq livell Ewropew u lanqas skont il-liġi l-ġdida.

    4.   KUMMENTI MIN-NETHERLANDS

    (37)

    In-Netherlands ressqu kummenti permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Settembru 2014. L-awtoritajiet Olandiżi ressqu biss argumenti proċedurali u ma kkummentawx dwar il-valutazzjoni sostantiva tal-għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura. In-Netherlands isostnu li l-awtoritajiet Netherlandiżi aċċettaw il-miżuri xierqa skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Proċedurali.

    (38)

    Skont in-Netherlands, ir-Regolament Proċedurali ma jirrikjedix b’mod ċar li l-miżuri xierqa jiġu aċċettati “inkondizzjonalment” u “unekwivokament”, u ma jeskludix kundizzjoni li bilfors trid tiġi żgurata l-approvazzjoni tal-Parlament. Sew jekk kundizzjoni bħal din tissemma fl-ittra ta’ aċċettazzjoni kif ukoll jekk le, il-Parlament irid jadotta proposta tal-gvern li tistipula l-miżuri xierqa. L-awtoritajiet Netherlandiżi jirreferu għall-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistipula li l-Unjoni Ewropea għanda tirrispetta l-istrutturi kostituzzjonali fundamentali tal-Istati Membri.

    (39)

    Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, il-Kummissjoni tista’ tasal għall-konklużjoni li l-miżuri xierqa ma ġewx aċċettati (de facto) biss wara li l-gvern ikun ippreżenta abbozz ta’ liġi lill-Parlament jew meta l-Parlament ma japprovax l-abbozz. F’dawn il-każijiet biss jista’ jkun hemm ġustifikazzjoni biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-awtoritajiet Netherlandiżi jgħidu li dan ma kienx il-każ fid-9 ta’ Lulju 2014.

    (40)

    Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Netherlandiżi, il-Kummissjoni ma indikatx b’mod formali li ma kkunsidratx ir-risposta tan-Netherlands bħala aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa. L-awtoritajiet Netherlenadiżi jikkunsidraw li l-ittra li bagħtet il-Kummissjoni fil-11 ta’ Marzu 2014 mhijiex ittra formali għall-finijiet tal-proċedura preżenti. Din kienet iffirmata mid-Deputat Direttur Ġenerali u indirizzata lid-Deputat Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni fi ħdan il-Ministru tal-Finanzi Netherlandiż. Ma ntbagħtitx bil-mezzi uffiċjali tar-Rappreżentanza Permanenti, iżda permezz tal-posta elettronika.

    (41)

    Rigward il-kontenut, l-awtoritajiet Netherlandiżi josservaw li fl-opinjoni tagħhom il-kundizzjonijiet ekwi Ewropej mixtieqa ma jeżistux bħalissa. L-awtoritajiet Netherlandiżi jgħidu wkoll li l-pożizzjoni tal-portijiet Netherlandiżi fil-konfront ta’ dawk tal-Istati Membri tal-viċinat hija tal-akbar importanza.

    (42)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi jqisu li aċċettaw il-miżuri xierqa tat-2 ta’ Mejju 2013 u li jinsabu fil-proċess li jieħdu l-passi neċessarji. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Netherlandiżi ma jarawx raġuni għaliex għandhom iwieġbu f’termini sostantivi għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura.

    (43)

    L-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati ntbagħtu lin-Netherlands fit-3 ta’ Ottubru 2014. L-awtoritajiet Netherlandiżi wieġbu permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Novembru 2014. L-awtoritajiet Ntherlandiżi huma tal-istess fehma bħall-portijiet interessati, li n-Netherlands kienu aċċettaw il-miżuri xierqa. L-awtoritajiet Netherlandiżi qablu wkoll mal-fehma tal-portijiet interessati li kundizzjonijiet ekwi għall-Ewropa huma kruċjali. Skont l-awtoritajiet Netherlandiżi, bħalissa ma jeżistux kundizzjonijiet ekwi għall-portijiet fl-Ewropa. L-awtoritajiet Netehrlandiżi ma kkummentawx dwar il-kummenti sostantivi tal-partijiet interessati dwar il-valutazzjoni tal-għajnuna tal-Istat.

    (44)

    Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Settembru 2015, in-Netherlands iddikjaraw li jekk l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet tal-baħar interessati kellha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli, perjodu ta’ tranżizzjoni għat-tneħħija tal-miżura kien ikun iġġustifikat. Argumentaw li mhuwiex possibbli li l-portijiet Netherlandiżi jkunu soġġetti għat-taxxa korporattiva sal-1 ta’ Jannar 2016. Ippreżentaw tliet argumenti li jiġġustifikaw il-perjodu tranżitorju.

    (45)

    L-ewwel nett, l-istabbiliment ta’ karta tal-bilanċ inizjali għall-portijiet interessati għall-finijiet ta’ taxxa jikkostitwixxi operazzjoni kumplessa u twila ħafna. Fil-karta tal-bilanċ għall-finijiet ta’ kontabbiltà l-assi u l-obbligi ġew ivvalutati b’kost storiku, iżda għall-finijiet ta’ taxxa dawn ġew ivvalutati b’valur tas-suq ġust. Id-determinazzjoni ta’ valur tas-suq ġust tal-assi u l-obbligi kienet tikkostitwixxi eżerċizzju diffiċli u li jieħu l-ħin. Dan għaliex ħafna mill-assi tal-portijiet kienu oġġetti mhux kummerċjabbli, li kienu soġġetti għal sistema kumplessa ta’ relazzjonijiet tal-proprjetà u drittijiet tal-użu bejn entitajiet legali differenti. Il-problema tal-valutazzjoni tista’, pereżempju, tikkonċerna assi bħal mollijiet, toroq, kanali tal-ilma, ferroviji, tarzni, binjiet b’funzjonijiet speċifiċi jew arranġamenti ta’ rmiġġ. Il-portijiet li bħalissa jħallsu t-taxxa korporattiva – marinas jew portijiet tas-sajd fuq skala żgħira – ma setgħux jintużaw bħala punti ta’ riferiment, minħabba li l-attivitajiet tagħhom kienu ferm differenti minn dawk tal-portijiet il-kbar, li kienu involuti prinċipalment f’attivitajiet ta’ trasbord tal-merkanzija jew il-ġestjoni tal-infrastruttura.

    (46)

    It-tieni nett, in-Netherlands argumentaw li ma kienx hemm distinzjoni ċara bejn l-attivitajiet ekonomiċi u dawk mhux ekonomiċi tal-portijiet, u li l-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar gwida f’dan ir-rigward. Għall-awtoritajiet Netherlandiżi u l-portijiet kien kompitu diffiċli li jiddeterminaw liema attivitajiet tal-port kellhom jiġu klassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet mhux ekonomiċi. Barra minn hekk, ma kienx hemm linja konsistenti min-naħa tal-Kummissjoni u l-ebda ċertezza fil-livell Ewropew dwar liema attivitajiet tal-port kellhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi u liema kellhom jiġu kkunsidrati bħala kompiti pubbliċi.

    (47)

    It-tielet nett, l-awtoritajiet Netherlandiżi kkunsidraw li kien essenzjali li l-Kummissjoni tiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn il-portijiet kompetituri. Bejn il-portijiet Ewropej ma teżistix kompetizzjoni ġusta: talbu lill-Kummissjoni tiżgura li l-portijiet kollha fl-Ewropa jkunu soġġetti għat-taxxa korporattiva jew, tal-anqas, dawk li jikkompetu mal-portijiet Netherlandiżi.

    (48)

    Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Netherlandiżi ssuġġerew li d-data li minnha, permezz ta’ Digriet Irjali, ma għandhiex tibqa’ tapplika l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2017. Il-portijiet isiru soġġetti għat-taxxa korporattiva fl-ewwel jum tas-sena fiskali wara l-1 ta’ Jannar 2017. Fil-prattika, dan ifisser li l-portijiet Netherlandiżi jkunu soġġetti għat-taxxa korporattiva mill-1 ta’ Jannar 2018.

    5.   RAĠUNIJIET SABIEX TINBEDA L-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (49)

    Kemm l-awtoritajiet Netherlandiżi kif ukoll il-partijiet terzi interessati qalu li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-fehma. Il-Kummissjoni kienet kompletament intitolata, jekk mhux tabilħaqq obbligata, li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, minħabba li n-Netherlands ma kinux aċċettaw il-miżuri xierqa skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Proċedurali u t-tħassib imqajjem fid-deċiżjoni li kienet tipproponi miżuri xierqa ma kienx tneħħa kompletament.

    (50)

    Minħabba li l-awtoritajiet Netherlandiżi għamlu l-aċċettazzjoni tagħhom soġġetta għall-approvazzjoni tal-Parlament, u l-ittra tal-awtoritajiet Netherlandiżi tal-24 ta’ Mejju 2013 iddikjarat intenzjoni u mhux impenn, l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi aċċettazzjoni inkondizzjonali u inekwivoka għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Proċedurali.

    (51)

    L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Proċedurali jistipula li meta l-Istat Membru kkonċernat ma jaċċettax il-miżuri xierqa proposti u l-Kummissjoni, wara li tkun ikkunsidrat l-argumenti tal-Istati Membri kkonċernati, tibqa’ tikkunsidra li dawk il-miżuri huma neċessarji, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (52)

    Barra minn hekk, kien ċar mill-abbozz tal-proposta leġiżlattiva li n-Netherlands ma kinux beħsiebhom jabolixxu l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi kollha. Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha indikazzjonijiet ċari li n-Netherlands ma kinux ser iġibu l-liġi f’konformità totali mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (53)

    Fir-rigward tal-argument imressaq min-Netherlands li l-Kummissjoni ma għarrfitx lin-Netherlands kif xieraq li ma kinitx tikkunsidra li dik it-tweġiba kienet aċċettazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Proċedurali, il-Kummissjoni tindika li l-ittra tagħha tal-11 ta’ Marzu 2014 inbagħtet lill-awtorità nazzjonali kompetenti, fil-fatt waslet għand dik l-awtorità, u kienet diskussa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Netherlandiżi. In-Netherlands kienu jafu sew bil-valutazzjoni tal-Kummissjoni u ma jistgħux joqgħdu fuq argumenti purament formali fir-rigward tar-reċipjent tal-ittra.

    (54)

    Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni formali minħabba li kellha tħassib dwar jekk l-eżenzjoni tal-intrapriżi pubbliċi involuti f’attivitajiet ekonomiċi mit-taxxa korporattiva setgħetx tagħtihom vantaġġ fuq intrapriżi oħrajn li kienu soġġetti għat-taxxa korporattiva fin-Netherlands. L-intrapriżi pubbliċi u l-intrapriżi privati jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali simili fir-rigward tal-objettiv tal-liġi dwar it-taxxa korporattiva Netherlandiża, li huwa li l-intrapriżi korporattivi jkunu soġġetti għat-taxxa fuq il-profitti korporattivi tagħhom.

    6.   PREŻENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT FI ĦDAN IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

    (55)

    L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula li kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, tkun inkompatibbli mas-suq intern jekk taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    6.1.   Intrapriżi

    (56)

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, “il-kunċett ta’ intrapriża jiġbor taħtu kull entità li twettaq attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tal-entità u l-mod kif din tkun iffinanzjata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (14). Sabiex jiġi stabbilit jekk entità tikkostitwixxix intrapriża, il-fatt li ma għandhiex skop ta’ qligħ mhuwiex deċiżiv (15). Attività ekonomika hija kull attività li tikkonsisti fil-forniment ta’ prodotti u servizzi fis-suq. Entitajiet li ma għandhomx skop ta’ qligħ jistgħu joffru prodotti u servizzi fis-suq ukoll (16).

    (57)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma kkontestawx li l-intrapriżi pubbliċi, inklużi l-portijiet pubbliċi, jistgħu, minbarra l-kompiti ta’ awtorità pubblika tas-soltu tagħhom, joffru prodotti u servizzi fis-suq. L-awtoritajiet Netherlandiżi għarfu li l-intrapriżi pubbliċi dejjem qegħdin iwettqu aktar attivitajiet ekonomiċi. Barra minn hekk, il-partijiet interessati għarfu b’mod espliċitu li l-attivitajiet tal-port, f’dawn l-aħħar snin, żviluppaw f’attivitajiet ekonomiċi kompluti. Għaldaqstant, l-intrapriżi pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi jistgħu jiġu klassifikati bħala intrapriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (58)

    Fir-rigward tal-eżenzjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi jew l-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka stipulata fl-Artikolu 6(b) tal-Wet Vpb, kif ġiet emendata mill-Wet Vpb 2015, il-paragrafi 26 sa 28 tal-Komunikazzjoni dwar is-SIEĠ (17) jiddikjaraw li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-“edukazzjoni pubblika organizzata fi ħdan is-sistema edukattiva nazzjonali ffinanzjata u ssorveljata mill-Istat tista’ titqies bħala attvità mhux ekonomika”. Il-fatt li kontribuzzjoni tista’ tintalab f’forma ta’ miżati għat-tagħlim jew għar-reġistrazzjoni ma jibdilx in-natura mhux ekonomika tas-servizz. L-Artikolu 6b tal-Wet Vpb jistipula b’mod ċar il-kost tat-tagħlim jew tar-riċerka għandu jiġi ffinanzjat mir-riżorsi pubbliċi jew minn miżati għat-tagħlim previsti bil-liġi. Għaldaqstant, minħabba n-natura mhux ekonomika tas-servizzi edukattivi jew tar-riċerka, l-istituzzjonijiet edukattivi ma għandhomx jiġu klassifikati bħala intrapriżi skont l-Artikolu 107 tat-TFUE.

    (59)

    Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka, il-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni dwar is-SIEĠ jistipula li r-riċerka li ssir fl-universitajiet u l-attivitajiet primarji tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    6.2.   L-użu tar-riżorsi tal-Istat

    (60)

    Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-miżura għandha tingħata minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma. Telf ta’ dħul mit-taxxa huwa ekwivalenti għall-konsum tar-riżorsi tal-Istat fil-forma ta’ nefqa fiskali.

    (61)

    Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropa f’Banco Exterior de España, miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti intrapriżi eżenzjoni mit-taxxa li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ flus kontanti ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-persuni li għalihom tapplika l-eżenzjoni mit-taxxa f’sitwazzjoni finanzjarja aktar vantaġġjuża mill-kontribwenti l-oħrajn, tingħata “permezz tar-riżorsi tal-Istat” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (18).

    (62)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi jirrinunzjaw id-dħul li jikkostitwixxi riżorsi mill-Istat billi jeżentaw lill-intrapriżi pubbliċi involuti f’attivitajiet ekonomiċi, inklużi l-portijiet pubbliċi, mit-taxxa korporattiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi Netherlandiżi stipulata fil-Wet Vpb 1969 tinvolvi telf tar-riżorsi tal-Istat u għaldaqstant tingħata mill-Istat permezz tar-riżorsi tal-Istati. B’mod analogu, l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal ċerti portijiet tal-baħar Netherlandiżi miżmuma fil-Wet Vpb 2015 tinvolvi telf ta’ riżorsi tal-Istat u, għaldaqstant, tingħata mill-Istat permezz tar-riżorsi tal-Istat. Dan il-punt la ġie kkontestat mill-awtoritajiet Netherlandiżi u lanqas mill-partijiet interessati.

    6.3.   Il-preżenza ta’ vantaġġ

    (63)

    Barra minn hekk, il-miżura trid tagħti vantaġġ finanzjarju lill-benefiċjarju. Il-kunċett ta’ vantaġġ ma jkoprix biss il-benefiċċji pożittivi iżda anki l-interventi li, f’diversi forom, inaqqsu l-miżati li normalment jiġu inklużi fil-baġit ta’ intrapriża (19).

    (64)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma kkontestawx li eżenzjoni miżmuma mit-taxxa korporattiva għal ċerti intrapriżi pubbliċi tagħti vantaġġ ekonomiku lil dawn l-intrapriżi.

    (65)

    Skont il-Wet Vpb 1969, fil-prinċipju, l-intrapriżi pubbliċi huma eżentati mit-taxxa korporattiva, filwaqt li l-intrapriżi privati huma, fil-prinċipju, soġġetti għat-taxxa korporattiva. Għalhekk, l-intrapriżi pubbliċi involuti f’attivitajiet ekonomiċi jibbenefikaw minn benefiċċju tat-taxxa ċar. Il-Kummissjoni tindika li l-liġi l-ġdida (Wet Vpb 2015) iżżomm b’mod ċar l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal ċerti portijiet pubbliċi Netherlandiżi, li għalhekk sejrin ikomplu jibbenefikaw minn benefiċċju fuq it-taxxa. L-eżenzjoni mit-taxxa tnaqqas il-miżati li normalment ikunu inklużi fil-kostijiet operatorji ta’ intrapriża li twettaq attività ekonomika. Konsegwentement, din tipprovdi vantaġġ ekonomiku lil dawk l-intrapriżi pubbliċi meta jitqabblu mal-intrapriżi soġġetti għat-taxxa korporattiva Netherlandiża, li ma jirċevux dan il-benefiċċju fuq it-taxxa.

    6.4.   Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

    (66)

    Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, miżura li għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat għandha taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni. Fil-każ preżenti, l-intrapriżi pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi u li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mit-taxxa jistgħu jkunu involuti f’kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Huwa ċar li l-portijiet pubbliċi, li għadhom jiġu eżentati skont il-Wet Vpb 1969 – anki wara l-emenda tagħha mill-Wet Vpb 2015 – huma intrapriżi pubbliċi involuti fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, il-Wet Vpb 1969, li tipprevedi eżenzjoni mit-taxxa għall-intrapriżi pubbliċi, bilfors li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni. Bl-istess mod, l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva miżmuma fil-Wet Vpb 2015 għall-portijiet interessati taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni.

    (67)

    Skont il-portijiet interessati, ma jeżistix tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fil-livell Ewropew, la skont ir-reġim tat-taxxa korporattiva li hija s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni u lanqas skont il-liġi l-ġdida. Il-portijiet interessati jargumentaw li l-portijiet fin-naħat ta’ Hamburg-Le Havre jirċievu tipi differenti ta’ appoġġ pubbliku. Għaldaqstant, jargumentaw li l-eżenzjoni mit-taxxa ma twassalx għal trattament preferenzjali tal-portijiet Netherlandiżi, iżda l-aktar li tagħmel huwa li twassal għal pożizzjoni kemxejn inqas żvantaġġjata għall-portijiet Netherlandiżi meta jitqabblu ma’ portijiet Ewropej oħrajn.

    (68)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument tal-partijiet interessati. Miżura mogħtija mill-Istat hija kkunsidrata li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni meta tkun tista’ ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju meta dan jitqabbel ma’ intrapriżi oħrajn li jikkompeti magħhom (20). Għalhekk, huwa biżżejjed li l-għajnuna tippermetti lill-benefiċjarju jżomm pożizzjoni kompetittiva aktar b’saħħitha milli kien ikollu li kieku ma ngħatax l-għajnuna. Għalhekk, il-fatt li ċerti portijiet f’livell Ewropew jistgħu jirċievu għajnuna mill-Istat ma jfissirx li l-kompetizzjoni mhijiex mgħawġa minn eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi b’mod ġenerali, u għall-portijiet pubbliċi b’mod partikolari.

    6.5.   Selettività

    (69)

    Sabiex titqies bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun selettiva (21), fis-sens li tiffavorixxi lil ċerti intrapriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti. Skont il-ġurisprudenza stabbilita (22), is-selettività materjali ta’ miżura għandha tiġi vvalutat fi tliet stadji: l-ewwel, hemm bżonn li jiġi identifikat l-arranġament komuni jew “normali” (“sistema ta’ referenza”) applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. It-tieni, huwa b’rabta ma’ dan ir-reġim tat-taxxa “normali” li għandu jiġi ddeterminat jekk xi benefiċċju mogħti mill-miżura tat-taxxa inkwistjoni jistax ikun selettiv. Dan għandu jsir billi jintwera li l-miżura titbiegħed mill-arranġament ordinarju billi tagħmel distinzjoni bejn l-atturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettiv fil-mira ta’ dik l-iskema, ikunu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. It-tielet, jekk ikun hemm tbegħid bħal dan, hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dan jirriżultax min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema ta’ tassazzjoni u jekk jistax jiġi ġġustifikat min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. F’dan il-kuntest, huwa kompitu tal-Istati Membri li juru li t-trattament tat-taxxa diffrenzjat jirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida ta’ dik is-sistema (23).

    Sistema ta’ referenza

    (70)

    Fil-każ preżenti, is-sistema ta’ referenza għandha tiġi ddefinita bħala s-sistema Netherlandiża għat-taxxa korporattiva, kif inhu stipulat fil-Wet Vpb 1969. Jirriżulta mil-liġi li skont ir-regoli normali, l-intrapriżi stabbiliti fin-Netherlands jiġu soġġetti għal taxxa korporattiva fuq il-profitti tagħhom.

    (71)

    Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet interessati inkluża fil-Wet Vpb 2015, is-sistema ta’ referenza għandha tiġi ddefinita wkoll bħala s-sistema Netherlandiża għat-taxxa korporattiva kif inhu stipulat fil-Wet Vpb 2015. Mil-liġi jirriżulta wkoll li, skont ir-regoli normali, l-intrapriżi stabbiliti fin-Netherlands huma soġġetti għal taxxa korporattiva fuq il-profitti tagħhom.

    Tbegħid mis-sistema ta’ referenza

    (72)

    Skont il-Wet Vpb 1969 l-intrapriżi pubbliċi, għall-kuntrarju tal-intrapriżi privati, fil-prinċipju huma eżentati mit-taxxa korporattiva. L-intrapriżi pubbliċi jkunu soġġetti għat-taxxa biss jekk ikunu mniżżlin fl-Artikolu 2(3) jew l-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969.

    (73)

    Il-lista ta’ intrapriżi fl-Artikolu 2(3) tal-Wet Vpb 1969 ma nbidlitx mill-1956. Il-lista ma tikkunsidrax il-fatt li mill-1956 l-intrapriżi pubbliċi, diretti u indiretti, bdew joffru dejjem aktar prodotti u servizzi fis-suq, f’kompetizzjoni ma’ kumpaniji privati li huma soġġetti għat-taxxa korporattiva. B’mod partikolari, hemm diskrepanza bejn l-intrapriżi li huma elenkati fl-Artikolu 2(3) tal-Wet Vpb 1969, u li huma soġġetti għat-taxxa, u l-kunċett ta’ “attività ekonomika” fil-liġi tal-UE. Il-liġi Netherlandiża eżistenti tippermetti li għadd sostanzjali ta’ intrapriżi pubbliċi li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi jiġu eżentati mit-taxxa, filwaqt li fid-dawl tal-objettiv tal-liġi tat-taxxa korporattiva jinsabu fl-istess pożizzjoni fattwali u legali bħall-intrapriżi bi sjieda privata.

    (74)

    Il-fatt li l-awtoritajiet Netherlandiżi ddeċidew, fuq bażi ta’ każ b’każ, li jagħmlu għadd limitat ta’ intrapriżi pubbliċi indiretti soġġetti għat-taxxa korporattiva ma jneħħix in-natura selettiva tal-arranġamenti tat-taxxa eżistenti. L-awtoritajiet Netherlandiżi jirrikonoxxu li dan l-approċċ ta’ każ b’każ ma jiggarantixxix li l-intrapriżi pubbliċi kollha li jwettqu attivitajiet ekonomiċi sejrin ikunu soġġetti għat-taxxa korporattiva. Il-liġi preżenti tiffavorixxi b’mod ċar lill-intrapriżi pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi u li mhumiex inklużi fil-lista.

    (75)

    Għalhekk, firxa wiesgħa ta’ intrapriżi pubbliċi li jwettqu attività ekonomika huma eżenti mit-taxxa korporattiva. Il-Kummissjoni tosserva li anki taħt il-liġi l-ġdida din l-eżenzjoni mit-taxxa sejra tinżamm, b’mod partikolari għall-portijiet interessati. Dan jikkostitwixxi tbegħid mis-sistema tat-taxxa korporattiva ġenerali applikabbli fin-Netherlands u jagħti vantaġġ selettiv lil intrapriżi pubbliċi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi.

    (76)

    Skont il-Wet Vpb 2015 l-intrapriżi pubbliċi huma, fil-prinċipju, soġġetti għat-taxxa korporattiva. Madankollu, il-liġi teżenta lil ċerti portijiet pubbliċi mit-taxxa korporattiva. Il-Wet Vpb 2015 tippermetti li l-portijiet interessati jiġu eżentati mit-taxxa, għalkemm jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali bħal intrapriżi oħrajn bi sjieda privata u pubblika, fid-dawl tal-objettiv tal-liġi dwar it-taxxa korporattiva, li huwa li l-korporazzjonijiet jiġu ntaxxati fuq il-profitti tagħhom.

    (77)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma kkontestawx li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva tagħti vantaġġ selettiv lill-intrapriżi pubbliċi. Madankollu, il-portijiet interessati, li huma l-benefiċjarji tal-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva miżmuma, ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv. Huma jgħidu li l-leġiżlazzjoni Netherlandiża eżistenti dwar it-taxxa korporattiva tapplika bl-istess mod għall-portijiet kollha fin-Netherlands. Għaldaqstant, eżenzjoni mit-taxxa korporattiva applikabbli għall-portijiet ma tagħtix vantaġġ selettiv.

    (78)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument. Is-selettività fil-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ paragun intern fi Stat Membru wieħed, bejn intrapriżi li jkunu f’sitwazzjoni simili fattwalment u legalment fid-dawl tal-objettivi tal-liġi dwar it-taxxa kkonċernata. L-intrapriżi bi dħul korporattiv li jibbenefikaw minn eżenzjoni mit-taxxa korporattiva, bħall-portijiet interessati, igawdu minn vantaġġ selettiv ċar meta mqabblin mal-intrapriżi attivi fl-istess settur u f’setturi oħrajn. Fid-dawl tal-objettiv tal-liġi dwar it-taxxa korporattiva, iż-żewġ gruppi huma f’sitwazzjoni fattwali u legali simili.

    (79)

    Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa diretta, is-sitwazzjoni tat-taxxa tal-portijiet fi Stati Membri differenti dejjem sejra tvarja sa ċertu punt. Pereżempju, fi Stati Membri differenti japplikaw rati tat-taxxa korporattiva differenti. Hija ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru ma jistax jiġġustifika ż-żamma ta’ eżenzjonijiet mit-taxxa li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat billi jirreferi għal Stati Membri oħrajn li jista’ jkollhom miżuri simili fis-seħħ (24).

    Ġustifikazzjoni bis-saħħa tal-idea wara s-sistema

    (80)

    Peress li l-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni hija prima facie selettiva, sejjer ikollha tiddetermina, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej, jekk din l-eżenzjoni tistax tiġi ġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema li tifforma parti minnha. Miżura li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa ġenerali tista’ tiġi ġġustifikata jekk Stat Membru jkun jista’ juri li l-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta’ gwida tas-sistema tat-taxxa tiegħu.

    (81)

    L-eżistenza ta’ eżenzjonijiet simili għal intrapriżi pubbliċi fi Stati Membri oħrajn jew in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi fil-livell Ewropew ma jiġġustifikawx in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri xierqa fir-rigward tal-portijiet pubbliċi. Skont il-liġi tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-intrapriżi li jistgħu jitqabblu legalment u fattwalment fid-dawl tal-objettiv tas-sistema tat-taxxa ta’ Stat Membru għandhom jiġu trattati bl-istess mod f’dak l-Istat Membru. Għalhekk, il-valutazzjoni tas-selettività skont il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE hija ibbażata fuq paragun intern fi Stat Membru wieħed (25). Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa diretta fl-UE, is-sitwazzjonijiet tat-taxxa tal-portijiet fi Stati Membri differenti dejjem sejrin ivarjaw sa ċertu punt.

    (82)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma pprovdewx argumenti li jiġġustifikaw l-eżenzjoni b’referenza għall-idea wara s-sistema tat-taxxa korporattiva Netherlandiża. Il-Kummissjoni lanqas ma setgħet issib tali ġustifikazzjoni. L-idea wara s-sistema tat-taxxa korporattiva hija li jiġu ntaxxati l-profitti. It-trattament tal-intrapriżi pubbliċi, inklużi l-portijiet pubbliċi, li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi b’mod aktar favorevoli mill-intrapriżi privati ma jidħolx f’din l-idea.

    6.6.   Konklużjoni

    (83)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi stipulata fil-Wet Vpb 1969 tirriżulta fi trattament tat-taxxa differenti bejn l-intrapriżi pubbliċi u privati involuti f”attivitajiet ekonomiċi. Dan it-trattament differenti huwa attribwit lill-Istat u jingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat. Jagħti lil dawn l-intrapriżi pubbliċi vantaġġ selettiv li ma jistax jiġi ġġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa korporattiva Netherlandiża. Barra minn hekk, it-trattament aktar favorevoli jgħawweġ il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija lill-intrapriżi pubbliċi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (26).

    (84)

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-emendi li saru mill-Wet Vpb 2015 ineħħu l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal ħafna mill-intrapriżi pubbliċi Netherlandiżi, li inizjalment ma kinux intaxxati skont l-Artikolu 2(1)(g), l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016. Madankollu, il-Wet Vpb 2015 iżżomm l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal ċerti portijiet pubbliċi li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi. Dan it-trattament differenti huwa attribwit lill-Istat u mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat. Jagħti lil dawn l-intrapriżi pubbliċi vantaġġ selettiv li ma jistax jiġi ġġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa korporattiva Netherlandiża. Barra minn hekk, it-trattament aktar favorevoli jgħawweġ il-kompetizzjoni u jaffettwa lill-Istati Membri. Għalhekk, l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija lill-portijiet interessati tikkostitwixxi għajnuna mill-Istati skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    7.   KOMPATIBBILTÀ

    7.1.   L-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE

    (85)

    Peress li l-iskema li qiegħda tiġi riveduta tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għandu jiġi kkunsidrat jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE.

    (86)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma pprovdewx argumenti dwar l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet deskritti fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE għall-eżenzjoni ġenerali mit-taxxa korporattiva mogħtija lill-intrapriżi pubbliċi.

    (87)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 107(2) tta-TFUE ma tapplika, peress li l-miżura li qiegħda tiġi riveduta mhijiex immirata lejn xi wieħed mill-objettivi elenkati f’din id-dispożizzjoni. B’mod aktar speċifiku, il-miżura li qiegħda tiġi riveduta ma tidhirx li hija relatata mal-għajnuna li għandha natura soċjali li tingħata lil konsumaturi individwali, jew għajnuna biex tirranġa l-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali, jew għajnuna mogħtija lill-ekonomija ta’ ċerti partijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    (88)

    L-Artikolu 107(3) tat-TFUE jiddikjara wkoll li dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern: (a) għajnuna li tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti żoni, (b) għajnuna għal ċerti proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, (c) għajnuna sabiex jiġu żviluppati ċerti attivitajiet ekonomiċi jew żoni, (d) għajnuna sabiex tiġi promossal-konservazzjoni tal-kultura u l-wirt u (e) għajnuna speċifikata minn deċiżjoni tal-Kunsill.

    (89)

    Fir-rigward tal-applikazzjoni possibbli tal-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(3)(a)-(e) tat-TFUE, il-Kummissjoni tosserva li l-eżenzjoni mit-taxxa għall-intrapriżi pubbliċi Netherlandiżi hija għajnuna operatorja u tingħata mingħajr ma ssir dinstinzjoni bejn il-miri tal-intrapriżi inkwistjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li b’mod ġenerali l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE ma japplikawx. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Netherlandiżi ma pprovdewx informazzjoni li turi li dawn l-eċċezzjonijiet huma applikabbli f’ċerti każijiet speċifiċi. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-ebda waħda mir-raġunijiet tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE ma hija applikabbli.

    7.2.   L-Artikolu 106(2) tat-TFUE

    (90)

    Barra mir-raġunijiet tal-Artikoli 107(2) u (3) tat-TFUE, l-għajnuna tista’ tkun kompatibbli wkoll fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE meta l-benefiċjarju jkun ġie fdat mill-Istat bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    (91)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ma pprovdewx informazzjoni li minnha jista’ jiġi konkluż li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal (ċerti) intrapriżi pubbliċi tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) tat-TFUE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, fi kwalunkwe każ, fil-każ inkwistjoni l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi Netherlandiżi tingħata mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn il-miri tal-intrapriżi inkwistjoni. L-awtoritajiet Netherlandiżi lanqas ma pprovdew informazzjoni li tagħmilha possibbli li jiġi applikat l-Artikolu 106(2) tat-TFUE għal każijiet speċifiċi. Konsegwentement, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-Artikolu 106(2) tat-TFUE mhuwiex applikabbli.

    8.   PERJODU TRANŻITORJU GĦALL-PORTIJIET INTERESSATI

    (92)

    Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali dwar l-għajnuna mill-Istat eżistenti u tikkonkludi li l-miżura tal-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern, il-miżura trid tiġi abolita jew mibdula malajr kemm jista’ jkun. F’dan l-istadju tal-proċedura, l-Istat Membru ma għandux, fil-prinċipju, jingħata perjodu tranżitorju. F’kull każ, ma teżistix ċirkostanza eċċezzjonali fil-każ li qiegħed jiġi rivedut li tista’ tiġġustifika perjodu tranżitorju bħal dan. L-argumenti mressqin min-Netherlands ma jistgħux jitqiesu bħala ċirkostanzi eċċezzjonali.

    (93)

    Fir-rigward tal-argument li d-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi mhijiex ċara biżżejjed għall-portijiet, il-Kummissjoni tosserva li l-intrapriżi pubbliċi li mhumiex portijiet iridu jiddeterminaw ukoll x’inhi attività ekonomika u x’inhu kompitu pubbliku, u f’dan ir-rigward ma ngħata l-ebda perjodu tranżitorju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà adottat aktar minn 20 deċiżjoni dwar il-portijiet, li jipprovdu biżżejjed gwida dwar iċ-ċirkostanzi li fihom l-attivitajiet tal-port jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi (27).

    (94)

    Bl-istess mod, l-argument dwar il-bżonn li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-livell tal-UE ma jiġġustifikax perjodu tranżitorju. Kif ġie spjegat fil-premessa 82 hawn fuq, minn perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat, eżenzjoni mit-taxxa għall-portijiet pubbliċi ma tistax tiġi ġġustifikata bl-eżistenza ta’ miżuri simili f’xi Stati Membri oħrajn jew in-nuqqas ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’livell Ewropew. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-UE fil-qasam tat-taxxa diretta, is-sitwazzjoni tat-taxxa tal-portijiet pubbliċi tista’ tippreżenta xi differenzi fost l-Istati Membri. Għalhekk, l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa inkluża fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2013 ma għandhiex tiddependi fuq it-tassazzjoni tal-portijiet pubbliċi fi Stati Membri oħrajn.

    (95)

    Fir-rigward tal-argument tan-Netherlands li, li tagħmel il-portijiet soġġetti għat-taxxa korporattiva jista’ jkun eżerċizzjoni kumpless u twil, il-Kummissjoni tosserva li l-karatteristiċi speċifiċi tal-portijiet ma jidhirx li huma sostanzjalment differenti minn dawk tal-ajruporti, u li l-ajruport ta’ Schiphol ġie soġġett għal taxxa korporattiva sitt xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li pproponiet miżuri xierqa (28). Xorta waħda, peress li l-karatteristiċi speċjali tal-assi miżmumin mill-portijiet u l-istruttura tas-sjieda ta’ dawk l-assi jagħmluha xi ħaġa kumplessa li tiġi stabbilita karta tal-bilanċ inizjali għall-finijiet tat-taxxa, dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu diskussi mal-awtoritajiet tat-taxxa anki wara li l-entitajiet ikunu ġew soġġetti għat-taxxa. Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra l-fatt li s-sena fiskali għall-portijiet ikkonċernati fin-Netherlands tibda fl-1 ta’ Jannar 2017, il-portijiet se jkollhom ċans iħejju għas-sitwazzjoni l-ġdida. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-ġestjoni amministrattiva mressqin min-Netherlands ma jiġġustifikawx perjodu tranżitorju għall-portijiet interessati.

    9.   GĦAJNUNA EŻISTENTI

    (96)

    Wara li sabet li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva tal-intrapriżi pubbliċi hija inkompatibbli mal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk il-miżuri jikkostitwixxux għajnuna ġdida jew eżistenti.

    (97)

    Miżura ta’ għajnuna eżistenti, kif inhi definita fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament Proċedurali, tkun miżura li kienet fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-KE fin-Netherlands, jew miżura li kienet ġiet awtorizzata qabel, jew miżura li titqies li hija għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Proċedurali, jew miżura li ma kinitx għajnuna meta daħlet fis-seħħ, iżda saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq intern. Kull għajnuna li ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ għajnuna eżistenti għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament Proċedurali.

    (98)

    L-awtoritajiet Netherlandiżi ssottomettew li jekk l-eżenzjoni mit-taxxa għall-intrapriżi korporattivi fil-Wet Vpb 1969 hija għajnuna, din tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

    (99)

    Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma. Mill-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Netherlandiżi jirriżulta li l-essenza tal-eżenzjoni mit-taxxa għall-intrapriżi pubbliċi fil-Wet Vpb 1969, kif inhu stipulat fl-Artikolu 2(1)(g) u l-Artikolu 2(3) tal-Wet Vpb 1969, kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fin-Netherlands. Il-Wet Vpb 1969, li ġiet introdotta fl-1969, ħadet post id-dispożizzjonijiet li diġà kienu preżenti fil-kodiċi dwar it-taxxa tal-1956 (qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE) u, wara, ma nħolqot l-ebda eċċezzjoni ġdida.

    (100)

    Il-Wet Vpb 2015 neħħiet l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi elenkati fl-Artikolu 2(1)(g), fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, iżda żammet b’mod ċar l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal ċerti portijiet pubbliċi Netherlandiżi. Il-Kummissjoni tosserva li fir-rigward ta’ dawn l-intrapriżi pubbliċi, il-liġi l-ġdida ma mmodifikatx b’mod fundamentali l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva eżistenti. Din ma introduċietx komponenti ġodda tal-għajnuna u ma żidietx in-numru ta’ benefiċjarji. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva miżmuma għall-portijiet interessati żammet in-natura tagħha ta’ għajnuna eżistenti.

    10.   KONKLUŻJONI

    (101)

    L-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal ċerti portijiet pubbliċi Netherlandiżi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

    (102)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-liġi l-ġdida Wet Vpb 2015, li temenda l-Wet Vpb 1969, neħħiet l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016.

    (103)

    L-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva nżammet mill-Wet Vpb 2015 għal ċerti portijiet pubbliċi Netherlandiżi. Din l-eżenzjoni għandha titneħħa min-Netherlands fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni, u l-iskema tat-taxxa korporattiva għandha tidħol fis-seħħ u tibda tapplika mhux iktar tard mis-sena fiskali ta’ wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal Groningen Seaports NV, Havenbedrijf Amsterdam NV, Havenbedrijf Rotterdam NV, Havenschap Moerdijk, NV Port of Den Helder u Zeeland Seaports NV, fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet interessati, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    In-Netherlands għandhom ineħħu l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-portijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni, u l-iskema ta’ taxxa korporattiva emendata b’dan il-mod għandha tidħol fis-seħħ u tibda tapplika mhux iktar tard mis-sena fiskali ta’ wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni, in-Netherlands għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħudin sabiex jikkonformaw magħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 280, 22.8.2014, p. 68.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). B’effett mill-14 ta’ Ottubru 2015, ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 kien irrevokat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9). Il-passi proċedurali kollha meħudin f’din il-proċedura ttieħdu skont ir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

    (3)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 fil-Kawża SA.16035 (ex E 45/2000) (ĠU C 37, 11.2.2004, p. 13). Il-Kummissjoni ddikjarat li l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għal Schiphol Group li kellu sjieda pubblika kienet għajnuna eżistenti.

    (4)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (5)  L-Artikolu I D (li jintroduċi l-Artikolu 6c il-ġdid), l-Artikolu II u l-Artikolu VIII(2) tal-Wet Vpb 2015.

    (6)  L-Artikolu I D (li jintroduċi l-Artikolu 6b il-ġdid) tal-Wet Vpb 2015. L-Artikolu 6b il-ġdid jinkludi wkoll eżenzjoni għall-isptarijiet edukattivi li jwettqu l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1.4(1) tal-Att dwar l-Edukazzjoni Ogħla u r-Riċerka Xjentifika. It-tir ta’ din l-eżenzjoni huwa li toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn l-isptarijiet pubbliċi u privati. Hija relatata mal-eżenzjoni fl-Artikolu 5 tal-Wet Vpb 1969, li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċediment preżenti u, għaldaqstant, din l-eżenzjoni mhijiex indirizzata f’din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-valutazzjoni tal-eżenzjoni għall-isptarijiet edukattivi fil-Wet Vpb 2015.

    (7)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna mad-deċiżjoni dwar il-miżuri xierqa u n-nota 2 f’qiegħ il-paġna mad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura.

    (8)  L-Artikoli 5 u 6 tal-Wet Vpb 1969, flimkien mal-ordni ta’ implimentazzjoni Uitvoeringsbesluit Vennootschapsbelasting 1971, jeżentaw mit-taxxa korporattiva lil ċerti korpi tat-taxxa li jkollhom għan soċjali jew li ma jkunux jagħmlu profitt jew li jkollhom għan ta’ ġenerazzjoni ta’ profitti limitati. Dawn jinkludu l-isptarijiet, l-indukrar tal-anzjani, is-servizzi tal-funerali u l-libreriji. Kif osservat il-Kummissjoni fl-ittra tal-Artikolu 17, skont il-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE, il-ġenerazzjoni tal-profitti mhijiex kriterju li għandu jiġi kkunsidrat meta tkun qiegħda tittieħed deċiżjoni dwar jekk entità tkunx intrapriża jew le, u l-eżenzjonijiet fl-Artikoli 5 u 6 tal-Wet Vpb 1969 jistgħu, f’ċerti każijiet, jikkostitwixxu wkoll għajnuna mill-Istat. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jkomplux jiġu eżaminati f’din id-Deċiżjoni, li hija limitata għall-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva għall-intrapriżi pubbliċi elenkati fl-Artikolu 2(1), fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 2(7) tal-Wet Vpb 1969.

    (9)  Skont il-Wet Vpb 1969, it-terminu “intrapriżi industrijali” (nijverheidsbedrijven) jinkludi intrapriżi li jipproduċu, jittrasportaw jew ifornu l-gass, l-elettriku jew is-sħana, u intrapriżi li jibnu jew jieħdu ħsieb netwerks għat-trasport tal-gass, tal-elettriku jew tat-tisħin.

    (10)  Dan jirreferi għal intrapriżi li jixtru u jbigħu l-prodotti aktar milli għal intrapriżi li jwettqu attivitajiet ekonomiċi skont it-tifsira tar-regoli tal-UE. L-awtoritajiet Netherlandiżi kkonfermaw li l-Artikolu 2(1)(g) tal-Wet Vpb 1969 ma japplikax għall-forniment tas-servizzi.

    (11)  Memo lill-OECD tal-2002 jelenka wkoll l-edukazzjoni ogħla (il-kiri tas-swali u l-kmamar tal-konferenzi u t-taħlita inġusta ta’ attivitajiet ta’ edukazjoni u riċerka u kummerċ, eż. fir-riċerka tas-suq), l-ikkuntrattar ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni, uffiċċji ta’ inġinerija provinċjali u muniċipali, il-kiri ta’ kmamar tal-konferenzi u tal-laqgħat, parakummerċjaliżmu f’binjiet muniċipali, indukrar tat-tfal issussidjat, sfruttament kummerċjali ta’ portijiet tal-jottijiet, servizzi tat-tifi tan-nar u assoċjazzjonijiet ta’ rikreazzjoni u tal-akkomodazzjoni. Ara OECD, DAFFE/COMP/WD(2002)54, id-19 ta’ Settembru 2002, il-paragrafu 7.

    (12)  Ara d-dokument parlamentari Belastingplicht overheidsbedrijven – Inventarisatie van de gevolgen van de ondernemingsvariant, 11 mei 2012, Kamerstukken II 31213, nr. 7, pp. 26 u 46.

    (13)  Il-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin: (1) Id-diretturi tagħhom jinħatru u jitkeċċew, direttament jew indirettament, esklussivament mill-operaturi tal-portijiet imsemmijin u, fil-każ ta’ likwidazzjoni, l-assi tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni esklussiva ta’ dawk l-operaturi; (2) l-azzjonisti, is-sħab, il-parteċipanti jew il-membri, diretti u indiretti, kollha tagħhom huma fost l-operaturi tal-portijiet imsemmijin.

    (14)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Höfner u Else vs Macroton, C-41/90, EU:C:1991:161, il-paragrafu 21.

    (15)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’MOTOE vs Elliniko Dimosio, C-49/07, EU:C:2008:376, il-paragrafi 27 u 28.

    (16)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Van Landewyck u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, il-paragrafu 21; FFSA u Oħrajn vs Ministère de l’Agriculture et de la Pêche, Kawża C-244/94, EU:C:1995:392; u MOTOE, iċċitata hawn fuq, EU:C:2008:376, il-paragrafi 27 u 28.

    (17)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4).

    (18)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Banco de Crédito Industrial SA, issa Exterior de España SA vs Ayuntamiento de Valencia, C-387/92, EU:C:1994:100, il-paragrafu 14.

    (19)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs High Authority of the European Coal and Steel Community, 30/59, EU:C:1961:2, u Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke vs Finanzlandesdirektion für Kärnten, C-143/99, EU:C:2001:598, il-paragrafu 38.

    (20)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Phillip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, EU:C:1980:209, il-paragrafu 11.

    (21)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, EU:C:2005:768, il-paragrafu 94.

    (22)  Ara fost l-oħrajn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-88/03, EU:C:2006:511, il-paragrafu 56, u Ministero dell’Economia e delle Finanze and Agenzia delle Entrate vs Paint Graphos eċċ., C-78/08 sa C-80/08, EU:C:2011:550, il-paragrafu 49.

    (23)  Is-Sentenza f’Adria-Wien Pipeline, iċċitata hawn fuq, EU:C:2001:598, il-paragrafu 42.

    (24)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2004 f’Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T-308/00, EU:T:2004:199, il-paragrafu 42.

    (25)  Is-Sentenza f’Salzgitter, iċċitata hawn fuq, EU:T:2004:199, il-paragrafu 81.

    (26)  Fl-2002, f’każ simili li kien jikkonċerna eżenzjoni ta’ tliet snin mit-taxxa korporattiva mogħtija lil ċerti intrapriżi pubbliċi Taljani mwaqqfin mill-awtoritajiet lokali, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni negattiva bl-irkupru (Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE tal-5 ta’ Ġunju 2002 dwar għajnuna mill-Istat li tikkonċerna eżenzjonijiet fiskali u self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi ta’ servizzi pubbliċi li l-azzjonisti tagħhom huma, fil-parti l-kbira, pubbliċi (ĠU L 77, 24.3.2003, p. 21)). Dik id-deċiżjoni kienet appoġġjata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’A2 A magħrufa qabel bħala ASM Brescia vs Il-Kummissjoni, C-318/09 P, EU:C:2011:856.

    (27)  Ara pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2009 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat C 39/2009 (ex N 385/2009) – il-Latvja – Finanzjament pubbliku tal-infrastruttura tal-port fil-port ta’ Ventspils (ĠU C 62, 13.3.2010, p. 7); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011 fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30381 (N 44/2010) – il-Latvja – Finanzjament pubbliku ta’ infrastruttura ta’ port f’Krievu Sala (ĠU C 215, 21.7.2011, p. 2); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Frar 2012 fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30742 (N 137/2010) – il-Litwanja – Kostruzzjoni ta’ infrastruttura għat-terminal tal-vapuri fi Klaipeda (ĠU C 121, 26.4.2012, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.35418 (2012/N) – il-Greċja – Estensjoni tal-port ta’ Piraeus (ĠU C 256, 5.9.2013, p. 2); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 2013 fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36953 (2013/N) – Spanja – Awtorità tal-Port ta’ Bahía de Cádiz (ĠU C 335, 5.9.2013, p. 5); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.37402 – l-Ungerija – l-iżvilupp intermodali tall-Port Ħieles ta’ Budapest (ĠU C 141, 9.5.2014, p. 5); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.34501 – il-Ġermanja – Estensjoni tal-port intern ta’ Königs Wusterhausen/Wildau (ĠU C 176, 21.6.2013, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.38478 – l-Ungerija – l-Iżvilupp tal-Port Pubbliku ta’ Győr-Gőnyű (ĠU C 418, 21.11.2014, p. 9). Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat N 520/2003 – il-Belġju – Appoġġ finanzjarju għal xogħlijiet ta’ infrastruttura għal Portijiet Fjammingi.

    (28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2001 dwar il-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.16035 (ex E 45/2000).


    Top