This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016R0052
Council Regulation (Euratom) 2016/52 of 15 January 2016 laying down maximum permitted levels of radioactive contamination of food and feed following a nuclear accident or any other case of radiological emergency, and repealing Regulation (Euratom) No 3954/87 and Commission Regulations (Euratom) No 944/89 and (Euratom) No 770/90
Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 tal-15 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva ta' ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u (Euratom) Nru 770/90
Regolament tal-Kunsill (Euratom) 2016/52 tal-15 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva ta' ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u (Euratom) Nru 770/90
ĠU L 13, 20.1.2016, p. 2–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 13/2 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (Euratom) 2016/52
tal-15 ta' Jannar 2016
li jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva ta' ikel u għalf wara inċident nukleari jew kwalunkwe każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 u (Euratom) Nru 770/90
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikoli 31 u 32 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, li tfasslet wara li nkisbet l-opinjoni tal-grupp ta' persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom (3) tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għall-protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti. |
(2) |
Wara l-inċident fl-impjant nukleari ta' Chernobyl fis-26 ta' April 1986, kwantitajiet konsiderevoli ta' materjali radjuattivi ħarġu fl-atmosfera, li kkontaminaw ikel u għalf f'diversi pajjiżi Ewropej għal livelli li kienu sinifikanti mill-perspettiva tas-saħħa. Ġew adottati miżuri biex jiġi żgurat li ċerti prodotti agrikoli jidħlu biss fl-Unjoni f'konformità mal-arranġamenti komuni li jħarsu s-saħħa tal-popolazzjoni waqt li tinżamm in-natura unifikata tas-suq u tiġi evitata distorsjoni tal-kummerċ. |
(3) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 (4) jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva li għandhom jiġu applikati wara inċident nukleari jew f'kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika li jista' jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf. Dawk il-livelli massimi permissibbli għadhom jikkonformaw mal-pariri xjentifiċi l-aktar reċenti attwalment disponibbli fil-livell internazzjonali. Il-bażi għall-istabbiliment tal-livelli massimi permissibbli stabbiliti f'dan ir-Regolament ġiet riveduta u deskritta fil-Pubblikazzjoni 105 tal-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni mir-Radjazzjoni (Kriterji tal-UE għar-Restrizzjonijiet fuq l-Ikel li għandhom jiġu Applikati wara Inċident). B'mod partikolari, dawk il-livelli huma bbażati fuq livell ta' referenza ta' 1 mSv kull sena għaż-żieda fid-doża effettiva individwali permezz ta' inġestjoni u bis-suppożizzjoni li 10 % tal-ikel ikkonsmat kull sena jkun kontaminat. Madankollu, għal tfal li għandhom inqas minn sena japplikaw suppożizzjonijiet differenti. |
(4) |
Wara l-inċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima fil-11 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli ta' radjonuklidi f'ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun qabżu l-livelli ta' azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Tali kontaminazzjoni tista' tkun ta' periklu għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġew adottati miżuri li jimponu kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' ikel u għalf li joriġinaw jew li jintbagħtu mill-Ġappun, b'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
(5) |
Jeħtieġ li titwaqqaf sistema li, wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika li jista' jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf, tippermetti lill-Komunità tistabbilixxi livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva fir-rigward ta' prodotti li jkunu ser jitqiegħdu fis-suq għall-ħarsien tal-popolazzjoni. |
(6) |
Bħal ikel ieħor, l-ilma tax-xorb jiġi inġestit direttament jew indirettament u għaldaqstant għandu rwol fl-esponiment totali tal-konsumatur għal sustanzi radjuattivi. Fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi, il-kontroll tal-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem huwa diġà previst fid-Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom (6), bl-esklużjoni ta' ilmijiet minerali u ilmijiet li huma prodotti mediċinali. Dan ir-Regolament għandu japplika għal ikel, ikel ta' importanza minuri u għalf li jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika, u mhux għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem li għalih tapplika d-Direttiva 2013/51/Euratom. Madankollu, fil-każ ta' emerġenza radjoloġika, l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu li jirreferu għal-livelli massimi għall-ikel likwidu indikati f'dan ir-Regolament sabiex jimmaniġġjaw l-użu tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. |
(7) |
Il-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva għandhom japplikaw għall-ikel u l-għalf li joriġinaw fl-Unjoni jew li jiġu importati minn pajjiżi terzi, abbażi tal-post u ċ-ċirkostanzi tal-inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika oħra. |
(8) |
Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa f'każ ta' inċident nukleari jew ta' livelli ta' radjuattività ogħla minn tas-soltu skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom (7) jew skont il-Konvenzjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) dwar in-Notifika Bikrija ta' Inċident Nukleari tas-26 ta' Settembru 1986. |
(9) |
Sabiex jittieħed kont tal-fatt li d-dieti tat-trabi fl-ewwel sitt xhur tagħhom jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti u li hemm inċertezzi fil-metaboliżmu tat-trabi fit-tieni perijodu ta' sitt xhur, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' livelli massimi permissibbli aktar baxxi għall-ikel għat-trabi tiġi estiża għall-ewwel tnax-il xahar. |
(10) |
Biex jiġi ffaċilitat l-adattament ta' livelli massimi permissibbli applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward taċ-ċirkostanzi tal-inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika oħra, il-proċeduri għar-reviżjoni tar-Regolamenti ta' implimentazzjoni għandhom jinkludu l-konsultazzjoni mill-Kummissjoni tal-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat. |
(11) |
Biex jiġi żgurat li l-ikel u l-għalf li jaqbżu l-livelli massimi permissibbli applikabbli ma jitqiegħdux fis-suq tal-Komunità, għandhom isiru kontrolli xierqa fuq l-osservanza ta' dawn il-livelli. |
(12) |
Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament rigward l-applikabbiltà tal-livelli massimi permissibbli, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (8) li għandu japplika għall-iskop ta' dan ir-Regolament minkejja l-fatt li ma jirreferix b'mod espliċitu għall-Artikolu 106a tat-Trattat. |
(13) |
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta dak il-Kumitat jiddiskuti abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni bbażati fuq dan ir-Regolament, ir-rappreżentanti tagħhom ikollhom, jew ikunu jistgħu joqogħdu fuq, għarfien espert adegwat fil-qasam tal-protezzjoni radjoloġika. |
(14) |
Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti li jagħmlu applikabbli livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva tal-ikel u tal-għalf. |
(15) |
Il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet ġustifikati li jirrigwardaw ċerti emerġenzi radjoloġiċi li jistgħu jwasslu jew li jkunu wasslu għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jirrikjedu dan. |
(16) |
Dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi lex specialis għall-proċedura biex jiġu adottati u sussegwentement emendati Regolamenti ta' implimentazzjoni li jistipulaw livelli massimi permissibbli applikabbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva wara każ ta' emerġenza radjoloġika. Fejn ikun evidenti li l-ikel jew l-għalf li oriġina fl-Unjoni jew li jkun ġie importat minn pajjiż terz jista' jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li dan ir-riskju ma jkunx jista' jiġi kkontrollat b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri meħuda mill-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri addizzjonali ta' emerġenza bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 178/2002 jiġu implimentati b'mod armonizzat. Fejn possibbli, il-livelli massimi permissibbli applikabbli u l-miżuri addizzjonali ta' emerġenza għandhom jiġu integrati f'Regolament ta' implimentazzjoni uniku bbażat fuq dan ir-Regolament u r-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
(17) |
Barra minn hekk, fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament u tal-Kunsill, huma stipulati regoli ġenerali għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-osservanza tar-regoli li għandhom l-għan, fost affarijiet oħra, li jipprevjenu, jeliminaw jew inaqqsu għal livelli aċċettabbli r-riskji għall-bnedmin u l-annimali (9). |
(18) |
Fit-tħejjija jew ir-reviżjoni tar-Regolamenti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis, fost affarijiet oħra, iċ-ċirkostanzi li ġejjin: il-post, in-natura u l-kobor tal-inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika oħra fil-Komunità jew barra minnha; in-natura, il-kobor u l-firxa tar-rilaxx identifikat jew previst ta' sustanzi radjuattivi fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u fl-ikel u l-għalf fil-Komunità jew barra minnha; ir-riskji radjoloġiċi tal-kontaminazzjoni radjuattiva identifikata jew potenzjali tal-ikel u l-għalf u d-dożi radjuattivi li jirriżultaw; it-tip u l-kwantità tal-ikel u l-għalf kontaminati li jistgħu jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità; il-livelli massimi permissibbli għall-ikel u l-għalf kontaminat iffissati f'pajjiżi terzi; l-importanza ta' dan l-ikel u l-għalf biex il-popolazzjoni tingħata provvista adegwata ta' ikel; l-aspettattivi tal-konsumaturi rigward is-sikurezza tal-ikel u bidliet possibbli għad-drawwiet tal-ikel tal-konsumaturi bħala riżultat ta' emerġenza radjoloġika. |
(19) |
F'każijiet debitament ġustifikati, kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jitlob li jkun jista' jidderoga b'mod temporanju mil-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjuattiva fir-rigward ta' ikel jew għalf speċifikat li jiġi kkonsmat fit-territorju tiegħu. Ir-Regolamenti ta' implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw l-ikel u l-għalf li għalihom japplikaw id-derogi, it-tipi ta' radjunuklidi kkonċernati, kif ukoll l-ambitu ġeografiku u t-tul ta' żmien tad-derogi, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-livelli massimi permissibbli tal-kontaminazzjoni radjuattiva:
(a) |
tal-ikel, kif indikat fl-Anness I; |
(b) |
tal-ikel ta' importanza minuri, kif indikat fl-Anness II; u |
(c) |
tal-għalf, kif indikat fl-Anness III, |
li jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta emerġenza radjoloġika li jista' jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf.
Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-proċedura biex jiġu adottati jew sussegwentement emendati r-Regolamenti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-livelli massimi permissibbli applikabbli.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“ikel” tfisser kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem. “Ikel” jinkludi xorb, chewing gum u kull sustanza intenzjonalment inkorporati fl-ikel matul il-manifattura, it-tħejjija jew it-trattament tiegħu. “Ikel” ma jinkludix:
|
(2) |
“ikel ta' importanza minuri” tfisser ikel ta' importanza minuri fid-dieta li jagħti kontribut marġinali biss lill-konsum tal-ikel mill-popolazzjoni; |
(3) |
“għalf” tfisser kull sustanza jew prodott, inkluż addittivi, sew ipproċessati, sew parzjalment ipproċessati kif ukoll mhux ipproċessati, maħsuba biex jintużaw għat-tmigħ mill-ħalq lill-annimali; |
(4) |
“tqegħid fis-suq” tfisser iż-żamma ta' ikel jew għalf għall-iskop ta' bejgħ, inkluż l-offerta għall-bejgħ jew kull forma oħra ta' trasferiment, kemm jekk b'xejn kemm jekk le, u l-bejgħ, id-distribuzzjoni u forom oħra ta' trasferiment; |
(5) |
“emerġenza radjoloġika” tfisser sitwazzjoni jew avveniment mhux normali li jinvolvi sors ta' radjazzjoni li jirrikjedi azzjoni fil-pront biex jiġu mitigati konsegwenzi negattivi serji għas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, il-kwalità tal-ħajja, il-proprjetà jew l-ambjent, jew periklu li jista' jwassal għal konsegwenzi negattivi serji bħal dawn. |
Artikolu 3
Livelli massimi permissibbli applikabbli
1. Jekk il-Kummissjoni tirċievi — partikolarment taħt l-arranġamenti tal-Komunità għall-iskambju bikri ta' informazzjoni fl-eventwalità ta' emerġenza radjoloġika, jew taħt il-Konvenzjoni tal-IAEA dwar in-Notifika Bikrija ta' Inċident Nukleari tas-26 ta' Settembru 1986 — informazzjoni uffiċjali dwar inċident nukleari jew dwar kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika li jista' jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf, hija għandha tadotta Regolament ta' implimentazzjoni li jagħmel applikabbli livelli massimi permissibbli għall-ikel jew l-għalf potenzjalment kontaminati li jista' jitqiegħed fis-suq.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4), il-livelli massimi permissibbli applikabbli stabbiliti f'tali Regolament ta' implimentazzjoni ma għandhomx jaqbżu dawk stabbiliti fl-Annessi I, II u III. Dak ir-Regolament ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).
Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati relatati maċ-ċirkostanzi tal-inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika oħra, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(3).
2. Il-perijodu ta' validità ta' Regolamenti ta' implimentazzjoni adottati taħt il-paragrafu 1 għandu jkun qasir kemm jista' jkun. It-tul ta' żmien tal-ewwel Regolament ta' implimentazzjoni wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika ma għandux jaqbeż tliet xhur.
Ir-Regolamenti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu riveduti perjodikament mill-Kummissjoni u, jekk ikun xieraq, jiġu emendati fuq il-bażi tan-natura u l-post tal-inċident u tal-evoluzzjoni tal-livell ta' kontaminazzjoni radjuattiva mkejjel b'mod effettiv.
3. Fit-tħejjija jew ir-reviżjoni tar-Regolamenti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis l-istandards bażiċi stipulati bis-saħħa tal-Artikoli 30 u 31 tat-Trattat, inkluż il-prinċipju tal-ġustifikazzjoni u l-prinċipju tal-ottimizzazzjoni, bil-għan li l-kobor tad-dożi individwali, il-probabbiltà ta' esponiment u n-numru ta' individwi esposti jinżammu baxxi daqskemm ikun raġonevolment possibbli, filwaqt li jitqies l-istat attwali tal-għarfien tekniku u fatturi ekonomiċi u soċjetali.
Fir-reviżjoni tar-Regolamenti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-grupp ta' esperti msemmi fl-Artikolu 31 tat-Trattat jekk inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika jikkawża kontaminazzjoni tant mifruxa ta' ikel jew għalf ikkonsmat fil-Komunità li r-raġunament u s-suppożizzjonijiet li huma l-bażi tal-livelli massimi permissibbli stabbiliti fl-Annessi I, II u III għal dan ir-Regolament ma jibqgħux validi. Il-Kummissjoni tista' titlob l-opinjoni ta' dak il-grupp ta' esperti f'kull każ ieħor ta' kontaminazzjoni ta' ikel jew għalf ikkonsmat fil-Komunità.
4. Mingħajr preġudizzju għall-objettiv tal-protezzjoni tas-saħħa ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista', permezz ta' Regolamenti ta' implimentazzjoni, tippermetti lil kwalunkwe Stat Membru, fuq talba tiegħu u fid-dawl ta' ċirkostanzi eċċezzjonali prevalenti f'dak l-Istat Membru, tidderoga b'mod temporanju mil-livelli massimi permissibbli fir-rigward ta' ikel jew għalf speċifikat ikkonsmat fit-territorju tiegħu. Dawk id-derogi għandhom ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika u għandhom ikunu debitament ġustifikati miċ-ċirkostanzi, b'mod partikolari fatturi soċjetali, prevalenti fl-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 4
Miżuri restrittivi
1. Meta l-Kummissjoni tadotta Regolament ta' implimentazzjoni li jagħmel applikabbli livelli massimi permissibbli, l-ikel jew l-għalf li ma jkunx jikkonforma ma' dawk il-livelli massimi permissibbli ma għandux jitqiegħed fis-suq, mid-data speċifikata f'dak ir-Regolament ta' implimentazzjoni.
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ikel jew għalf importat minn pajjiżi terzi għandu jitqies li tqiegħed fis-suq jekk, fit-territorju tad-dwana tal-Unjoni, dan jitqiegħed taħt proċedura tad-dwana li ma tkunx proċedura ta' tranżitu.
2. Kull Stat Membru għandu jagħti lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra. Kull każ ta' nonosservanza tal-livelli massimi permissibbli applikabbli għandu jiġi notifikat permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF).
Artikolu 5
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 6
Rappurtar
Fl-eventwalità ta' inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika, li jista' jwassal jew li jkun wassal għal kontaminazzjoni radjuattiva sinifikanti ta' ikel u għalf, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jkopri l-implimentazzjoni tal-miżuri li jkunu ttieħdu bis-saħħa ta' dan ir-Regolament u li jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2).
Artikolu 7
Tħassir
Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 (13) u Nru 770/90 (14) jitħassru.
Referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Jannar 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
J.R.V.A. DIJSSELBLOEM
(1) Opinjoni tad-9 ta' Lulju 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU C 226,16.7.2014, p. 68.
(3) Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tal-5 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).
(4) Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta' Diċembru 1987 li jistabbilixxi livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjoattiva ta' ikel u għalf wara aċċident nukleari jew f'kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika (ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11).
(5) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.)
(6) Direttiva tal-Kunsill 2013/51/Euratom tat-22 ta' Ottubru 2013 li tistabbilixxi rekwiżiti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku ġenerali fir-rigward ta' sustanzi radjuattivi fl-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 296, 7.11.2013, p. 12).
(7) Deċiżjoni tal-Kunsill 87/600/Euratom tal-14 ta' Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju kmieni ta' informazzjoni fil-każ ta' emerġenza radjoloġika (ĠU L 371, 30.12.1987, p. 76).
(8) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(9) Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).
(10) Direttiva Nru 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).
(11) Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).
(12) Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).
(13) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 944/89 tat- 12 ta' April 1989 li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta' kontaminazzjoni radjoattiva f'oġġetti tal-ikel ta' importanza minuri wara inċident nukleari jew kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika (ĠU L 101, 13.4.1989, p. 17)
(14) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 770/90 tad-29 ta' Marzu 1990 li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi ta' kontaminazzjoni radjoattiva f'għalf wara inċident nukleari jew f'xi każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika (ĠU L 83, 30.3.1990, p. 78)
ANNESS I
LIVELLI MASSIMI PERMISSIBBLI TA' KONTAMINAZZJONI RADJUATTIVA TAL-IKEL
Il-livelli massimi permissibbli li għandhom jiġu applikati għall-ikel ma għandhomx jeċċedu dawn li ġejjin:
Grupp ta' isotopi/Grupp tal-ikel |
Ikel (Bq/kg) (1) |
|||
Ikel tat-trabi (2) |
Prodotti tal-ħalib (3) |
Ikel ieħor minbarra ikel ta' importanza minuri (4) |
Ikel likwidu (5) |
|
Total tal-isotopi tal-istronzju, partikolarment Sr-90 |
75 |
125 |
750 |
125 |
Total tal-isotopi tal-jodju, partikolarment I-131 |
150 |
500 |
2 000 |
500 |
Total tal-isotopi alfaemittenti ta' elementi tal-plutonju u tat-transplutonju, partikolarment Pu-239 u Am-241 |
1 |
20 |
80 |
20 |
Total tan-nuklidi l-oħra kollha li għandhom nofs ħajja ta' aktar minn għaxart' ijiem, partikolarment Cs-134 u Cs-137 (6) |
400 |
1 000 |
1 250 |
1 000 |
(1) Il-livell applikabbli għall-prodotti kkonċentrati jew imnixxfa jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prodott rikostitwit bħala lest għall-konsum. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet għad-dilwizzjoni biex jiġi żgurat li l-livelli massimi permissibbli stabbiliti f'dan ir-Regolament jitħarsu.
(2) Ikel tat-trabi huwa definit bħala ikel maħsub għat-tmigħ tat-trabi tul l-ewwel tnax-il xahar tal-ħajja li fih innifsu jissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali ta' din il-kategorija ta' persuni u li jitqiegħed għall-bejgħ bl-imnut f'pakketti li jkunu ċarament identifikati u ttikkettati bħala tali.
(3) Prodotti tal-ħalib huma definiti bħala prodotti li jaqgħu fil-kodiċijiet NM li ġejjin, inkluż, fejn xieraq, kull aġġustament li jista' jsirilhom sussegwentement: 0401 u 0402 (ħlief 0402 29 11).
(4) Ikel ta' importanza minuri u l-livelli korrispondenti li għandhom jiġu applikati għalih huma stabbiliti fl-Anness II.
(5) Ikel likwidu huwa definit bħala prodotti li jaqgħu fl-intestatura 2009 u fil-Kapitolu 22 tan-Nomenklatura Magħquda. Il-valuri jiġu kkalkulati billi jitqies il-konsum tal-ilma tal-vit u l-istess valuri jistgħu jiġu applikati għall-provvisti ta' ilma tax-xorb fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri.
(6) Il-karbonju-14, it-tritju u l-potassju-40 mhumiex inklużi f'dan il-grupp.
ANNESS II
LIVELLI MASSIMI PERMISSIBBLI TA' KONTAMINAZZJONI RADJUATTIVA TAL-IKEL TA' IMPORTANZA MINURI
1. |
Lista tal-ikel ta' importanza minuri
|
2. |
Il-livelli massimi permissibbli li għandhom jiġu applikati għall-ikel ta' importanza minuri kif elenkat fil-punt 1 ma għandhomx jeċċedu dawn li ġejjin:
|
(1) Il-karbonju-14, it-tritju u l-potassju-40 mhumiex inklużi f'dan il-grupp.
ANNESS III
LIVELLI MASSIMI PERMISSIBBLI TA' KONTAMINAZZJONI RADJUATTIVA TAL-GĦALF
Il-livelli massimi permissibbli għat-total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137 ma għandhomx jeċċedu dawn li ġejjin:
Għalf għal |
|
Ħnieżer |
1 250 |
Tjur, ħrief, għoġġiela |
2 500 |
Oħrajn |
5 000 |
(1) Dawn il-livelli huma maħsubin biex jikkontribwixxu għall-osservanza tal-livelli massimi permessi għall-għalf; waħedhom ma jiggarantixxux din l-osservanza fiċ-ċirkostanzi kollha u ma jnaqqsux ir-rekwiżit għall-monitoraġġtal-livelli ta' kontaminazzjoni fi prodotti li ġejjin mill-annimali destinati għall-konsum mill-bniedem.
(2) Dawn il-livelli japplikaw għall-għalf li jkun lest għall-konsum.
ANNESS IV
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
Regolament (Euratom) Nru 3954/87 |
Regolament (Euratom) Nru 944/89 |
Regolament (Euratom) Nru 770/90 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 1(2) |
|
|
Artikolu 2 |
Artikolu 2(1) |
|
|
Artikolu 3(1) |
Artikolu 2(2) |
|
|
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(1) |
|
|
— |
Artikolu 3(2) |
|
|
Artikolu 3(3) |
Artikolu 3(3) u (4) |
|
|
— |
Artikolu 4 |
|
|
— |
Artikolu 5 |
|
|
— |
Artikolu 6(1) |
|
|
Artikolu 4(1) |
Artikolu 6(2) |
|
|
Artikolu 4(2) |
|
Artikolu 2 |
|
Anness II, punt 2 |
— |
— |
— |
Artikolu 5 |
Artikolu 7 |
|
|
— |
— |
— |
— |
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
Artikolu 3 |
Artikolu 2 |
Artikolu 8 |
Anness |
|
|
Anness I |
|
Anness |
|
Anness II, punt 1 |
|
|
Anness |
Anness III |
— |
— |
— |
Anness IV |