Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2301

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2301 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja lejn il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerka, u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata għall-Messiku fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina (notifikata bid-dokument C(2015) 8556) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 324, 10.12.2015, p. 38–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2018; Impliċitament imħassar minn 32018R0659

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2301/oj

    10.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 324/38


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2301

    tat-8 ta' Diċembru 2015

    li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja lejn il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerka, u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata għall-Messiku fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina

    (notifikata bid-dokument C(2015) 8556)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta' Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' ekwidi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni tal-ekwidi ħajjin fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 13(1)(b) ta' dik id-Direttiva, waħda mill-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjonijiet tal-ekwidi fl-Unjoni hija li l-pajjiż terz ikun ilu ħieles mill-enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela għal perjodu ta' sentejn.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE (3) tipprovdi mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati wara l-esportazzjoni temporanja biex jieħdu sehem fi tlielaq, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali. Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni jipprovdi, fost l-oħrajn, li żiemel irreġistrat li ġie esportat temporanjament għal perjodu li mhux itwal minn 30 jum, mindu ħareġ mill-Unjoni, irid ikun żar biss fil-pajjiż terz minn fejn ġie ċċertifikat għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni jew f'pajjiż terz assenjat għall-istess grupp sanitarju kif indikat fl-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE (4) tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi, jew ta' partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li huma applikabbli għal dawn l-importazzjonijiet fl-Anness I tagħha (“il-lista”). Il-Messiku huwa inkluż fil-lista u huwa assenjat lill-grupp sanitarju “D”, filwaqt li l-Istati Uniti huma assenjati fil-lista lill-grupp sanitarju “C”.

    (4)

    Il-lista tispeċifika li l-ammissjoni temporanja taż-żwiemel irreġistrati, id-dħul mill-ġdid wara l-esportazzjoni temporanja taż-żwiemel irreġistrati għat-tlielaq, il-kompetizzjonijiet u l-avvenimenti kulturali, l-importazzjonijiet tal-equidae irreġistrati u tal-equidae għar-riproduzzjoni u l-produzzjoni, u l-importazzjonijiet ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina mill-Messiku, bħalissa mhumiex awtorizzati, filwaqt li dan iċ-ċaqliq taż-żwiemel irreġistrati huwa awtorizzat mill-Istati Uniti.

    (5)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/86/UE (5) ġiet adottata qabel l-avveniment kulturali Théâtre équestre Zingaro fl-2014. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/86/UE emendat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 93/195/KEE sabiex tawtorizza d-dħul mill-ġdid fl-Unjoni taż-żwiemel irreġistrati, wara l-esportazzjoni temporanja tagħhom biex jieħdu sehem f'dak l-avveniment, bil-kundizzjoni li ż-żwiemel irreġistrati jkunu konformi mar-rekwiżiti stipulati f'ċertifikat tas-saħħa mfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness X ta' dik id-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/86/UE emendat ukoll id-Deċiżjoni 93/195/KEE sabiex iżżid l-Anness X il-ġdid li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa.

    (6)

    Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/86/UE emendat id-Deċiżjoni 2004/211/KE sabiex il-lista tippermetti d-dħul mill-ġdid taż-żwiemel irreġistrati għat-tlielaq, għall-kompetizzjonijiet u għall-avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja, miż-żona metropolitana ta' Mexico-City sal-15 ta' April 2014.

    (7)

    L-avvenimenti ekwestri tal-LG Global Champions Tour se jsiru taħt l-awspiċi tal-Fédération Equestre Internationale f'Miami, fl-Istati Uniti, mis-7 sad-9 ta' April 2016, u fiż-żona metropolitana ta' Mexico-City, il-Messiku, mill-15 sas-17 ta' April 2016.

    (8)

    Iż-żewġ avvenimenti msemmija tal-LG Global Champions Tour fl-Istati Uniti u fiż-żona metropolitana ta' Mexico-City se jsiru b'superviżjoni veterinarja uffiċjali. Fid-dawl tal-livell għoli ta' dik is-superviżjoni, jistgħu jiġu stipulati kundizzjonijiet speċifiċi għaċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali u għaċ-ċertifikazzjoni veterinarja għad-dħul mill-ġdid ta' dawk iż-żwiemel wara l-esportazzjoni temporanja għal perjodu ta' mhux iktar minn 30 jum biex jieħdu sehem fl-avvenimenti ekwestri tal-LG Global Champions Tour f'Miami u mbagħad f'Mexico-City.

    (9)

    Id-Deċiżjoni 93/195/KEE għandha tiġi emendata sabiex tawtorizza d-dħul mill-ġdid fl-Unjoni sat-30 ta' April 2016 taż-żwiemel irreġistrati għat-tlielaq, għall-kompetizzjonijiet u għall-avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja bl-iskop li jieħdu sehem fl-LG Global Champions Tour f'Miami u f'Mexico-City, u sabiex tipprovdi għal mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa li jkopri dawn iż-żwiemel irreġistrati. Fl-istess waqt, id-dispożizzjonijiet skaduti tad-Deċiżjoni 93/195/KEE, kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/86/UE, għandhom jitħassru.

    (10)

    Id-Deċiżjoni 93/195/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (11)

    Billi ż-żona metropolitana ta' Mexico-City hija reġjun ta' altitudni għolja b'riskju iktar baxx tat-trażmissjoni permezz ta' vettur tal-istomatite vexxikulari jew ċerti sottotipi ta' enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela, id-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għal tlielaq, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja għal perjodu ta' inqas minn 30 ġurnata lejn iż-żona metropolitana ta' Mexico-City, reġjun fejn l-enċefalomjelite ekwina tal-Venezwela ilha iktar minn sentejn ma tiġi rrapportata, għandu jiġi awtorizzat. Għalhekk, l-entrata għall-Messiku fil-lista għandha tiġi emendata sabiex ikun permess id-dħul mill-ġdid fl-Unjoni taż-żwiemel irreġistrati għat-tlielaq, għall-kompetizzjonijiet u għall-avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja, miż-żona metropolitana ta' Mexico-City mit-30 ta' Marzu 2016 sat-30 ta' April 2016.

    (12)

    L-entrata għal dak il-pajjiż terz fil-lista fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għalhekk tiġi emendata.

    (13)

    Id-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (14)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 93/195/KEE hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1, l-aħħar inċiż jinbidel b'dan li ġej:

    “—

    ħadu parti fl-avvenimenti ekwestri tal-LG Global Champions Tour f'Miami, l-Istati Uniti, u f'Mexico-City, il-Messiku, u jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f'ċertifikat tas-saħħa mfassal skont il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fl-Anness X ta' din id-Deċiżjoni u bil-kundizzjoni li dan id-dħul mill-ġdid ma jseħħx wara t-30 ta' April 2016.”

    (2)

    L-Anness X jinbidel bit-test li hemm fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

    (2)  ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta' Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (ĠU L 86, 6.4.1993, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta' Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta' pajjiżi terzi u ta' partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta' equidae ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet 93/195/KEE u 94/63/KE (ĠU L 73, 11.3.2004, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/86/UE tat-13 ta' Frar 2014 li temenda d-Deċiżjoni 93/195/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għad-dħul mill-ġdid ta' żwiemel reġistrati għal tlielaq, kompetizzjonijiet u avvenimenti kulturali wara l-esportazzjoni temporanja lejn il-Messiku u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrata tal-Messiku fil-lista ta' pajjiżi terzi u partijiet minnhom minn fejn l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ekwidi ħajjin u ta' semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina huma awtorizzati (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 24).


    ANNESS I

    ANNESS X

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE l-entrata għall-Messiku tinbidel b'dan li ġej:

    “MX

    Il-Messiku

    MX-0

    Il-pajjiż kollu

    D

     

    MX-1

    Iż-żona Metropolitana ta' Mexico-City

    D

    X

    Validu mit-30 ta' Marzu sat-30 ta' April 2016”


    Top