This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R0779
Regulation (EU) 2015/779 of the European Parliament and of the Council of 20 May 2015 amending Regulation (EU) No 1304/2013, as regards an additional initial prefinancing amount paid to operational programmes supported by the Youth Employment Initiative
Regolament (UE) 2015/779 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013, fir-rigward ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
Regolament (UE) 2015/779 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013, fir-rigward ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
ĠU L 126, 21.5.2015, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
21.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 126/1 |
REGOLAMENT (UE) 2015/779 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta' Mejju 2015
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1304/2013, fir-rigward ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 164 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Fid-dawl tal-livelli għolja persistenti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, ġiet stabbilita l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) biex tagħti appoġġ liż-żgħażagħ li huma barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ fir-reġjuni l-aktar affettwati. Biex ikun żgurat rispons mgħaġġel fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxew dispożizzjonijiet li jippermettu l-mobilizzazzjoni aktar mgħaġġla tar-riżorsi allokati lill-YEI, inkluż, fost l-oħrajn, l-impenn tar-riżorsi kollha fl-ewwel sentejn tal-perjodu ta' programmar, il-possibbiltà li jkunu adottati programmi operazzjonali dedikati għall-YEI qabel ma l-Ftehim ta' Sħubija, kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jitressaq quddiem il-Kummissjoni u l-eliġibbiltà tan-nefqa mġarrba fir-rigward ta' operazzjonijiet taħt il-YEI mill-1 ta' Settembru 2013. |
(2) |
Il-limitazzjonijiet baġitarji ffaċċjati mill-Istati Membri u n-nuqqas ta' finanzjament disponibbli fl-istadju inizjali tal-perjodu ta' programmar ikkawżaw dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-YEI. Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 stabbilixxa l-livelli għall-ammont ta' prefinanzjament inizjali li għandu jitħallas biex ikun żgurat li l-Istati Membri jkollhom il-mezzi biex jagħtu l-appoġġ lill-benefiċjarji mill-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali. Madankollu, fil-kuntest tal-YEI, dawk l-ammonti huma meqjusa li mhumiex biżżejjed sabiex jagħtu l-ħlasijiet meħtieġa lill-benefiċjarji għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet. |
(3) |
Biex ikunu indirizzati l-limitazzjonijiet baġitarji ffaċċjati mill-Istati Membri fl-istadju inizjali tal-perjodu ta' programmar u filwaqt li titqies il-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-elementi speċifiċi tal-YEI, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkumplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, biex jiżdied il-livell tal-prefinanzjament inizjali mħallas lill-programmi operazzjonali appoġġati mill-YEI fl-2015. Biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed mezzi biex jagħmlu ħlasijiet lill-benefiċjarji responsabbli mill-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, fl-2015 għandu jitħallas ammont ta' prefinanzjament inizjali addizjonali mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-programmi operazzjonali appoġġati mill-YEI, biex ikunu kkumplimentati l-ammonti ta' prefinanzjament imħallsa f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
(4) |
Sabiex ikun żgurat li l-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali jintuża għall-implimentazzjoni immedjata tal-YEI, dak l-ammont għandu jiġi rimborżat lill-Kummissjoni, jekk il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mill-YEI ma tammontax għal livell adegwat fl-applikazzjonijiet ta' ħlas interim imressqa quddiem il-Kummissjoni fi żmien 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
(5) |
Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 22a
Ħlas ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali għal programmi operazzjonali appoġġati mill-YEI
1. Minbarra l-ammont ta' prefinanzjament inizjali mħallas skont il-punt (b) tal-Artikolu 134(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għandu jitħallas fl-2015 għall-programmi operazzjonali kollha appoġġati mill-YEI, irrispettivament mill-għamla tal-arranġament ta' programmar f'konformità mal-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, sabiex il-prefinanzjament inizjali mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI jiżdied għal 30 % (l-‘ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali’).
2. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali, l-ammonti mħallsa mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-programm operazzjonali f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 134(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jitnaqqsu.
3. Jekk, sat-23 ta' Mejju 2016, Stat Membru ma jressaqx applikazzjonijiet ta' ħlas interim fejn il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mill-YEI tkun ugwali għal mill-inqas 50 % tal-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali, li l-Istati Membri għandhom jirrimborżaw lill-Kummissjoni l-ammont totali ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas f'konformità mal-paragrafu 1. Il-kontribuzzjoni mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-programm operazzjonali kkonċernat ma għandhiex tiġi affettwata minn kwalunkwe tali rimborż.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta' Mejju 2015.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA
(1) Opinjoni tat-18 ta' Marzu 2015 (għadha ma gietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 u (għadha ma gietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2015.
(3) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(4) Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).