Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0598

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/598 tal- 15 ta' April 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

    ĠU L 99, 16.4.2015, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/598/oj

    16.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/598

    tal-15 ta' April 2015

    li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/328/PESK (1) li ħatret lis-Sinjura Patricia FLOR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali.

    (2)

    Ser jinħatar RSUE għall-Asja Ċentrali għal perijodu ta' 12-il xahar.

    (3)

    Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Is-Sur Peter BURIAN huwa b'dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali sat-30 ta' April 2016. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

    Artikolu 2

    Objettivi ta' politika

    Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:

    (a)

    il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali abbażi ta' valuri u interessi komuni kif stipulati fi ftehimiet rilevanti;

    (b)

    il-kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

    (c)

    il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

    (d)

    l-indirizzar ta' theddidiet ewlenin, speċjalment ta' problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Unjoni;

    (e)

    it-titjib fl-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun, inkluż permezz tal-koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma' sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU).

    Artikolu 3

    Mandat

    1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

    (a)

    jippromwovi l-koordinazzjoni politika tal-Unjoni fuq bażi ġenerali fl-Asja Ċentrali u jgħin biex tkun żgurata l-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fir-reġjun;

    (b)

    jimmonitorja, f'isem ir-RGħ, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Kummissjoni, il-proċess ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali, komplementat bil-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u rapporti ta' progress sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Asja Ċentrali, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari;

    (c)

    jgħin lill-Kunsill biex tkompli tiġi żviluppata politika komprensiva fir-rigward tal-Asja Ċentrali;

    (d)

    isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa;

    (e)

    iħeġġeġ lill-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan biex jikkooperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni;

    (f)

    jiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti mal-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha;

    (g)

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, kif ukoll dawk dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 (2000) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż billi jimmonitorja u jirrapporta dwar l-iżviluppi kif ukoll ifassal rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward;

    (h)

    jikkontribwixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-OSKE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti billi jiżviluppa kuntatti mal-awtoritajiet u ma' atturi lokali oħra bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, partiti politiċi, minoranzi, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom;

    (i)

    jagħti sehmu għall-formulazzjoni ta' aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, fir-rigward tal-Asja Ċentrali li huma relatati mas-sigurtà tal-enerġija, is-sigurtà tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, inklużi d-droga u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

    (j)

    jippromwovi s-sigurtà reġjonali fil-fruntieri tal-Asja Ċentrali fil-kuntest tat-tnaqqis tal-preżenza internazzjonali fl-Afganistan.

    2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ u jżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-SEAE u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu sat-30 ta' April 2016 għandu jkun ta' EUR 810 000.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

    Artikolu 6

    Formazzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

    1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jitpoġġew għad-dispożizzjoni, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-formazzjoni ta' skwadra. L-iskwadra għandu jinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandha żżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-iskwadra.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mandanti, l-istituzzjoni mandanti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post li fih jinsab id-dipartiment rilevanti tas-SEAE sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

    Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra neċessarji għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE tingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat u skont is-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida mis-SEAE, li jipprevedi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni u l-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà, u li jipprevedi pjan ta' kontinġenza u pjan ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

    (b)

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rappurtar

    Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif neċessarju. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jiġi involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandha tgħin sabiex ikun żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu utilizzati konsistentement sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati mad-dipartiment ġeografiku rilevanti tas-SEAE, kif ukoll mal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk tar-RSUE għall-Afganistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni fuq bażi regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat tagħha. Ir-RSUE għandha wkoll iżżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

    Artikolu 13

    Reviżjoni

    L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-aħħar ta' Settembru 2015 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Jannar 2016.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' April 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. RINKĒVIČS


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/328/PESK tal-25 ta' Ġunju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali (ĠU L 165, 26.6.2012, p. 59).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


    Top