Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0392

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/392 tad- 9 ta' Marzu 2015 li jtemm reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jerġa' jimponi d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-esportatur u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet

    ĠU L 65, 10.3.2015, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/392/oj

    10.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 65/18


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/392

    tad-9 ta' Marzu 2015

    li jtemm reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jerġa' jimponi d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-esportatur u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea “ir-Regolament bażiku”) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Billi:

    1.   Il-miżuri fis-seħħ

    (1)

    F'Ottubru 2005, il-Kunsill impona miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu triklorojsoċjanuriku (“TCCA”), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”), permezz tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005 (2) (“ir-Regolament oriġinali”). Ir-rati tad-dazju anti-dumping kien ivarja minn 7,3 % sa 42,6 %.

    (2)

    Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 855/2010 (3), il-Kunsill emenda r-Regolament oriġinali billi naqqas ir-rata ta' dazju antidumping għal produttur esportatur wieħed għal 3,2 %.

    (3)

    Wara reviżjoni ta' skadenza, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill impona miżuri tal-antidumping definittivi li jikkonsistu f'dazji individwali li jvarjaw minn 3,2 % sa 40,5 % b'dazju residwu ta' 42,6 % fuq l-importazzjonijiet ta' TCCA li joriġinaw mir-RPĊ bir-Regolament (UE) Nru 1389/2011 (4).

    (4)

    Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 569/2014 (5), il-Kummissjoni imponiet rata ta' dazju individwali ta' 32,8 % għall-produttur esportatur wieħed ġdid.

    2.   Investigazzjoni preżenti

    (5)

    Fl-4 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba biex tniedi reviżjoni li jikkonċerna “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn Juancheng Kangtai Chemical Co. Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur ta' TCCA fir-RPĊ. L-applikant stqarr li huwa ma esportax it-TCCA lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali u beda jesporta biss wara t-tmiem ta' dak il-perjodu. Huwa stqarr ukoll li ma kien relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi tat-TCCA li huma soġġetti għall-miżuri fis-seħħ.

    (6)

    Il-Kummissjoni qieset li l-evidenza prima facie mressqa mill-applikant kienet suffiċjenti biex tiġġustifika li jingħata bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara l-produtturi tal-Unjoni ngħataw opportunità sabiex jikkummentaw, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 fir-rigward tal-applikant, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014 (6).

    (7)

    Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014, id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 ġie mħassar fir-rigward tal-applikant. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-applikant.

    3.   Irtirar tat-talba

    (8)

    Fit-28 ta' Novembru 2014, l-applikant irtira formalment it-talba tiegħu għal reviżjoni ta' “esportatur ġdid”. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li l-investigazzjoni tar-reviżjoni għandha tiġi terminata.

    4.   Id-divulgazzjoni

    (9)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar l-intenzjoni li l-investigazzjoni tar-reviżjoni tiġi terminata, li timponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tat-TCCA u li dan id-dazju jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu l-ebda kummenti.

    5.   Imposta retroattiva tad-dazju antidumping

    (10)

    Fid-dawl tas-sejbiet deskritti hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-reviżjoni li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-TCCA immanifatturati minn Juancheng Kangtai Chemical Co. Ltd u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għandha tiġi tterminata. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-applikant għandha tintemm u d-dazju applikabbli għall-pajjiż kollu lill-kumpaniji l-oħra kollha (42,6 %) impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 għandu jiġi impost retroattivament fuq dawn l-importazzjonijiet mid-data ta' bidu ta' din ir-reviżjoni.

    (11)

    Dan ir-Regolament huwa konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Ir-reviżjoni ta' esportatur ġdid li bdiet bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014 hija b'dan terminata u d-dazju antidumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” (kodiċi addizjonali TARIC A999) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hu b'dan impost fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014.

    2.   Id-dazju antidumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 għall-kumpaniji l-oħra kollha fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b'dan huwa impost b'effett mit-2 ta' Lulju 2014 fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala “simklosene” skont denominazzjoni internazzjonali komuni (INN), li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014.

    3.   L-awtoritajiet doganali permezz ta' dan huma mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 727/2014.

    4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Marzu 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 254, 29.9.2010, p. 1.

    (4)  ĠU L 346, 30.12.2011, p. 6.

    (5)  ĠU L 157, 27.5.2014, p. 80.

    (6)  ĠU L 192, 1.7.2014, p. 42.


    Top