Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0354

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/354 tat- 2 ta' Marzu 2015 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment stabbilit taħt l-awspiċji tal-Bank Ewropew tal-Investiment

ĠU L 61, 5.3.2015, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/354/oj

5.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 61/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/354

tat-2 ta' Marzu 2015

li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment stabbilit taħt l-awspiċji tal-Bank Ewropew tal-Investiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) (il-“Ftehim Intern”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (2), kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (3) u kif emendat għat-tieni darba f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (4) (il-“Ftehim ta' Sħubija AKP-UE”). jipprevedi d-definizzjoni tal-protokolli finanzjarji għal kull perjodu ta' ħames snin.

(2)

Fis-26 ta' Ġunju 2013, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, adottaw Ftehim Intern skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, li jipprevedi t-twaqqif ta' Kumitat (il-“Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment”), li jikkonsisti mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri u minn rappreżentant tal-Kummissjoni, taħt l-awspiċji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2014, il-BEI, wara li kkonsulta l-Kummissjoni, ippreżenta lill-Kunsill proposta għal Deċiżjoni li tadotta r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment.

(4)

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (5) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 (6),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment stabbilit taħt l-awspiċji tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif indikat fl-Anness, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REIZNIECE-OZOLA


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(3)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

(4)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(6)  Regolament (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew tal-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1).


ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-FAĊILITÀ TAL-INVESTIMENT STABBILIT TAĦT L-AWSPIĊJI TAL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Artikolu 1

1.   Il-Kumitat tal-Faċilità tal-Investiment, (il-“Kumitat”) jikkonsisti minn rappreżentant għal kull Stat Membru u rappreżentant tal-Kummissjoni. Jivvutaw biss il-membri tal-Kumitat maħtura mill-Istati Membri, jew is-supplenti tagħhom.

2.   Il-President u l-viċi-President tal-Kumitat ikunu eletti minn fost il-membri tal-Kumitat maħtura mill-Istati Membru għal perjodu ta' sentejn. L-elezzjoni ssir fil-bidu tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat b'vot sigriet. Il-President ikun elett mill-kandidati fuq bażi ta' maġġoranza kkwalifikata, kif stipulat fl-Artikolu 3. L-elezzjoni tal-viċi-President issegwi l-istess proċedura.

3.   Il-Bank Ewropew tal-Investiment, (il-“Bank”) għandu jipprovdi s-segretarjat u s-servizzi ta' appoġġ lill-Kumitat.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw rappreżentant kull wieħed u supplenti li jkun awtorizzat jeżerċita d-drittijiet tal-vot. Supplenti jista' jattendi l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservatur, iżda jkollu biss id-dritt tal-vot meta r-rappreżentant tal-Istat Membru tiegħu jkun assenti. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn la r-rappreżentant u lanqas is-supplenti ma jkunu jistgħu jattendu laqgħa tal-Kumitat, ir-rappreżentant jista' jagħti prokura lil rappreżentant ieħor, jew ikun sostitwit minn terza persuna maħtura ad hoc mill-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Bank u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-ismijiet u l-indirizzi tar-rappreżentanti u s-supplenti tagħhom permezz tar-Rappreżentanzi Permanenti tagħhom għall-Unjoni Ewropea.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinnomina rappreżentant u supplenti biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat u tgħaddi l-ismijiet tagħhom lill-Bank u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Dawn il-persuni maħtura jistgħu jkunu megħjuna minn uffiċjali u impjegati oħrajn tal-Kummissjoni.

6.   Il-Bank għandu jinnomina żewġ uffiċjali biex jattendu u jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat u għandu jgħaddi l-ismijiet tagħhom lill-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Dawn il-persuni maħtura jistgħu jkunu megħjuna minn uffiċjali oħrajn tal-Bank.

7.   Rappreżentant tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom ikunu mistiedna biex jattendu laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi.

Artikolu 2

Il-Kumitat għandu jissejjaħ mill-President tiegħu u għandu jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet fis-sena fil-kwartieri ġenerali tal-Bank fil-Lussemburgu. Il-President jista' jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq talba ta' wieħed mill-Membri, jew tal-Bank.

Is-segretarjat għandu jibgħat avviżi tal-laqgħat lill-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE, flimkien mad-dettalji tal-aġenda proposta għal-laqgħa, kif ukoll id-dokumenti rilevanti, kif speċifikat fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 3

Il-Kumitat għandu jaġixxi fil-kwistjonijiet kollha b'maġġoranza kkwalifikata ta' 721 vot minn 1 000, li jesprimu vot favur mingħand mill-inqas ħmistax-il Stat Membru. Il-minoranza li timblokka tikkonsisti f'280 vot. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jiġu ppeżati kif ġej:

Stat Membru

Voti

Il-Belġju

33

Il-Bulgarija

2

Ir-Repubblika Ċeka

8

Id-Danimarka

20

Il-Ġermanja

206

L-Estonja

1

L-Irlanda

9

Il-Greċja

15

Spanja

79

Franza

178

Il-Kroazja

2

L-Italja

125

Ċipru

1

Il-Latvja

1

Il-Litwanja

2

Il-Lussemburgu

3

L-Ungerija

6

Malta

1

L-Olanda

48

L-Awstrija

24

Il-Polonja

20

Il-Portugall

12

Ir-Rumanija

7

Is-Slovenja

2

Is-Slovakkja

4

Il-Finlandja

15

L-Isvezja

29

Ir-Renju Unit

147

Total

1 000

Artikolu 4

1.   Il-Kumitat, taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura u fl-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 (1) (ir-“Regolament ta' Implimentazzjoni”), għandu:

(a)

fir-rigward tal-Faċilità tal-Investiment, japprova:

(i)

il-linji gwida operattivi u l-proposti għar-reviżjoni tagħhom;

(ii)

l-istrateġiji tal-investiment u l-pjanijiet tal-attività, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni, skont punt (b) tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni;

(iii)

ir-rapporti annwali, inklużi r-rendikonti finanzjarji;

(iv)

kull dokument ta' politika ġenerali, inklużi rapporti ta' evalwazzjoni;

(b)

jagħti opinjoni dwar:

(i)

skont il-proposti finanzjarji kollha tal-Faċilità tal-Investiment;

(ii)

il-proposti finanzjarji kollha mir-riżorsi proprji tal-Bank skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea inklużi dawn relatati ma' proġetti li għalihom il-Kummissjoni tkun tat opinjoni negattiva;

(iii)

l-użu ta' sussidju tar-rata tal-imgħax, fil-każ ta' proġetti li jinkludu sussidju tar-rata tal-imgħax;

(iv)

proposti relatati mal-iżvilupp tal-qafas ta' kejl tar-riżultat tal-Bank sakemm tali qafas huwa applikabbli għal operazzjonijiet skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE;

(v)

kull proposta oħra bbażata fuq il-prinċipji ġenerali ddefiniti fil-linji gwida operattivi.

Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess ta' approvazzjoni għal operazzjonijiet żgħar, il-Kumitat jista' jagħti l-opinjoni favorevoli tiegħu dwar proposti mill-Bank għal allokazzjoni globali (sussidji tar-rata tal-imgħax, assistenza teknika) jew awtorizzazzjoni globali (self, ekwità) skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni.

Barra minn hekk, il-korpi governattivi tal-Bank jistgħu, minn żmien għal żmien, jitolbu li l-Kumitat jagħti opinjoni dwar kwistjonijiet oħrajn ta' strateġija jew politika li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Bank fil-pajjiżi tal-AKP.

2.   Id-dokumenti ta' ħidma u l-proposti għall-Kumitat għandhom jitħejjew u jkunu ppreżentati mill-Bank lill-Kumitat u lill-osservaturi. Il-proposti għandhom jagħtu dettalji dwar:

(a)

id-deskrizzjoni tal-proġett u r-rilevanza tiegħu għall-istrateġija tal-iżvilupp tal-pajjiż hekk kif ippreżentat fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż;

(b)

l-għan tal-iżvilupp li l-proġett huwa intiż li jilħaq, inkluża s-sostenibbiltà tal-miżuri ppjanati-;

(c)

l-organizzazzjoni ġenerali u l-ġustifikazzjoni tal-proġett;

(d)

l-ispejjeż tal-proġett, il-metodu tal-finanzjament u r-riskji involuti, kif ukoll, fejn rilevanti, il-miżuri li l-Bank ikun beħsiebu japplika biex jiġu mitigati r-riskji;

(e)

l-impatt lokali, nazzjonali u reġjonali tal-proġett, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, inkluż fuq l-ambjent;

(f)

il-ftehim jew l-opinjoni tal-Kummissjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni.

3.   Ir-regoli dettaljati li jirregolaw l-eżekuzzjoni teknika tal-proġett u l-iskeda għat-twettiq tiegħu għandhom jiġu ppreżentati fil-qosor f'Anness għall-proposta.

Artikolu 5

1.   Il-Bank għandu jibgħat id-dokumenti u l-proposti rilevanti lill-membri tal-Kumitat u s-supplenti tagħhom, kif ukoll lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-SEAE tal-anqas 21 jum kalendarju qabel id-data stabbilita għal-laqgħat.

Il-President jista' f'każijiet eċċezzjonali jirrinunzja għal-limitu ta' żmien imsemmi hawn fuq, fuq talba debitament ġustifikata tal-Bank. Madankollu, f'każ li membru tal-Kumitat jinforma lis-Segretarjat li r-rinunzja għal-limitu ta' żmien ma jkunx aċċettabbli, il-punt rispettiv tal-aġenda jitneħħa.

2.   Il-Membri tal-Kumitat għandhom jinnotifikaw lill-Bank bil-miktub b'kummenti jew talbiet għal aktar informazzjoni li huma jista' jkollhom dwar id-dokumenti mqassma skont il-paragrafu 1, fi żmien l-iskadenzi ta' żmien rispettivi li ġejjin:

(a)

tal-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data tal-laqgħat fil-każ li jitolbu tweġiba bil-miktub mill-Bank qabel il-laqgħa;

(b)

tal-anqas tlett ijiem tax-xogħol, fil-każ li jitolbu lill-Bank biex iwieġeb verbalment matul il-laqgħa.

Id-dritt tal-Membri tal-Kumitat li jirċievu tweġibiet bil-fomm mill-Bank rigward kwistjonijiet li tqajmu matul il-laqgħa dwar id-dokumenti ċirkolati skont il-paragrafu 1, ma għandux jiġi preġudikat.

3.   Fuq proposta tal-President tiegħu, il-Kumitat għandu jadotta l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa. Kull membru tal-Kumitat jista' jitlob li jiżdiedu partiti oħrajn mal-aġenda, iżda għal diskussjoni biss. L-informazzjoni pprovduta f'dan ir-rigward tista' tingħata verbalment.

4.   Rappreżentant assenti ta' Stat Membru għandu jitqies li approva jew ta opinjoni favorevoli dwar id-dokumenti ppreżentati, ħlief fejn huwa jkun ta lill-President tal-Kumitat avviż bil-miktub dwar l-intenzjoni tiegħu li ma japprovax jew ma jagħtix opinjoni favorevoli, jew fejn, bħala miżura eċċezzjonali, huwa jkun ta prokura lil rappreżentant ieħor ta' Stat Membru. Meta jkunu ngħataw prokuri għall-vot jew ikun ġie nnominat sostitut, il-President tal-Kumitat għandu jkun infurmat b'dan bil-quddiem.

Rappreżentant ta' Stat Membru jista' jirċievi prokura minn rappreżentant ta' Stat Membru ieħor wieħed biss.

Artikolu 6

1.   Tista' tintalab l-opinjoni tal-Kumitat permezz ta' proċedura bil-miktub fuq l-inizjattiva tal-Bank u bi qbil bil-quddiem mal-President.

2.   Meta proposta tiġi ppreżentata permezz ta' proċedura bil-miktub, il-Bank jippreżentaha flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ kollha rilevanti. Jekk fi żmien 21 jum kalendarju wara l-preżentazzjoni ta' proposta, rappreżentant ta' Stat Membru ma jkunx tefa' vot negattiv, jitqies li huwa vvota favur il-proposta.

3.   Jekk diskussjoni f'laqgħa tal-Kumitat tintalab speċifikament minn wieħed mill-membri tiegħu mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel ma jiskadi l-perjodu ta' 21 jum kalendarju msemmi fil-paragrafu 2, il-proposta għandha tiġi ppreżentata fil-laqgħa skedata li jmiss tal-Kumitat. F'każijiet eċċezzjonali ta' urġenza partikolari, il-Bank imbagħad jista' jitlob li l-President isejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kumitat skont l-Artikolu 2.

Artikolu 7

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni, l-approvazzjoni jew l-opinjoni favorevoli tal-Kumitat tista' tingħata bla ħsara għal kull kumment speċifikat mill-Kumitat.

2.   Il-Kumitat jista' jitlob biex l-evalwazzjoni ta' talba jew proposta tiġi ssupplimentata f'ċerti aspetti. F'każ bħal dan, it-talba jew il-proposta tista' tiġi ppreżentata quddiem il-Kumitat għat-tieni darba.

3.   L-opinjonijiet mogħtija mill-Kumitat għandhom jiġu mgħoddija lill-korpi governattivi tal-Bank.

Artikolu 8

1.   Fi żmien ġimgħatejn mid-data tal-laqgħa, is-segretarjat, taħt ir-responsabbiltà tal-President, għandu jħejji minuti tal-konklużjonijiet ewlenin ta' kull laqgħa tal-Kumitat u l-pożizzjonijiet ewlenin adottati mill-membri tal-Kumitat. Is-segretarjat għandu bl-istess mod iħejji minuti tal-opinjonijiet u l-voti mitfugħa taħt proċedura bil-miktub. Dawn il-minuti għandhom jintbagħtu lir-rappreżentanti regolari tal-membri tal-Kumitat.

2.   Il-minuti jitqiesu bħala finali ladarba jiġu approvati mill-Kumitat, sew jekk bi proċedura bil-miktub jew f'laqgħa sussegwenti.

3.   Kull korrispondenza li tikkonċerna lill-Kumitat għandha tiġi indirizzata lis-segretarjat, għall-attenzjoni tal-President tal-Kumitat.

4.   Ir-rappreżentanti u l-osservaturi kollha li jattendu laqgħat tal-Kumitat għandhom josservaw il-kunfidenzjalità tal-ħidma u d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat. Id-dokumenti relatati ma' tali ħidma u deliberazzjonijiet huma għall-użu ta' dawk li lilhom huma indirizzati, li għandhom ikunu responsabbli għaż-żamma sigura tagħhom kif ukoll għall-kunfidenzjalità tagħhom.

5.   Darbtejn fis-sena, il-Bank, bi ftehim mal-President tal-Kumitat, jagħmel disponibbli informazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Investiment lill-Kumitat tal-FEŻ u l-korpi preparatorji tal-Kunsill, b'mod partikolari lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-AKP, biex tiġi żgurata l-koerenza u l-komplementarjetà ġenerali tal-attivitajiet iffinanzjati taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Dan ser isir f'konformità mar-regoli ta' kunfidenzjalità stabbiliti fil-paragrafu (4).

Artikolu 9

1.   In-nefqa operattiva tal-Kumitat, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għal rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru, titħallas mill-Bank. Ir-rappreżentant tal-Istat Membru li jippresiedi l-Kumitat huwa wkoll intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar flimkien mar-rappreżentant l-ieħor mill-istess Stat Membru, jekk ikun hemm.

2.   Il-Bank għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kumitat il-bini u t-tagħmir meħtieġa għall-ħidma tiegħu.

Artikolu 10

L-avviżi, il-korrispondenza jew id-dokumenti kollha li għandhom jintbagħtu skont dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jintbagħtu permezz tal-posta elettronika jew bil-faks.


(1)  Regolament (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew tal-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1).


Top