Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32015D0200

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/200 tas- 26 ta' Jannar 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward tas-Sri Lanka

    ĠU L 33, 10.2.2015, p. 15—18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumento teisinis statusas Galioja

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/200/oj

    10.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 33/15


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/200

    tas-26 ta' Jannar 2015

    li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward tas-Sri Lanka

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    (2)

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi l-proċedura fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, proċeduri fir-rigward ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, l-istabbiliment ta' lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, it-tneħħija mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-pubbliċità tal-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u kwalunkwe miżura ta' emerġenza.

    (3)

    Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 il-Kummissjoni nnotifikat tmien pajjiżi terzi, permezz ta' Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 (2), dwar il-possibbiltà li huma jiġu identifikati bħala pajjiżi li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

    (4)

    Fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni inkludiet informazzjoni dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom hija bbażata tali identifikazzjoni.

    (5)

    Ukoll fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat it-tmien pajjiżi terzi permezz ta' ittri separati li kienet qed tqis il-possibbiltà li tidentifikahom bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

    (6)

    Il-Kummissjoni, f'dawk l-ittri enfasizzat li sabiex jevitaw li jiġu identifikati u proposti għal iskrizzjoni formali bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx kif previst fl-Artikoli 31 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-pajjiżi terzi kkonċernati, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, kienu mistiedna jistabbilixxu pjan ta' azzjoni biex in-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 jiġu rettifikati.

    (7)

    Konsegwenza ta' dan, il-Kummissjoni stiednet lit-tmien pajjiżi terzi kkonċernati: (i) biex jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjanijiet ta' azzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni; (ii) biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet inklużi fil-pjanijiet ta' azzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni; u (iii) biex jibagħtu, kull sitt xhur, rapporti dettaljati lill-Kummissjoni li jivvalutaw l-implimentazzjoni ta' kull azzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-effettività individwali u/jew kumplessiva tagħhom sabiex jiżguraw sistema ta' kontroll tas-sajd li hija konformi b'mod sħiħ.

    (8)

    It-tmien pajjiżi terzi kkonċernati ngħataw l-opportunità biex iwieġbu bil-miktub għal kwistjonijiet indikati espliċitament fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 kif ukoll fuq informazzjoni rilevanti oħra. Dan ippermettielhom li jissottomettu evidenza sabiex jiċħdu jew ilestu l-fatti invokati fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 jew li jadottaw, kif xieraq, pjan ta' azzjoni għal titjib u l-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata. It-tmien pajjiżi kienu żgurati dwar id-dritt tagħhom li jitolbu, jew jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

    (9)

    Fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu mat-tmien pajjiżi terzi u emfażizzat li tqis perjodu ta' sitt xhur bħala fil-prinċipju suffiċjenti biex jintlaħaq ftehim.

    (10)

    Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi min-naħa tat-tmien pajjiżi wara d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ġew ikkunsidrati u meqjusa. It-tmien pajjiżi nżammu informati, jew bil-fomm jew bil-miktub, bid-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    (11)

    Fl-24 ta' Marzu 2014 ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE (3). Tlieta mit-tmien pajjiżi li tikkonċernahom id-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ġew iskritti bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx peress li, minkejja li ħadu xi miżuri, xorta naqsu milli, fil-qadi tal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali bħala Stati tal-bandiera jew Stati kostali, jieħdu azzjoni biex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU.

    (12)

    Permezz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE (4), il-Kummissjoni identifikat lir-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka (is-Sri Lanka) bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. B'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kummissjoni pprovdiet ir-raġunijiet li għalihom hi qieset li s-Sri Lanka, fil-qadi tal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, naqset milli tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

    (13)

    Din id-Deċiżjoni li tqiegħed lis-Sri Lanka fuq il-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, għandha għalhekk titqies fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 bħala riżultat ta' proċeduri ta' investigazzjoni u ta' djalogu mwettqa skont ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti f'dak ir-Regolament. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq dawk il-proċeduri ta' investigazzjoni u ta' djalogu, inkluż il-korrispondenza li ġiet skambjata u l-laqgħat li saru, u fuq id-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE. Ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-proċeduri u atti huma l-istess bħal dawk li fuqhom hija bbażata din id-Deċiżjoni. Din id-Deċiżjoni li tqiegħed lis-Sri Lanka fuq il-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU għandha tinvolvi l-konsegwenzi ddikjarati fl-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

    (14)

    Mal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li tqiegħed lis-Sri Lanka fuq il-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE li tidentifika lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax ma tibqax iżjed rilevanti.

    (15)

    Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jneħħi pajjiż terz mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx jekk dak il-pajjiż terz juri li s-sitwazzjoni li tat lok għall-iskrizzjoni tiegħu tkun ġiet rettifikata. Deċiżjoni għat-tneħħija għandha tikkunsidra wkoll jekk l-identifikati pajjiżi terzi kkonċernati ħadux miżuri konkreti li jistgħu jiksbu titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul.

    2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TAS-SRI LANKA

    (16)

    Fil-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Sri Lanka skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li hi qieset il-possibbiltà li tidentifika lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax u stiednet lis-Sri Lanka biex f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tagħha tistabbilixxi pjan ta' azzjoni biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet identifikati fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012. Matul il-perjodu ta' Diċembru 2012 sa Ġunju 2014, is-Sri Lanka ressqet bil-miktub l-opinjonijiet tagħha u ltaqgħet mal-Kummissjoni biex tiddiskuti l-punti rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet lis-Sri Lanka b'informazzjoni rilevanti bil-miktub. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala meħtieġa. Il-kummenti bil-fomm u bil-miktub mibgħuta mis-Sri Lanka wara d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ġew ikkunsidrati u meqjusa, filwaqt li s-Sri Lanka nżammet infurmata, bil-fomm jew bil-miktub, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-oqsma ta' tħassib u n-nuqqasijiet kif deskritti fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 ma kinux ġew indirizzati b'mod suffiċjenti mis-Sri Lanka. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri li ġew proposti fi pjan ta' azzjoni ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ.

    3.   IDENTIFIKAZZJONI TAS-SRI LANKA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (17)

    Fid-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet tas-Sri Lanka u evalwat il-konformità tagħha mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta' dak l-eżami, il-Kummissjoni qieset il-parametri elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

    (18)

    Il-Kummissjoni rrevediet il-konformità tas-Sri Lanka b'konformità mal-konklużjonijiet tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012, u wara li kkunsidrat l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn hemm 'il quddiem mis-Sri Lanka, il-pjan ta' azzjoni ssuġġerit, kif ukoll il-miżuri meħuda biex is-sitwazzjoni tiġi rettifikata.

    (19)

    In-nuqqasijiet ewlenin identifikati mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni ssuġġerit kienu relatati ma' diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-obbligi tad-dritt internazzjonali, marbuta b'mod partikolari mal-falliment li jiġi adottat qafas legali adegwat, in-nuqqas ta' sistema ta' monitoraġġ adegwata u effiċjenti, in-nuqqas ta' skema ta' osservatur, in-nuqqas ta' sistema ta' sanzjonijiet ta' deterrent, u n-nuqqas ta' implimentazzjoni korretta tal-iskema ta' ċertifikazzjoni tal-qbid. B'mod aktar ġenerali, nuqqasijiet oħra identifikati jikkonċernaw il-konformità mal-obbligi internazzjonali, fosthom rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' bastimenti skont id-dritt internazzjonali. Ġie identifikat ukoll nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet minn korpi rilevanti bħall-Pjan Internazzjonali ta' Azzjoni kontra s-sajd Illegali, Mhux Iddikjarat u Mhux Irregolat tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, in-nuqqas ta' konformità ma' rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti tqies biss bħala prova ta' sostenn u mhux bħala bażi għall-identifikazzjoni.

    (20)

    Fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE, il-Kummissjoni identifikat lis-Sri Lanka bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament (KE) NRU 1005/2008.

    (21)

    Fir-rigward tar-restrizzjonijiet possibbli fuq is-Sri Lanka bħala pajjiż li qed jiżviluppa, għandu jiġi nnotat li l-istatus ta' żvilupp speċifiku u l-prestazzjoni globali tas-Sri Lanka rigward is-sajd mhumiex imdgħajfin minħabba l-livell ġenerali ta' żvilupp tagħha.

    (22)

    Wara li ġew ikkunsidrati d-Deċiżjoni tal-15 ta' Novembru 2012 u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/715/UE, u l-proċess ta' djalogu mas-Sri Lanka segwit mill-Kummissjoni u l-eżitu tiegħu, jista' jiġi konkluż li l-azzjonijiet meħuda mis-Sri Lanka fid-dawl tal-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera huma insuffiċjenti biex ikun hemm konformità mal-Artikoli 94, 117 u 118 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u mal-Artikoli 18, 19, 20 tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut.

    (23)

    B'hekk, is-Sri Lanka naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera biex tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU.

    4.   STABBILIMENT TA' LISTA TA' PAJJIŻI TERZI LI MA JIKKOOPERAWX

    (24)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq fir-rigward tas-Sri Lanka, dak il-pajjiż għandu jiġi inkluż, skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, fil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE, kif emendata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/914/UE (5). Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

    (25)

    L-azzjonijiet fir-rigward tas-Sri Lanka huma elenkati fl-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) NRU 1005/2008 fil-forma ta' miżuri li għandhom jiġu applikati. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni tkopri l-istokkijiet u speċijiet kollha, kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (KE) NRU 1005/2008, billi l-identifikazzjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax mhijiex ir-riżultat ta' nuqqas ta' miżuri xierqa adottati fir-rigward ta' sajd IUU li jaffettwa stokk jew speċi partikolari.

    (26)

    Huwa nnutat li s-sajd IUU, inter alia, jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, jimmina l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, ifixkel il-kompetizzjoni, jipperikola s-sigurtà tal-ikel, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jdgħajjef il-komunitajiet kostali. Fid-dawl tal-kobor tal-problemi relatati mas-sajd IUU, huwa meqjus bħala neċessarju li l-Unjoni timplementa malajr l-azzjonijiet fir-rigward tas-Sri Lanka bħala pajjiż li ma jikkooperax. Fid-dawl ta' din il-kwistjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (27)

    Jekk is-Sri Lanka turi li s-sitwazzjoni li tat lok għall-iskrizzjoni tagħha tkun ġiet rettifikata, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, ineħħi s-Sri Lanka mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) NRU 1005/2008. Kwalunkwe deċiżjoni għat-tneħħija għandha tqis ukoll jekk is-Sri Lanka ħaditx miżuri konkreti biex ikun jista' jinkiseb titjib tas-sitwazzjoni li jdum fit-tul,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka b'dan tiżdied fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni 2014/170/UE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Jannar 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. DŪKLAVS


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 dwar in-notifika lill-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis bħala possibbli li jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/208 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 354, 17.11.2012, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/715/UE tal-14 ta' Ottubru 2014 li tidentifika pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li huwa pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 297, 15.10.2014, p. 13).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/914/UE tal-15 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fir-rigward ta' Belize (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 53).


    Į viršų