Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 32015R0192

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/192 tad- 9 ta' Frar 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta' assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d'Ivoire

    ĠU L 33, 10.2.2015, p. 1—3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dokumento teisinis statusas Nebegalioja, Galiojimo pabaigos data: 10/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0907

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/192/oj

    10.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 33/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/192

    tad-9 ta' Frar 2015

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta' assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d'Ivoire

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK tad-29 ta' Ottubru 2010 li ġeddet il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK tħassar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/852/PESK (2) u ġeddet il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Côte d'Ivoire sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1572 (2004) u r-Riżoluzzjonijiet suċċessuri. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 (3), ġie adottat biex jagħti effett lill-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK,u issa jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/656/PESK fil-livell tal-Unjoni billi jimponi restrizzjonijiet fuq l-għoti ta' assistenza lill-Côte d'Ivoire relatata mal-attivitajiet militari.

    (2)

    Għandha tiġi introdotta deroga oħra mill-projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment u l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna sabiex tippermetti l-awtorizzazzjoni ta' ċertu tagħmir fejn xieraq għall-użu ċivili biss fi proġetti ta' tħaffir ta' minjieri jew ta' infrastruttura, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/202 (4).

    (3)

    Dik il-miżura taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-miżura mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa mħassar.

    (2)

    L-Artikolu 4a huwa sostitwit b'li ġej:

    “Artikolu 4a

    1.   B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew, f'każ li l-esportatur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-Istat Membru minn fejn jista' jinbiegħ, jiġi pprovdut, trasferit jew esportat it-tagħmir, tista' tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir li ma joqtolx inkluż fl-Anness I, wara li tkun iddeterminat li t-tagħmir li ma joqtolx huwa maħsub biss biex jippermetti lill-forzi tas-sigurtà tal-Côte d'Ivoire jużaw biss forza xierqa u proporzjonata biex iżommu l-ordni pubbliku.

    2.   B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew f'każ li l-esportatur ma jkunx fl-Unjoni, l-Istat Membru minn fejn jista' jinbiegħ, jiġi pprovdut, trasferit jew esportat it-tagħmir, tista' tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir għar-ripressjoni interna fl-Anness I, li huwa maħsub biss biex jiġi sostnut il-proċess tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Côte d'Ivoire u għas-sostenn jew l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte d'Ivoire (UNOCI) u l-forzi Franċiżi li jsostnuhom.

    3.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tingħata f'konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 u għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.

    4.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni li tkun ingħatat taħt dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn minn dik l-awtorizzazzjoni.

    5.   Ma għandha tingħata l-ebda awtorizzazzjoni għal attivitajiet li jkunu diġà seħħew.”

    .

    (3)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 4b

    1.   B'deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew, f'każ li l-esportatur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, l-Istat Membru minn fejn jista' jinbiegħ, jiġi pprovdut, trasferit jew esportat it-tagħmir, tista' tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir kif elenkat fil-punt 4 tal-Anness I, meta t-tagħmir ikun maħsub biss għall-użu fil-minjieri jew proġetti tal-infrastruttura ċivili.

    2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata f'konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 u għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.

    3.   L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni.

    4.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir kif elenkat fil-punt 4 tal-Anness I, sakemm tkun iddeterminat li dan it-tagħmir huwa għall-użu ċivili biss fi proġetti ta' tħaffir ta' minjieri jew ta' infrastruttura.

    5.   L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimgħa qabel bl-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    6.   Ma għandha tingħata l-ebda awtorizzazzjoni għal attivitajiet li jkunu diġà seħħew.”

    (4)

    Fl-Anness I, it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Lista ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 3, 4a u 4b”

    .

    (5)

    Fl-Anness II, it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Lista ta' awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 4a u 4b”

    .

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara tal-pubblikazzjoni tiegħu fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.

    (2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/852/PESK tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 tal-31 ta' Jannar 2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-forniment ta' assistenza relatata ma' attivitajiet militari fil-Côte d'Ivoire (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/202 tad-9 ta' Frar 2015 li temenda d-Deċiżjoni 656/2010/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (ara paġna 37 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Į viršų