EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1276

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1276/2014 tal- 1 ta' Diċembru 2014 li jimplimenta l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

ĠU L 346, 2.12.2014, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1276/oj

2.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1276/2014

tal-1 ta' Diċembru 2014

li jimplimenta l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014.

(2)

Fl-4 ta' Novembru 2014, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ('UNSCR') 2127 (2013) aġġorna l-informazzjoni dwar it-tliet persuni fuq il-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri imposti mill-paragrafi 30 u 32 tal-UNSCR 2134 (2014).

(3)

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa b'dan sostitwit bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

B. LORENZIN


(1)  ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

LISTA TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5

A.   Persuni

1.   François Yangouvonda BOZIZÉ (magħruf ukoll bħala: a) Bozize Yangouvonda )

Data tat-twelid: 14 ta' Ottubru 1946.

Post tat-twelid: Mouila, il-Gabon.

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Indirizz: L-Uganda.

Informazzjoni oħra: Ommu jisimha Martine Kofio.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Bozize ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li ‘ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA.’

Informazzjoni addizzjonali

Bil-kollaborazzjoni tas-sostenituri tiegħu, Bozize ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Minn dakinhar, kompla jipprova jmexxi operazzjonijiet ta' destabilizzazzjoni sabiex jinżammu t-tensjonijiet fil-kapitali tar-RĊA. Ġie rappurtat li Bozize ħoloq il-grupp tal-milizzja anti-Balaka qabel ma ħarab mir-RĊA fl-24 ta' Marzu 2013. F'komunikat, Bozize ħeġġeġ lill-milizzja tiegħu biex tkompli bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti. Ġie rappurtat li Bozize pprovda appoġġ finanzjarju u materjali lill-ġellieda tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-tranżizzjoni attwali u biex Bozize jerġa jkun fil-poter. Il-parti l-kbira tal-anti-Balaka huma mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li tferrxu fil-kampanja wara l-kolp ta' stat u sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid minn Bozize. Bozize u s-sostenituri tiegħu jikkontrollaw aktar minn nofs l-unitajiet anti-Balaka.

Il-forzi leali lejn Bozize kienu armati b'azzarini tal-assalt, artiljerija tal-murtali u rocket-launchers u qed jieħdu sehem dejjem aktar f'attakki ta' tpattija kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Is-sitwazzjoni fir-RĊA marret malajr għall-agħar wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 f'Bangui mill-forzi anti-Balaka meta nqatlu aktar minn 700 persuna.

2.   Nourredine ADAM (magħruf ukoll bħala: a) Nureldine Adam; b) Nourreldine Adam; c) Nourreddine Adam; d) Mahamat Nouradine Adam)

Deżinjazzjoni: a) Ġeneral; b) Ministru għas-Sigurtà; c) Direttur Ġenerali tal-‘Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi’.

Data tat-twelid: a) 1970 b) 1969 c) 1971 d) 1 ta' Jannar 1970.

Post tat-twelid: Ndele, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Nru tal-passaport: D 00001184

Indirizz: Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Nourredine ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li ‘ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA.’

Informazzjoni addizzjonali

Noureddine hu wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Seleka. Ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Seleka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi u li l-akronimu tiegħu hu magħruf ukoll bħala CPJP. Bħala kap preċedenti tal-grupp ‘Fundamental’ li nqata' mill-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi (CPJP/F), kien il-koordinatur militari tal-ex Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn il-bidu ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-għajnuna u r-relazzjoni mill-qrib ta' Noureddine mal-Forzi Speċjali taċ-Ċad, x'aktarx li s-Seleka ma kienx jirnexxielhom jaħtfu l-poter mill-ex President tar-RĊA Francois Bozize.

Sa mill-ħatra, bħala president interim, ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-ex-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-ex-Seleka, il-forzi preċedenti tas-Seleka li ntqal li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ u direzzjoni sinifikanti lill-ex-Seleka li jaħdmu fir-RĊA.

Nourredine kien elenkat ukoll fid-9ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(b) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala ‘involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ.’

Informazzjoni addizzjonali

Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-‘Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi’ (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiquesCEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li ma għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali wara l-operazzjoni mdemmija f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Seleka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' Francois Bozize u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Seleka qatlu għexieren ta' ċittadini ċivili u nfexxew jisirqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu.

Nourredine kien ukoll elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(d) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li ‘ipprovda appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali’.

Informazzjoni addizzjonali

Lejn il-bidu tal-2013, Nourredine Adam qeda rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-ex-Séléka. Ivvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għar-ribelljoni preċedenti. Ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Ċadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad.

3.   Levy YAKETE (magħruf ukoll bħala: a) Levi Yakite; b) Levy Yakété; c) Levi Yakété)

Data tat-twelid: a) 14 ta' Awwissu 1964 b) 1965.

Post tat-twelid: Bangui (Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana)

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Indirizz: Nantes, Franza.

Informazzjoni oħra: Missieru jismu Pierre Yakété u ommu jisimha Joséphine Yamazon.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Yakete ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li ‘ħa sehem jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA.’

Informazzjoni addizzjonali

Fis-17 ta' Diċembru 2013, Yakite sar il-koordinatur politiku tal-grupp ta' ribelli anti-Balaka tal-Moviment ta' Reżistenza tal-Poplu għar-Riforma tar-Repubblika Ċentru-Afrikana li kien għadu kif jifforma. Kien involut direttament fid-deċiżjonijiet ta' grupp ta' ribelli li kien involut f'atti li heddew il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà fir-RĊA, b'mod partikolari fil-5 ta' Diċembru 2013 u minn dakinhar 'l hawn. Barra minn hekk, dan il-grupp ġie individwat espliċitament mir-Riżoluzzjonijiet 2127, 2134 u 2149 għal tali atti. Yakite ġie akkużat li ordna l-arrest ta' persuni marbuta mas-Seleka, li sejjaħ biex jiġu attakkati dawk li ma jappoġġawx lill-President Bozize, u li rrekluta membri tal-milizzja żgħażagħ biex jattakkaw b'machetes lill-persuni ostili għar-reġim. Wara li baqa' fil-grupp ta' nies qrib François Bozizé wara Marzu 2013, huwa ngħaqad mal-Front biex Titreġġa' Lura l-Ordni Kostituzzjonali fir-RĊA (Front pour le Retour à l'Ordre Constitutionnel en CentrAfrique — FROCCA), li kellu l-għan li jreġġa' lura fil-poter lill-president iddestitwit b'kull mezz possibbli.

Lejn l-aħħar tas-sajf tal-2013, huwa vvjaġġa fil-Kamerun u l-Benin, fejn ipprova jirrekluta persuni biex jiġġieldu kontra s-Séléka. F'Settembru 2013, ipprova jerġa' jikseb il-kontroll tal-operazzjonijiet immexxija mill-ġellieda favur Bozizé fl-ibliet u l-irħula qrib Bossangoa. Yakété huwa wkoll issuspettat li ppromwova d-distribuzzjoni ta' machetes lil Kristjani żgħażagħ qiegħda biex jiffaċilita l-attakki tagħhom kontra l-Musulmani.

B.   Entitajiet”


Top