Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0819

    2014/819/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta' Novembru 2014 dwar ir-rifjut ta' talba għall-kanċellament ta' isem imdaħħal fir-reġistru ta' denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Jihočeská Niva (IĠP)) (notifikata bid-dokument C(2014) 8391)

    ĠU L 333, 20.11.2014, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/819/oj

    20.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 333/24


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta' Novembru 2014

    dwar ir-rifjut ta' talba għall-kanċellament ta' isem imdaħħal fir-reġistru ta' denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Jihočeská Niva (IĠP))

    (notifikata bid-dokument C(2014) 8391)

    (It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

    (2014/819/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 54(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jipprevedi li, minbarra talbiet mill-produtturi tal-prodott mibjugħ bid-denominazzjoni rreġistrata, il-Kummissjoni tista' tikkanċella r-reġistrazzjoni ta' indikazzjoni ġeografika protetta fejn ma tkunx żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni jew fejn ma jkun tqiegħed fis-suq l-ebda prodott taħt l-indikazzjoni ġeografika protetta għal mill-inqas seba' snin.

    (2)

    Il-Kummissjoni eżaminat it-talba biex tiġi kkanċellata r-reġistazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Jihočeská Niva” mibgħuta mis-Slovakkja fl-20 ta' Settembru 2013 u riċevuta fis-27 ta' Settembru 2013.

    (3)

    Din it-talba għall-kanċellazzjoni ma taqa' taħt l-ebda wieħed mill-każijiet imsemmija fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u, għalhekk, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Artikolu.

    (4)

    Fid-dawl ta' dawn l-elementi, it-talba biex tiġi kkanċellata l-indikazzjoni ġeografika protetta “Jihočeská Niva” imressqa mis-Slovakkja, għandha tiġi rrifjutata.

    (5)

    Il-miżura li hemm dispożizzjoni dwarha f'din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-politika ta' kwalità tal-prodotti agrikoli,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-talba għall-kanċellament tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Jihočeská Niva” hija rifjutata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top