Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0727

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/727/PESK tal- 20 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    ĠU L 301, 21.10.2014, p. 30–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/727/oj

    21.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 301/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/727/PESK

    tal-20 ta' Ottubru 2014

    li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta' Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/137/PESK (1).

    (2)

    Fis-27 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) dwar il-Libja aġġorna l-lista ta' individwi u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi. Il-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (3)

    Fis-27 ta' Awwissu 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta l-UNSCR 2174 (2014), li testendi l-applikazzjoni ta' miżuri ta' projbizzjoni għall-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kif stabbilit fil-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011) u l-paragrafu 23 tal-UNSCR 1973 (2011).

    (4)

    Barra minn hekk, il-UNSCR 2174 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti temenda l-kamp ta' applikazzjoni tal-embargo fuq l-armi impost bil-paragrafu 9 tal-UNSCR 1970 (2011) u l-paragrafi 9 u 10 tal-UNSCR 2095 (2013). Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2011/137/PESK sabiex jiġi iktar ċċarat l-ambitu tal-kamp ta' applikazzjoni tal-embargo fuq l-armi.

    (5)

    Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Tinħtieġ azzjoni ulterjuri mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati xi wħud minn dawn l-emendi,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2011/137/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “Artikolu 2

    1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

    (a)

    il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' tagħmir militari mhux letali, jew ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv;

    (b)

    il-forniment ta' assistenza teknika, taħriġ jew assistenza oħra, inkluż il-persunal, relatat ma' tali tagħmir;

    (c)

    il-forniment ta' assistenza finanzjarja relatata ma' tali tagħmir.

    2.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

    (a)

    il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u materjal relatat;

    (b)

    il-forniment ta' assistenza teknika, taħriġ jew assistenza oħra, inkluż il-persunal, relatat ma' tali tagħmir;

    (c)

    il-forniment ta' assistenza finanzjarja relatata ma' tali tagħmir,

    kif approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 24 tal-UNSCR 1970 (2011) (‘il-Kumitat’).

    3.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi ħfief, armi ta' kalibru żgħir u materjal relatat, esportati temporanjament lejn il-Libja għall-użu esklussiv tal-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u ta' għajnuna għall-iżvilupp u persunal assoċjat, notifikati lill-Kumitat bil-quddiem u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

    4.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-assistenza ta' sigurtà jew ta' diżarm lill-Gvern Libjan, kif ukoll il-forniment ta' assistenza teknika relatata, taħriġ jew assistenza finanzjarja.

    5.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' lbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Libja minn persunal tan-NU, persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-mezzi tal-informazzjoni u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

    6.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza teknika jew taħriġ relatati.”

    ;

    (2)

    Fl-Artikolu 5(1), punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    persuni elenkati fl-Anness I tal-UNSCR 1970 (2011), u persuni addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafu 23 tal-UNSCR 1973 (2011), u l-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), kif elenkati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.”

    (3)

    Fl-Artikolu 6(1), punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(a)

    persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II tal-UNSCR 1970 (2011), u persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat f'konformità mal-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafi 19 u 23 tal-UNSCR 1973 (2011), u l-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), kif elenkati fl-Anness III ta' din id-Deċiżjoni.”

    .

    Artikolu 2

    L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, 3.3.2011, p. 53).


    ANNESS

    L-entrati stipulati fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137/PESK li jikkonċernaw il-persuni elenkati hawn taħt huma sostitwiti bl-entrati li ġejjin:

     

    DORDA, Abu Zayd Umar

    Direttur, Organizzazzjoni tas-Sigurtà Esterna. Fidil għar-reġim. Kap tal-aġenzija tal-intelligence esterna.

    Status/post preżunt: detenut fil-Libja.

    Data tal-indikazzjoni tan-NU: 17.3.2011 (indikazzjoni tal-UE: 28.2.2011).

     

    AL-SENUSSI, Il-Kurunell Abdullah

    Titlu: Kurunell

    Data tat-twelid: 1949

    Post tat-twelid: is-Sudan

    Magħruf bħala: Ould Ahmed, Abdoullah

    Numru tal-passaport: B0515260

    Data tat-twelid: 1948

    Post tat-twelid: Anefif (Kidal), Mali

    Data tal-ħruġ: l-10 ta' Jannar 2012

    Inħareġ fi: Bamako, Mali

    Data ta' skadenza: 10 Jan 2017

    Magħruf bħala: Ould Ahmed, Abdoullah

    Nurmu tal-Karta tal-Identità ta' Mali: 073/SPICRE

    Post tat-twelid: Anefif, Mali

    Data tal-ħruġ: is-6 ta' Diċembru 2011

    Inħarġet fi: Essouck, Mali

    Direttur tal-Intelligence Militari. Involviment tal-Intelligence Militari fis-soppressjoni tad-dimostrazzjonijiet. Passat li jinkludi suspett ta' involviment fil-massakru tal-ħabs ta' Abu Selim. Ikkundannat in absentia għall-bumbardament ta' titjira tal-UTA. Ħaten Muammar QADHAFI.

    Status/post preżunt: detenut fil-Libja

    Data tal-indikazzjoni tan-NU: 17.3.2011 (indikazzjoni tal-UE: 28.2.2011).


    Top