This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R1047
Commission Delegated Regulation (EU) No 1047/2014 of 29 July 2014 supplementing Regulation (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council as regards the national or regional strategy to be drawn up by Member States for the purpose of the school milk scheme
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 tad- 29 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 tad- 29 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel
ĠU L 291, 7.10.2014, p. 4–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2017; Imħassar b' 32017R0040
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/4 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1047/2014
tad-29 ta' Lulju 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 27(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, mill-1 ta' Awwissu 2015, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta' ħalib għall-iskejjel huma mitluba jkollhom, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha. |
(2) |
L-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jirrikjedi li, meta jkunu qed ifasslu l-istrateġiji tagħhom, l-Istati Membri għandhom ifasslu lista tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li se jkunu eliġibbli skont l-iskemi rispettivi tagħhom. Sabiex l-iskema ta' ħalib għall-iskejjel issir aktar effettiva, l-istrateġija ta' Stat Membru għandu jkun fiha wkoll elementi ewlenin oħrajn, jiġifieri l-grupp ta' età tat-tfal u l-frekwenza tad-distribuzzjoni, in-nefqa provviżorja fil-kuntest tal-iskema, inkluża informazzjoni dwar jekk hux se jsiru pagamenti nazzjonali, u l-arranġamenti biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-iskema. |
(3) |
Meta Stat Membru jkun beħsiebu jipprevedi miżuri ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa għandu jiddeskrivi wkoll dawk il-miżuri fl-istrateġija tiegħu. |
(4) |
Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mill-2015 'il quddiem, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Strateġija
1. L-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel li l-Istati Membri għandhom ifasslu hekk kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju ta' kull sena.
2. L-istrateġija għandha tinkludi mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:
(a) |
il-livell amministrattiv li fih se tiġi amministrata l-iskema ta' ħalib għall-iskejjel; |
(b) |
lista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib identifikati bil-kodiċijiet tan-NM tagħhom, magħżula fil-kuntest tal-iskema, u spjegazzjoni tal-proċess biex jiġu stabbiliti l-prodotti li għandhom jiġu fornuti; |
(c) |
l-arranġamenti għall-provvista tal-prodotti fil-kuntest tal-iskema, inklużi l-frekwenza u t-twaqqit tad-distribuzzjoni u l-benefiċjarji koperti mill-iskema; |
(d) |
in-nefqa provviżorja fil-kuntest tal-iskema, inkluża informazzjoni dwar jekk hux se jsir pagament nazzjonali skont l-Artikolu 217 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u indikazzjoni tal-mezzi ta' finanzjament ta' pagamenti ta' dan it-tip; |
(e) |
l-arranġamenti mdaħħlin fis-seħħ għall-valutazzjoni tal-effikaċja tal-iskema. |
3. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu miżuri ta' akkumpanjament għall-iskema tagħhom ta' ħalib għall-iskejjel skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huma għandhom jiddeskrivu t-tali miżuri fl-istrateġija tagħhom, inklużi l-għanijiet tal-miżuri u l-benefiċċji li mistennija joħorġu minnhomu kif dawn ser jiġu ffinanzjati.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-2015 'il quddiem.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.