Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0562

    Deċiżjoni Nru 562/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment

    ĠU L 156, 24.5.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/562(2)/oj

    24.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/1


    DEĊIŻJONI Nru 562/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Mejju 2014

    dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fiż-żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/375/KE (3), il-Fond Ewropew tal-Investiment (“il-Fond”) twaqqaf fl-1994 sabiex jistimula “tkabbir bbilanċat u sostnut fil-Komunità”.

    (2)

    Wara żieda fil-kapital sottoskritt tal-Fond fl-2007, il-kapital awtorizzat tal-Fond huwa ta' EUR 3 biljun, maqsum fi 3 000 sehem ta' EUR 1 miljun 'il wieħed bi proporzjon ta' 20 % tal-kapital imħallas. L-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, ipparteċipat fiż-żieda preċedenti tal-kapital sottoskritt tal-Fond f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/247/KE (4).

    (3)

    Għaldaqstant, l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, hija attwalment sottoskritta għal total ta' 900 sehem tal-Fond għal valur nominali ta' EUR 900 miljun, li minnhom EUR 180 miljun huma kapital imħallas.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta' Ġunju 2012 adotta l-“Patt għal Tkabbir u Impjiegi” biex jistimula t-tkabbir għaqli, sostenibbli, inklużiv, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u li joħloq l-impjiegi. F'dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu enfasizza li, fost l-azzjonijiet urġenti ulterjuri meħtieġa fil-livell tal-Unjoni biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi, biex jissaħħaħ l-iffinanzjar tal-ekonomija u biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva bħala post għall-produzzjoni u l-investiment, l-attivitá tal-Fond għandha tkun żviluppata, b'mod partikolari fir-rigward tal-attività tiegħu fejn jidħol il-kapital ta' riskju, f'rabta mal-istrutturi nazzjonali eżistenti bħalma huma l-banek u l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' promozzjoni.

    (5)

    Sabiex ikompli jippromwovi l-investiment u l-aċċess għall-kreditu, il-Kunsill Ewropew tat-27-28 ta' Ġunju 2013 nieda “Pjan ta' Investiment Ġdid għall-Ewropa” biex jagħti sostenn lill-impriżi żgħar u medji (SMEs) u biex tingħata spinta lill-iffinanzjar tal-ekonomija. F'dak il-kuntest, il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu talab lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jimplimentaw żieda fil-kapaċità tat-titjib tal-kreditu tal-Fond, bħala kwistjoni ta' prijorità.

    (6)

    Filwaqt li fakkar li n-normalizzazzjoni tas-self lill-ekonomija, b'mod partikolari lill-SMEs tibqa' prijorità, il-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Diċembru 2013 stieden lill-Kummissjoni u lill-BEI biex ikomplu jtejbu l-kapaċità tal-Fond permezz ta' żieda fil-kapital tiegħu bl-għan li jintlaħaq ftehim aħħari sa Mejju 2014.

    (7)

    Id-daqs attwali tal-fondi proprji tal-Fond ma jippermettix li jkun hemm żieda sostanzjali fl-attività tal-Fond, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, peress li l-operazzjonijiet tal-kapital ta' garanzija u ta' riskju tal-Fond ma jistgħux jeċċedu l-limiti massimi fuq l-impenji totali tal-Fond stabbiliti mill-Istatuti tal-Fond jew mil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond. Barra minn hekk, il-kapaċità ta' titjib tal-kreditu tal-Fond hija limitata mid-daqs tal-fondi proprji disponibbli.

    (8)

    Għalhekk fis-26 ta' Novembru 2013, il-Bord tad-Diretturi tal-Fond ta l-approvazzjoni tiegħu għar-raġunament għal żieda fil-kapital sottoskritt tal-Fond sa EUR 1 500 miljun, biex tkun tista' ssir iż-żieda neċessarja fil-fondi proprji. L-arranġamenti tekniċi u l-proċedura dettaljata taż-żieda jiġu ppreżentati lill-Bord tad-Diretturi fi żmien dovut sabiex issir talba għall-awtorizzazzjoni biex tiġi ppreżentata proposta għall-approvazzjoni lil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond għas-sena 2014.

    (9)

    L-azzjonisti tal-Fond għandhom jissottoskrivu ishma ġodda fid-diskrezzjoni tagħhom fuq perjodu ta' erba' snin, li jibda mill-2014 u jispiċċa fl-2017. Il-prezz tal-ishma l-ġodda għandu jiġi ffissat kull sena u jiġi bbażat fuq il-formula tal-valur nett tal-assi miftiehma bejn l-azzjonisti tal-Fond,

    (10)

    Il-ftehim dwar il-finanzjament tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għaż-żieda fil-kapital tal-Fond għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-trattament possibbli ta' dividendi.

    (11)

    Ikun xieraq għall-Unjoni li tipparteċipa fiż-żieda tal-kapital tal-Fond sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni li tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta' impriżi fl-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs, u li tħajjar esplojtazzjoni aħjar tal-potenzjal industrijali tal-linji politiċa tal-Unjoni dwar l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, kif artikolati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta' Ġunju 2012, tas-27-28 ta' Ġunju 2013 u tad-19-20 ta' Diċembru 2013 u mfissra fid-dettall fil-“Patt għal Tkabbir u Impjiegi” u l-“Pjan ta' Investiment Ġdid għall-Ewropa”.

    (12)

    Fir-rigward tal-objettivi speċifiċi segwiti mill-parteċipazzjoni tal-Unjoni fiż-żieda tal-kapital tal-Fond, b'mod partikolari l-appoġġ tal-Fond għall-azzjonijiet li huma komplementari ma' azzjonijiet tal-Istati Membri favur l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, l-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi s-setgħat neċessarji għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (13)

    Sabiex ir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond jkun jista' jivvota dwar iż-żieda tal-kapital kemm jista' jkun malajr, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li żżid l-appoġġ tal-Fond Ewropew tal-Investiment (il-“Fond”) għal azzjonijiet li huma komplementari ma' azzjonijiet tal-Istati Membri favur l-intrapriżi, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u medji.

    Artikolu 2

    Minbarra l-parteċipazzjoni azzjonarja attwali tagħha fil-Fond, l-Unjoni għandha tissottoskrivi sa 450 sehem, b'valur nominali ta' EUR 1 miljun 'il wieħed, fil-Fond. Is-sottoskrizzjoni tal-ishma u l-ħlasijiet annwali għandhom isiru f'konformità mal-pattijiet u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu approvati fil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond.

    Artikolu 3

    L-Unjoni għandha tixtri l-ishma l-ġodda fil-Fond fuq perjodu ta' erba' snin li jibda fl-2014. Matul il-perjodu 2014–2017 ammont total sa' EUR 178 miljun għandu jkun disponibbli fi ħdan il-baġit ġenerali tal-Unjoni biex tkun koperta l-ispiża ta' sottoskrizzjoni, bl-użu ta' approprjazzjonijiet diġà pprogrammati fi ħdan l-Intestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu 2014–2020 sabiex in-nefqa totali allokata tibqa' l-istess. L-impenn baġitarju jista' jinqasam f'pagamenti annwali fuq erba' snin f'konformità mal-Artikolu 85(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni għandha ssegwi l-mod kif l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1 jintlaħaq u tippreżenta żewġ rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport interim sal-31 ta' Diċembru 2016 u rapport aħħari sal-31 ta' Diċembru 2018.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. KOURKOULAS


    (1)  Opinjoni tal-25 ta' Marzu 2014 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014.

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 94/375/KE tas-6 ta' Ġunju 1994 dwar is-sħubija tal-Komunità fil-Fond Ewropew tal-Investiment (ĠU L 173, 7.7.1994, p. 12).

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/247/KE tad-19 ta' April 2007 dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fiż-żieda ta' kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment (ĠU L 107, 25.4.2007, p. 5).

    (5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


    Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li jindirizzaw il-kwistjoni tat-trattament tad-dividendi tal-Fond fil-qafas tar-reviżjoni li jmiss tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, jew, l-iktar tard, fil-kuntest tar-rapport interim dwar l-ilħuq tal-objettiv kif previst fl-Artikolu 4.


    Top