EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0262

2014/262/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta' Mejju 2014 li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fi tnax, fi tlettax, f'erbatax u fi ħmistax-il reġjun

ĠU L 136, 9.5.2014, p. 51–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/262/oj

9.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/51


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta' Mejju 2014

li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fi tnax, fi tlettax, f'erbatax u fi ħmistax-il reġjun

(2014/262/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/493/UE (2), it-tnax-il reġjun fejn għandhom jibdew il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta għas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għall-applikazzjonijiet kollha jinkludi l-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama; it-tlettax-il reġjun jinkludi l-Kanada, l-Messiku u l-Istati Uniti; l-erbatax-il reġjun jinkludi Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, Kuba, Dominika, Ir-Repubbika Dominikana, Grenada, il-Gujana, Ħaiti, il-Ġamajka, Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, is-Surinam u Trinidad u Tobago; u l-ħmistax-il reġjun jinkludi l-Awstralja, Fiġi, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, in-New Zealand, il-Palaw, il-Papwa Ginea Ġdida, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Tuvalu u l-Vanwatu.

(2)

L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u ġuridiċi meħtieġa biex jiġbru u jittrażmettu d-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha f'dawn ir-reġjuni, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir u/jew għat-trażmissjoni tad-dejta f'isem Stat Membru ieħor.

(3)

Il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 hija b'hekk issodisfata, u għalhekk huwa meħtieġ li tiġi determinata d-data meta l-VIS għandha tibda topera fit-tnax, fit-tlettax, fl-erbatax u fil-ħmistax-il reġjun.

(4)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi stabbilita data għall-bidu tal-VIS fil-futur qrib, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar stess li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 767/2008 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 fil-liġi nazzjonali tagħha skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Id-Danimarka, hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3). Għaldaqstant ir-Renju Unit mhux marbut biha u lanqas ma huwa soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fiha l-Irlanda mhijiex qed tipparteċipa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4). L-Irlanda għalhekk mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(9)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(11)

Fir-rigward ta' Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(12)

Fir-rigward tal-Bulgarija u tar-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(13)

Fir-rigward tal-Kroazja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew huwa diversament relatat mal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża għandha tibda topera fit-tnax, it-tlettax, l-erbatax, u l-ħmistax-il reġjun skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/493/UE fil-15 ta' Mejju 2014.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/493/UE tat-30 ta' Settembru 2013 li tiddetermina t-tielet u l-aħħar sett ta' reġjuni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 268, 10.10.2013, p. 13).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


Top