EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0474

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 474/2014 tat- 8 ta' Mejju 2014 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi ( “REACH” ) fir-rigward ta' 1,4-diklorobenżen Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 136, 9.5.2014, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/474/oj

9.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 474/2014

tat-8 ta' Mejju 2014

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward ta' 1,4-diklorobenżen

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Saret valutazzjoni tar-riskju fuq 1,4-diklorobenżen (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “DCB”) mill-awtoritajiet Franċiżi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (2) dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti li jidhru fl-Inventarju Ewropew ta' Sustanzi Kimiċi Kummerċjali Eżistenti. Ir-rapport finali ġie ppubblikat fl-2004 fuq is-sit tal-Internet tal-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi (KE, 2004) (3).

(2)

Fi Frar tal-2008 ġiet ippubblikata l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (4) dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis tar-riskju għad-DCB f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F'dik il-Komunikazzjoni ġie rrakkomandat li, sabiex jiġi limitat ir-riskju għall-konsumaturi, għandhom jitqiesu r-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE (5) għall-użu tad-DCB fi prodotti li jfewħu l-arja, repellenti tal-kamla u blokki tat-tojlit. Ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tad-DCB bħala repellent tal-kamla, kif rakkomandat minn dik il-komunikazzjoni tal-2008, huma diġà koperti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/565/KE (6) (tip ta' prodott 19 — repellanti u attrattanti) u għalhekk restrizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 mhix meħtieġa għal dak l-użu.

(3)

F'Novembru tal-2011, skont l-Artikolu 69(1) ta' dak ir-Regolament, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-Aġenzija”) biex tħejji dossier ta' restrizzjoni għad-DCB li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XV ta' dak ir-Regolament (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “id-dossier tal-Anness XV”).

(4)

Fit-talba tagħha l-Kummissjoni staqsiet speċifikament lill-Aġenzija biex tindirizza l-esponiment tal-konsumaturi fi djarhom u fit-tojlits pubbliċi, inkluż l-esponiment ta' professjonisti li jieħdu ħsieb jew inaddfu dawn it-tojlits, filwaqt li tqies l-iktar informazzjoni rilevanti fil-letteratura xjentifika reċenti u t-tnaqqis fl-użu tad-DCB fl-Ewropa. Ir-rapport (7) ikkummissjonat mill-Kummissjoni dwar l-impatti soċjoekonomiċi tar-restrizzjoni tad-DCB, kellu wkoll jiġi kkunsidrat f'din il-valutazzjoni.

(5)

Id-DCB huwa elenkat fil-parti 3 tal-Anness VI tar- Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) bħala karċinoġenu fil-kategorija ta' periklu 2, kif ukoll għall-karatteristiċi ta' irritazzjoni tal-għajnejn tiegħu u t-tossiċità għolja tiegħu għall-organiżmi akkwatiċi, b'effetti li jibqgħu fit-tul. Huwa stmat li fl-Unjoni jintużaw madwar 800 tunnellata kull sena ta' DCB, għall-manifattura ta' prodotti li jfewħu l-arja u prodotti ta' fwieħa għat-tojlits, li minnhom 10 % huma maħsuba għal użi domestiċi u l-bqija għal użi professjonali (essenzjalment bħala fwejjaħ fit-tojlits pubbliċi).

(6)

Fid-19 ta' April 2012, l-Aġenzija ppreżentat id-dossier tal-Anness XV lill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “RAC”) tagħha u lill-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala “SEAC”) tagħha. F'dan id-dossier (9), intwera li t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' prodotti li jfewħu l-arja u blokki tat-tojlits abbażi tad-DCB għandhom jiġu ristretti kemm għall-użi domestiċi u kemm għall-użi professjonali billi r-riskji assoċjati magħhom mhumiex ikkontrollati b'mod xieraq u l-benefiċċji li jirriżultaw mir-restrizzjoni jegħlbu l-ispejjeż. Id-dossier wera wkoll li tinħtieġ azzjoni mawdar l-Unjoni kollha.

(7)

Fit-8 ta' Marzu 2013, l-RAC adotta b'kunsens l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV. Skont l-opinjoni tar-RAC, ir-restrizzjoni hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati maħluqa mid-DCB meta jintuża bħala prodott li jfewwaħ l-arja jew ta' fwieħa tat-tojlits, id-djar, l-uffiċċji jew żoni pubbliċi fuq ġewwa oħrajn, kemm f'termini ta' effikaċja u prattikabbiltà. Madankollu, l-RAC ippropona li jimmodifika r-restrizzjoni għal raġunijiet ta' infurzar, filwaqt li speċifika limitu ta' konċentrazzjoni ta' 1 % skont il-piż għad-DCB f'dawn il-prodotti, biex b'hekk jiġi evitat li l-prodotti li fihom id-DCB bħala impurità jiġu affettwati b'mod eċċessiv. Dik il-konċentrazzjoni tikkorrispondi għall-valur ta' limitu li jwassal għall-klassifikazzjoni ta' taħlita bħala karċinoġenu tal-kategorija 2 skont ir- Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(8)

Kif indikat fid-dokument ta' sfond tal-opinjoni tal-RAC, il-metodi analitiċi affidabbli biex jiġi ddeterminat il-kontenut tad-DCB huma disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

(9)

Fil-valutazzjoni tiegħu, l-RAC kkunsidra li l-karċinoġeniċità (mitoġenu, livell limitu karċinoġenu) huwa l-punt tat-tmiem bl-ikbar rilevanza għal saħħet il-bniedem. Skont id-dejta dwar l-esponiment mill-inalazzjoni tal-fwar tad-DCB, l-RAC ippropona li jitnaqqas ir-riskju identifikat għall-konsumaturi meta jużaw prodotti li jfewħu l-arja u prodotti ta' fwieħa għat-tojlits li fihom id-DCB, b'mod kontinwu fi djarhom. Ix-xenarju tqies li jirrappreżenta b'mod raġonevoli l-kundizzjonijiet tal-agħar każ ta' esponiment. Barra minn hekk, l-opinjoni tal-RAC iddikjarat li l-esponiment tal-professjonisti li jaħdmu bħala attendenti u l-persuni li jnaddfu t-tojlits jeħtieġ li jitnaqqas billi ġie identifikat ir-riskju f'tojlits li ma jkunux ventilati sew.

(10)

Fl-analiżi tal-kamp tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni, l-RAC ikkunsidra l-esponiment tal-konsumaturi għal prodotti li jfewħu l-arja u l-prodotti ta' fwieħa għat-tojlits fid-djar u fit-tojlits pubbliċi kif ukoll tal-professjonisti li jaħdmu f'tojlits pubbliċi, inklużi l-persuni li jnaddfuhom u dawk li jieħdu ħsiebhom, iżda wkoll gruppi oħra bħall-persunal tal-manutenzjoni. Ġew ikkunsidrati wkoll il-konsumaturi u l-professjonisti li jżuru u jaħdmu f'żoni fuq ġewwa (minbarra t-tojlits) fejn jintużaw prodotti li jfewħu l-arja li fihom id-DCB. Użi professjonali jew industrijali oħra ma tqisux.

(11)

Fil-5 ta' Ġunju 2013, l-SEAC adotta b'kunsens l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta fid-dossier tal-Anness XV. Skont l-opinjoni tas-SEAC, ir-restrizzjoni, kif immodifikata mill-RAC u l-SEAC, hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini tal-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha meta mqabbla mal-ispejjeż soċjoekonomiċi. Abbażi tal-konklużjoni tal-RAC li jeħtieġ li jitnaqqas l-esponiment għad-DCB mill-utenti domestiċi u professjonali u xi evidenza li l-użu ta' blokki tat-tojlit u ta' prodotti li jfewħu l-arja li fihom id-DCB se jippersistu fin-nuqqas ta' kwalunkwe intervent, l-SEAC qabel li restrizzjoni tkun miżura xierqa u effettiva. F'dak li għandu x'jaqsam mal-proporzjonalità ta' restrizzjoni fuq l-użu domestiku, l-SEAC ikkonkluda li l-miżura hija pproporzjonata. F'dak li għandu x'jaqsam mal-proporzjonalità ta' restrizzjoni konġunta fuq l-użu domestiku u professjonali, l-SEAC, filwaqt li qies il-benefiċċji tas-saħħa li jinkisbu u l-iskala tal-ispejjeż involuti, ikkonkluda li l-miżura ma tistax titqies li hija sproporzjonata.

(12)

Il-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat matul il-proċess tar-restrizzjonijiet u tqiesu l-kummenti tiegħu dwar il-kliem tal-kundizzjonijiet tar-restrizzjoni u dwar il-perjodu tranżitorju mill-RAC u mill-SEAC.

(13)

Fil-17 ta' Ġunju 2013, l-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni l-opinjonijiet tal-RAC u l-SEAC, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tikkonkludi li jirriżulta riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem mit-tqegħid fis-suq u l-użu tad-DCB, bħala sustanza jew bħala kostitwent ta' taħlitiet f'konċentrazzjoni ugwali għal jew ta' iktar minn 1 % skont il-piż, użati bħala prodotti li jfweħu l-arja jew ta' fwieħa fit-tojlits, id-djar, l-uffiċċji jew żoni pubbliċi fuq ġewwa oħrajn. Il-Kummissjoni tqis ukoll li dawn ir-riskji għandhom jiġu indirizzati madwar l-Unjoni kollha. L-impatti soċjoekonomiċi ta' din ir-restrizzjoni, inkluża d-disponibbiltà ta' alternattivi, ġew ikkunsidrati.

(14)

Huwa xieraq li jingħata perjodu ta' 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament li matulhom il-partijiet interessati għandhom jadottaw miżuri li huma konformi ma' dan ir-Regolament, inklużi prodotti li jfewħu l-arja u prodotti ta' fwieħa fil-katina tal-forniment, jew fil-ħażniet.

(15)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(16)

Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1).

(3)  Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-UE dwar 1,4-Diklorobenżen. L-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi, Sustanzi eżistenti, Volum 48.

(4)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-istrateġiji għat-tnaqqis ta' riskju għal dawn is-sustanzi: Piperażina; Ċikloeżan; diisoċjanat tal-Metilendifenil; But-2in-1,4-diol; Metilossiran; Anilina; 2-Etileżilakrilat; 1,4-Diklorobenżen; 3,5-dinitro-2,6-dimetil-4-terz-butilaċetofenon; Di-(2-etileżil)ftalat; Fenol; 5-terz-butil-2,4,6-trinitro-m-ksilen (ĠU C 34, 7.2.2008, p. 1).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/565/KE tal-14 ta' Awwissu 2007 dwar in-nuqqas ta' inklużjoni fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali ta' ċerti sustanzi biex jiġu eżaminati skont il-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tiegħu (ĠU L 216, 21.8.2007, p. 17).

(7)  RPA — Risk & Policy Analysts Limited (2010) il-Valutazzjoni Soċjoekonomika li tirriżulta minn Proposta għal Miżuri tat-Tnaqqis tar-Riskji relatati mar-Restrizzjonijiet fuq 1,4-Diklorobenżen, Rapport Finali — Ġunju tal-2010.

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/documents/reach/studies/index_en.htm

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(9)  http://echa.europa.eu/documents/10162/3f467af2-66e0-468d-8366-f650f63e27d7


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

“64.

1,4-diklorobenżen

Nru CAS 106-46-7

Nru tal-KE 203-400-5

Ma għandux jitqiegħed fis-suq jew jintuża, bħala sustanza jew bħala kostitwent ta' taħlitiet f'konċentrazzjoni ugwali għal 1 % jew aktar skont il-piż, meta s-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq biex tintuża bħala prodott li jfewwaħ l-arja jew prodott ta' fwieħa fit-tojlits, djar, uffiċċji jew żoni pubbliċi fuq ġewwa oħra.”


Top