Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014A0411(01)

    Ftehim Bejn l-Unjoni Ewropea u R-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-Trasferiment ta' Pirati Ssuspettati u Proprjetà Ssekwestrata Assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija

    ĠU L 108, 11.4.2014, p. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/198/oj

    Related Council decision

    11.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 108/3


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    Bejn l-Unjoni Ewropea u R-Repubblika Unita tat-Tanzanija dwar il-kondizzjonijiet tat-Trasferiment ta' Pirati Ssuspettati u Proprjetà Ssekwestrata Assoċjata mill-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea lejn ir-Repubblika Unita tat-Tanzanija

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa wkoll l-UE,

    minn naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA UNITA TAT-TANZANIJA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “it-Tanzanija”,

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien il-“Partijiet”,

    WARA LI KKUNSIDRAW:

    Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (UNSCR) 1814 (2008), 1838 (2008), 1846 (2008), 1851 (2008) u UNHCRs sussegwenti,

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982, b'mod partikolari l-Artikoli 100 sa 107 u l-Artikolu 110 tagħha,

    L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-UE 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (1) (Operazzjoni EUNAVFOR Atalanta), kif sussegwentement emendata,

    Il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-1984,

    li dan il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    WARA LI KKUNSIDRAW UKOLL:

    l-inizjattivi reġjonali fil-ġlieda kontra l-piraterija bħal inizjattivi taħt l-Unjoni Afrikana (UA), il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC), il-Kodiċi ta' Kondotta ta' Ġibut u l-Istrateġija Reġjonali għas-Sigurtà Marittima u kontra l-piraterija adottata fil-Mawrizju fl-2010,

    LAĦQU FTEHIM KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan

    Dan il-Ftehim jiddefinixxi l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għat-trasferiment mill-EUNAVFOR lejn it-Tanzanija ta' persuni ssuspettati li għandhom l-intenzjoni li jwettqu, li qed iwettqu jew li wettqu atti ta' piraterija u li jinsabu miżmuma mill-EUNAVFOR, u proprjetà assoċjata ssekwestrata mill-EUNAVFOR, u għat-trattament tagħhom wara tali trasferiment.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    (a)

    Forza Navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR)” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni ’Atalanta’ tal-EU, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-assi tagħhom;

    (b)

    Operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ tal-missjoni militari stabbilita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-UE 2008/851/PESK u/jew is-suċċessuri tagħha;

    (c)

    kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet u l-bastimenti li jappartjenu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-Istati l-oħrajn li jipparteċipaw fl-operazzjoni;

    (d)

    Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUNAVFOR.

    (e)

    Piraterija” għandha tfisser piraterija kif definita fl-Artikolu 101 tal-UNCLOS;

    (f)

    Persuna ttrasferita” għandha tfisser kwalunke persuna ssuspettata li għandha l-intenzjoni li twettaq, li qiegħda twettaq jew li wettqet, atti ta piraterija u li ġiet ittrasferita mill-EUNAVFOR lejn it-Tanzanija taħt dan il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Prinċipji ġenerali

    1.   It-Tanzanija tista' taċċetta, fuq it-talba tal-EUNAVFOR, it-trasferiment mill-EUNAVFOR ta' persuni miżmuma mill-EUNAVFOR b'konnessjoni ma' piraterija u proprjetà assoċjata ssekwestrata u tressaq lil tali persuni u proprjetà lill-awtoritajiet kompetenti tagħha għall-fini ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni. Il-ftehim dwar l-aċċettazzjoni ta' konsenja proposta ser isir fuq il-bażi ta' każ b'każ mit-Tanzanija, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż il-post tal-inċident.

    2.   L-EUNAVFOR għandha tittrasferixxi persuni lil awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tat-Tanzanija biss.

    3.   Il-Partijiet għandhom jittrattaw lill-persuni msemmija fl-Artikolu 1, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment, b'mod uman u f'konformità mal-obbligi tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, inkluż il-projbizzjoni kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani u degradanti, il-projbizzjoni ta' detenzjoni illegali, u f'konformità mar-rekwiżit għal proċess ġust.

    4.   It-trasferiment ma għandux jitwettaq qabel l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tat-Tanzanija jiddeċiedu, f'konformità mal-proċeduri interni tat-Tanzanija, abbażi ta' evidenza mibgħuta mill-EUNAVFOR permezz tal-kanali ta' komunikazzjoni rilevanti, li hemm prospetti raġonevoli li tkun assigurata kundanna tal-persuni miżmuma mill-EUNAVFOR.

    Artikolu 4

    Trattament, prosekuzzjoni u proċess ta' persuni ttrasferiti

    1.   Il-persuni trasferiti għandhom ikunu ttrattati b'mod uman u ma għandhomx ikunu soġġetti għal tortura jew għal trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti, għandhom jirċievu akkomodazzjoni u ikel raġonevoli u jkollhom aċċess għal kura medika, u għandhom ikunu jistgħu jwettqu osservanza reliġjuża.

    2.   Il-persuni ttrasferiti għandhom jitressqu fil-pront quddiem imħallef jew uffiċjal ieħor awtorizzat mil-liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja, li għandu jiddeċiedi mingħajr dewmien dwar il-legalità tad-detenzjoni tagħhom u għandu jordna r-rilaxx tagħhom jekk id-detenzjoni ma tkunx ġustifikata.

    3.   Il-persuni ttrasferiti għandhom ikunu intitolati għal proċess fi żmien raġonevoli jew għal rilaxx.

    4.   Fid-determinazzjoni ta' kwalunkwe akkuża kriminali kontrihom, il-persuni ttrasferiti għandhom ikunu intitolati għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi.

    5.   Il-persuni ttrasferiti akkużati b'reat kriminali għandhom jitqiesu innoċenti sakemm ma jiġix ipprovat li huma ħatja skont il-liġi.

    6.   Fid-determinazzjoni ta' kwalunkwe akkuża kriminali kontrihom, il-persuni ttrasferiti għandhom ikunu intitolati għall-garanziji minimi li ġejjin, f'ugwaljanza sħiħa:

    (a)

    li jkunu infurmati fil-pront u fid-dettall b'lingwa li jifhmu bin-natura u l-kaġun tal-akkuża miġjuba kontrihom;

    (b)

    li jkollhom żmien u faċilitajiet adegwati għat-tħejjija tad-difiża tagħhom u li jikkomunikaw ma' avukat tal-għażla tagħhom;

    (c)

    li l-proċess tagħhom jinstema' mingħajr dewmien żejjed;

    (d)

    li l-proċess jinstema' fil-preżenza tagħhom, u li jiddefendu ruħhom personalment jew permezz ta' assistenza legali tal-għażla tagħhom; li jkunu infurmati, jekk ma għandhomx assistenza legali, b'dan id-dritt; u li jkollhom assistenza legali assenjata lilhom, fi kwalunkwe każ fejn l-interessi tal-ġustizzja jesiġu dan, u mingħajr ħlas mingħandhom fi kwalunkwe każ bħal dan jekk ma jkollhomx mezzi suffiċjenti sabiex iħallsu għaliha;

    (e)

    li jeżaminaw, jew tiġi eżaminata għalihom, l-evidenza kollha kontrihom, inklużi affidavits tax-xhieda li wettqu l-arrest, u li jiksbu l-attendenza u l-eżami tax-xhieda favurihom bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk tax-xhieda kontrihom;

    (f)

    li jkollhom assistenza mingħajr ħlas ta' interpretu jekk huma ma jkunux jifhmu jew jitkellmu il-lingwa użata fil-qorti;

    (g)

    li ma tkunx sfurzata jixhdu kontrihom stess jew jammettu l-ħtija.

    7.   Il-persuni ttrasferiti li liġu kkundannati għal delitt għandu jkollhom id-dritt li l-kundanna u s-sentenza jiġu riveduti jew appellati fi tribunal ogħla f'konformità mal-liġijiet tat-Tanzanija.

    8.   It-Tanzanija tista', wara konsultazzjoni mal-UE, tittrasferixxi tali persuni kkundannati u li qed jiskontaw is-sentenza tagħhom fit-Tanzanija lejn Stat terz li jikkonforma mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li jiskontaw is-sentenza tagħhom f'dak l-Istat terz. Fil-każ ta' tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dak l-Istat terz, ma għandu jseħħ l-ebda trasferiment qabel ma tinstab soluzzjoni sodisfaċenti permezz ta' konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet biex ikun indirizzat it-tħassib espress.

    Artikolu 5

    Piena

    L-ebda persuna ttrasferita ma għandha tkun iġġudikata għal reat li għandu piena massima aktar ħarxa mis-sentenza ta' għomor ħabs.

    Artikolu 6

    Reġistri u notifiki

    1.   Kwalunkwe trasferiment għandu jkun is-suġġett ta' dokument adatt iffirmat minn rappreżentant tal-EUNAVFOR u rappreżentant tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tat-Tanzanija.

    2.   L-EUNAVFOR għandha tipprovdi reġistri tad-detenzjoni lit-Tanzanija fir-rigward tal-persuni ttrasferiti. Dawn ir-reġistri għandhom jinkludu l-kondizzjoni fiżika tal-persuni ttrasferiti waqt id-detenzjoni, il-ħin tat-trasferiment lill-awtoritajiet tat-Tanzanija, ir-raġuni għad-detenzjoni tagħhom, il-ħin u l-post tal-bidu tad-detenzjoni tagħhom, u kwalunkwe deċiżjoni li ttieħdet fir-rigward tad-detenzjoni tagħhom.

    3.   It-Tanzanija għandha tkun responsabbli biex iżomm reġistru preċiż tal-persuni ttrasferiti kollha, inkluż iżda mhux limitat għaż-żamma ta' reġistri dwar kwalunkwe proprjetà ssekwestrata, il-kondizzjoni fiżika tal-persuni, il-post fejn huma miżmuma f'detenzjoni, kwalunkwe akkuża kontrihom u kwalunkwe deċiżjoni sinifikanti li ttieħdet matul il-prosekuzzjoni u l-proċess tagħhom.

    4.   Dawk ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli għar-rappreżentanti tal-UE u tal-EUNAVFOR f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tat-Tanzanija fuq talba bil-miktub lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Tanzanija.

    5.   Barra minn hekk, it-Tanzanija għandha tinnotifika lill-EUNAVFOR bil-post tad-detenzjoni tal-persuni ttrasferiti taħt dan il-Ftehim, bi kwalunkwe deterjorament tal-kondizzjoni fiżika tagħhom u bi kwalunkwe allegazzjoni ta' trattament mhux adatt. Ir-rappreżentanti tal-UE u tal-EUNAVFOR għandhom ikollhom aċċess għall-persuni ttrasferiti taħt dan il-Ftehim sakemm tali persuni jkunu arrestati, soġġett għall-liġijiet applikabbli, u għandhom ikunu intitolati li jinterrogawhom.

    6.   Fuq talba tagħhom, l-aġenziji umanitarji nazzjonali u internazzjonali għandhom ikunu jistgħu jżuru l-persuni ttrasferiti taħt dan il-Ftehim.

    7.   Sabiex ikun żgurat li l-EUNAVFOR tkun tista' tipprovdi assistenza f'waqtha lit-Tanzanija bl-attendenza ta' xhieda mill-EUNAVFOR u l-provvediment ta' evidenza rilevanti, it-Tanzanija għandha tinnotifika lill-EUNAVFOR bl-intenzjoni tagħha li tibda proċedimenti ta' proċess kriminali kontra l-persuni ttrasferiti u l-iskeda ta' żmien għall-provvediment tal-evidenza, u s-smigħ tal-evidenza.

    Artikolu 7

    L-obbligu tal-UE u l-EUNAVFOR li tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

    1.   L-UE u l-EUNAVFOR, lil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom, għandhom jipprovdu l-assistenza kollha lit-Tanzanija bil-ħsieb tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-persuni ttrasferiti.

    2.   B'mod partikolari, l-UE u l-EUNAVFOR għandhom:

    (a)

    jikkonsenjaw ir-reġistri tad-detenzjoni mfassla skont l-artikolu 6(2) ta' dan il-Ftehim;

    (b)

    jipproċessaw kull evidenza skont ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti tat-Tanzanija kif miftiehem fl-arranġamenti tal-implimentazzjoni deskritti fl-Artikolu 10;

    (c)

    jagħmlu ħilithom biex jipproduċu dikjarazzjonijiet jew affidavits ta' xhieda mill-persunal tal-EUNAVFOR involut fi kwalunkwe inċident marbut mat-trasferiment ta' persuni taħt dan l-Arranġament;

    (d)

    jikkonsenjaw l-proprjetà rilevanti sekwestrata kollha fil-pussess tal-EUNAVFOR;

    (e)

    jippriżervaw jew jikkonsenjaw l-proprjetà ssekwestrata rilevanti kollha, xbihat, ritratti jew kwalunkwe oġġett ta' valur evidenzjali fil-pussess tal-EUNAVFOR;

    (f)

    jiżguraw l-attendenza tax-xhieda li jappartjenu għall-EUNAVFOR għall-iskop li tingħata evidenza fil-qorti (jew permezz ta' kollegament bit-TV jew kwalunkwe mezz teknoloġiku ieħor approvat) waqt il-proċess;

    (g)

    jiffaċilitaw l-attendenza ta' tali interpreti kif tista' tkun meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tat-Tanzanija għall-iskop li jiġu assistiti l-investigazzjonijiet u l-proċessi li jinvolvu l-persuni ttrasferiti.

    Artikolu 8

    Relazzjoni ma' drittijiet oħra ta' persuni ttrasferiti

    Xejn f'dan il-Ftehim ma huwa maħsub li jidderoga, jew jista' jiġi interpretat bħala li jidderoga, minn kwalunkwe dritt li l-persuni ttrasferiti jista' jkollhom taħt il-liġi domestika jew internazzjonali applikabbli.

    Artikolu 9

    Kollegament u kwistjonijiet

    1.   Il-kwistjonijiet kollha li jitqajmu b'rabta mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt mit-Tanzanija u l-awtoritajiet kompetenti tal-UE.

    2.   Sakemm ma tinkisibx riżoluzzjoni minn qabel, il-kwistjonijiet rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti esklużivament b'mezzi diplomatiċi bejn it-Tanzanija u r-rappreżentanti tal-UE.

    Artikolu 10

    Arranġamenti ta' implimentazzjoni

    1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta' arranġamenti implimentattivi li għandhom jiġu konklużi bejn l-awtoritajiet kompetenti tat-Tanzanija minn naħa waħda u l-awtoritajiet kompetenti tal-UE, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Mittenti, min-naħa l-oħra.

    2.   L-arranġamenti ta' implimentazzjoni jistgħu, fost l-oħrajn, ikopru:

    (a)

    l-identifikazzjoni ta' awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tat-Tanzanija li l-EUNAVFOR tista' tittrasferilhom persuni;

    (b)

    il-faċilitajiet ta' detenzjoni fejn ser jinżammu l-persuni ttrasferiti;

    (c)

    l-immaniġġar ta' dokumenti, inklużi dawk relatati mal-ġbir ta' evidenza, li ser ikunu kkonsenjati lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tat-Tanzanija meta jsir it-trasferiment tal-persuni;

    (d)

    punti ta' kuntatt għan-notifiki u l-modalitajiet għall-allert mill-EUNAVFOR lill-awtoritajiet kompetenti tat-Tanzanija;

    (e)

    formoli li jintużaw għat-trasferimenti;

    (f)

    provvista ta' appoġġ tekniku, għajnuna esperta, taħriġ u assistenza oħra fir-ripatrijazzjoni, il-kustodja, id-determinazzjoni taċ-ċittadinanza, ir-rappreżentenza legali u kwistjonijiet relatati ma' obbligazzjonijiet fuq talba tat-Tanzanija sabiex jinkisbu l-objettivi ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ u tmiem

    1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi japplikat b'mod proviżorju mid-data meta jiġi ffirmat u għandu jidħol fis-seħħ wara li kull waħda mill-Partijiet tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li lestiet il-proċedura interna tagħha għar-ratifika ta' dan il-Ftehim.

    2.   Kwalunkwe Parti tista', permezz ta' notifika bil-miktub, ittemm dan il-Ftehim. F'tali każ, it-tmiem għandu jidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data ta' riċevuta tan-notifika.

    3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat permezz ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

    4.   It-tmiem ta' dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni tiegħu qabel tali tmiem, inklużi d-drittijiet tal-persuni ttrasferiti sakemm ikunu fil-kustodja jew ikunu pproċessati fit-Tanzanija.

    5.   Wara t-tmiem ta' dan il-Ftehim, id-drittijiet kollha tal-UE taħt dan il-Ftehim jistgħu jkunu eżerċitati minn kwalunkwe persuna maħtura mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Wara t-tmiem tal-Ftehim, in-notifiki kollha li kellhom isiru lill-EUNAVFOR taħt dan il-Ftehim għandhom isiru lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

    Magħmul fi Brussell, fl-ewwel jum ta' April tas-sena elfejn u erbatax f'żewġ oriġinali, it-tnejn bil-lingwa Ingliża.

    Għall-Unjoni Ewropea

    Image

    Għar-Repubblika Unita tat-Tanzanija

    Image


    (1)  ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.


    Top