Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1234

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1234/2013 tat- 2 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1020/2012 li jadotta l-pjan li jalloka riżorsi lill-Istati Membri li għandhom jitħallsu mis-sena baġitarja 2013 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea

ĠU L 322, 3.12.2013, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1234/oj

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1234/2013

tat-2 ta’ Diċembru 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1020/2012 li jadotta l-pjan li jalloka riżorsi lill-Istati Membri li għandhom jitħallsu mis-sena baġitarja 2013 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-punti (f) u (g) tal-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 121/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa għall-2012 u l-2013 skema għad-distribuzzjoni tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni, li tapplika sakemm jintemm il-pjan annwali tal-2013.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1020/2012 (3) adotta l-pjan għall-provvista tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn u alloka r-riżorsi finanzjarji adegwati għas-sena baġitarja 2013. Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2010 (4), il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ pjan annwali għandu jibda mill-1 ta’ Ottubru u jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar Fil-Bżonn meta dan jiġi stabbilit fl-2014, notevolment f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ appoġġ, u skont it-talbiet li l-Kummissjoni rċeviet minn Spanja, mil-Polonja u mis-Slovenja, jixraq li jkun hemm estensjoni tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-pjan annwali tal-2013 għad-distribuzzjoni tal-ikel għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali, l-estensjoni għandha tkun applikabbli għall-Istati Membri kollha.

(3)

B’riżultat tal-proċeduri ġudizzjarji varati kontra l-proċeduri tal-offerti, il-Greċja ffaċċjat dewmien fl-iffirmar tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku u għaldaqstant talbet estensjoni tad-data tal-iskadenza biex tissottometti t-talbiet għall-pagamenti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1020/2012. Fid-dawl ta’ din it-talba u tas-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li bħalissa qed tħabbat wiċċha magħha l-Ġreċja, huwa xieraq li tingħata din l-estensjoni. Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali, id-deroga għandha tapplika għall-Istati Membri kollha. Billi d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tat-talbiet għall-pagamenti kienet it-30 ta’ Settembru, din id-deroga għandha tapplika b’mod retrospettiv.

(4)

Għal skopijiet ta’ kontabbiltà, il-pagamenti akkonti bil-quddiem mħallsa mill-Aġenziji tal-Pagamenti lill-benefiċjarji kif ukoll l-approvazzjonijiet tal-pagamenti akkonti bil-quddiem fil-livell tal-benefiċjarju jridu jiġi rreġistrat fil-kontijiet annwali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, jixraq li l-Istati Membri jiffissaw id-data sa meta l-benefiċjarji ta’ dawk il-pagamenti għandhom jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż u ċertu informazzjoni oħra relatata mal-pagamenti akkonti bil-quddiem. Barra minn hekk, huwa xieraq li d-data tal-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jibagħtu d-dejta lill-Kummissjoni tiġi stabbilita bħala l-1 ta’ Frar 2014, li tikkorrispondi mad-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-informazzjoni dwar il-kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 (5).

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni(UE) Nru 1020/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1020/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

B’deroga mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, il-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-pjan ta’ distribuzzjoni annwali tal-2013 għandu jintemm fit-28 ta’ Frar 2014.”;

(2)

fl-Artikolu 4, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 807/2010, għall-pjan ta’ distribuzzjoni tal-2013, it-talbiet għall-pagamenti għandhom jitressqu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru sal-15 ta’ Ottubru 2013.”;

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ikunu ħadu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-implimentazzjoni titlesta sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2014.”;

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a.   L-operaturi magħżula skont l-Artikolu 4(4) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 u l-organizzazzjonijiet nominati msemmija fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun ta l-pagament bil-quddiem:

(a)

dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li jiġġustifikaw, skont l-entrata ta’ kull spiża, kif intużaw il-pagamenti akkonti bil-quddiem sal-15 ta’ Ottubru 2013; kif ukoll

(b)

konferma, skont l-entrata ta’ kull spiża, tal-bilanċ tal-pagamenti akkonti bil-quddiem li ma ntużawx u li jkunu għadhom hemm fil-15 ta’ Ottubru 2013.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-data tat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu sabiex din tkun tista’ tiġi inkluża fin-notifika msemmija fil-paragrafu 6.”;

(c)

il-paragrafu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“6.   Mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar 2014, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 (*), dwar l-ammont totali tal-pagamenti bil-quddiem li jkunu saru sal-15 ta’ Ottubru 2013 skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li ma jkunux ġew approvati u li jkunu marbuta ma’ ħidmiet li għadhom ma tlestewx.

(*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90)”"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 2 tal-Artikolu 1 għandu japplika mit-30 ta’ Settembru 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 121/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (ĠU L 44, 16.2.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1020/2012 tas-6 ta’ Novembru 2012 li jadotta l-pjan li jalloka riżorsi lill-Istati Membri li għandhom jitħallsu mis-sena baġitarja 2013 għall-provvista tal-ikel mill-ħażniet tal-intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea u li jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 807/2010 (ĠU L 307, 7.11.2012, p. 62).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2010 tal-14 ta’ Settembru 2010 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-forniment ta’ ikel mill-ħażniet ta’ intervent għall-benefiċċju tal-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni (ĠU L 242, 15.9.2010, p. 9).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90).


Top