EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0476

2013/476/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' Settembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/641/KE, dwar ir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha

ĠU L 257, 28.9.2013, p. 12–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/476/oj

28.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Settembru 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2007/641/KE, dwar ir-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha

(2013/476/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 taghha,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1),kif rivedut f’Ouagadougou, il-Burkina Faso fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2) ( “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikulari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (4) (l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp), u b’mod partikulari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE (5) kienet adottata biex jittieħdu miżuri xierqa wara l-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u l-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

(2)

Dawk il-miżuri ġew estiżi bid-Deċiżjoni 2009/735/KE (6),u sussegwentement bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/208/UE (7), 2010/589/UE (8), 2011/219/UE (9), 2011/637/UE (10), u 2012/523/UE (11), peress li, mhux talli r-Repubblika tal-Fiġi għadha trid timplimenta impenji importanti li hi għamlet f’konsultazzjonijiet li saru f’April 2007 dwar elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Istrument għall-Koperazzjoni fl-Iżvilupp, iżda kien hemm ukoll żviluppi rigressivi importanti li jikkonċernaw għadd minn dawn l-impenji.

(3)

Kien hemm żviluppi konsiderevoli minn April 2007 u l-impenji miftiehma mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi ser jiġu riveduti skont dan. L-impenji ser jiġu riveduti fil-kuntest ta' djalogu politiku u fid-dawl tas-sitwazzjoni legali kurrenti. L-impenn prospettiv mill-ġdid lejn il-programmazzjoni ta’ assistenza futura għall-iżvilupp għandu jkompli.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 2007/641/KE tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2013. Huwa xieraq illi dik id-Deċiżjoni tiġi aġġornata u l-validità tagħha tkun estiża skont dan.

(5)

L-Unjoni Ewropea se timpenja ruħha fi djalogu politiku sabiex tirrevedi u taġġorna l-impenji magħmula fl-2007 u tadatta l-miżuri xierqa skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Hija għandha tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2015. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur";

Artikolu 2

L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lir-Repubblika tal-Fiġi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GUSTAS


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE ta’ l- 1 ta’ Ottubru 2007 dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 ta’ l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (ĠU L 260, 5.10.2007, p. 15).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/735/KE tal- 24 ta’ Settembru 2009 li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2007/641/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer ta’ Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 43).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/208/UE tad- 29 ta’ Marzu 2010 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (ĠU L 89, 9.4.2010, p. 7).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/589/UE tas- 27 ta’ Settembru 2010 li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (ĠU L 260, 2.10.2010, p. 10).

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/219/UE tal- 31 ta’ Marzu 2011 li temenda u testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika ta’ Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (ĠU L 93, 7.4.2011, p. 2).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/637/UE tas- 26 ta’ Settembru 2011 li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (ĠU L 252, 28.9.2011, p. 1).

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/523/UE tal- 24 ta’ Settembru 2012 li temenda u testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer tal-Fiġi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp (ĠU L 263, 28.9.2012, p. 2).


ANNESS

L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli NAILATIKAU

President tar-Repubblika tal-Fiġi

Suva

Ir-Repubblika tal-Fiġi

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea(UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet umani, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li flimkien jiffurmaw l-elementi essenzjali tal-Ftehim Sħubija AKP-UE, u huma l-bażi tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Għaddew sitt snin minn meta l-UE ħadet deċiżjoni dwar il-miżuri xierqa wara l-kolp ta’ stat militari, tal-2006, u minn dakinhar ġew miftehma sett ta’ impenji mal-Fiġi.

L-UE tinnota li mill-2007 diversi impenji miftiehma ma għadhomx jgħoddu u ftit minnhom jeħtieġu reviżjoni fid-dawl ta’ qafas legali l-ġdid tal-Fiġi. Sabiex ikollna bażi xierqa għall-valutazzjoni tal-progress tar-riforma tal-Fiġi, jeħtieġ li nirrevedu dawn l-impenji flimkien, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u l-qafas legali.

Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li tinkludi fid-deċiżjoni ġdida tagħha dwar miżuri xierqa ir-rekwiżit li l-UE jkollha djalogu politiku msaħħaħ mal-Fiġi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. Dan bl-għan li jiġi reveduti flimkien l-impenji miftiehma tal-2007 u jiġu adattati l-miżuri xierqa (mehmuża ma’ din l-ittra) kif xieraq bħala passi meħtieġa biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

Peress li għad hemm xi restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali fil-Fiġi, u fid-dawl tar-reviżjoni neċessarja tal-impenji miftiehma, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa b'18-il xahar, sal-31 ta’ Marzu 2015. Dan se jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa u se jagħti kemm lill-UE u lil Fiġi ż-żmien li jeħtiġilhom biex jaqblu dwar l-impenji, biex jadattaw il-miżuri xierqa skont dan, u għall-gvern biex iżomm l-elezzjonijiet ippjanati għal Settembru 2014.

L-UE se timmonitorja l-progress magħmul lejn ir-ritorn għat-tmexxija kostituzzjonali u dan se jibqa jiggwida d-deċiżjonijiet futuri tagħna dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. F’dan l-ispirtu l-UE tikkonferma r-rieda tagħha biex tidħol għal preparamenti tal-proċess tal-programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ, u li tinnotifika fiż-żmien dovut l-allokazzjoni indikattiva ta’ finanzjament nazzjonali f’dan il-proċess. L-iffinalizzar, l-iffirmar u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-ħdax-il FEŻ huma maħsuba għall-Gvern futur elett demokratikament.

Ladarba l-Fiġi tkun organizzat elezzjonijiet ħielsa u ġusti u ssodisfat l-impenji mifthiema u riveduti tagħha, ser issir missjoni ta’ reviżjoni taħt l-Artikolu 96, b’konformità mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. Ibbażati fuq ftehim dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-valutazzjoni, il-miżuri xierqa tal-Artikolu 96 jistgħu mbagħad jiġu konklużi għal Fiġi.

Sabiex iġġib il-quddiem il-kooperazzjoni skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-UE tistieden lill-Gvern Proviżorju sabiex jinvolvi ruħu fid-djalogu politiku msaħħaħ mal-UE, mill-iktar fis possibbli.

L-UE tilqa’ wkoll l-impenn mal-Grupp ta' Kuntatt tal-Forum Ministerjali tal-Gżejjer tal-Paċifiku imwaqqaf biex jimmonitorja l-progress tal-preparazzjonijiet tal-Fiġi għall-elezzjonijiet u d-demokrazija u tistenna b’ħerqa l-passi li ġejjin għal proċess elettorali trasparenti, parteċipattiv u kredibbli, li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u ritorn tal-Fiġi għal tmexxija demokratika.

Dejjem tiegħek,

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

C. ASHTON

President

Għall-Kummissjoni

A. PIEBALGS

Kummissarju

ANNESS 1 GĦALL-ANNESS

Il-miżuri xierqa, li se jiġu adattati wara r-reviżjoni tal-impenji miftiehma taħt d-djalogu politiku msaħħaħ, huma kif ġej:

l-għajnuna umanitarja u s-sostenn dirett lis-soċjetà ċivili u l-popolazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jitkomplew;

l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fis-seħħ, b’mod partikolari skont it-tmien u d-disa' FEŻ, tħallew jibqgħu għaddejjin;

l-attivitajiet ta' kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex tirritorna d-demokrazija u biex tittejjeb it-tmexxija jistgħu jitkomplew, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali;

l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' akkumpanjament fir-rigward tar-riforma taz-zokkor tal-2006, tista' tipproċedi. Il-Ftehim ta’ Finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Ta' min jinnota li l-Ftehim ta' Finanzjament jinkludi klawżola ta' sospensjoni;

l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija żero;

id-disponibilità tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija kredibbli u opportuna ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, b'mod partikulari dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009;

l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet imħassra f'Mejju 2009 għaliex il-Gvern Proviżorju ddeċieda li jittardja l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014;

l-allokazzjoni għall-2010 ġiet imħassra qabel l-1 ta' Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madankollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, parti mill-allokazzjoni twarrbet għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni direttament dipendenti fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex tnaqqas il-konsegwenzi soċjali ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti b’mod ċentrali mid-Delegazzjoni tal-UE f'Suva u ma jiġux mogħtija lill-Gvern;

il-preparazzjoni tal-programmazzjoni għal ħdax il- FEŻ tista tiġi mnedija, għalhekk il-Fiġi tista tistenna li tiġi notifikata b'allokazzjoni indikattiva meta jiġi l-waqt.

appoġġ speċifiku għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' impenji ewlenin, b'mod partikulari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta' elezzjonijiet, għandhom jiġu kkunsidrati;

il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, mhix affettwata,

il-monitoraġġ tal-impenji ser isir b'konformità mat-termini fl-Anness għal din l-ittra li jikkonċerna d-djalogu regolari, u l-kooperazzoni effettiva ma' valutazzjonijiet u missjonijiet ta' monitoraġġ u rappurtaġġ.

ANNESS 2 GĦALL-ANNESS

IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER TAL-FIĠI FL-2007

A.   Rispett lejn il-Prinċipji Demokratiċi

Impenn Nru 1

Illi jsiru elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, suġġetti għal sejbiet ta’ evalwazzjoni li għandha ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċessi li jwasslu għall-elezzjonijiet ser ikunu, b'mod konġunt, sorveljati, adattati u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta' parametri maqbula b'mod reċiproku. Dan jimplika b'mod partikulari illi:

sat-30 ta' Ġunju 2007 l-Gvern Proviżorju se jkun addotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta' diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

l-iskeda tispeċifika ż-żmien ta’ ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

id-deċiżjoni dwar il-konfini u r-riforma elettorali se tittieħed b'konformità mal-Kostituzzjoni,

ser jittieħdu miżuri sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, inkluż il-ħatra ta' Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta' Settembru 2007 b'konformità mal-Kostituzzjoni,

il-ħatra tal-Viċi-President ser issir b'konformità mal-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 2

Illi l-Gvern Proviżorju, meta jadotta inizjattivi serji ta’ politika leġiżlattiva, fiskali u oħrajn, għandu jikkunsidra konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

B.   L-Istat tad-Dritt

Impenn Nru 1

Illi l-Gvern Proviżorju għandu jagħmel l-aħjar tiegħu sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta' sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Illi l-Gvern Proviżorju iħares il-Kostituzzjoni tal-1997 u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali, bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza u l-ħidma sostanzjali tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ser jiġu ppreservati.

Impenn Nru 3

Illi l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha kkonċernati, b’mod partikulari:

li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta' Lulju 2007,

li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ imħallfin għandha għalhekk issir b'konformità stretta mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u r-regoli tal-proċedura,

li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ ndħil, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju fil-proċess ġudizzjarju, inkluż rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Illi l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegatament ta' korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

C.   Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali

Impenn Nru 1

Il-Gvern Proviżorju ser jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu nvestigati jew indirizzati skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer tal-Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Proviżorju beħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, stante kwalunkwe theddida għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku u s-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Proviżorju hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Illi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha, jkunu rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D.   Is-segwitu tal-Impenji

Impenn Nru 1

Illi l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista' ssir verifika tal-progress li jkun sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restorazzjoni paċifika tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Fiġi.

Impenn Nru 2

Illi l-Gvern Proviżorju jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE biex jiġi evalwat u sorveljat il-progress.

Impenn Nru 3

Illi mit-30 ta' Ġunju 2007, il-Gvern Proviżorju jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u dwar l-impenji.

Ta' min jinnota li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur.


Top