Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22013D0449

    2013/449/UE: Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE tas- 7 ta’ Awwissu 2013 dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini kif stipulata fil-Protokoll 1 ta’ mal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali tal-Mawrizju fir-rigward tal-palamit ippriservat

    ĠU L 240, 7.9.2013, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/449/oj

    7.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/36


    DEĊIŻJONI Nru 1/2013 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI ALN-UE

    tas-7 ta’ Awwissu 2013

    dwar deroga mir-regoli ta’ oriġini kif stipulata fil-Protokoll 1 ta’ mal-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, biex tittieħed f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċjali tal-Mawrizju fir-rigward tal-palamit ippriservat

    (2013/449/UE)

    IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 41(4) tal-Protokoll I tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Interim li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (1) (“il-FSE interim”) japplika b’mod provviżorju sa mill-14 ta’ Mejju 2012 bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Madagaskar, ir-Repubblika tal-Mawrizju, ir-Repubblika tas-Seychelles u r-Repubblika taż-Żimbabwe.

    (2)

    Il-Protokoll 1 ta’ mal-FSE interim, li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, fih ir-regoli ta’ oriġini għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw fl-Istati tal-ALN.

    (3)

    Skont l-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 ta’ mal-FSE interim, derogi minn dawk ir-regoli ta’ oriġini jingħataw meta l-iżvilupp ta’ industriji eżistenti fl-Istati tal-ALN jiġġustifikahom.

    (4)

    Skont l-Artikolu 42(5), meta talba għal deroga tkun tikkonċerna stat gżira, l-eżami tiegħu għandu jsir bi preġudizzju favorevoli b’kunsiderazzjoni partikolari tal-impatt ekonomiku u soċjali tad-deċiżjoni li tkun se tittieħed speċjalment b’rabta mal-impjiegi u l-ħtieġa li d-deroga tiġi applikata għal perjodu li jikkunsidra s-sitwazzjoni partikolari tal-istat gżira u d-diffikultajiet tiegħu.

    (5)

    Fid-29 ta’ Novembru, il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE ta deroga awtomatika (2) skont l-Artikolu 42(8) tal-Protokoll 1 ta’ mal-FSE interim lill-Istati Benefiċjarji tal-ALN (il-Mawrizju, is-Seychelles u l-Madagaskar) għal 8 000 tunnellata ta’ tonn ippreservat u 2 000 tunnellata ta’ flettijiet tat-tonn.

    (6)

    Minbarra d-deroga awtomatika msemmija qabel, il-Mawrizju talab deroga li tkopri kwantità ta’ 6 000 tunnellata ta’ tonn ippreservat tal-kodiċijiet tan-NM 1604 14 11, 1604 14 18 u 1604 20 70 manifatturat minn tonn tal-ispeċi Katsuwonus pelamis (palamit), Thunnus alalunga (alonga), Thunnus albacares (tonn tal-pinen sofor), Thunnus obesus (tonn t’għajnu kbira) importati fl-Unjoni bejn l-1 ta’ April 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013 b’konformità mal-Artikolu 42(1) tal-Protokoll 1 ta’ mal-FSE interim.

    (7)

    Il-proċessuri tat-tonn tal-Mawrizju jiddependu ħafna mill-provvista ta’ tonn oriġinarju mill-purse seiners tal-UE skont l-FSE interim. Il-qabdiet riċenti ta’ palamit oriġinarju (Katsuwonus pelamis) fl-Oċean Indjan naqsu u għalhekk ħolqu sfidi ġodda għall-proċessuri tal-Mawrizju li jaffaċċjaw domanda dejjem akbar għall-prodotti tal-palamit fl-Unjoni. L-għoti ta’ deroga għal prodotti ta’ tonn tal-pinen sofor (Thunus albacares) mhux ġustifikat minħabba li l-qabdiet ta’ tonn tal-pinen sofor oriġinarju fl-Oċean Indjan żdiedu. Għalhekk id-deroga għandha tingħata biss għall-palamit.

    (8)

    L-esportazzjonijiet ta’ tonn fil-landa mill-Mawrizju lejn l-Unjoni ilhom jiżdiedu b’mod kostanti matul dawn l-aħħar ħames snin.

    (9)

    Il-Mawrizju jgawdi mill-kwota globali prevista bil-proċedura awtomatika ta’ deroga mogħtija lil kull Stat benefiċjarju tal-ALN (il-Mawrizju, is-Seychelles u l-Madagaskar). F’każ ta’ użu parzjali tal-kwoti minn Stat benefiċjarju ieħor tal-ALN, il-Mawrizju jista’ jgawdi wkoll minn riallokazzjonijiet annwali possibbli tal-kwantitajiet li ma jkunux intużaw minn dawn l-Istati. Minħabba l-applikazzjoni provviżorja tal-FSE interim, għad ma kienx possibbli li jsir monitoraġġ xieraq tar-rata tal-utilizzazzjoni tad-deroga awtomatika sabiex jivverifikaw ix-xejriet tar-riallokazzjoni ta’ kwantitajiet mhux użati fost l-istati benefiċjarji tal-FSE.

    (10)

    Il-Mawrizju jista’ jissorsja tonn nej oriġinarju minn barra l-Oċean Indjan skont l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll 1 ta’ mal-FSE.

    (11)

    In-negozjati li għaddejjin bħalissa tal-FSE bejn l-Unjoni Ewropea u Stati oħra tal-AKP minn fejn il-Mawrizju jista’ jissorsja tonn nej oriġinarju għall-industrija tal-ipproċessar tiegħu, kapaċi joffru opportunitajiet alternattivi ta’ provvista ta’ tonn oriġinarju fil-futur qrib.

    (12)

    Huwa għalhekk xieraq li l-Mawrizju jingħata deroga għal 2 000 tunnellata ta’ palamit ippreservat li tirrispetta l-abilità tal-industrija eżistenti li tkompli l-esportazzjoni tagħha lejn l-Unjoni.

    (13)

    Ir-riallokazzjoni potenzjali tal-kwantitajiet mhux użati bejn l-Istati benefiċjarji tal-ALN u l-kumulazzjoni prevista fl-FSE interim jiġġustifikaw li d-deroga tingħata temporanjament. Sabiex id-deroga toffri ċertezza legali lill-operaturi, din għandha tingħata għal perjodu ta’ sena b’effett mill-1 ta’ April 2013.

    (14)

    Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-deroga, il-materjali mhux ta’ oriġini li jistgħu jintużaw għall-manifattura ta’ palamit ippreservat tal-kodiċijiet tan-NM 1604 14 11, 1604 14 18 u 1604 20 70 għandhom ikunu palamit iffiriżat (Katsuwonus pelamis) tal-intestatura HS 0303.

    (15)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (3) jistabbilixxi r-regoli marbuta mal-immaniġġjar tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata ġestjoni effiċjenti mwettqa b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-Istati tal-ALN, l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u tal-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skont id-deroga mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

    (16)

    Sabiex ikun possibbli li ssir sorveljanza effiċjenti tal-operat tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Istati tal-ALN għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’mod regolari bid-dettalji taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 li jkunu nħarġu.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    B’deroga mill-Protokoll 1 tal-FSE interim u skont l-Artikolu 42(1) u (5) ta’ dak il-Protokoll, il-palamit ippriservat tal-Intestatura HS 1604 manifatturat minn palamit mhux oriġinarju (Katsuwonus pelamis) tal-Intestaturi HS 0303 jitqiesu bħala li joriġinaw fil-Mawrizju skont it-termini stipulati fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-deroga pprovduta fl-Artikolu 1 tapplika għal sena għall-prodott u l-kwantità stabbiliti fl-Anness ta’ ma’ din id-Deċiżjoni li jkunu ddikjarati għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni mill-Mawrizju matul il-perjodu bejn l-1 ta’ April 2013 u l-31 ta’ Marzu 2014.

    Artikolu 3

    Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet doganali tal-Mawrizju jwettqu verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

    Iċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 kollha maħruġa għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jinkludu referenza għal din id-Deċiżjoni.

    Qabel tmiem ix-xahar wara kull perjodu ta’ tliet xhur, l-awtoritajiet doganali tal-Mawrizju jippreżentaw lill-Kummissjoni, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li fir-rigward tagħhom ikunu nħarġu ċertifikati ta’ moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numru tal-ordni ta’ dawk iċ-ċertifikati.

    Artikolu 5

    Kaxxa 7 taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 maħruġa taħt din id-Deċiżjoni tinkludi waħda minn dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    “Derogation-Decision No 1/2013 of the ESA-EU Customs Cooperation Committee of 7 August 2013”;

    “Dérogation-Décision no 1/2013 du Comité de Coopération Douanière AfOA-UE du 7 août 2013”.

    Artikolu 6

    1.   Il-Mawrizju u l-Unjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

    2.   Meta l-Unjoni tiskopri, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, każi ta’ irregolaritajiet jew frodi jew ta’ nuqqas ripetut ta’ rispett tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4, l-Unjoni tista’ titlob sospensjoni temporanja tad-deroga msemmija fl-Artikolu 1 skont il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 22(5) u (6) tal-FSE interim.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ April 2013.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2013.

    F’isem il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali ALN-UE

    Il-Presidenti Konġunti

    Vivianne FOCK TAVE

    Péter KOVÁCS


    (1)  ĠU L 111, 24.4.2012, p. 2.

    (2)  ĠU L 347, 15.12.2012, p. 38.

    (3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    ANNESS

    Nru tal-Ordni

    Kodiċi NM

    Isem il-prodotti

    Perjodu

    Kwantitajiet

    (f’tunnellati)

    09.1620

    ex 1604 14 11 , ex 1604 14 18 , ex 1604 20 70

    Palamit ippreservat (Katsuwonus pelamis) (1)

    1.4.2013–31.3.2014

    2 000


    (1)  F’kull forma ta’ ppakkjar li biha l-prodott jitqies bħala ppreservat fi ħdan it-tifsira tal-intestatura HS 1604.


    Top