EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0704

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 704/2013 tat- 23 ta’ Lulju 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

ĠU L 200, 25.7.2013, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/704/oj

25.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 200/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 704/2013

tat-23 ta’ Lulju 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Hu f'loku li jkun ipprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda fil-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

Tagħrif tariffarju vinkolanti maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li mhuwiex skont dan ir-Regolament jista’ jkompli jkun invokat għal perjodu ta’ tliet xhur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Unità ta' kontroll elettronika għal vultaġġ li jitħaddem mhux ogħla minn 1 000  V (l-hekk imsejjaħ "Body Control Module"), mfassala bħala komponent tas-sistema ta' kontroll elettronika ta' vettura bil-mutur bid-dimensjonijiet ta' madwar 16 × 13 × 3 cm, li tinkludi:

kontrollur tal-memorja programmabbli b'komponenti attivi u passivi, pereżempju, transisters, dajowds, proċessur, resisters, kapasiters u indakters,

riċevitur inkorporat u antenna mehmuża.

L-unità tirċievi sinjali minn buttuni operati manwalment u minn sensuri (pereżempju, sensuri tax-xita u sensuri tar-ritratti), tipproċessahom u fuq din il-bażi tikkontrolla bosta apparati fil-vettura, pereżempju, il-wajpers tal-windskrin, it-tisħin tat-twieqi, id-dawl ta' ġewwa, il-bozoz ta' quddiem u ta' wara għaċ-ċpar, id-dwal li jintużaw matul il-jum. Tikkontrolla wkoll l-attivazzjoni ta' apparati ta' sinjalar, pereżempju, ifakkrek fiċ-ċinturin tas-sikurezza u twissija ta' sewqan eċċessiv.

Tirċievi sinjali minn kontroll mill-bogħod f'forma ta' ċavetta li jippermetti li l-bibien jissakkru jew jinfetħu.

8537 10 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatur Magħquda, Nota 2(f) tat-Taqsima XVII u tat-test fil-kodiċi NM 8537 , 8537 10  u 8537 10 99 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8512 hija eskluża hekk kif l-unità ma għandha l-ebda tagħmir ta' sinjalazzjoni viżwali jew bil-ħoss iżda tattivata biss tali tagħmir.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intetatura 9032 hija eskluża wkoll hekk kif l-unità ma teżegwix il-funzjoni ta' kontroll awtomatiku ta' kwantitajiet elettriċi jew mhux elettriċi (ara n-Nota 7 tal-Kapitolu 90).

L-unità hija mfassla biex twettaq żewġ funzjonijiet jew aktar, b'mod komplimentari jew b'mod alternattiv koperti mill-kodiċi NM 8537 10 91  u 8537 10 99 . Twettaq il-funzjoni ta' kontrollur b'memorja programmabbli li jintuża għall-kontroll elettriku ta' magni, pereżempju, il-wajpers tal-windskrin u t-tisħin tat-twieqi (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) taħt l-intestatura 8537 , il-punt (3), u n-Noti ta’ Spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda (NSNM) taħt is-sottointestatura 8537 10 91 ). Twettaq ukoll il-funzjoni ta' kontroll elettriku tal-attivazzjoni ta' apparati ta' sinjalar, pereżempju, ifakkrek fiċ-ċinturin tas-sikurezza u twissija ta' sewqan eċċessiv. Hekk kif iż-żewġ funzjonijiet huma importanti ndaqs għat-tħaddim tal-unità, mhuwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-funzonji prinċipali tal-unità.

Għalhekk l-unità għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8537 10 99 bħala bords, pannelli, pannelli għall-kontroll (consoles), skrivaniji, armarji u bażijiet oħrajn għall-kontroll elettriku għal vultaġġ mhux ogħla minn 1 000  V.

2.

Unità ta' kontroll elettronika għal vultaġġ li jitħaddem mhux ogħla minn 1 000  V (l-hekk imsejjħa "Automatic transmission" (ATM)), mfassla bħala komponent tas-sistema ta' kontroll elettronika ta' vettura bil-mutur, bid-dimensjonijiet ta' madwar 8 × 6 × 3 cm.

Tinkludi kontrollur b'komponenti attivi u passivi, pereżempju, transisters, dajowds, proċessur, resisters, kapasiters u indakters. Il-kontrollur mhuwiex programmabbli.

L-unità tirċievi sinjali minn sensuri li jirreġistraw il-pożizzjoni tal-gerliver, tipproċessahom u fuq din il-bażi tikkontrolla liema ger għandu jintuża għat-trażmissjoni awtomatika ta' vettura bil-mutur.

8537 10 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 2(f) tat-Taqsima XVII u tat-test fil-kodiċi tan-NM 8537 , 8537 10  u 8537 10 99 .

Il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8537 10 91 hija eskluża hekk kif l-unità tintuża biss għal kontroll elettriku biex jintgħażel liema ger għandu jintuża għat-trażmissjoni awtomatika ta' vettura bil-mutur u l-kontrollur mhuwiex programmabbli.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9032 hija eskluża wkoll hekk kif l-unità ma teżegwix il-funzjoni ta' kontroll awtomatiku ta' kwantitajiet elettriċi jew mhux elettriċi (ara n-Nota 7 tal-Kapitolu 90).

Għalhekk l-unità għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8537 10 99 bħala bords, pannelli, pannelli għall-kontroll (consoles), skrivaniji, armarji u bażijiet oħrajn għall-kontroll elettriku għal vultaġġ mhux ogħla minn 1 000  V.

3.

Unità ta' kontroll elettronika għal vultaġġ li jitħaddem mhux ogħla minn 1 000  V (l-hekk imsejjħa "Smart Key"), mfassla bħala komponent tas-sistema ta' kontroll elettronika ta' vettura bil-mutur, bid-dimensjonijiet ta' madwar 15 × 12 × 4 cm, li tinkludi:

kontrollur tal-memorja programmabbli b'komponenti attivi u passivi, pereżempju, transisters, dajowds, proċessur, resisters, kapasiters u indakters,

riċevitur inkorporat għall-komunikazzjoni mat-transponder (biex tinstab iċ-ċavetta) bejn iċ-ċavetta u l-unità.

L-unità hija konnessa ma' antenna li hija diġà inkorporata fil-vettura li tippermettilha li tinduna jekk iċ-ċavetta tkunx viċin il-vettura.

L-unità tirċievi sinjali minn buttuni operati manwalment u mill-antenna, tipproċessahom u fuq din il-bażi tikkontrolla apparati, pereżempju, issakkar jew tiftaħ il-bibien tal-vettura u tistartja l-magna. Tikkontrolla wkoll kif jinxtegħlu l-apparati ta' sinjalar, pereżempju, il-funzjonijiet ta' kontroll għal aċċess mingħajr ċavetta fosthom twissija akustika meta ċ-ċavetta elettronika tinħareġ mill-vettura.

8537 10 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 2(f) tat-Taqsima XVII u tat-test fil-kodiċi NM 8537 , 8537 10  u 8537 10 99 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intetatura 8512 hija eskluża hekk kif l-unità ma għandhiex tagħmir viżwali u ta' ħoss ta' sinjalar iżda tixgħel biss tali tagħmir.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intetatura 9032 hija eskluża wkoll hekk kif l-unità ma teżegwix il-funzjoni ta' kontroll awtomatiku ta' kwantitajiet elettriċi jew mhux elettriċi (ara n-Nota 7 tal-Kapitolu 90).

L-unità hija mfassla biex twettaq żewġ funzjonijiet jew aktar, b'mod komplimentari jew b'mod alternattiv koperti mill-kodiċi NM 8537 10 91  u 8537 10 99 . Twettaq il-funzjoni ta' kontrollur ta' memorja programmabbli użat għall-kontroll elettriku ta' makkinarju, pereżempju, isakkar jew jiftaħ il-bibien tal-vettura u jixgħel il-magna (ara wkoll in-NSSA tal-intestatura 8537 , il-punt (3), u n-NSNM tas-sottointestatura 8537 10 91 ). Twettaq ukoll il-funzjoni ta' kontroll elettriku li jixgħel l-apparati ta' sinjalar, pereżempju, il-funzjonijiet ta' kontroll ta' aċċess mingħajr ċavetta fosthom twissija akustika meta ċ-ċavetta elettronika tinħareġ mill-vettura. Hekk kif iż-żewġ funzjonijiet huma importanti ndaqs għat-tħaddim tal-unità, mhuwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-funzjoni prinċipali tal-unità.

Għalhekk l-unità għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi NM 8537 10 99 bħala bords, pannelli, pannelli għall-kontroll (consoles), skrivaniji, armarji u bażijiet oħrajn għall-kontroll elettriku għal vultaġġ mhux ogħla minn 1 000  V.


Top