Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0236

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 236/2012 tal- 31 ta’ Diċembru 2012 li temenda l-Anness XX (l-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE

    ĠU L 81, 21.3.2013, p. 38–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/236(2)/oj

    21.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 81/38


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 236/2012

    tal-31 ta’ Diċembru 2012

    li temenda l-Anness XX (l-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1193/2011 tat-18 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni għall-perjodu ta’ negozjar li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013, u għal perjodi ta’ negozjar sussegwenti, tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 u (UE) Nru 920/2010 (1), irid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE

    (2)

    Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (2) ma kinitx inkorporata fil-Ftehim ŻEE u għalhekk ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ rapportar previsti f’din id-Deċiżjoni, ma japplikawx għall-Istati tal-EFTA.

    (3)

    L-Istati tal-EFTA huma inklużi fir-Reġistru tal-Unjoni u fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL). L-Amministratur Ċentrali tal-EUTL għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fejn l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tkun il-korp kompetenti li tagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-Amministratur Ċentrali b’rabta mad-dispożizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1193/2011 għall-Istati tal-EFTA, kif xieraq.

    (4)

    Il-Partijiet Kontraenti jifhmu li n-natura speċifika tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (l-ETS tal-UE) u s-sistema standardizzata u sikura tar-reġistri relatata skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jipprovdu għall-istabbiliment ta’ Reġistru tal-Unjoni, jeħtieġu regoli speċjali dwar il-ħżin u l-aċċess tad-dejta rigward ir-Reġistru tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tal-istandards tal-iskambju tad-dejta għas-sistemi tar-reġistri skont il-Protokoll ta’ Kyoto, u li t-trasferimenti ta’ tali kwoti jkunu kompatibbli mal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto.

    (5)

    Ir-reġistru tal-Unjoni għandu jirrifletti l-estensjoni tal-ETS tal-UE għall-Istati tal-EFTA. Skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 152/2012 tas-26 ta’ Lulju 2012 (4), il-Kont ta’ Kwantità Totali tal-UE, il-Kont ta’ Kwantità Totali tal-Avjazzjoni tal-UE, il-Kont ta’ Bejgħ bl-Irkant tal-UE, il-Kont ta’ Allokazzjoni tal-UE, il-Kont ta’ Riżerva tal-UE għal Min Jidħol Ġdid, il-Kont ta’ Bejgħ bl-Irkant tal-Avjazzjoni tal-UE u l-Kont ta’ Riżerva Speċjali tal-UE, iħaddnu l-kwoti tal-Istati tal-EFTA.

    (6)

    Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-karattru distintiv tar-Reġistru tal-Unjoni u tal-EUTL kif ukoll ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-operat sikur u tal-manutenzjoni tas-sistema. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tiggarantixxi s-sospensjoni immedjata tal-aċċess meta jkun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) Nru 1193/2011, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni r-rwol tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Din is-soluzzjoni hija bla ħsara għall-kwistjonijiet futuri dwar l-istruttura taż-żewġ pilastri stabbilita skont il-Ftehim ŻEE.

    (7)

    Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu li huwa essenzjali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Parti Kontraenti, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Eurojust kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fl-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-awtoritajiet nazzjonali superviżorji kompetenti, l-amministraturi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/87/KE, li għandu jingħatalhom id-dritt li jiksbu ċerta dejta maħżuna fir-reġistru tal-Unjoni u fl-EUTL f’każijiet definiti, b’mod ċar, jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) Nru 1193/2011 u l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010 (7) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1193/2011.

    (8)

    Għall-istess raġuni, il-Partijiet Kontraenti, għalkemm ifakkru li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI (8) mhix inkorporata fil-Ftehim ŻEE, jirrikonoxxu li l-Europol għandu aċċess permanenti għall-qari tad-dejta maħżuna fir-Reġistru tal-Unjoni u fl-EUTL.

    (9)

    Il-Partijiet Kontraenti jfakkru, madankollu, li l-għoti tad-dritt għall-informazzjoni u tal-aċċess permanenti tal-qari tad-dejta kif previsti fl-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) Nru 1193/2011 u l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 920/2010, kif emendati bir-Regolament (UE) Nru 1193/2011, huma bla ħsara għall-ftehim li, l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali kif ukoll l-amministrazzjoni jew l-infurzar tat-taxxa, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjonji tal-Ftehim ŻEE, u li għalhekk ir-Regolamenti ma jagħtux lill-istituzzjonijiet imsemmija xi drittijiet oħra għajr dawk previsti b’mod espliċitu fl-Artikoli 83 u 75 rispettivament.

    (10)

    L-Anness XX tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness XX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.

    Il-Punt 21an (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010) jiġi emendat kif ġej:

    (i)

    Jiżdied dan li ġej:

    “, kif emendant bi:

    32011 R 1193: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1193/2011 tat-18 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 315, 29.11.2011, p. 1).”

    (ii)

    L-addattamenti (h) u (i) jiġu nnumerati mill-ġdid bħala addattamenti (j) u (m).

    (iii)

    L-adattament li ġej jiġi inkluż wara l-adattament (g):

    “(h)

    Is-subparagrafi li ġejjin jiġu miżjuda fl-Artikoli 64(1) u 64a(2):

    ‘Fir-rigward ta’ kontijiet f’ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA, il-Kummissjoni tgħarraf minnufih lill-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lill-Amministratur Ċentrali, u r-raġunijiet għal dawn l-istruzzjonijiet.

    F’każ li s-sospensjoni ta’ aċċess ma tkunx orizzontali u saħansitra tkun diretta lejn kontijiet individwali fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tadotta fi żmien tlett ijiem deċiżjoni dwar l-applikabilità tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma jkollu l-ebda effett fuq il-validità tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni jew fuq l-azzjoni meħuda mill-Amministratur Ċentrali.’

    (i)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 64a(3):

    ‘Il-kelma “Kummissjoni” tiġi sostitwita bil-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” meta jkunu kkonċernati d-detenturi tal-kontijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA.’ ”

    (iv)

    L-adattazzjonijiet li ġejjin jiddaħħlu wara l-adattazzjoni (j):

    “(k)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 75(5a):

    ‘Fir-rigward ta’ detenturi ta’ kontijiet fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA, tali dejta tista’ tiġi pprovduta mill-Amministratur Ċentrali wara li jingħata kunsens minn qabel mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’

    (l)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 75(3):

    ‘Il-Europol għandu jżomm lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lill-Kummissjoni infurmati bl-użu li jagħmel mid-dejta meta d-detenturi tal-kontijiet fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA jkunu kkonċernati.’ ”

    2.

    Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 21an (ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010):

    “21ana.

    32011 R 1193: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1193/2011 tat-18 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni għall-perjodu ta’ negozjar li jibda mill-1 ta’ Jannar 2013, u għal perjodi ta’ negozjar sussegwenti, tal-iskema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004 u (UE) Nru 920/2010 (ĠU L 315, 29.11.2011, p. 1).

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament jinftiehmu skont l-adattamenti li ġejjin:

    (a)

    Il-ħruġ, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni ta’ kwoti li jikkonċernaw l-Istati tal-EFTA, l-operaturi tagħhom u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati minnhom, jiġu rreġistrati fir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL).

    L-Amministratur Ċentrali jkun kompetenti biex iwettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, tal-operaturi tagħhom jew tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru amministrati minnhom.

    (b)

    Is-sentenza li ġejja tiżdied fl-Artikolu 7(4):

    ‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mal-amministraturi nazzjonali ta’ kull Stat tal-EFTA u l-Amministratur Ċentrali.’

    (c)

    Is-sentenza li ġejja tiżdied fl-Artikolu 31(7):

    ‘Il-kelma “Kummissjoni” tiġi sostitwita bil-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” meta jkunu kkonċernati d-detenturi tal-kontijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA.’

    (d)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikoli 49(2), 50(2), 53(2) u 54(3):

    ‘Fejn ikollhom x’jaqsmu t-tabelli ta’ allokazzjonijiet nazzjonali tal-Istati tal-EFTA, l-Amministratur Ċentrali jingħata l-istruzzjonijiet mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’

    (e)

    Is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu fl-Artikoli 70(1) u 71(2):

    ‘Fir-rigward ta’ kontijiet f’ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA, il-Kummissjoni tgħarraf minnufih lill-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lill-Amministratur Ċentrali, u r-raġunijiet għal dawn l-istruzzjonijiet.

    F’każ li s-sospensjoni ta’ aċċess ma tkunx orizzontali u saħansitra tkun diretta lejn kontijiet individwali fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tadotta fi żmien tlett ijiem deċiżjoni dwar l-applikabilità tal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni. In-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ma jkollu l-ebda effett fuq il-validità tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni jew fuq l-azzjoni meħuda mill-Amministratur Ċentrali.’

    (f)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 71(3):

    ‘Il-kelma “Kummissjoni” tiġi sostitwita bil-kliem “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” meta jkunu kkonċernati d-detenturi tal-kontijiet taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA.’

    (g)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 73(3):

    ‘Amministratur nazzjonali ta’ Stat tal-EFTA jista’ jitlob lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA sabiex terġa’ ddaħħal proċessi skont il-paragrafu 1 jekk tikkunsidra li l-kwistjonijiet pendenti li kkawżaw is-sospensjoni jistgħu jissolvew. Jekk dan ikun il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, tagħti istruzzjonijiet lill-Amministratur Ċentrali sabiex jerġa’ jdaħħal dawn il-proċessi. Jekk dan ma jkunx il-każ, hija għandha tirrifjuta t-talba fi żmien raġonevoli u mingħajr dewmien tinforma lill-amministratur, filwaqt li tagħti r-raġunijiet u tistabbilixxi l-kriterji li għandhom jintlaħqu biex meta ssir talba oħra din tkun tista’ tintlaqa’.’

    (h)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 83(3):

    ‘Fir-rigward ta’ detenturi ta’ kontijiet fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA, tali dejta tista’ tiġi pprovduta mill-Amministratur Ċentrali wara li jingħata kunsens minn qabel mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.’

    (i)

    Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 83(6):

    ‘Il-Europol għandu jżomm lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u lill-Kummissjoni infurmati bl-użu li jagħmel mid-dejta meta d-detenturi tal-kontijiet fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat tal-EFTA jkunu kkonċernati.’ ”

    Artikolu 2

    It-testi tar-Regolament (UE) Nru 1193/2011 bil-lingwa Islandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013 jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*), skont liema wieħed minnhom jiġi aktar tard.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Atle LEIKVOLL


    (1)  ĠU L 315, 29.11.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.

    (3)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (4)  ĠU L 309, 8.11.2012, p. 38.

    (5)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

    (6)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

    (7)  ĠU L 270, 14.10.2010, p. 1.

    (8)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

    (*)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.


    Top