EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0158

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 158/2013 tat- 18 ta’ Frar 2013 li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 49, 22.2.2013, p. 29–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/158/oj

22.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/29


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 158/2013

tat-18 ta’ Frar 2013

li jimponi mill-ġdid dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fl-20 ta’ Ottubru 2007 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-bidu ta’ proċediment tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) (2). Fl-4 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 642/2008 (3) (“ir-Regolament provviżorju”), imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat li joriġina mir-RPĊ.

(2)

Il-proċediment inbeda wara li fis-6 ta’ Settembru 2007 tressaq rikors mill-Federazzjoni Nazzjonali Spanjola tal-Assoċjazzjonijiet tal-Frott u l-Ħaxix Ipproċessat (“FENAVAL”, preċedentement magħrufa bħala “FNACV”) (“ir-rikorrent”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw 100 % tat-total tal-produzzjoni tal-Komunità ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.). Ir-rikors kien fih evidenza ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat u ta’ ħsara materjali li tirriżulta minnu, u li tqieset li kienet biżżejjed biex ikun iġġustifikat il-bidu ta’ proċediment.

(3)

Kif stipulat fil-premessa 12 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru 2007 (“il-perijodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2002 sa tmiem il-perijodu tal-investigazzjoni (“il-perijodu meqjus”).

(4)

Fid-9 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni importat l-istess prodott li joriġina mir-RPĊ soġġett għal reġistrazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1295/2007 tal-5 ta’ Novembru 2007 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għal reġistrazzjoni (4) (ir-“Regolament tar-Reġistrazzjoni”).

(5)

Wieħed ifakkar li kienu fis-seħħ miżuri ta’ salvagwardja għall-istess prodott sat-8 ta’ Novembru 2007. Il-Kummissjoni imponiet miżuri ta’ salvagwardja provviżorji kontra l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) bir-Regolament (KE) Nru 1964/2003 (5). Miżuri ta’ salvagwardja definittivi segwiti mir-Regolament (KE) Nru 658/2004 (6) (“ir-Regolament ta’ salvagwardja”). Kemm il-miżuri ta’ salvagwardja provviżorji u kemm dawk definittivi kienu jikkonsistu minn kwota tariffarja, jiġifieri d-dazju kellu jitħallas biss ladarba l-volum tal-importazzjonijiet mingħajr dazju ġie eżawrit.

(6)

Bir-Regolament (KE) Nru 1355/2008 (7) (“ir-Regolament oriġinali”) il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippreżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(7)

Il-firxa tad-dazju antidumping definittiv kienet bejn 361,4 u 531,2 EUR/tunnellata ta’ piż nett tal-prodott.

1.1.   Is-sentenza Xinshiji

(8)

Bis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011 fil-kawża T-122/09 - Zhejiang Xinshiji Foods Co. Ltd et Hubei Xinshiji Foods Co. Ltd vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appoġġata mill-Kummissjoni Ewropea (8) — (“is-sentenza Xinshiji”) il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament oriġinali fejn dan jaffettwa l-applikanti Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd. u Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd.

(9)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża meta ma pprovdietx l-informazzjoni neċessarja għall-applikanti biex dawn jiddeterminaw, fid-dawl tal-istruttura tas-suq, jekk l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni għal-livell ex-works tal-importatur kienx adattat, fir-rigward tal-possibbiltà li l-prezz tal-esportazzjoni jiġi mqabbel mal-prezz tal-industrija tal-Unjoni fl-istess livell tan-negozju. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li tiddikjara r-raġunijiet, billi r-raġunijiet għal miżura għandhom jidhru fit-test proprju tal-miżura u ma jistgħux jiġu ddikjarati fi spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali li jingħataw wara meta l-miżura tkun diġà soġġetta għal proċediment imressaq quddiem il-Qrati tal-Unjoni Ewropea.

(10)

F’April 2011, il-Kummissjoni ppreżentat appell (C-195-11P) fejn talbet li s-sentenza Xinshiji ma tintlaqax. Wara d-dikjarazzjoni tal-invalidità tar-Regolament oriġinali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) fit-22 ta’ Marzu 2012 (ara l-premessa 16 hawn taħt), il-Kummissjoni rtirat l-appell tagħha billi l-oġġett ma baqax jeżisti.

(11)

Fit-3 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppubblikat avviż (9) tal-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni tal-antidumping (“l-ewwel Avviż tal-ftuħ mill-ġdid”) sabiex tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ Xinshiji. Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat biex jiġi determinat, fid-dawl tal-istruttura tas-suq, jekk l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni għal-livell ex-works tal-importatur kienx adattat, fir-rigward tal-possibbiltà li l-prezz tal-esportazzjoni jiġi mqabbel mal-prezz tal-industrija tal-Unjoni fl-istess livell tan-negozju.

(12)

Simultanjament, il-partijiet interessati kollha rċevew dokument ta’ żvelar li miegħu ġew mehmuża l-ispjegazzjonijiet għall-aġġustament tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni, li kienu tqiesu meta ġie kkalkolat il-prezz tal-prodotti li joriġinaw mir-RPĊ.

(13)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż.

(14)

Il-partijiet kollha li talbu dan fil-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq, u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(15)

Iż-żewġ esportaturi applikanti, tmien importaturi, żewġ assoċjazzjonijiet ta’ importaturi u assoċjazzjoni ta’ produtturi identifikaw ruħhom bħala partijiet interessati.

1.2.   Is-sentenza tal-pajjiż analogu

(16)

Fit-22 ta’ Marzu 2012, fil-Kawża C-338/10 — Grünwald Logistik Service GmbH (GLS) v Hauptzollamt Hamburg-Stadt (“is-sentenza tal-pajjiż analogu”) — il-Qorti ddikjarat ir-Regolament oriġinali invalidu (10).

(17)

Il-Qorti sostniet li ladarba l-Kummissjoni u l-Kunsill kienu ddeterminaw il-valur normali tal-prodott ikkonċernat abbażi tal-prezzijiet li fil-fatt jitħallsu jew li huma pagabbli fl-Unjoni Ewropea għal prodott simili, mingħajr ma qagħdu attenti li jiddeterminaw dak il-valur abbażi tal-prezzijiet imħallsin għal dak l-istess prodott f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, huma kienu kisru r-rekwiżiti tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(18)

Fid-19 ta’ Ġunju 2012 ġie ppubblikat avviż (11) (“it-tieni Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid”) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-avviż il-partijiet ġew infurmati li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti msemmija hawn fuq, l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-RPĊ ma kienx għadhom soġġetti għall-miżuri ta’ antidumping imposti bir-Regolament oriġinali, u li d-dazji antidumping definittivi mħallsin skont ir-Regolament għall-prodott ikkonċernat għandhom jerġgħu jitħallsu jew jitnaqqsu.

(19)

L-avviż fetaħ parzjalment mill-ġdid ukoll l-investigazzjoni tal-antidumping rilevanti dwar l-importazzjoni ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (prinċipalment il-mandolin, eċċ.) li joriġina mir-RPĊ sabiex tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti msemmija hawn fuq.

(20)

L-avviż stabbilixxa li l-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-għażla ta’ pajjiż analogu, jekk hemm, u d-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku li għandu jintuża għall-kalkolu ta’ kwalunkwe marġini tad-dumping.

(21)

Barra minn hekk, bl-istess avviż, il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li jistgħu jintgħażlu biex jiġi determinat il-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, inkluż fir-rigward tal-Iżrael, is-Sważiland, it-Tajlandja u t-Turkija.

(22)

Il-Kummissjoni infurmat direttament lill-industrija tal-Unjoni u l-assoċjazzjoni tagħha, il-produtturi esportaturi, il-fornituri u l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom magħrufa li huma kkonċernati, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż.

(23)

Il-partijiet kollha li talbu dan fil-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq, u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(24)

Tmien importaturi u assoċjazzjoni waħda tal-importaturi identifikaw ruħhom bħala partijiet interessati.

2.   IL-PROĊEDURA WARA L-IŻVELAR TAL-MIŻURI PROVVIŻORJI

(25)

Wara l-impożizzjoni tad-dazji ta’ antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ, bosta partijiet interessati ppreżentaw kummenti bil-miktub. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(26)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni temmet l-investigazzjoni fir-rigward tal-aspetti ta’ interess għall-Unjoni (“Komunitarju”). F’dan ir-rigward, saru spezzjonijiet ta’ verifika fil-bini tal-importaturi indipendenti fl-Unjoni li huma elenkati hawn taħt:

Wünsche Handelsgesellschaft International (GmbH & Co KG), Hamburg, il-Ġermanja,

Hüpeden & Co (GmbH & Co.) KG, Hamburg, il-Ġermanja,

I. Schroeder KG. (GmbH & Co.), Hamburg, il-Ġermanja,

Zumdieck GmbH, Paderborn, il-Ġermanja,

Gaston spol. s r.o., Zlin, ir-Repubblika Ċeka.

(27)

Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-PRĊ u l-ġbir definittiv ta’ ammonti miġbura bħala dazju provviżorju. Huma ngħataw ukoll perijodu ta’ żmien li matulu setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara li dan ġie żvelat.

(28)

Ċerti importaturi pproponew laqgħa flimkien mal-partijiet interessati kollha, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament bażiku; madankollu wieħed minnhom irrifjuta din t-talba.

(29)

Il-kummenti orali u bil-miktub li ssottomettew il-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn kien xieraq.

3.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(30)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, żewġ importaturi indipendenti tal-Unjoni qalu li ċerti tipi ta’ mandolin għandhom jiġu eżentati mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat minħabba l-livell ta’ ħlewwa tagħhom jew minħabba l-ippakkjar tagħhom meta jiġu esportati. F’dan ir-rigward, hu nnutat li dawn it-talbiet ma ġewx sostnuti b’xi tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata u dejta li tagħti prova li dawn it-tipi għandhom karatteristiċi li jagħmluhom differenti mill-prodott ikkonċernat. Ġie nnutat ukoll li d-differenzi fl-ippakkjar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala element kritiku meta jiġi definit il-prodott ikkonċernat, speċjalment meta l-formati tal-ippakkjar ikunu diġà ġew ikkunsidrati waqt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif stipulat fil-premessa 16 tar-Regolament provviżorju. Dawn l-argumenti huma għalhekk miċħuda.

(31)

Il-miżuri ġew imposti fuq il-prodott definit fir-Regolament oriġinali kif jidher hawn taħt: mandolin ippreparat jew ippriżervat (inklużi t-tanġerini u s-satsumas), il-klementini, il-wilkings u ibridi taċ-ċitru oħrajn simili, li ma jkollhomx spirti miżjudin magħhom, sew jekk ikollhom iz-zokkor miżjud jew sustanzi tal-ħlewwa oħra, kif inhu definit fl-intestatura tan-NM 2008, li attwalment huma klassifikati bil-kodiċijiet NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċijiet TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067 u 2008309069) u li joriġinaw mir-RPĊ.

(32)

F’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti fil-pajjiż analogu interpretat l-istatistika kkomunikata mill-Kummissjoni lill-Qorti fis-27 ta’ Lulju 2011 bħala data li hija relattiva biss għall-prodott ikkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid l-ambitu sħiħ ta’ kull kodiċi NM inkluż f’dik l-istatistika u għandu jiġi nnutat li dik l-istatistika tirrigwarda firxa ta’ prodotti usa’ mill-prodotti li huma l-oġġett tal-miżuri, billi inkludiet il-kodiċijiet NM sħaħ 2008 30 55, 2008 30 75 u 2008 30 90. Id-dejta statistika li tkopri biss il-prodott ikkonċernat jew il-prodott simili (għall-kodiċijiet NM 2008 30 55 u 2008 30 75), għall-pajjiżi msemmijin hawn fuq waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni hija din li ġejja:

Pajjiż

Volum ta’ importazzjonijiet

(tunnellati)

ir-RPĊ

49 791,30

it-Tajlandja

666,10

it-Turkija

151,20

l-Iżrael

4,80

is-Sważiland

0

(33)

Fil-kodiċi NM 2008 30 90, l-istatistika tinkludi prodotti oħrajn, apparti l-prodott ikkonċernat. Bħala konsegwenza, ma tista’ tittieħed l-ebda konklużjoni dwar l-importazzjonijiet tal-prodott simili fir-rigward tal-kodiċi NM. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż, permezz tal-istatistika, li l-prodott simili kien impurtat fi kwantitajiet sinifikanti mill-Iżrael jew minn Sważiland matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

4.   IT-TEĦID TA’ KAMPJUNI

4.1.   It-teħid ta’ kampjuni għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(34)

Żewġ importaturi indipendenti tal-UE argumentaw li l-produtturi esportaturi Ċiniżi magħżula għall-kampjun rrappreżentaw 60 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni. Madankollu, ma setgħux jipprovdu informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata li setgħet tnaqqas mill-preċiżjoni tal-informazzjoni għat-teħid tal-kampjuni, ippreżentata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw u li b’mod ġenerali ġiet ikkonfermata meta tkompliet l-investigazzjoni. Dan l-argument huwa għalhekk miċħud.

(35)

Tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw li ppreżentaw rappreżentazzjonijiet iddikjaraw li l-kumpaniji relatati tagħhom kienu produtturi esportaturi tal-prodott ikkonċernat u għalhekk kellhom jiġu inklużi fl-Anness tal-produtturi esportaturi li qed jikkooperaw. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu kkunsidrati ġġustifikati u kien deċiż li l-Anness rilevanti jiġi rivedut skont dan. Importatur indipendenti tal-UE argumenta li l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni permezz tan-negozjanti kellhom awtomatikament jitħallew jibbenefikaw mill-miżuri applikabbli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. F’dan ir-rigward, hu nnutat li l-miżuri tal-antidumping huma fil-każ attwali imposti fuq prodotti mmanifatturati minn produtturi esportaturi fil-pajjiż li jkun qed jiġi investigat u li jiġu esportati lejn l-Unjoni (irrispettivament minn liema kumpanija tikkummerċjalizzahom) u mhux fuq entitajiet kummerċjali involuti biss f’attivitajiet kummerċjali. Għaldaqstant it-talba ġiet miċħuda.

5.   ID-DUMPING

5.1.   It-trattament ta’ ekonomija tas-suq (TES)

(36)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, l-ebda kumment ma kien ippreżentat mill-produttur esportatur Ċiniż li kkoopera fir-rigward tas-sejbiet tat-TES. Fin-nuqqas ta’ kummenti rilevanti, il-premessi 29 sa 33 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

5.2.   It-trattament individwali

(37)

Minħabba li ma kien hemm l-ebda kummenti rilevanti, il-premessi 34 sa 37 tar-Regolament provviżorju li jirrigwardaw it-trattament individwali huma hawnhekk ikkonfermati.

5.3.   Il-valur normali

5.3.1.   Il-kummenti tal-partijiet interessati wara t-tieni avviż ta’ ftuħ mill-ġdid

(38)

Ċerti importaturi argumentaw li l-importazzjonijiet Ċiniżi jkunu neċessarji biex tiġi koperta d-domanda tal-Unjoni, għalkemm importatur wieħed indika li l-produzzjoni ta’ Spanja u t-Turkija flimkien tkun biżżejjed biex tkopri l-ħtiġijiet tas-suq tal-Unjoni. Importatur wieħed irrimarka li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping kienet tirriżulta f’żieda sinifikanti fil-prezz tal-prodott ikkonċernat. Iż-żieda fil-prezzijiet issemmiet ukoll minn importaturi oħra. Ġew identifikati diversi fatturi bħala l-kawża għal żieda bħal din, bħal pereżempju d-disponibbiltà li qed tonqos ta’ mandolin miċ-Ċina fl-Unjoni minħabba d-domanda interna u d-domanda minn swieq oħra, għelejjel li ma jagħtux frott u nuqqas ta’ ħaddiema fir-RPĊ. Fattur ieħor li ġie indikat kien il-kompetizzjoni mnaqqsa fl-Unjoni (huwa stmat li bħalissa hemm biss tliet produtturi tal-Unjoni, filwaqt li fl-2000 kien hemm tmienja). Importatur minnhom ilmenta li l-miżuri tal-antidumping jiffavorixxu lill-kumpaniji kummerċjali l-kbar minflok dawk tradizzjonali, li ilhom jikkumerċjalizzaw il-prodott ikkonċernat mar-RPĊ għal deċennji sħaħ. Dan l-importatur jiddefendi l-eżistenza ta’ sistema ta’ liċenzji bbażata fuq id-dejta ta’ qabel l-2001.

(39)

Grupp ta’ importaturi ddikjara li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiftħu investigazzjoni mill-bidu nett minflok jiftħu parzjalment mill-ġdid l-investigazzjoni tal-antidumping li kienet wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri li kienu fis-seħħ sas-sentenza tal-pajjiż analogu. Din id-dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li dawk l-importaturi qiesu li ma kienx hemm biżżejjed evidenza ta’ dumping jew ħsara fis-sitwazzjoni attwali tas-suq.

(40)

Importaturi oħra ddikjaraw li ma kinux jaqblu mal-użu possibbli tad-dejta tal-PI, jekk ikun hemm bżonn li jiġi kkalkolat marġini ta’ dumping ġdid. Skont dawk l-importaturi, għandha tintuża l-aktar dejta reċenti u ġew issuġġeriti b’mod partikolari l-perijodi 2010–11 u 2011–12.

(41)

Grupp ta’ importaturi kkunsidraw li l-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni jmur kontra l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont dawk l-importaturi, il-ġurisprudenza (12) msemmija fit-tieni Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid għandha tintuża biss jekk il-miżuri jiġu annullati jew iddikjarati invalidi minħabba determinazzjoni żbaljata tal-ħsara. Fi kliemhom stess, “l-istituzzjonijiet tal-Komunità ma żbaljawx fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ħsara, iżda fl-istadju bikri tal-valutazzjoni ta’ jekk il-prodotti kkonċernati kinux fil-fatt l-oġġett ta’ dumping”. Bħal f’dan il-każ, ir-Regolament oriġinali ġie ddikjarat invalidu minħabba d-determinazzjoni tal-valur normali, l-importaturi ddikjaraw li tali ġurisprudenza ma tapplikax.

(42)

Fl-aħħar nett, diversi importaturi rrakkomandaw li t-Turkija tintuża bħala pajjiż analogu. Waqt seduta ta’ smigħ, importatur issuġġerixxa li jiġu kkuntattjati l-awtoritajiet tal-Ġappun u tal-Korea, minħabba li anki f’dawn il-pajjiżi kien hemm kumpaniji li mmanifatturaw il-prodott matul il-PI.

5.3.2.   L-analiżi tal-kummenti wara t-tieni avviż ta’ ftuħ mill-ġdid

(43)

Fir-rigward tal-ħafna talbiet li tqassru fil-premessa 38 hawn fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni inizjali b’mod limitat, ristretta għall-identifikazzjoni possibbli ta’ pajjiż analogu. Hija ma ddefinixxietx perijodu ta’ investigazzjoni ġdid, għall-kuntrarju tal-approċċ li ttieħed fil-kawża li wasslet għas-sentenza f’Industrie des poudres sphériques v il-Kunsill (il-Kawża C-458/98 P [2000] Ġabra I-8147). Dan kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li minħabba li d-dazji ta’ antidumping kienu fis-seħħ, kull dejta miġbura waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni l-ġdid kienet waħda distorta bl-eżistenza ta’ dawn id-dazji antidumping, partikolarment fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ħsara. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-punti mqajmin mill-partijiet dwar l-allegat nuqqas ta’ dumping f’dan il-punt jistgħu jiġu diskussi b’mod aktar xieraq fil-qafas ta’ reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Filwaqt li fl-investigazzjoni inizjali l-analiżi tal-eżistenza ta’ ħsara ssir b’mod ex post għall-perijodu tal-investigazzjoni, l-analiżi tal-ħsara waqt reviżjoni interim issir b’mod prospettiv, billi l-ħsara osservata tul il-perijodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni x’aktarx tiġi influwenzata mill-fatt li hemm dazju ta’ antidumping fis-seħħ.

(44)

Il-partijiet ikkonċernati huma mfakkra li jekk importatur jew parti oħra jkunu jridu li l-miżuri jiġu kompletament riveduti, dawn għandhom il-possibbiltà li jitolbu t-tnedija ta’ reviżjoni interim kif inhu previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Il-partijiet ikkonċernati għandhom iċ-ċans li japprofittaw minn dik il-possibbiltà meta jridu billi l-perijodu ta’ sena mill-impożizzjoni tal-miżuri definittivi msemmi fl-Artikolu 11(3) għadda. Kull parti li kienet ippreżentat talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) qabel is-sentenza tal-pajjiż analogu se tiġi kkuntattjata mis-servizzi tal-Kummissjoni biex jiġi determinat jekk tixtieqx li tkompli bit-talba tagħha.

(45)

Fir-rigward tal-illegalità allegata tal-ftuħ parzjali mill-ġdid, għandu jiġi nnutat li l-ġurisprudenza msemmija ma timplikax li ftuħ parzjali mill-ġdid jista’ jsir biss jekk dan ikun jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Dak li hu ċċarat fil-kawża T-2/95 u l-kawża C-458/98 P huwa li “fil-każ ta’ att li jikkonkludi proċediment amministrattiv li jikkostitwixxi diversi stadji, mhux neċessarju li l-annullament tiegħu jimplika l-annullament tal-proċedura kollha qabel l-adozzjoni tal-att ikkuntestat irrispettivament mir-raġunijiet, proċedurali jew sostantivi, tas-sentenza li tipproklama l-annullament” (13). Għaldaqstant mhuwiex rilevanti jekk l-annullament jew id-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ regolament jirrelatawx mad-determinazzjoni tal-ħsara jew id-determinazzjoni tal-valur normali.

(46)

Fir-rigward tal-użu tad-dejta tal-PI, għandu jiġi mfakkar li t-tieni Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid kien jirrigwarda ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni oriġinali u mhux ta’ investigazzjoni ġdida. Għaldaqstant, id-dejta tal-PI biss tista’ tkun rilevanti u għandha tiġi eżaminata, aktar u aktar minħabba li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni użati fit-tqabbil huma wkoll ta’ dak il-perijodu. It-talbiet għal użu ta’ dejta aktar reċenti, għalhekk, għandhom jiġu miċħuda.

5.3.3.   L-investigazzjoni wara t-tieni avviż ta’ ftuħ mill-ġdid

(47)

Fis-sentenza msemmija fil-premessa 16 hawn fuq, il-Qorti rreferiet b’mod speċifiku għal erba’ pajjiżi li minnhom, skont id-dejta tal-Eurostat, seta’ kien hemm importazzjoni sinifikanti fl-Unjoni bil-kodiċijiet NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90. Dawn il-pajjiżi huma l-Iżrael, is-Sważiland, it-Tajlandja u t-Turkija. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi permezz tal-Missjonijiet tagħhom għall-Unjoni Ewropea. Kollha ġew ikkuntattjati qabel il-ftuħ parzjali mill-ġdid tal-investigazzjoni u għal darba oħra meta kien se jsir il-ftuħ mill-ġdid. Il-Missjonijiet ikkonċernati, kif ukoll id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għal dawk l-erba’ pajjiżi, intalbu jidentifikaw il-produtturi domestiċi possibbli tal-prodott simili u, jekk kien hemm, biex jgħinuhom jiksbu l-kooperazzjoni tagħhom.

(48)

Għalkemm ġew ikkuntattjati darbtejn, il-Missjonijiet tas-Sważiland u t-Tajlandja għall-Unjoni Ewropea ma bagħtu l-ebda tweġiba. Waslu tweġibiet mingħand il-Missjonijiet tal-Iżrael u tat-Turkija. Il-Missjoni tat-Turkija tat l-indirizzi ta’ sitt produtturi allegati, filwaqt li l-Missjoni tal-Iżrael infurmat lis-servizzi tal-Kummissjoni li ma kienx hemm produzzjoni tal-prodott simili fl-Iżrael tul il-PI (u li fil-preżent ma kienx hemm produzzjoni bħal din).

(49)

Is-sitt produtturi Torok ġew ikkuntattjati, ħamsa minnhom darbtejn. Tlieta minnhom ma weġbux u t-tlieta l-oħra infurmaw lill-investigaturi li ma kinux qed jipproduċu l-prodott simili tul il-PI. Għaldaqstant, għalkemm dawn il-kumpaniji offrew il-kooperazzjoni tagħhom, huma ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dejta neċessarja. Din is-sejba kienet ikkorroborata b’sottomissjoni li waslet mingħand importatur Ġermaniż b’interessi ta’ produzzjoni fit-Turkija, fejn kien hemm dikjarazzjoni li tul il-perijodu tal-investigazzjoni ma kienx hemm produzzjoni tal-prodott simili fit-Turkija.

(50)

Minkejja li ma waslitx tweġiba mingħand il-Missjoni tat-Tajlandja, iż-żewġ kumpaniji Tajlandiżi li mingħandhom inkisbu indirizzi aġġornati permezz tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Bangkok, ġew ikkuntattjati darbtejn ukoll. Dawk iż-żewġ produtturi kienu diġà ġew ikkuntattjati waqt l-investigazzjoni oriġinali — iżda f’dan iż-żmien, dan ma wassalx għall-kooperazzjoni tagħhom. Anki din id-darba, wieħed mill-produtturi ma weġibx għaż-żewġ talbiet li sarulu, filwaqt li l-ieħor wieġeb li ma kienx beħsiebu jikkoopera fl-investigazzjoni.

(51)

Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni permezz tal-Missjoni tas-Sważiland għall-Unjoni Ewropea u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-Sważiland, ma kienx possibbli li jiġi identifikat produttur wieħed jew aktar fis-Sważiland.

(52)

Fid-dawl tas-suġġeriment imsemmi fil-premessa 42 hawn fuq, ġiet mitluba wkoll il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Ġappun u tar-Repubblika tal-Korea u fl-istess ħin id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’dawk il-pajjiżi ntalbu jidentifikaw il-produtturi lokali tal-prodott simili, jekk kien hemm. L-awtoritajiet tal-Korea ma weġbux iżda l-Kummissjoni rnexxielha, permezz tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Korea, tikseb isem u indirizz ta’ produttur possibbli tal-prodott simili fir-Repubblika tal-Korea. Dan il-produttur ġie kkuntattjat darba iżda ma weġibx għat-talba ta’ kooperazzjoni li saritlu.

(53)

L-awtoritajiet Ġappuniżi kkuntattjaw lil produtturi possibbli Ġappuniżi, madankollu, skont l-awtoritajiet Ġappuniżi dawk il-kumpaniji ma ridux jikkooperaw fil-proċediment u ma ridux li l-identitajiet tagħhom jiġu żvelati lill-Kummissjoni.

5.3.4.   Il-konklużjoni tal-investigazzjoni wara t-tieni avviż ta’ ftuħ mill-ġdid

(54)

Wara li ġew ikkunsidrati l-kummenti li għamlu l-partijiet, l-analiżi tagħhom u, minkejja l-isforzi sinifikanti tas-servizzi tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn produtturi potenzjali f’pajjiżi terzi, ġie konkluż li ma setax jiġi determinat valur normali abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq kif inhu preskritt fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

5.3.5.   Il-kummenti tal-partijiet interessati wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji

(55)

Qed jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tal-valur normali kienet ibbażata fuq id-dejta pprovduta mill-Industrija tal-Unjoni. Din id-dejta ġiet ivverifikata fil-bini tal-kumpaniji tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

(56)

Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw u li kienu inklużi fil-kampjun u żewġ importaturi indipendenti tal-Unjoni lkoll kellhom dubju dwar l-użu ta’ prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għall-kalkolu tal-valur normali. Intqal li l-valur normali kellu jiġi kkalkulat abbażi tar-rendikont tal-kostijiet tal-produzzjoni tar-RPĊ meħud għal kull aġġustament xieraq relatat mad-differenzi bejn is-swieq tal-Unjoni u tar-RPĊ.

5.3.6.   L-analiżi tal-kummenti wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji

(57)

F’dan ir-rigward hu nnutat li l-użu ta’ informazzjoni minn pajjiż li m’għandux ekonomija tas-suq u b’mod partikolari minn kumpaniji li ma ngħatawx it-TES imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument huwa għalhekk miċħud. Ġie argumentat ukoll li d-dejta dwar il-prezzijiet mill-pajjiżi importaturi l-oħra kollha jew l-informazzjoni rilevanti ppubblikata setgħet intużat bħala soluzzjoni raġonevoli, meta tikkunsidra n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiż analogu. Madankollu, informazzjoni ġenerali bħal din, għall-kuntrarju tad-dejta użata mill-Kummissjoni, ma setgħetx tiġi vverifikata u ċċekkjata fir-rigward tal-eżattezza tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument huwa għalhekk miċħud. Ma ġie ppreżentat l-ebda argument ieħor li seta’ jitfa’ dubju fuq il-fatt li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni ma kinitx skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u, b’mod partikolari, il-fatt li f’dan il-każ partikolari din tikkostitwixxi l-unika bażi raġonevoli li baqa’ biex jiġi kkalkulat il-valur normali.

5.3.7.   Il-konklużjoni dwar il-valur normali

(58)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra u l-fatt li minkejja l-isforzi sinifikanti tas-servizzi tal-Kummissjoni biex jidentifikaw produttur li kkoopera f’pajjiż analogu, ma kienx possibbli li tinkiseb dejta mingħand produttur ta’ pajjiż analogu għall-perijodu ta’ investigazzjoni, il-premessi 38 sa 45 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

5.4.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(59)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoopera u li ġie inkluż fil-kampjun qal li l-prezz tiegħu għall-esportazzjoni għandu jiġi aġġustat biex jiġu kkunsidrati ċerti elementi ta’ kostijiet (b’mod partikolari it-trasport tal-merkanzija bl-oċean). F’dan ir-rigward hu nnutat li din il-kwistjoni ġiet indirizzata waqt il-verifika fuq il-post, kemm fir-rigward ta’ din il-kumpanija u kemm fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra fil-kampjun. F’dik l-okkażjoni, kull kumpanija ppreżentat informazzjoni fir-rigward tal-kostijiet inkwistjoni. L-ammont li qed jintalab attwalment mill-kumpanija hu konsiderevolment ogħla mill-ammont irrapportat oriġinarjament. Hu nnutat li din it-talba l-ġdida hi bbażata sempliċiment fuq dikjarazzjoni minn persuna li tgħaddi l-merkanzija u ma tirriflettix id-dejta relatata ma’ tranżazzjoni reali. L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi l-oħra li ġew inklużi fil-kampjun ma kellu dubju dwar iċ-ċifri użati fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bl-oċean. Barra minn hekk, minħabba li l-preżentazzjoni saret tard, din it-talba ma’ tistax tiġi vverifikata. B’mod partikolari, l-aġġustament mitlub ma jirrigwardax dejta li diġà tinsab fil-fajl. Wara din it-talba l-Kummissjoni madankollu rrevediet l-ammont tal-kost inkwistjoni b’kunsiderazzjoni tal-importanza ta’ dan il-kost partikolari għat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-UE rrapportati mill-kumpanija. Konsegwentement, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kien aktar xieraq li jintuża l-kost medju tat-trasport bl-oċean tal-merkanzija vverifikat fuq il-post għall-kumpaniji Ċiniżi kollha li ġew inklużi fil-kampjun. Konsegwentement, il-prezz tal-esportazzjoni tal-kumpanija kien aġġustat kif xieraq.

(60)

Produttur esportatur Ċiniż ieħor li kkoopera u li ġie inkluż fil-kampjun irrefera għal żewġ żbalji ta’ komputazzjoni fil-kalkolu tal-prezz tiegħu ta’ esportazzjoni relatat mal-listi ppreżentati ta’ esportazzjoni. Tqies li t-talba kienet iġġustifikata u l-prezz rilevanti tal-esportazzjoni tal-produttur ġie rrivedut skont dan.

(61)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-premessa 46 tar-Regolament provviżorju hija hawnhekk ikkonfermata.

5.5.   Paragun

(62)

Fin-nuqqas ta’ kummenti f’dan ir-rigward, il-premessi 47 u 48 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

5.6.   Il-marġini tad-dumping

(63)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-marġini tad-dumping definittivi riveduti, espressi bħala persentaġġ tal-prezz fil-fruntiera tal-Unjoni CIF, bid-dazju mhux imħallas, huma dawn li ġejjin:

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang: 139,4 %,

Huangyan No. 1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang: 86,5 %,

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd., il-Belt ta’ Dangyang, il-Provinċja ta’ Hubei: 136,3 %,

Produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma ġewx inklużi fil-kampjun: 131 %,

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha: 139,4 %.

6.   L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA XINSHIJI

6.1.   Il-kummenti tal-partijiet interessati

6.1.1.   Ftuħ mill-ġdid qabel il-waqt

(64)

L-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi argumentaw kontra l-ftuħ parzjali mill-ġdid qabel l-għoti tas-sentenza fil-kawża C-338/10. Kien argumentat li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni waqt li l-validità tar-Regolament oriġinali kienet ikkuntestata, u fl-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati x’aktarx li l-att jiġi ddikjarat null, kien jikser il-prinċipji tal-proporzjonalità u tal-amministrazzjoni tajba fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi poġġa piż żejjed fuq il-partijiet ikkonċernati biex dawn jallokaw riżorsi sinifikanti finanzjarji u personali għall-proċedura miftuħa mill-ġdid.

(65)

Barra minn hekk, l-istess partijiet argumentaw ukoll li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni qabel is-sentenza fil-kawża ta’ appell C-195/11P sar qabel il-waqt u kontra l-Artikolu 266 u 264 tat-TFUE u l-Artikolu 60(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u dan kien jallega li l-Kummissjoni kienet qed tantiċipa s-suċċess tal-appell tagħha. Bidu bħal dan ikkontradixxa r-relazzjoni bejn, minn naħa waħda, il-Kummissjoni u l-Kunsill u min-naħa l-oħra, il-Qorti u dgħajfet id-dritt għal rimedju effettiv fil-qorti. L-importaturi kkonċernati talbu li l-Kummissjoni l-ewwel tistenna s-sentenza finali tal-Qorti qabel ma tiftaħ mill-ġdid il-proċediment tal-antidumping, biex timplimenta s-sentenza inkwistjoni.

(66)

L-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi argumentaw li l-ftuħ mill-ġdid imur kontra l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku billi kien ibbażat fuq id-dejta miġbura waqt il-perijodi ta’ investigazzjoni (jiġifieri bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007) u mhux waqt perijodu aktar reċenti.

(67)

Grupp ta’ importaturi kkontestaw kemm kienet ġusta u imparzjali l-imġiba tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, abbażi l-fatt li l-Kummissjoni allegatement irrifjutat applikazzjoni mill-importaturi tal-Unjoni biex tniedi reviżjoni interim sħiħa, minkejja li d-dejta uffiċjali tal-Eurostat diġà kienet qed turi żieda fuq bażi miżmuma u dejjiema tal-prezz tal-importazzjoni.

6.1.2.   Ir-retroattività

(68)

L-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi argumentaw li kien jidher mill-bidu li l-ftuħ mill-ġdid kien se jfalli, minħabba li l-ksur tad-drittijiet għad-difiża u n-nuqqas li jiġu ddikjarati r-raġunijiet fil-każ ta’ Regolament dwar l-antidumping definittiv ma jistgħux jiġu rettifikati f’iżolament u b’mod retroattiv. B’mod partikolari, ġie argumentat li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati kellhom jiġi mħarsa waqt il-proċediment tal-antidumping li kien għaddej, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-miżura, u d-dikjarazzjoni kif xieraq tar-raġunijiet għar-regolament tal-antidumping definittiv kellha tingħata sal-adozzjoni tar-Regolament oriġinali.

(69)

Intqal ukoll li att legali bbażat fuq dikjarazzjoni mhux adegwata tar-raġuni huwa, u jibqa’, ineffettiv mill-bidu u l-miżura maħsuba tista’ tkun effettiva biss bl-adozzjoni ta’ att legali ġdid b’dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet.

6.1.3.   Żvelar inadegwat

(70)

L-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi stqarru li l-iżvelar ma kienx biżżejjed biex jiġu rrimedjati l-iżbalji legali identifikati mill-Qorti Ġenerali għar-raġunijiet li jidhru hawn taħt.

(71)

L-esportaturi kkonċernati, flimkien ma’ grupp ta’ importaturi qalu li l-ksur tal-liġi tal-Unjoni li nstab mill-Qorti Ġenerali affettwa s-sejbiet kollha u r-riżultat tal-kalkolu tal-marġini tal-ħsara u minħabba f’hekk kien hemm il-bżonn li jitnieda proċess ġdid b’kunsiderazzjoni tad-dejta dwar il-ħsara l-aktar reċenti.

(72)

Barra minn hekk, l-istess partijiet argumentaw li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx b’mod korrett l-ambitu u l-konsegwenzi tal-ksur tagħha. Kien argumentat li, għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, il-ksur legali stabbilit mill-Qorti Ġenerali ma kienx relatat esklużivament mal-kalkolu taż-żieda ta’ 2 % tal-kostijiet tal-importazzjoni tal-prodotti Ċiniżi (kostijiet ta’ wara l-importazzjoni) u l-kostijiet tat-trasport tal-prodotti mmanifatturati mill-produtturi tal-Unjoni. L-importaturi kkonċernati argumentaw li dak il-ksur kien, jekk xejn, marbut mad-determinazzjoni sħiħa tal-marġini tal-ħsara.

(73)

F’dan il-kuntest kien argumentat li l-iżvelar li ntbagħat fil-ftuħ mill-ġdid ma indirizzax il-kwistjoni tal-paragunabbiltà tal-livell tal-kummerċ u kif il-metodu magħżul mill-Kummissjoni għall-paragun tal-importazzjoni u tal-prezzijiet tal-Unjoni kien ġustifikat meta mqabbel mal-kuntest tal-ambjent tas-suq ikkonċernat, jiġifieri jekk il-prodotti manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni u l-oġġetti importati humiex fil-fatt f’kompetizzjoni ma’ xulxin “fil-maħżen tal-importaturi ta’ Hamburg”. L-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi argumentaw li l-informazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-livell tal-kummerċ li ngħatat fil-ħin tal-ftuħ mill-ġdid kienet ġenerali wisq biex il-partijiet ikunu jistgħu jifhmu għaliex il-paragun tal-prezz tal-importazzjoni u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni sar fl-istess livell tal-kummerċ u ma spjegatx il-fatturi li rriżultaw mill-investigazzjoni li fuqha kien ibbażat il-kalkolu. Din ma indirizzatx il-kwistjoni għaliex iż-żieda inkwistjoni ta’ 2 %, li la kienet tinkludi l-ispejjeż tal-operat u dawk amministrattivi (SG&A) u lanqas il-marġini ta’ profitt tal-importaturi, kienet xierqa biex tintlaħaq il-paragunabbiltà tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni mal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(74)

L-istess partijiet argumentaw li ma kien hemm l-ebda sejba fir-rigward tas-suppożizzjoni li l-produtturi tal-Unjoni biegħu l-oġġetti esklużivament permezz tal-importaturi. Barra minn hekk, kien argumentat li r-raġunament wara l-livell ta’ kummerċ magħżul li l-produtturi tal-Unjoni biegħu esklużivament lill-importaturi kien irrifjutat, billi skont l-informazzjoni mogħtija 62 % biss tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni mar għand l-importaturi indipendenti. Il-partijiet argumentaw li l-Kummissjoni donnha injorat il-fatt li allegatement 38 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ma kinitx inbiegħet permezz tal-importaturi, li jfisser li fir-rigward ta’ dan il-bejgħ il-prodotti importati kienu qed jikkompetu f’livelli differenti ta’ kummerċ. Kien argumentat li għal din il-parti tal-bejgħ, il-metodu użat mill-Kummissjoni biex jiġi ddeterminat il-marġini tal-ħsara ma kienx xieraq billi l-prezzijiet tal-importaturi kellhom jiġu aġġustati biż-żieda tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni, il-bejgħ, il-kostijiet ġenerali u amministrattivi u marġini ta’ profitt adegwat tal-importatur indipendenti. Fid-dawl ta’ dawn il-korrezzjonijiet, il-marġini ta’ ħsara kien jitnaqqas għal 38 % tal-merkanzija tal-Unjoni, li jwassal għal tnaqqis ġenerali fil-marġini ta’ ħsara u wara anki għal tnaqqis sostanzjali fid-dazji antidumping.

(75)

Konsegwentement, il-partijiet argumentaw li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tiżviluppa metodu xieraq biex tiddetermina l-marġini ta’ ħsara għall-importazzjonijiet kollha li kieku kien iqis il-kundizzjonijiet proprji tas-suq. Kien argumentat li kien hemm bżonn ta’ kunsiderazzjoni differenzjata tal-bejgħ tal-prodotti tal-produtturi tal-Unjoni biex jiġi ddeterminat il-marġini ta’ ħsara, fid-dawl tal-mezzi differenti ta’ distribuzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(76)

Il-partijiet talbu lill-Kummissjoni tipprovdi deskrizzjoni u analiżi dettaljati tal-evidenza vverifikata fir-rigward tal-flussi tal-kummerċ u l-volumi relatati, li tappoġġa s-sejbiet tagħha u li tiżvela dik l-informazzjoni rilevanti, li ma kinitx kunfidenzjali.

(77)

Grupp ta’ importaturi kkuntestaw ukoll “ir-referenza stereotipika” għall-kunfidenzjalità tad-dejta, li b’riżultat tagħha l-produtturi esportaturi u l-importaturi tal-Unjoni ma setgħux jaċċessaw is-sorsi rilevanti neċessarji għalihom biex jiddeterminaw jekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq, l-aġġustament inkwistjoni kienx xieraq, fir-rigward tal-possibbiltà ta’ paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz tal-industrija tal-Unjoni fl-istess livell tal-kummerċ. L-importaturi kkonċernati argumentaw li din it-talba ntlaqgħet mill-Qorti Ġenerali fil-paragrafu 86 tas-sentenza Xinshiji.

6.1.4.   Il-kostijiet tat-trasport

(78)

L-esportaturi kkonċernati opponew iż-żieda fil-prezz tal-bejgħ ex-works tal-industrija tal-Unjoni biex jiġu inklużi l-kostijiet tal-kunsinna fil-maħżen tal-importatur abbażi tal-fatt li dan imur kontra l-kunċett ta’ suq intern u li l-miżuri ta’ difiża tal-kummerċ mhumiex maħsubin biex jirrimedjaw l-iżvantaġġi tal-kostijiet tal-industrija tal-Unjoni minħabba l-post fejn jinsabu l-faċilitajiet tal-produzzjoni tagħha.

(79)

L-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi argumentaw li l-Kummissjoni messha kkunsidrat il-fatt li l-importaturi kellhom spejjeż ogħla tat-trasbord minħabba li l-prodotti Ċiniżi kienu kkunsinnati f’kontejners, filwaqt li l-prodotti manifatturati mill-produtturi tal-Unjoni ġew ippakkjati f’palits biex jiġu trasportati bit-trakkijiet u għaldaqstant setgħu jintbagħtu lura lill-konsumaturi immedjatament mingħajr aktar manipulazzjoni, li naqqas l-ispejjeż tal-ġarr b’50 % jew 7 EUR/tunnellata.

(80)

Grupp ta’ importaturi argumenta li l-Kummissjoni ma tatx kas, fir-rigward ta’ persentaġġ ta’ prodotti tal-industrija tal-Unjoni li fil-fatt kien iddistribwit permezz ta’ importatur, li l-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija tal-industrija tal-Unjoni lejn il-maħżen tal-importaturi ġġarrbu biss jekk il-mandolin ippriżervat kien disponibbli “fiżikament” fil-maħżen tal-importatur ikkonċernat. Fil-fatt, madankollu, il-biċċa l-kbira tal-prodotti mibjugħin mill-produtturi tal-Unjoni permezz tal-importaturi ġew ikkunsinnati direttament mill-produtturi tal-Unjoni għand il-klijenti tal-importaturi. Ġie ddikjarat li dan irriżulta f’vantaġġ konsiderevoli fil-kostijiet għall-produtturi tal-Unjoni meta mqabbel mal-prodotti importati u, li kieku dan ġie kkunsidrat kif xieraq, il-marġini ta’ ħsara kien ikun iżgħar minn dak iddeterminat abbażi tal-metodu ta’ kalkolu tal-Kummissjoni.

(81)

L-assoċjazzjoni tal-importaturi u ċerti importaturi oġġezzjonaw għaċ-ċifra (EUR 90) użata bħala bażi għall-kalkolu tal-kostijiet tat-trasport. Il-partijiet qalu li l-kostijiet tat-trasport magħżul, li probabbilment kien it-trasport bit-trakk, kienu għoljin wisq. Madankollu, skont l-informazzjoni tal-partijiet, il-maġġoranza tal-oġġetti kienu trasportati bil-bastimenti, li huma mezzi ferm orħos ta’ trasport.

(82)

Il-partijiet talbu spjegazzjoni rigward l-inklużjoni tal-imposti tal-ġarr fit-terminals u l-kostijiet għall-ġarr bit-trakk lejn il-bini tal-importatur fil-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

6.2.   L-analiżi tal-kummenti

(83)

Fir-rigward tal-argument li l-investigazzjoni ma kellhiex terġa’ tinfetaħ mill-ġdid waqt li l-validità tar-Regolament oriġinali kienet ġiet ikkuntestata fil-kawża C-338/10 (il-premessa 64), il-Kummissjoni spjegat li hija aġixxiet skont il-preżunzjoni tal-legalità.

(84)

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet dwar il-ftuħ mill-ġdid qabel il-waqt suġġett għall-kawża ta’ appell pendenti C-195/11P (il-premessa 65), il-Kummissjoni tqis li l-argument hu bla bażi minħabba li l-ftuħ mill-ġdid kien ibbażat fuq is-sejbiet tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-appell ġie sadanittant irtirat.

(85)

Fir-rigward tat-talbiet għal investigazzjoni ġdida, għandu jiġi enfasizzat li l-ftuħ parzjali mill-ġdid għandu bħala għan li jirrimedja biss il-ksur tad-drittijiet għad-difiża identifikati mill-Qorti Ġenerali u mhux li jerġa’ jinfetaħ il-proċediment kollu. Madankollu, il-Kummissjoni se tavża lill-partijiet ikkonċernati li għandhom il-possibbiltà jitolbu t-tnedija ta’ reviżjoni interim, kif inhu preskritt fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jekk jixtiequ li l-Istituzzjonijiet jivverifikaw id-dikjarazzjoni tagħhom li abbażi ta’ dejta aktar reċenti ma għadx hemm ħsara.

(86)

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tagħhom li l-analiżi tal-ħsara għandha tkun ibbażata fuq dejta aktar reċenti (il-premessa 66), huwa osservat li dejta oħra aktar reċenti se tkun influwenzata mill-fatt li d-dazju ta’ antidumping kien fis-seħħ. Għaldaqstant, l-istrument xieraq biex tiġi analizzata dejta aktar reċenti huwa reviżjoni interim kif inhu preskritt fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u mhux investigazzjoni ġdida (ara wkoll il-premessa 43 ta’ hawn fuq).

(87)

Fir-rigward tad-dubju dwar kemm hu imparzjali u ġust il-proċediment (il-premessa 67), dan id-dubju huwa msejjes fuq fehim ħażin li l-Kummissjoni rrifjutat it-talba għal reviżjoni interim. Is-Servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-partijiet rispettivi, permezz tal-ittra tas-6 ta’ Settembru 2011, li abbażi tal-informazzjoni provduta sa dak il-mument, ma setgħetx tittieħed deċiżjoni dwar jekk setgħetx titnieda reviżjoni jew le. Il-punti jew l-evidenza li kienu jeħtieġu aktar ċarezza, ġew identifikati. Il-partijiet ġew infurmati dwar dan fis-smigħ tad-29 ta’ Frar 2012 u ġew mistiedna jkomplu d-diskussjoni mas-servizz rilevanti tal-Kummissjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jinfurmawhom li huma jistgħu jkomplu bit-talba tagħhom sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-perijodu ta’ sena previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku ma japplikax f’dan il-każ, billi dan imur kontra l-għan tiegħu, li huwa li għandu jkun hemm ammont minimu ta’ żmien bejn il-perijodu ta’ investigazzjoni inizjali u r-reviżjoni interim. Fil-każ preżenti, dan l-ammont minimu ġie osservat.

(88)

Fir-rigward tal-argument dwar ir-rimedju retroattiv tal-ksur tad-drittijiet għad-difiża (il-premessa 68) il-Kummissjoni tikkunsidra li bħala konsegwenza tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, l-investigazzjoni reġgħet infetħet fil-punt fejn seħħet l-illegalità. Il-partijiet issa għandhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom sa fejn ma tħallewx jagħmlu dan mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, id-dazji se jiġu imposti biss għall-futur. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx kwistjoni ta’ rimedju retroattiv kif ingħad mill-partijiet u li għalhekk dan l-argument tal-partijiet m’għandux jintlaqa’.

(89)

Fir-rigward tal-argument dwar id-dikjarazzjoni inadegwata tar-raġunijiet (il-premessa 69), l-għan proprju tal-ftuħ mill-ġdid huwa biex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ raġunament u biex l-att legali l-ġdid jiġi bbażat fuq dikjarazzjoni tar-raġunijiet. Huwa għalhekk meqjus li dan l-argument tal-partijiet ġie indirizzat.

(90)

Fir-rigward l-ambitu tas-sentenza (il-premessa 72), l-għan tal-ftuħ mill-ġdid huwa biex jiġi stabbilit il-livell xieraq tal-kummerċ, u partikolarment biex jiġi ċċarat għaliex l-aġġustament tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni CIF kien neċessarju biex seta’ ġie żgurat li l-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni sar fl-istess livell tal-kummerċ. Għalhekk l-argument tal-partijiet m’għandux jintlaqa’.

(91)

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet rigward in-nuqqasijiet tad-dokument ta’ żvelar tal-5 ta’ Diċembru 2011, fir-rigward tal-ispjegazzjoni tal-livell tal-kummerċ applikat f’dan il-każ (partikolarment, il-premessi 73 sa 76, il-partijiet ingħataw informazzjoni u spjegazzjoni addizzjonali f’diversi okkażjonijiet, jiġifieri fil-punti 4 u 5 tad-dokument ta’ żvelar tal-5 ta’ Diċembru 2011 u kif ukoll waqt is-seduti ta’ smigħ tad-29 ta’ Frar 2012.

(92)

Sabiex ikun hemm ċarezza totali dwar dan il-punt, is-sejbiet li jikkonċernaw il-livell ta’ kummerċ huma mqassra kif ġej: (i) L-investigazzjoni wriet li l-mandolin fil-laned jiġi prodott biss f’reġjun wieħed fi Spanja (Valenzja) u jinbiegħ prinċipalment fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Il-proporzjon ta’ bejgħ tal-Unjoni lill-Ġermanja u lir-Renju Unit ġie ddeterminat li jirrappreżenta 62 % tal-bejgħ totali tal-Unjoni. (ii) Abbażi tad-dejta vverifikata ġie stabbilit li tul il-PI, il-produtturi tal-Unjoni u l-esportaturi Ċiniżi essenzjalment biegħu lill-istess konsumaturi, jiġifieri lin-negozjanti jew lid-distributuri. (iii) Għal dawn ir-raġunijiet, il-paragun tal-prezzijiet bejn l-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi u l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi sar fil-livell tal-fruntiera (CIF) u għall-produtturi tal-Unjoni fil-livell tal-fabbrika (ex-works) aġġustat għall-mażħen tal-importaturi. (iv) Din il-metodoloġija kienet teħtieġ dawn l-aġġustamenti: minn naħa waħda, aġġustament tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi CIF biex il-merkanzija tinġieb mill-port għall-maħżen tal-importaturi; dan l-aġġustament, iffisat għal 2 % kien ibbażat fuq il-fatturi miġburin u vverifikati u l-kalkolu rispettiv ġie żvelat lill-partijiet interessati fl-anness mad-dokument ta’ żvelar tal-5 ta’ Diċembru 2011. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet ex-works tal-Unjoni għolew biex jirriflettu l-kost tat-trasport tal-merkanzija biex il-merkanzija tinġarr mingħand il-produtturi (Valenzja) għall-bini tal-importaturi (il-Ġermanja u r-Renju Unit). Dan l-aġġustament tat-trasport tal-merkanzija ġie kkalkolat abbażi tal-kostijiet tat-trasport stabbiliti minn Valenzja sa Hamburg. Minħabba li mhux il-bejgħ kollu tal-produtturi tal-Unjoni twasslu fil-Ġermanja u r-Renju Unit, din il-medja tbaxxiet fi proporzjon mas-sehem tal-bejgħ lill-Ġermanja u r-Renju Unit (62 %) u fi proporzjon mal-bejgħ dirett.

(93)

Fir-rigward tal-proporzjon tal-bejgħ dirett tal-produtturi tal-Unjoni, dan huwa fil-medda ta’ bejn 2 % u 12 % tul il-PI. Il-persentaġġ preċiż ma jistax jiġi żvelat għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(94)

Barra minn hekk, kien argumentat li kellu jiġi żviluppat approċċ differenzjat biex jiġi determinat il-livell adegwat tal-kummerċ fir-rigward tal-bejgħ dirett tal-produtturi tal-Unjoni (il-premessa 72). F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li abbażi tas-sejbiet ivverifikati l-ebda importazzjoni Ċiniża ma nbiegħet direttament tul il-PI. Billi ma kienx hemm bejgħ dirett li jaqbel min-naħa tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, ma kienx possibbli li jiġi żviluppat approċċ differenzjat biex jiġi stabbilit livell tal-kummerċ għall-proporzjon tal-bejgħ dirett tal-produtturi tal-Unjoni. Minflok, għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġini ta’ ħsara, il-bejgħ dirett tal-produtturi tal-Unjoni treġġa’ lura għal-livell ex-works u ġie soġġett għall-aġġustament tat-trasport tal-merkanzija deskritt fil-premessa 92 punt (iv) hawn fuq. F’dan l-isfond, it-talba rispettiva tal-partijiet m’għandhiex tintlaqa’.

(95)

Fir-rigward tat-talba tal-partijiet li l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni CIF kellu jinkludi l-SG&A u marġini ta’ profitt raġonevoli (il-premessa 73), huwa nnutat li, li kieku l-Kummissjoni aġġustat l-prezz tal-esportazzjoni CIF billi żiedet l-SG&A u l-profitt, hija kienet iġġib il-bejgħ tal-merkanzija importata għal-livell tal-bejgħ bl-imnut. F’każ bħal dan, il-paragun bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni kien isir f’livelli differenti ta’ kummerċ. Għal din ir-raġuni, it-talba rispettiva tal-partijiet m’għandhiex tintlaqa’.

(96)

Fir-rigward tal-argument tal-partijiet li jirriżulta mid-dokument ta’ żvelar tal-5 ta’ Diċembru 2011 li 38 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fil-PI kien bejgħ dirett (il-premessa 74), ġie spjegat lill-partijiet fis-seduti ta’ smigħ tad-29 ta’ Frar 2012 li din il-konklużjoni kienet waħda żbaljata. Iċ-ċifra ta’ 62 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li sar fil-Ġermanja u fir-Renju Unit hija marbuta mad-distribuzzjoni ġeografika tal-bejgħ u m’għandhiex rilevanza fir-rigward tal-identifikazzjoni tat-tip ta’ konsumatur, u għalhekk fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-bejgħ dirett. Minn dan il-fatt jista’ jiġi konkluż biss, u huwa wkoll ikkonfermat, li t-38 % li jibqa’ tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni sar barra mill-Ġermanja u mir-Renju Unit. Billi l-preżunzjoni tal-partijiet dwar il-livell tal-kummerċ ta’ 38 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni mhix korretta, it-talba sussegwenti li kienet ibbażata fuq din il-preżunzjoni dwar il-ħtieġa li l-marġini ta’ ħsara jiġi kkalkolat mill-ġdid ukoll m’għandhiex tintlaqa’.

(97)

Fir-rigward tat-talba dwar l-iżvelar iddettaljat tal-fluss tal-kummerċ u l-volumi relatati (il-premessa 76), huwa mfakkar li l-fatti u ċ-ċifri li influwenzaw l-għażla tal-metodoloġija biex jiġi determinat il-livell tal-kummerċ, f’dan il-każ, ġew indirizzati fil-punti 3 sa 7 tad-dokument ta’ żvelar tal-5 ta’ Diċembru 2011. Il-partijiet ġew irreferuti għal din l-informazzjoni, kif ukoll għall-ispjegazzjoni mogħtija fis-smigħ tad-29 ta’ Frar 2012. Għall-finijiet taċ-ċarezza, il-flussi tal-kummerċ sottostanti huma spjegati fid-dettall fil-premessa 92 hawn fuq.

(98)

Fir-rigward tal-argument dwar “referenza stereotipika għall-kunfidenzjalità” (il-premessa 77), il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni li nżammet kunfidenzjali fir-rigward (i) tal-persentaġġ ta’ bejgħ dirett u (ii) tal-informazzjoni użata għall-kalkolu taż-żieda ta’ 2 % ibbażata fuq il-fatturi u d-dejta miġbura waqt iż-żjara ta’ verifika. F’dan ir-rigward huwa nnutat li l-fatturi jikkostitwixxu informazzjoni li min-natura tagħha hija kunfidenzjali. Is-sommarju mhux kunfidenzjali ta’ din tal-aħħar, ingħata fl-anness tad-dokument ta’ żvelar tal-5 ta’ Diċembru 2011. Fir-rigward tal-bejgħ dirett, fil-laqgħa konġunta tad-29 ta’ Frar 2012, l-Uffiċjal tas-Seduta kkonferma li ċ-ċifri proprji relatati mal-bejgħ dirett jikkostitwixxu informazzjoni kunfidenzjali u offra li, jekk issir talba min-naħa tal-partijiet interessati, jeżamina kif id-dejta reali fil-fajl kunfidenzjali intużat mis-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mill-investigazzjoni u li jinforma lill-partijiet jekk fl-opinjoni tiegħu d-dejta kinitx riflessa fis-sejbiet jew le. Il-partijiet ma talbux li jsir dan. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżit li jiġi żvelat kollox minbarra l-informazzjoni kunfidenzjali ntlaħaq. Barra minn hekk, minħabba li d-dejta li qed tiġi vvalutata għandha aktar minn ħames snin fuqha, il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan l-istadju tista’ tiżvela li dak il-persentaġġ ta’ bejgħ dirett huwa ta’ bejn 2 % u 12 %.

(99)

Fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-partijiet għall-aġġustament tal-merkanzija tal-prezz tal-bejgħ ex-works tal-Unjoni (il-premessa 78), il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġġustament inkwistjoni sar biex il-merkanzija tinġieb fil-maħżen tal-importatur, jiġifieri għall-istess livell ta’ kummerċ bħall-esportazzjonijiet taċ-Ċina. Dan l-aġġustament kien ibbażat fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq rilevanti fejn il-mandolin fil-laned jiġi prodott biss f’reġjun wieħed fi Spanja (Valenzja) u jinbiegħ prinċipalment fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Dan sar sabiex isir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz tal-Unjoni fl-istess livell ta’ kummerċ, mhux bħala kumpens għall-iżvantaġġ tal-kostijiet iddikjarat mill-produtturi tal-Unjoni minħabba l-post fejn jinsabu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom. Għalhekk l-argument tal-partijiet ma ntlaqax.

(100)

Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni messha kkunsidrat il-kostijiet ogħla tal-importaturi billi l-prodotti Ċiniżi kienu kkunsinnati f’kontejners filwaqt li l-prodotti tal-industrija tal-Unjoni ġew ippakkjati f’palits, li rriżulta fi tnaqqis fl-imposti tal-ġarr mill-produtturi tal-Unjoni (il-premessa 79), huwa nnutat li l-aġġustamenti li saru koprew biss il-kost biex il-merkanzija tinġieb fil-maħżen tal-importatur. Il-kostijiet sussegwenti mġarrba fil-kuntest tat-trasport bil-baħar tal-merkanzija għal għand il-bejjiegħa għandhom jiġġarrbu wara l-livell definit tal-kummerċ u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Għal din ir-raġuni, l-argument tal-partijiet ma ntlaqax.

(101)

Fir-rigward tal-argument li l-kostijiet tat-trasport tal-produtturi tal-Unjoni kellhom jitnaqqsu biex jiġu kkunsidrati l-każijiet fejn il-prodotti ġew kkunsinnati direttament lill-klijenti tal-importaturi, kif iddikjarat minn dawn tal-aħħar (il-premessa 80), huwa mfakkar li l-aġġustament tal-merkanzija tal-prezz tal-bejgħ ex-works tal-Unjoni kien ibbażat fuq il-kostijiet stabbiliti ta’ kunsinna fiżika fil-maħżen f’Hamburg (EUR 90) abbażi tal-fatturi miġburin, billi l-maħżen f’Hamburg huwa l-livell xieraq ta’ kummerċ biex jitqabblu l-prezz tal-esportazzjoni u l-prezzijiet tal-prodott tal-Unjoni. L-aġġustament tal-merkanzija mhuwiex ġustifikat minħabba li jinkludi l-kostijiet totali tat-trasport bejn il-produttur tal-Unjoni u l-bejjiegħ (li jkunu ogħla mill-kostijiet għall-kunsinna fil-maħżen), iżda minħabba li fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-suq għall-prodott ikkonċernat, il-maħżen f’Hamburg huwa l-livell xieraq tal-kummerċ. F’dan il-kuntest, l-argument imqajjem mill-partijiet jidher li huwa immaterjali.

(102)

Il-partijiet qalu li l-aġġustament tal-merkanzija applikat kien għoli wisq, minħabba li kien ibbażat fuq il-kostijiet tat-trasport bit-trakk (il-premessa 81). F’dan il-kuntest, huwa mfakkar li l-aġġustament tal-merkanzija kien ibbażat fuq il-kostijiet stabbiliti tal-kunsinna fiżika f’Hamburg, li inkludew kemm it-trakk u kemm il-bastiment. Għaldaqstant, l-aġġustament mitlub mill-partijiet kien diġà ġie inkluż fil-kalkolu tal-kostijiet tal-merkanzija lejn Hamburg. Għaldaqstant ma kienx neċessarju li tiġi vverifikata d-dejta ppreżentata mill-partijiet waqt is-smigħ, billi waqt l-investigazzjoni oriġinali l-kostijiet tal-kunsinna f’Hamburg kienu ġew stabbilit abbażi tad-dejta vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni.

(103)

Fir-rigward tal-kumment li sar mill-applikant rigward il-kalkolu tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni (il-premessa 82), kien iddikjarat li, kif inhu spjegat fil-paragrafu 9 tad-dokument ta’ żvelar mibgħut fil-5 ta’ Diċembru 2011, kemm il-kostijiet tal-ġarr fit-terminals u kemm il-kostijiet tal-ġarr bit-trakk lejn il-bini tal-importatur kienu inklużi fil-kalkolu. L-ebda merkanzija bl-oċean jew ta’ assigurazzjoni ma ġiet inkluża fl-imposti tal-ġarr fit-terminals, billi dawn il-kostijiet kienu diġà ġew inklużi fil-prezz CIF ikkumpilat u vverifikat waqt il-verifiki fuq il-post fil-bini tal-esportatur. Għaldaqstant, li kieku l-Kummissjoni inkludiet dawk il-kostijiet fil-kalkolu tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni dan kien jimplika li sar għadd doppju.

6.3.   Il-Proċedura

(104)

Fil-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat dokument ta’ żvelar bil-fatti u ċ-ċifri relatati mar-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali annullat il-miżuri. Il-partijiet interessati kollha ġew mistiedna jikkummentaw.

(105)

Fid-29 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni organizzat seduti ta’ smigħ mal-partijiet kollha li talbu li jsir dan, inkluża seduta ta’ smigħ konġunta mal-Uffiċjal tas-Seduta tal-esportaturi kkonċernati u grupp ta’ importaturi.

(106)

Fis-26 ta’ Marzu 2012 waħda mill-partijiet interessati infurmat lill-Kummissjoni li fid-dawl tas-sentenza fil-kawża C-338/10, ikkunsidrat li l-ftuħ parzjali mill-ġdid fir-rigward tal-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni kien bla skop.

(107)

Fis-17 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni wieġbet li, fid-dawl tal-ftuħ mill-ġdid tad-19 ta’ Ġunju 2012, kien ikkunsidrat li l-ftuħ parzjali mill-ġdid kien għadu pendenti u li l-ebda waħda minn dawn l-investigazzjonijiet ma kienet tilfet l-għan tagħha.

6.4.   Il-Konklużjoni

(108)

Is-sentenza Xinshiji tal-Qorti Ġenerali ġiet implimentata bl-għoti ta’ raġunament, informazzjoni u spjegazzjoni addizzjonali lill-partijiet dwar il-punt li nfetaħ mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali. Il-partijiet ingħataw l-opportunità li jagħmlu osservazzjonijiet u li jinstemgħu. L-argumenti kollha li tqajmu ġew indirizzati u kkunsidrati kif xieraq.

(109)

Wara li l-kummenti tal-partijiet ġew ikkunsidrati u analizzati, ġie konkluż li l-argumenti u l-fatti mqajma mill-partijiet interessati ma wrewx bżonn li l-kalkolu tal-marġini ta’ ħsara, li ġie kkuntestat, jiġi mmodifikat.

(110)

Għaldaqstant, il-marġini ta’ ħsara ddeterminat fl-investigazzjoni oriġinali qed jiġi kkonfermat.

(111)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li l-implimentazzjoni tas-sentenza Xinshiji għandha ssir f’forma ta’ impożizzjoni mill-ġdid tad-dazju ta’ antidumping għall-applikanti fil-każ inkwistjoni.

7.   IL-ĦSARA

7.1.   Il-produzzjoni tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni

(112)

Fin-nuqqas ta’ kummenti sostanzjati, is-sejbiet elenkati fil-premessi 52 sa 54 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

7.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(113)

Waħda mill-partijiet esportaturi qalet li kien hemm diskrepanza bejn il-livell tal-konsum stabbilit fir-Regolament ta’ salvagwardja u l-livell stabbilit fir-Regolament provviżorju. Qed jiġi enfasizzat li d-differenza fil-livell tal-konsum seħħet bażikament minħabba d-definizzjoni differenti tal-prodott fl-investigazzjoni kurrenti u minħabba l-għadd differenti ta’ Stati Membri f’dawn iż-żewġ investigazzjonijiet. Ma waslet l-ebda informazzjoni sostanzjata ġdida f’dan ir-rigward. Is-sejbiet elenkati fil-premessi 55 u 57 tar-Regolament provviżorju huma għaldaqstant ikkonfermati. B’mod korollarju, il-partijiet sussegwenti tal-analiżi li huma msejsa fuq il-konsum huma wkoll ikkonfermati f’dan ir-rigward.

7.3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

7.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat

(114)

Fir-rigward tas-sehem mis-suq ċerti partijiet interessati opponew l-istqarrija tal-Kummissjoni stabbilita fil-premessa 58 tar-Regolament provviżorju li indikat żieda tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Huma qalu li, għall-kuntrarju tas-sejbiet tal-Kummissjoni, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, naqas. L-evalwazzjoni tal-importazzjonijiet mir-RPĊ bħala volum u bħala sehem mis-suq kienet ivverifikata. Kif iddefinit fil-premessa msemmija kien hemm sena waħda biss fejn is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas. Għall-bqija tal-perijodu eżaminat is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ baqa’ konsistentement għoli. Għalhekk is-sejbiet ippreżentati fl-istadju provviżorju huma kkonfermati.

(115)

Xi partijiet qalu li l-volumi ta’ wara l-PI għandhom jiġu eżaminati wkoll biex jiġi vvalutat jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi humiex qed jiżdiedu. Għandu jiġi nnutat li kienu vvalutati t-tendenzi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ għall-perijodu 2002/2003 sa 2006/2007 u kienet osservata żieda ċara. Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, l-avvenimenti ta’ wara l-PI ma jitqisux, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Fi kwalunkwe każ, kif iddikjarat hawn taħt fil-premessa 136 kien eżaminat il-livell tal-importazzjonijiet ta’ wara l-PI u nstab li dan kien wieħed sinifikanti.

7.3.2.   It-twaqqigħ tal-prezz

(116)

Tliet produtturi esportaturi li kkooperaw ikkontestaw is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar it-twaqqigħ. Wieħed minnhom ikkontesta l-metodoloġija użata għall-kalkolu tat-twaqqigħ u talab aġġustament biex jiġu riflessi l-kostijiet imġarrba min-negozjanti għall-bejgħ indirett tagħhom. Fejn kien ġustifikat, il-kalkoli kienu adattati. Il-paragun irrivedut wera li, waqt il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat inbiegħu fl-Unjoni bi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’firxa ta’ 18,4 % sa 35,2 % abbażi tad-dejta li ġiet ippreżentata mill-produtturi esportaturi fil-kampjun li kkooperaw.

7.4.   Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(117)

Żewġ importaturi u l-assoċjazzjoni tal-importaturi kkontestaw it-tul tal-istaġun tal-ippakkjar indikat fil-premessa 79 tar-Regolament provviżorju. Huma qalu li l-istaġun tal-ippakkjar fi Spanja jdum biss tliet xhur minflok erba’ sa ħames xhur kif indikat fir-Regolament provviżorju. Madankollu, din l-allegazzjoni hi marbuta mat-tip ta’ għelejjel (varjabbli min-natura) u mal-kwantità prodotta u fi kwalunkwe każ m’għandhiex impatt fuq il-fatturi ta’ ħsara kif analizzati mis-servizzi tal-Kummissjoni.

(118)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument issostanzjati oħra rigward is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi 63 sa 86 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

7.5.   Il-konklużjoni dwar il-ħsara

(119)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, ċerti importaturi u ċerti produtturi esportaturi qalu, b’referenza għall-premessi 83 sa 86 tar-Regolament provviżorju, li d-dejta użata mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit il-livell tal-ħsara la kienet korretta u lanqas ivvalutata b’mod oġġettiv. Huma qalu li kważi l-indikaturi kollha relatati mal-ħsara wrew tendenzi pożittivi u li għalhekk ma tista’ tinstab l-ebda evidenza ta’ ħsara.

(120)

F’dan ir-rigward, hu nnutat li anki jekk ċerti indikaturi juru xi titjib żgħir, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni għandha tkun ivvalutata fl-intier tagħha u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-miżuri ta’ salvagwardja kienu fis-seħħ sal-aħħar tal-perijodu tal-investigazzjoni. Din il-kwistjoni kienet investigata fit-tul fil-premessi 51 sa 86 tar-Regolament provviżorju. Il-proċess ta’ ristrutturar profond li dawn il-miżuri ppermettew u li irriżulta fi tnaqqis kbir fil-produzzjoni u l-kapaċità, f’ċirkostanzi normali kien kieku jwassal għal titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ġenerali tal-produtturi tal-Unjoni, inklużi l-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-bejgħ u d-differenzjali tal-prezz/l-ispiża. Minflok, l-indikaturi tal-volum baqgħu dgħajfa, il-ħażniet żdiedu b’mod sostanzjali u l-indikaturi finanzjarji komplew juru li kienu qed jagħmlu t-telf—b’xi wħud saħansitra jmorru għall-agħar.

(121)

Abbażi ta’ dan, il-konklużjonijiet rigward il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argumenti oħra sostanzjati, dawn huma għalhekk definittivament ikkonfermati.

8.   IL-KAWŻALITÀ

8.1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(122)

Ċerti partijiet qalu li l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien ilu stabbli mill-1982 u li għalhekk dawn ma setgħux ikkawżaw ħsara kif spjegat fir-Regolament provviżorju (ara l-premessa 58). Fil-fatt, kif spjegat hawn fuq fil-premessa 114, l-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perijodu eżaminat żdiedu b’mod sinifikanti għad-detriment tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-argument jirreferi għat-tendenza fl-importazzjonijiet li jestendu lil hinn mill-perijodu inkwistjoni u għalhekk l-argument qed jiġi miċħud.

(123)

Kif issemma fil-premessa 116 hawn fuq, hu definittivament konkluż li matul il-PI, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun li kkooperaw waqqgħu l-prezzijiet medji tal-Unjoni b’persentaġġ għal bejn 18,4 % u 35,2 %. Ir-reviżjoni tal-marġni tat-twaqqigħ ma taffettwax il-konklużjonijiet tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping stipulati fil-premessi 100 u 101 tar-Regolament provviżorju.

8.2.   Il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju

(124)

Wara l-impożizzjoni tad-dazji provviżorji, ċerti importaturi komplew jisħqu dwar l-influwenza negattiva tar-rata tal-kambju fuq il-livell tal-prezzijiet. Huma qalu li l-livell tar-rata tal-kambju hu l-fattur prinċipali li kkawża l-ħsara. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi biss għal differenza bejn il-livelli tal-prezzijiet bla ebda ħtieġa li jiġu analizzati l-fatturi li jaffettwaw il-livell ta’ dawn il-prezzijiet. Konsegwentement instabet konnessjoni ċara ta’ kawżalità bejn il-livell għoli ta’ dumping u l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u għalhekk il-premessa 95 tar-Regolament provviżorju tista’ tiġi kkonfermata.

8.3.   Il-provvista u l-prezz tal-materja prima

(125)

Ċerti partijiet interessati qalu li l-ħsara mhix ikkawżata mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping iżda pjuttost mill-provvista skarsa ta’ frott frisk jiġifieri l-materja prima għall-mandolin tal-bott.

(126)

Madankollu, id-dejta uffiċjali mill-Ministeru tal-Agrikoltura Spanjol tikkonferma li l-kwantità disponibbli għall-industrija tat-tqegħid fil-laned hi aktar minn biżżejjed biex tiġi koperta l-kapaċità kollha tal-produzzjoni tal-produtturi Spanjoli.

(127)

Sa ċertu punt, il-produtturi jikkompetu għall-frott frisk mas-suq dirett ta’ prodotti friski għall-konsumaturi. Madankollu, din il-kompetizzjoni ma tiksirx din il-konnessjoni ta’ kawżalità. Raġuni ċara u sinifikanti għall-produzzjoni, il-bejgħ u s-sehem mis-suq relattivament baxxi tal-industrija tal-Unjoni hija pjuttost il-pressjoni ta’ importazzjonijiet massivi mir-RPĊ bi prezzijiet tassew baxxi. F’din is-sitwazzjoni, u meta jitqies li l-prezz tas-suq hu ddettat mill-importazzjonijet li jkopru aktar minn 70 % tas-suq, li jikkontribwixxu għat-twaqqigħ tal-prezzijiet, is-soppressjoni u d-depressjoni, ma jkunx ekonomiku li tiżdied il-produzzjoni mingħajr aspettattivi raġonevoli għall-bejgħ tal-prodott bi prezzijiet li jippermettu profitt normali. Għalhekk l-industrija Spanjola tista’ raġonevolament tipprovdi kwantitajiet b’mod sinifikattivament ogħla, bil-kundizzjoni li l-prezz tas-suq ma jippenalizzax ir-riżultati ekonomiċi tagħhom.

(128)

Fatt ieħor li jikkonferma din l-analiżi hu l-eżistenza konsistenti ta’ ammont sinifikanti ta’ ħażniet mill-produtturi tal-Unjoni, li jenfasizzaw li s-sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni ma seħħitx minħabba produzzjoni insuffiċjenti, iżda minħabba produzzjoni li ma tistax tinbiegħ minħabba l-pressjoni tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

(129)

Bħala prodott agrikolu, il-prezz tal-materja prima hu soġġett għal varjazzjonijiet staġonali minħabba n-natura agrikola tiegħu. Madankollu, fil-perijodu ta’ ħames snin analizzat, li inkludew ħsad bi prezzijiet aktar baxxi u ogħla, il-Kummissjoni tosserva li l-ħsara (jiġifieri f’forma ta’ telf finanzjarju) isseħħ irrispettivament minn dawn il-varjazzjonijiet u għalhekk ir-riżultati ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni mhumiex direttament korrelatati ma’ varjazzjonijiet staġonali ta’ din ix-xorta.

8.4.   Id-differenzi fil-kwalità

(130)

Ċerti partijiet qalu li l-prodott Ċiniż kien ta’ kwalità ogħla mill-produzzjoni tal-Unjoni. Madankollu, kull differenza fil-prezz li tirriżulta minn dan ma kinitx sostanzjata b’mod xieraq, u ma hemmx evidenza li l-preferenza allegata tal-konsumatur għall-prodotti Ċiniżi tkun daqstant intensiva li tikkawża s-sitwazzjoni ddeterjorata tal-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, id-differenzi allegati fil-prezzijiet bħal dawn kellhom jiffavorixxu lill-prodott Ċiniż, filwaqt li jżidu l-livell tat-twaqqigħ/tal-bejgħ bi prezz baxx. Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni u argument sostanzjati ġodda, il-premessa 99 tar-Regolament provviżorju hi hawnhekk ikkonfermata.

8.5.   Iż-żidiet fl-ispejjeż

(131)

Ċerti partijiet qalu li ż-żidiet fl-ispejjeż ta’ ċerti produtturi kienu l-kawża tal-ħsara. Dawn l-allegazzjonijiet ma kinux sostanzjati b’mod xieraq. L-analiżi tal-Kummissjoni ma sabitx avvenimenti bħal dawn li setgħu jibdlu l-valutazzjoni tal-kawżalità jew jaffettwaw il-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara.

(132)

Ċerti partijiet ippreżentaw kummenti dwar l-ispejjeż miżjuda tal-produzzjoni u l-inabbiltà tal-industrija tal-Unjoni li tnaqqashom. Ċerti elementi ta’ kost (bħalma hi l-enerġija) żdiedu, iżda l-impatt tagħhom mhux wieħed li jkisser il-konnessjoni tal-kawżalità f’kuntest fejn ammont tassew sinifikanti ta’ esportazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping qed jitfa’ lura l-bejgħ u l-produzzjoni (biex b’hekk jikbru l-unitajiet tal-ispejjeż tal-Unjoni) u jissopprimi u jiddeprimi l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

8.6.   L-iskemi tal-għajnuna

(133)

Kien allegat li l-iskemi tal-għajnuna tal-KE kkawżaw tkabbir artifiċjali ta’ pproċessar fil-KE u mbagħad inkoraġġixxew livelli mnaqqsa ta’ provvista ta’ materja prima għall-prodott ikkonċernat. Din l-allegazzjoni kienet ta’ natura ġenerali u ma kinitx sostanzjata b’mod xieraq. Fi kwalunkwe każ, l-iskemi inkwistjoni kienu mmodifikati fl-1996 meta l-għajnuna ngħatat lill-bdiewa minflok lil dawk li jipproċessaw il-prodott ikkonċernat. L-analiżi tal-Kummissjoni ma sabitx effetti residwali matul il-perijodu ta’ investigazzjoni li jistgħu jkissru l-konnessjoni kawżali. Fir-rigward tal-provvista, qed issir referenza għall-premessi 128 u 129 hawn fuq.

8.7.   Il-konklużjoni dwar il-kawżalità

(134)

Fin-nuqqas ta’ aktar informazzjoni jew argumenti sostanzjati ġodda, il-premessi 87 sa 101 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(135)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejba provviżorja tal-eżistenza ta’ konnessjoni kawżali bejn il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet Ċiniżi li huma l-oġġett ta’ dumping hija kkonfermata.

9.   L-INTERESS TAL-UNJONI

9.1.   Żviluppi wara l-perijodu ta’ investigazzjoni

(136)

Mid-9 ta’ Novembru 2007 l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament tar-Reġistrazzjoni. Dan sar bil-għan li possibbilment issir l-impożizzjoni retroattiva tad-dazji antidumping. Konsegwentement u eċċezzjonalment, l-iżviluppi wara l-PI ġew analizzati wkoll. Id-dejta tal-Eurostat tikkonferma li l-importazzjonijiet mir-RPĊ għadhom sinifikanti u dan kien ikkorroborat minn ċerti importaturi. Il-volum għall-aħħar 10 xhur wara l-PI laħaq livell ta’ 74 000 tunnellata bi prezzijiet baxxi stabbli.

9.2.   L-abbiltà tal-produtturi tal-Unjoni biex ifornu s-suq tal-Unjoni

(137)

Għadd ta’ partijiet ikkummentaw dwar il-livell baxx tal-produzzjoni Spanjola, li skonthom mhix kapaċi li tforni b’mod sħiħ is-suq tal-Unjoni. Filwaqt li hu korrett li jiġi ddikjarat li fis-sitwazzjoni preżenti l-industrija tal-Unjoni ma tfornix is-suq ġenerali tal-Unjoni, għandu jkun innotat li dan il-fatt hu konness mal-effett tal-importazzjonijiet ta’ ħsara, kif spjegat hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, l-effett maħsub tal-miżuri mhuwiex li jingħalaq is-suq tal-Unjoni għall-importazzjonijiet Ċiniżi, iżda li jitneħħew l-effetti ta’ dumping ta’ ħsara. Minħabba, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ żewġ sorsi biss ta’ provvista ta’ dawn il-prodotti, hu meqjus li f’każ li jiġu imposti miżuri definittivi, il-prodotti Ċiniżi jkomplu jgawdu minn talba sinifikanti fl-Unjoni.

9.3.   L-interess tal-industrija u l-fornituri tal-Unjoni

(138)

Waħda mill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi allegat li miżuri ta’ antidumping mingħajr limitazzjonijiet ta’ kwantitajiet ma kinux se jgħinu biex tiġi protetta l-industrija Spanjola iżda kienu se joħolqu b’mod awtomatiku attivitajiet illegali ta’ kummerċ. Dan hu argument li aktar milli jmur kontra l-benefiċċji li l-miżuri jista’ jkollhom għall-produtturi tal-Unjoni, jindika l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet jiżguraw monitoraġġ xieraq tal-infurzar tal-miżuri.

(139)

Importatur ieħor qal li l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping ma kinitx se ttejjeb is-sitwazzjoni tal-produtturi Spanjoli, minħabba l-eżistenza ta’ ħażniet kbar akkumulati mill-importarturi fl-Unjoni, li jistgħu jissodisfaw id-domanda tas-suq fil-futur qrib. Id-daqs tal-ħażniet u l-fenomenu tal-akkumulazzjoni tal-ħażniet kienu appoġġati minn importatur ieħor. Dawn il-kummenti jikkonfermaw l-analiżi tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju u f’partijiet oħra f’dan ir-Regolament. Madankollu, qed jitfakkar li l-miżuri huma maħsuba biex jipprovdu serħan minn dumping ta’ ħsara matul perijodu ta’ ħames snin — mhux sena waħda biss.

(140)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni jew argument sostanzjat ġdid f’dan ir-rigward, il-konklużjoni meħuda fil-premessi 103 sa 106 u 115 tar-Regolament provviżorju dwar l-interess tal-industrija tal-Unjoni huma b’dan ikkonfermati.

9.4.   L-interess ta’ importaturi/negozjanti indipendenti fl-Unjoni

(141)

L-importaturi li kkooperaw esprimew interess ġenerali fiż-żamma ta’ żewġ sorsi ta’ provvista tal-prodott ikkonċernat, prinċipalment Spanja u r-RPĊ, biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista bi prezzijiet kompetittivi.

(142)

Madankollu, li kieku kellhom jiġu imposti miżuri definittivi, il-maġġoranza tal-importaturi kienu jippreferu miżura li jkollha wkoll elementi kwantitattivi. Din mhix meqjusa adegwata, kif spjegat hawn taħt fil-premessa 156.

(143)

Id-dejta mill-importaturi fil-kampjun li kkooperaw kienet ivverifikata u kkonfermat li s-settur tal-mandolin fil-laned jirrappreżenta anqas minn 6 % tal-fatturat totali tagħhom u li dawn kisbu, bħala medja, livell ta’ profittabilità li taqbeż l-10 % kemm matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u kemm matul il-perijodu 2004–08.

(144)

Dak li ntqal hawn fuq jenfasizza li, wara li jitqies kollox, l-impatt potenzjali tal-miżuri fuq l-importaturi/in-negozjanti ma jkunx sproporzjonat għall-effetti pożittivi li joriġinaw minnhom.

9.5.   L-interess tal-utenti/il-bejjiegħa bl-imnut

(145)

Utent, li jirrappreżenta anqas minn 1 % tal-konsum, ippreżenta kummenti ġeneriċi dwar id-disponibilità mnaqqsa tal-mandolin fl-UE u dwar il-kwalità superjuri tal-prodott Ċiniż. Hu kien mistieden biex ikompli jikkoopera billi jipprovdi dejta individwali iżda ma aċċettax u ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet tiegħu. Bejjiegħ bl-imnut ieħor, membru tal-assoċjazzjoni prinċipali tal-importaturi, oppona b’mod ġenerali żieda fil-prezz. Matul l-investigazzjoni ma waslet l-ebda preżentazzjoni oħra li tikkonċerna l-interess tal-utenti/bejjiegħa bl-imnut. F’din is-sitwazzjoni u fin-nuqqas ta’ kummenti sostanzjati minn utenti/bejjiegħa bl-imnut, il-konklużjonijiet li saru fil-premessi 109 sa 112 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

9.6.   L-interess tal-konsumaturi

(146)

Għall-kuntrarju ta’ dak li kien intqal minn wieħed mill-importaturi, l-interess tal-konsumaturi tqies fl-istadju provviżorju. Is-sejbiet tal-Kummissjoni nġabru fil-qosor fil-premessi 113 u 114 tar-Regolament provviżorju. Partijiet oħra ssuġġerew li l-impatt fuq il-konsumaturi se jkun sinifikanti. Madankollu, ma kienet ipprovduta l-ebda informazzjoni li setgħet poġġiet fid-dubju s-sejbiet fil-premessi msemmija hawn fuq. Anki jekk id-dazji kellhom iwasslu għal żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur, l-ebda parti ma opponiet il-fatt li dan il-prodott kien parti ferm żgħira tan-nefqa fuq l-ikel domestiku. Għalhekk fin-nuqqas ta’ kummenti mill-konsumaturi u ta’ aktar informazzjoni ġdida u sostanzjata dawn il-premessi huma kkonfermati.

9.7.   Il-konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(147)

L-analiżi addizzjonali ta’ hawn fuq dwar l-interessi inkwistjoni ma bidlitx il-konklużjonijiet provviżorji f’dan ir-rigward. Id-dejta tal-importaturi fil-kampjun li kkooperaw kienet ivverifikata u kkonfermat li s-settur tal-mandolin tal-laned jirrappreżentalhom anqas minn 6 % tal-fatturat totali u li huma kisbu, f’termini medji, riżultat komdu kemm matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u kemm matul il-perijodu eżaminat 2004–08, għalhekk l-impatt tal-miżuri fuq l-importaturi se jkun minimu. Kien aċċertat ukoll li l-impatt finanzjarju fuq il-konsumatur finali jkun negliġibbli, meta jitqies li jinxtraw kwantitajiet marġinali per capita fil-pajjiżi konsumaturi. Jitqies li l-konklużjonijiet rigward l-interess tal-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, dawn il-konklużjonijiet iddefiniti fir-Regolament provviżorju huma għalhekk ikkonfermati b’mod definittiv.

10.   IL-MIŻURI DEFINITTIVI

10.1.   Il-livell ta’ tneħħija tal-ħsara

(148)

Importatur wieħed qal li l-marġni ta’ profitt fil-livell ta’ 6,8 % użat bħala referenza fl-istadju provviżorju kien għoli żżejjed. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-istess livell intuża u kien aċċettat għal miżuri ta’ salvagwardja bħala l-profitt attwali milħuq mill-industrija tal-Unjoni fil-perijodu 1998–99 sa 2001–02. Dan jirreferi għall-profitti tal-produtturi tal-Unjoni f’sitwazzjoni normali ta’ kummerċ qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet li wasslet għall-ħsara fl-industrija. Għaldaqstant, l-argument ma ntlaqax.

(149)

Il-produtturi tal-Unjoni qalu li d-dazji provviżorji ma kkunsidrawx is-sitwazzjoni irregolari tas-suq tal-mandolin tal-laned, fejn il-produzzjoni hi kkonċentrata f’pajjiż wieħed biss u l-parti l-kbira tal-bejgħ u tal-importazzjonijiet hija kkonċentrata f’pajjiż Ewropew ieħor. Minħabba dan intalab li l-kalkoli finali jikkunsidraw l-ispiża tat-trasport mill-pajjiż produttur lejn il-pajjiż konsumatur. Din it-talba kienet iġġustifikata u raġonevoli u l-kalkoli kienu adattati skont dan biex tiġi riflessal-konċentrazzjoni tal-bejgħ fiż-żoni rilevanti tal-Unjoni.

(150)

Parti waħda għaddiet kummenti dwar il-kalkoli tat-twaqqigħ u l-bejgħ bit-telf. Fejn kien raġonevoli saru aġġustamenti fi stadju definittiv.

(151)

Il-marġni tal-ħsara li rriżultaw, li qiesu, meta raġonevoli, it-talbiet mill-partijiet interessati, espressi bħala perċentwali tal-valur totali tal-importazzjoni CIF ta’ kull esportatur Ċiniż fil-kampjun kienu anqas mill-marġni ta’ dumping misjuba, kif ġej:

Yichang Rosen Foods Co., Ltd., Yichang, Zhejiang: 100,1 %,

Huangyan No. 1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang: 48,4 %,

Zhejiang Xinshiji Food Co., Ltd., Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat Hubei Xinshji Foods Co., Ltd., Dangyang City, Hubei Province:: 92,0 %,

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun: 90,6 %,

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha: 100,1 %.

10.2.   Ir-retroattività

(152)

Kif speċifikat fil-premessa 4, fid-9 ta’ Novembru 2007 l-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat li joriġina mir-RPĊ soġġetti għar-reġistrazzjoni abbażi tat-talba tal-industrija tal-Unjoni. Din it-talba ġiet irtirata u għalhekk il-kwistjoni ma komplietx tiġi eżaminata.

10.3.   Il-miżuri definittivi

(153)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u b’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju antidumping definittiv fil-livell misjub tal-inqas marġni tad-dumping u tal-ħsara, skont ir-regola tal-inqas dazju. F’dan il-każ, ir-rata tad-dazju għandha tkun stabbilita kif xieraq fil-livell tal-ħsara li nstab.

(154)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, u skont il-corrigendum ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali L 258 (14), id-dazju definittiv għandu jammonta kif ġej:

Yichang Rosen Foods Co., Ltd., Yichang, Zhejiang: 531,2 EUR/tunnellata,

Huangyan No.1 Canned Food Factory Huangyan, Zhejiang: 361,4 EUR/tunnellata,

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd., Dangyang City, il-Provinċja ta’ Hubei: 490,7 EUR/tunnellata,

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun: 499,6 EUR/tunnellata,

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha: 531,2 EUR/tunnellata.

10.4.   L-għamla tal-miżuri

(155)

Għadd ta’ partijiet talbu miżuri li ġabru flimkien elementi ta’ prezz u ta’ kwantità, filwaqt li għal volum inizjali ta’ importazzjoni ma jitħallas l-ebda dazju jew dazju mnaqqas. F’ċerti każijiet, dan kien konness ma’ sistema ta’ liċenzji.

(156)

Din l-għażla tqieset iżda ma kinitx aċċettata, b’mod partikolari, għar-raġunijiet li ġejjin. Id-dazji antidumping kienu imposti għax il-prezz tal-esportazzjoni hu aktar baxx mill-valur normali. L-ammonti esportati lejn l-Unjoni huma rilevanti għall-analiżi sew jekk importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jikkawżaw ħsara u sew jekk le. Madankollu, dawn l-ammonti huma, normalment, irrilevanti għal-livell tad-dazju li għandu jiġi impost. Fi kliem ieħor, jekk jinsab li importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jikkawżaw ħsara, id-dumping jista’ jkun ikkumpensat b’dazju li japplika mill-ewwel kunsinna importata bil-baħar wara d-dħul fis-seħħ tad-dazju. Finalment, sa fejn jinsab li hu fl-interess tal-Unjoni li matul ċertu perijodu, il-prodotti jistgħu jiġu importati mingħajr ma jiġu imposti dazji antidumping, l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku jippermetti sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

(157)

Ċerti partijiet allegaw li kull forma ta’ miżuri mingħajr limitazzjoni kwantitattiva se twassal għal evażjoni tad-dazju. Il-partijiet irreferew għal darba oħra għall-akkumulazzjoni tal-ħażniet li seħħet wara t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. L-analiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni kkonfermat li dan kien tentattiv ċar biex jiġu evitati d-dazji. Minħabba dawn l-istqarrijiet u minħabba l-fatti deskritti fir-Regolament provviżorju fil-premessi 123 u 125, il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi biex tieħu l-azzjonijiet neċessarji ħalli tiżgura l-infurzar xieraq tal-miżuri.

(158)

Partijiet oħra argumentaw li l-miżuri għandhom jeskludu l-volumi li huma diġà soġġetti għal kuntratti eżistenti ta’ bejgħ. Fil-prattika dan jammonta għal eżenzjoni mid-dazji li tista’ timmina l-effetti rimedjali tal-miżuri, u għalhekk dan ma ntlaqax. Issir referenza wkoll għall-premessi 138 u 139 hawn fuq.

(159)

Ir-Regolament provviżorju impona dazju antidumping f’forma ta’ dazju speċifiku għal kull kumpanija li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-marġni ta’ eliminazzjoni tal-ħsara għall-prezzijiet tal-esportazzjoni użati fil-kalkolu tad-dumping matul il-PI. Din il-metodoloġija hi kkonfermata fil-livell tal-miżuri definittivi.

10.5.   Garanziji

(160)

Fi stadju avvanzat tal-investigazzjoni diversi produtturi esportaturi fir-RPĊ offrew impenji fuq il-prezzijiet. Dawn tqiesu li ma kinux aċċettabbli, fid-dawl tal-volatilità sinifikanti tal-prezz ta’ dan il-prodott, ir-riskju tal-eżenzjoni tad-dazju u ċ-ċirkumvenzjoni għal dan il-prodott (ara l-premessi 124 u 125 tar-Regolament provviżorju), u l-fatt li ma sarux garanziji fl-offerti min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi biex ikun jista’ jsir monitoraġġ xieraq f’kuntest ta’ kumpaniji li ma ngħatawx it-trattament ta’ ekonomija tas-suq.

11.   IR-REĠISTRAZZJONI

(161)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġew suġġetti għar-reġistrazzjoni bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 572/2012 (15). Dik ir-reġistrazzjoni għandha titwaqqaf. Il-possibbiltà li jinġabru d-dazji b’mod retroattiv se tiġi deċiża fi stadju aktar tard, meta jkun hemm disponibbli dejta statistika kompleta.

12.   L-IŻVELAR

(162)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott li joriġina mir-RPĊ. Il-partijiet ingħataw ukoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-iżvelar. Il-partijiet li talbu dan, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Żewġ gruppi ta’ importaturi talbu li jinstemgħu u għalhekk ġew organizzati seduti ta’ smigħ fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ.

(163)

Fir-rigward tas-sentenza Xinshiji, l-argumenti li tressqu kienu diġà ġew analizzati u indirizzati fid-dokument ta’ żvelar ġenerali. L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma wassal biex konsegwentement jinbidlu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom kien deċiż li jiġi kkonfermat il-marġini ta’ ħsara determinat fl-investigazzjoni oriġinali. Fir-rigward tas-sentenza mogħtija fil-pajjiż analogu, grupp ta’ importaturi rrepeta kummenti li diġà kienu saru tul l-investigazzjoni dwar l-ambitu tal-ftuħ parzjali mill-ġdid, l-użu tad-dejta tal-PI u d-determinazzjoni tal-valur normali. Dawk il-kummenti huma indirizzati, rispettivament, fil-premessi 43, 46 u 54 hawn fuq. L-istess grupp ta’ importaturi esprimew l-opinjoni li kienu favur sistema ta’ miżuri ta’ salvagwardja bi kwoti minflok dazji ta’ antidumping. Ir-raġuni għaliex ġiet irrifjutata sistema ta’ kwoti hija spjegata hawn fuq fil-premessa 156. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-miżuri ta’ salvagwardja jistgħu jiġu imposti biss f’ċerti sitwazzjonijiet b’kundizzjonijiet tassew speċifiċi, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (16). Id-dazji ta’ antidumping huma kkunsidrati bħala l-aħjar mod biex jiġi indirizzat id-dumping ta’ ħsara. Dan il-grupp ta’ importaturi enfasizza wkoll li, b’rabta mal-kwistjonijiet imqajma fil-premessi 44 u 85 hawn fuq, il-Kummissjoni ma bdietx reviżjoni interim meta ntalbet tagħmel dan. Huwa ripetut li, mid-data tas-sentenza tal-pajjiż analogu, ma kienx għadu possibbli li ssir reviżjoni interim, billi ma kienx għad hemm dazju fis-seħħ. Il-Kummissjoni għandha tkompli l-analiżi tat-talba pendenti għal reviżjoni interim mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jekk l-analiżi tat-talba turi li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku huma rispettati, għandha tinbeda reviżjoni interim malajr kemm jista’ jkun.

(164)

Fil-qosor, wara li tqiesu l-kummenti kollha mressqa wara l-iżvelar lill-partijiet interessati tas-sejbiet tal-investigazzjoni, tqies li l-ebda wieħed minnhom ma kien tali li jbiddel il-konklużjonijiet li saru waqt l-investigazzjoni.

13.   IT-TUL TA’ ŻMIEN TAL-MIŻURI

(165)

Dan ir-Regolament jimplimenta s-sentenzi tal-Qorti li jikkonċernaw ir-Regolament oriġinali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jiskadi ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament oriġinali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv hu b’dan impost mill-ġdid fuq l-importazzjonijiet ta’ mandolin ippreparat u ppriżervat (inklużi t-tanġerini u s-satsumas), il-klementini, il-wilkings u frott taċ-ċitru ibridu ieħor simili, li mhux miżjud b’alkoħol, kemm jekk fih zokkor jew materja ta’ ħlewwa oħra u kemm jekk le, u kif definit fl-intestatura tan-NM 2008, li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jaqa’ fil-parametri tal-kodiċi tan-NM 2008 30 55, 2008 30 75 u ex 2008 30 90 (il-kodiċijiet TARIC 2008309061, 2008309063, 2008309065, 2008309067 u 2008309069).

2.   L-ammont tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 manifatturati mill-kumpaniji hawn taħt għandu jkun kif ġej:

Kumpanija

EUR/tunnellataprodott b’piż totali

Kodiċi TARIC addizzjonali

Yichang Rosen Foods Co., Ltd, Yichang, Zhejiang

531,2

A886

Huangyan No.1 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang,

361,4

A887

Zhejiang Xinshiji Foods Co., Ltd, Sanmen, Zhejiang u l-produttur relatat tagħha Hubei Xinshiji Foods Co., Ltd, Dangyang City, il-Provinċja ta’ Hubei

490,7

A888

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kif imniżżel fl-Anness

499,6

A889

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

531,2

A999

Artikolu 2

1.   F’każijiet fejn il-merkanzija ġarrbet ħsara qabel ma ddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u għalhekk, il-prezz li tħallas attwalment jew li għandu jitħallas hu mqassam għad-determinazzjoni tal-valur tad-dazju skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (17), l-ammont tad-dazju antidumping, ikkalkulat abbażi tal-Artikolu 1 hawn fuq, irid jitnaqqas b’perċentwali li jikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz imħallas attwalment jew li għandu jitħallas.

2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 3

L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 572/2012.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 6

It-talbiet għal reviżjoni għandhom ikunu ammissibbli mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SHERLOCK


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU C 246, 20.10.2007, p. 15.

(3)  ĠU L 178, 5.7.2008, p. 19.

(4)  ĠU L 288, 6.11.2007, p. 22.

(5)  ĠU L 290, 8.11.2003, p. 3.

(6)  ĠU L 104, 8.4.2004, p. 67.

(7)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 35.

(8)  ĠU C 103, 2.4.2011, p. 21.

(9)  ĠU C 353, 3.12.2011, p. 15.

(10)  Is-Sentenza tal-Qorti (it-tielet kamra) tat-22 ta’ Marzu 2012 fil-kawża C-338/10, GLS v Hauptzollamt Hamburg-Stadt.

(11)  ĠU C 175, 19.6.2012, p. 19.

(12)  Il-Kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [1998] Ġabra II-3939 u l-Kawża C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [2000] Ġabra I-08147.

(13)  Il-kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [1998] Ġabra II-3941.

(14)  ĠU L 258, 26.9.2008, p. 74.

(15)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 572/2012 tat-28 ta’ Ġunju 2012 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċertu frott taċ-ċitru ppreparat jew ippriżervat (jiġifieri l-mandolin, eċċ.) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 169, 29.6.2012, p. 50).

(16)  ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1.

(17)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 06 p. 3–516.


ANNESS

PRODUTTURI ESPORTATURI LI KKOOPERAW MHUX INKLUŻI FIL-KAMPJUN

(kodiċi TARIC addizzjonali A889)

Hunan Pointer Foods Co., Ltd., Yongzhou, Hunan

Ningbo Pointer Canned Foods Co., Ltd., Xiangshan, Ningbo

Yichang Jiayuan Foodstuffs Co., Ltd., Yichang, Hubei

Ninghai Dongda Foodstuff Co., Ltd., Ningbo, Zhejiang

Huangyan No.2 Canned Food Factory, Huangyan, Zhejiang

Zhejiang Xinchang Best Foods Co., Ltd., Xinchang, Zhejiang

Toyoshima Share Yidu Foods Co., Ltd., Yidu, Hubei

Guangxi Guiguo Food Co., Ltd., Guilin, Guangxi

Zhejiang Juda Industry Co., Ltd., Quzhou, Zhejiang

Zhejiang Iceman Group Co., Ltd., Jinhua, Zhejiang

Ningbo Guosheng Foods Co., Ltd., Ninghai

Yi Chang Yin He Food Co., Ltd., Yidu, Hubei

Yongzhou Quanhui Canned Food Co., Ltd., Yongzhou, Hunan

Ningbo Orient Jiuzhou Food Trade & Industry Co., Ltd., Yinzhou, Ningbo

Guangxi Guilin Huangguan Food Co., Ltd., Guilin, Guangxi

Ningbo Wuzhouxing Group Co., Ltd., Mingzhou, Ningbo


Top