Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0079

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 79/2013 tat- 28 ta’ Jannar 2013 li jagħmel l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja suġġett għar-reġistrazzjoni

    ĠU L 27, 29.1.2013, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/79/oj

    29.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 27/10


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 79/2013

    tat-28 ta’ Jannar 2013

    li jagħmel l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja suġġett għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(4) u 14(5) tiegħu,

    Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni Ewropea (‘il-Kummissjoni’) ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (‘avviż ta’ tnedija’), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u l-Indoneżja (‘il-pajjiżi kkonċernati’) wara lment imressaq fis-17 ta’ Lulju 2012 mill-European Biodiesel Board (‘l-ilmentatur’) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-biodiżil.

    A.   PRODOTT IKKONĊERNAT

    (2)

    Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reġistrazzjoni huwa l-istess bħal dak definit fin-notifika ta’ bidu, jiġifieri esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba b’sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, f’forma pura jew kif inklużi f’taħlita, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 95, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, 2710 20 11, 2710 20 15, 2710 20 17, ex 3824 90 97, 3826 00 10 u ex 3826 00 90, u li joriġinaw fl-Arġentina u l-Indoneżja.

    B.   TALBA

    (3)

    Wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu, f’Settembru 2012 il-kwerelant talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku hekk li l-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati, sussegwentement, fuq dawk l-importazzjonijiet mid-dejta ta’ dik ir-reġistrazzjoni.

    C.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

    (4)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, hekk li l-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati, sussegwentement, fuq dawk l-importazzjonijiet mid-dejta ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru suġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din.

    (5)

    Il-kwerelant stqarr li r-reġistrazzjoni tkun ġustifikata billi l-prodott ikkonċernat kien l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni kienet ikkawżata miż-żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping f’medda ta’ żmien relattivament qasira.

    (6)

    Fir-rigward tad-dumping il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-pajjiżi kkonċernati huma l-oġġett ta’ dumping. Fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni, l-evidenza rigward il-prezzijiet ta’ esportazzjoni għaż-żewġ pajjiżi, fuq il-bażi tad-dejta tal-Eurostat, ikopri l-perjodu minn April 2011 sa Marzu 2012. L-evidenza rigward il-valur normali, li tinsab fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni, tikkonsisti għall-pajjiżi kollha bi prezzijiet domestiċi. Il-kwerelant ipprovda wkoll valur normali kostrutt ibbażat fuq l-ispiża totali tal-produzzjoni flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u għall-profitti. Tabilħaqq ġie argumentat li t-taxxi tal-esportazzjoni fuq iż-żejt tas-soya jew iż-żejt tal-palm, fl-Arġentina u l-Indoneżja rispettivament, ifixxklu s-suq domestiku billi jbaxxu il-prezzijiet tal-materja prima. Fuq kollox, u meta jitqies l-estent tal-marġini ta’ dumping allegat, din l-evidenza tipprovdi biżżejjed appoġġ f’dan l-istadju li l-esportaturi meqjusa jeżerċitaw id-dumping.

    (7)

    Fir-rigward tal-ħsara, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li l-prattiki ta’ dumping tal-esportaturi qed joħolqu ħsara materjali. Din l-evidenza fiha dejta dettaljata, li tinsab fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjati minn tagħrif minn sorsi oħrajn, li jikkonċernaw il-fatturi ewlenin ta’ ħsara stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

    (8)

    Il-Kummissjoni għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie, fl-ilment anti-dumping u t-talba għar-reġistrazzjoni u appoġġjata minn tagħrif minn sorsi oħrajn, li l-importaturi kienu jafu, jew misshom kienu jafu, li l-esportaturi jeżerċitaw dumping dannuż jew li x’aktarx ikun dannuż għall-industrija tal-Unjoni. Bosta artikli fl-istampa speċjalizzata matul żmien estiż issuġġerew li l-industrija tal-Unjoni setgħet kienet iġġarrab ħsara minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi mill-Arġentina u l-Indoneżja. Fl-aħħar nett, meta jitqies l-estent tad-dumping li jista’ jkun qed jiġri, ikun raġjonevoli li jiġi konkluż li l-importaturi jkunu jafu, jew imisshom ikunu jafu, bis-sitwazzjoni.

    (9)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza prima facie li ħsara bħal din qiegħda ssir jew issir minn importazzjonijiet iddampjati fi kwantità fi żmien relattivament qasir li fid-dawl taż-żmien u l-volum tal-importazzjonijiet iddampjati u ċirkostanzi oħrajn (bħal ħolqien malajr ta’ inventarji) x’aktarx li jimmina serjament l-effett ta’ rimedju ta’ kwalunkwe dazji definittivi anti-dumping, sakemm dawn id-dazji ma jiġux applikati retroattivament. Il-livell tal-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina u l-Indoneżja jilħaq il-quċċata matul ir-Rebbiegћa u s-Sajf billi, minħabba il-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tiegħu, l-użu ta’ dawn il-prodotti huwa limitat meta t-temperaturi jkunu baxxi. Minħabba l-bidu tal-proċedura kurrenti, huwa probabbli li l-produtturi li jesportaw se jinnegozjaw kuntratti mal-importaturi għall-bejgħ tal-UE ta’ żieda fil-volumi ta’ biodiżil qabel l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, jekk hemm, u l-inventarji se jinbnew malajr minn importaturi. Il-perjodu qabel l-inizjazzjoni wkoll ura żieda qawwija ta’ importazzjonijiet.

    D.   PROĊEDURA

    (10)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba tal-kwerelant kien fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat suġġetti għar-reġistrazzjoni, b’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (11)

    Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

    E.   REĠISTRAZZJONI

    (12)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji, ikunu jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jiġu sodisfatti, jiġu intaxxati retroattivament skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

    (13)

    Kull responsabilità għall-ġejjieni tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping. L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni jsemmi marġini tad-dumping li jvarjaw bejn 18 u 29 % għall-Indoneżja, bejn 40 u 50 % għall-Arġentina, u l-marġini ta’ inġurja bejn 28,5 u 29,5 % għall-Arġentina u bejn 35,5 u 37,5 % għall-Indoneżja.

    (14)

    Biex ir-reġistrazzjoni tkun biżżejjed effettiva fid-dawl ta’ ġbir retroattiv eventwali ta’ dazju ta’ anti-dumping, il-persuna li tiddikjara għandha tindika fuq id-dikjarazzjoni tad-dwana l-proporzjon fit-taħlit, bil-piż, tal-kontenut totali ta’ esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u ta’ nafta paraffinika miksuba b’sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (kontenut ta’ bijodiżil).

    F.   L-IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI

    (15)

    Ta’ min wieħed jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-awtoritajiet doganali huma hawnhekk ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’oriġini mhux mill-fossili, f’forma pura jew kif inklużi f’taħlita, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209821, 1516209829 u 30) 1516 20 98, ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009121, 1518009129 u 1518009130), ex 1518 00 95 (kodiċi TARIC 1518009510), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009921, 1518009929 u 1518009930), ex 2710 19 43 (Kodiċi TARIC 2710194321, 2710194329 u 2710194330), ex 2710 19 46 (Kodiċi TARIC 2710194621, 2710194629 u 2710194630), ex 2710 19 47 (Kodiċi TARIC 2710194721, 2710194729 u 2710194730), 2710 20 11, 2710 20 15, 2710 20 17, ex 3824 90 97 (kodiċi TARIC 3824909701, 3824909703 u 3824909704), 3826 00 10 u ex 3826 00 90 (kodiċijiet TARIC 3826009011, 3826009019 u 3826009030), u li joriġinaw fl-Arġentina u l-Indoneżja. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-dejta tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Il-persuna li tiddikjara għandha tindika fuq id-dikjarazzjoni tad-dwana l-proporzjon fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta’ esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmija u ta’ nafta paraffinika miksuba b’sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (kontenut ta’ bijodiżil).

    2.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 20 jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 373, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU C 260, 29.8.2012, p. 8.

    (3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top