Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22012D0140

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 140/2012 tat- 13 ta’ Lulju 2012 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

    ĠU L 309, 8.11.2012, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/140(2)/oj

    8.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 309/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 140/2012

    tat-13 ta’ Lulju 2012

    li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Protokoll 31 tal-Ftehim kien emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 122/2012 tal-15 ta’ Ġunju 2012 (1).

    (2)

    Ikun xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (2).

    (3)

    Ikun xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tiġi estiża biex tkun tkopri l-qasam tal-isport.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 (3), li hu inkorporat fil-Ftehim u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim.

    (5)

    Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu jiġi emendat sabiex din l-estensjoni tal-kooperazzjoni tkun tista’ sseħħ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll 31 tal-Ftehim huwa emendat kif ġej:

    1.

    Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘Aġenzija’, u fin-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (*).

    (b)

    L-Istati tal-EFTA jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet li hemm referenza għalihom fil-punt (a), f’konformità mal-Artikolu 82(1) u mal-Protokoll 32 tal-Ftehim.

    (c)

    Minħabba l-punt (b), l-Istati tal-EFTA jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija mingħajr ma jkollhom id-dritt għall-vot, u jkunu assoċjati mal-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija.

    (d)

    It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ u termini oħra li jagħmlu referenza għall-entitajiet pubbliċi tagħhom imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament għandhom jinftiehmu b’tali mod li, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, ikunu jinkludu lill-Istati tal-EFTA u lill-entitajiet pubbliċi tagħhom.

    (e)

    Id-dejta ta’ natura ambjentali li tiġi pprovduta lill-Aġenzija jew li tirriżulta minnha, tkun tista’ tiġi ppublikata u tkun aċċessibbli għall-pubbliku, sakemm l-Istati tal-EFTA joffru livell ta’ protezzjoni għall-informazzjoni kunfidenzjali li jkun ugwali għal dak li jingħata fi ħdan il-Komunità.

    (f)

    L-Aġenzija jkollha personalità ġuridika. Fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti, tkun tgawdi mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom.

    (g)

    L-Istati tal-EFTA japplikaw il-Protokoll tal-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-Aġenzija.

    (h)

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ persunal ieħor tal-Komunitajiet Ewropej, iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini, jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

    (i)

    Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3), il-Parti VII (id-Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim tapplika għal dan il-paragrafu.

    (j)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għall-fini ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 401/2009, għandu japplika wkoll għal kull dokument tal-Aġenzija rigward l-Istati Membri tal-EFTA.

    (*)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.”"

    2.

    L-intestatura tal-Artikolu 4 (L-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “L-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim (**).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Atle LEIKVOLL


    (1)  ĠU L 270, 4.10.2012, p. 46.

    (2)  ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

    (3)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 01 pp. 396 - 401).

    (**)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.


    Top