Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0293

    2012/293/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 8 ta’ Frar 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28809 (C 29/10) (ex NN 42/10 & ex CP 194/09) implimentata mill-Isvezja favur Hammar Nordic Plugg AB (notifikata bid-dokument numru C(2012) 546) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 150, 9.6.2012, p. 78–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/293/oj

    9.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 150/78


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-8 ta’ Frar 2012

    dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28809 (C 29/10) (ex NN 42/10 & ex CP 194/09) implimentata mill-Isvezja favur Hammar Nordic Plugg AB

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 546)

    (It-test bl-Isvediż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/293/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    B’ittra datata s-26 ta’ Mejju 2009, irreġistrata fis-16 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-allegat għotja ta’ għajnuna mill-Istat lil Hammar Nordic Plugg AB permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà pubblika taħt il-prezz tas-suq mill-Muniċipalità ta’ Vänersborg.

    (2)

    Fis-27 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni għaddiet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-awtoritajiet nazzjonali. L-Isvezja wieġbet b’ittra tat-30 ta’ Novembru 2009, irreġistrata fl-istess jum.

    (3)

    Fid-9 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u l-Isvezja wieġbet permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ April 2010.

    (4)

    Fil-11 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni sottomessa minn Chips AB.

    (5)

    Permezz tal-ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Isvezja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2) (“TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tagħti bidu għall-proċedura (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

    (6)

    Permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Novembru 2010, l-Isvezja talbet estensjoni tad-data tal-għeluq biex tissottometti kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (7)

    Permezz tal-ittri datati l-15 u s-17 ta’ Diċembru 2010, l-awtoritajiet Svediżi ressqu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni. Hammar Nordic Plugg AB ressqet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni b’ittra tat-22 ta’ Jannar 2011.

    (8)

    Fl-1 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet ta’ Hammar Nordic Plugg AB lill-awtoritajiet Svediżi għall-kummenti.

    (9)

    Fl-1 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni bagħtet talba oħra għall-informazzjoni, li l-Isvezja wieġbet għaliha b’ittra tad-29 ta’ Ġunju 2011 u bagħtet aktar kjarifiki permezz ta’ e-mails fit-12 ta’ Settembru 2011 u fit-30 ta’ Settembru 2011.

    (10)

    Fis-6 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Chips AB, li l-kumpanija ma weġbitx direttament. Xi informazzjoni kienet ipprovduta, madankollu, minn Chips AB lill-awtoritajiet Svediżi, li kienet tinkorpora din l-informazzjoni fil-kummenti tagħhom imsemmija hawn fuq tat-12 ta’ Settembru 2011.

    (11)

    Fid-19 ta’ Ottubru 2011, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Hammar Nordic Plugg AB.

    (12)

    Bl-e-mail tat-3 ta’ Novembru 2011, Hammar Nordic Plugg AB issottomettiet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għaddiet dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet Svediżi għall-kummenti fl-4 ta’ Novembru 2011. L-Isvezja kkonfermat fit-28 ta’ Novembru 2011 li l-awtoritajiet ma kellhom l-ebda kummenti x’jagħmlu.

    2.   DESKRIZZJONI

    2.1.   Il-benefiċjarju u l-partijiet involuti

    (13)

    Il-benefiċjarju tal-miżura huwa Hammar Nordic Plugg AB (“Hammar”). Din hija kumpanija limitata li n-negozju tagħha jikkonsisti f’kiri ta’ proprjetà u ġestjoni tal-proprjetà immobbli. Il-kumpanija hija bbażata fi Trollhättan, fil-provinċja ta’ Västra Götaland (l-Isvezja). Hammar hija 100 % proprjetà tal-kumpanija ewlenija tagħha Hammar Nordic Fastigheter AB, li min-naħa tagħha hi kompletament propjetà ta’ individwu privat, Anders Hammar (4).

    (14)

    Il-Muniċipalità ta’ Vänersborg (“il-Muniċipalità”) tinsab fil-provinċja ta’ Västra Götaland fl-Isvezja, qrib in-Norveġja. Skont il-Mappa Svediża tal-Għajnuna Reġjonali għall-perjodu 2007–2013, il-Muniċipalità ma tinsabx f’żona megħjuna.

    (15)

    Fastighets AB Vänersborg (“FABV”) hija kumpanija tal-propjetà immobbli posseduta kompletament mill-Muniċipalità.

    (16)

    Topp Livsmedel (“Topp”) tappartjeni lil Chips AB (5), diviżjoni tal-grupp tan-negozju internazzjonali Orkla ASA (“Orkla”).

    (17)

    Il-proprjetà soġġetta għall-miżura (“il-Faċilità”) tinkludi żewġ biċċiet art, sit tal-produzzjoni, proprjetà mobbli u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (eż. marki kummerċjali). Hija tinsab fi Brålanda, komunità żgħira fil-Muniċipalità. Sal-2007, Topp ipproduċiet ħaxix friżat fil-Faċilità b’madwar 30 impjegat.

    2.2.   Ħarsa ġenerali lejn il-miżura

    (18)

    B’ittra datata s-26 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jikkonċerna allegazzjoni ta’ għotja ta’ għajnuna mill-istat permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà pubblika (il-Faċilità) taħt il-prezz tas-suq.

    (19)

    Il-fatti huma kif ġej. Fi tmiem l-2007, Chips AB ħabbret li se twaqqaf il-produzzjoni f’Topp u bdiet il-proċess biex tbigħ il-Faċilità.

    (20)

    Fit-13 ta’ Frar 2008, il-Muniċipalità – permezz ta’ FABV – xtrat il-Faċilità mingħand Chips AB għal SEK 17-il miljun (EUR 1,7 miljun) (6).

    (21)

    Wkoll fit-13 ta’ Frar 2008, FABV daħlet f’żewġ ftehimiet ma’ Hammar. L-ewwel ftehim kien ftehim ta’ kiri li bih FABV kriet il-Faċilità sħiħa lil Hammar (7). It-tieni ftehim kien jikkonsisti f’opzjoni li tippermetti lil Hammar li tixtri l-Faċilità mingħand FABV għall-prezz stabbilit ta’ SEK 8 miljuni (EUR 0,8 miljun) fi kwalunkwe żmien bejn l-1 ta’ Marzu 2008 u t-28 ta’ Frar 2010. Hammar eżerċitat l-opzjoni tagħha u akkwistat il-Faċilità mingħand FABV għall-prezz stabbilit fil-11 ta’ Awwissu 2008.

    (22)

    Bil-ftehim tal-1 ta’ Marzu 2008, Hammar kriet il-parti l-kbira tal-Faċilità lil intraprendituri lokali b’kera ogħla mill-kera (8) miftiehma bejn FABV u Hammar. Barra minn hekk, bħala kundizzjoni għal iffirmar tal-ftehim tal-kiri, l-intraprendituri lokali talbu opzjoni għal xiri tal-Faċilità fil-futur, jekk Hammar issir sidt il-Faċilità. Il-ftehim dwar l-opzjoni ġie ffirmat fl-istess data, fejn l-intraprendituri lokali ngħataw id-dritt li jakkwistaw il-Faċilità għal SEK 40 miljun (EUR 4 miljun).

    (23)

    Fit-2 ta’ Settembru 2008, ġie konkluż kuntratt bejn Hammar u l-intraprendituri lokali fejn il-Faċilità nbiegħet lil dawn tal-aħħar għall-prezz miftiehem ta’ SEK 40 miljun.

    3.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

    (24)

    Il-Kummissjoni kellha raġunijiet biex temmen li l-bejgħ tal-Faċilità mill-FAVB lil Hammar kien jinvolvi għajnuna mill-Istat. Fis-27 ta’ Ottubru 2010, għalhekk, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq dik it-tranżazzjoni (9).

    (25)

    L-Isvezja u Hammar ipprovdew kummenti għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (26)

    L-Isvezja hija tal-fehma li l-bejgħ mill-FABV tal-Faċilità lil Hammar ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat. Hija ssostni li l-uniku għan tal-Muniċipalità meta xtrat il-Faċilità mingħand FABV kien li tiżgura l-issuktar tal-produzzjoni u s-sigurtà tal-impjiegi. Minħabba li ma kellha l-ebda intenzjoni li tmexxi l-operazzjonijiet hi stess, il-Muniċipalità għażlet is-soluzzjoni proposta minn Hammar, jiġifieri kirja b’għażla ta’ xiri. L-Isvezja tinnota wkoll li l-għażla mogħtija lil Hammar kienet teħtieġ injezzjoni tal-kapital ta’ SEK 9 miljuni (EUR 0,9 miljuni) mill-baġit tal-Muniċipalità lil FABV, biex jagħmlu tajjeb għat-telf li jkun hemm jekk Hammar teżerċita dik l-opzjoni.

    (27)

    Hammar targumenta li x-xiri ta’ FABV tal-Faċilità mingħand Chips AB sar bi prezz għoli wisq li jista’ jinvolvi għajnuna mill-Istat lil Orkla. Barra minn hekk, Hammar targumenta li x-xiri tagħha tal-Faċilità minn FABV sar fuq termini tas-suq u li l-bejgħ la affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u lanqas fixkel il-kompetizzjoni.

    (28)

    Sabiex jappoġġjaw l-allegazzjonijiet tagħha, Hammar ipprovdiet evalwazzjoni ex post tal-valur tal-Faċilità datata l-20 ta’ Jannar 2011, imħejjija minn PriceWaterhouseCoopers (“ir-rapport PwC”). Dak ir-rapport isostni li l-grad ta’ inċertezza meta jiġi stmat il-prezz tas-suq ta’ din it-tip ta’ propjetà huwa tant kbir li l-prezz jista’ jitqies li huwa qrib it-termini tas-suq kull darba li l-Faċilità ġiet mibjugħa (jiġifieri x-xiri ta’ FABV minn Chips AB, il-bejgħ sussegwenti lil Hammar u finalment il-bejgħ minn Hammar lil intraprendituri lokali). Partikolarment, fir-rigward tal-bejgħ minn FABV lil Hammar u tal-bejgħ sussegwenti lill-intraprendituri lokali, ir-rapport PwC iqis li l-prezzijiet imħallsa kienu konformi mas-suq, minħabba l-kundizzjonijiet finanzjarji fiż-żewġ ftehimiet ta’ kiri (jiġifieri bejn FABV u Hammar fuq naħa waħda u bejn Hammar u l-intraprendituri lokali fuq in-naħa l-oħra).

    (29)

    Fil-laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru 2011 u fis-sottomissjoni tagħha lill-Kummissjoni tal-informazzjoni addizzjonali tat-3 ta’ Novembru 2011, Hammar argumentat li, fil-mument li l-Muniċipalità u Hammar qablu li jagħtu lil dawn tal-aħħar l-opzjoni li jakkwistaw il-Faċilità għal SEK 8 miljun, ma kienx hemm offerti oħra għall-Faċilità u għalhekk dan il-prezz għandu jitqies bħala l-prezz tas-suq, irrispettivament minn kwalunkwe valutazzjonijiet li huma neċessarjament ipotetiċi.

    (30)

    Fit-3 ta’ Novembru 2011, Hammar issottomettiet rapport lill-Kummissjoni imħejji minn Copenhagen Economics A/S (10) (“Copenhagen Economics”) dwar l-effett possibbli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kemm tax-xiri ta’ FABV tal-Faċilità minn Chips AB u l-bejgħ sussegwenti tal-Faċilità lil Hammar. Ir-rapport jikkonkludi li l-ewwel tranżazzjoni kellha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ fl-Unjoni, minħabba li l-bejjiegħ Chips AB hija kumpanija internazzjonali – is-sussidjarja Finlandiża tal-grupp Norveġiż Orkla – li tikkompeti internazzjonalment. B’kuntrast ma’ dan, ir-rapport jargumenta li l-bejgħ ta’ FABV tal-Faċilità lil Hammar ma kellux effett fuq il-kummerċ fl-Unjoni, jew kellu effett insinifikanti, minħabba li Hammar topera biss fil-livell lokali u m’għandhiex kompetituri internazzjonali fis-suq/swieq relevanti.

    4.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

    4.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-istat

    (31)

    Sabiex tivvaluta jekk il-bejgħ minn FABV tal-Faċilità lil Hammar involviex għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li jipprevedi li “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerta merkanzija għandha, sa fejn tolqot l-kummerċ bejn Stati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

    (32)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-benefiċjarju tal-miżura, jiġifieri Hammar, tikkwalifika bħala impriża peress li twettaq attivitajiet ekonomiċi, toffri servizzi ta’ proprjetà immobbli u servizzi relatati magħhhom fis-suq.

    (33)

    It-tranżazzjoni ġiet konkluża mill-Muniċipalità permezz ta’ FABV. FABV hija kompletament proprjetà tal-Muniċipalità, li tkopri t-telf potenzjali ta’ FABV mill-baġit normali tagħha. Il-Bord ta’ FABV huwa magħmul minn membri meħuda mill-korp governattiv tal-Muniċipalità. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ta’ FABV huma imputabbli lill-Istat u, sal-punt li dawn ikollhom implikazzjonijiet finanzjarji, jimplikaw l-użu tar-riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, il-Muniċipalità kienet involuta b’mod ċar f’din l-operazzjoni, minħabba li l-għażla mogħtija lil Hammar kienet teħtieġ injezzjoni tal-kapital ta’ SEK 9 miljun mill-Muniċipalità lil FABV biex tagħmel tajjeb għat-telf li jkun hemm jekk Hammar teżerċita din l-għażla. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bejgħ tal-Faċilità lil Hammar involviet riżorsi tal-Istat.

    (34)

    Minħabba li t-tranżazzjoni kienet ta’ benefiċċju għal impriża speċifika (jiġifieri Hammar), għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura selettiva.

    (35)

    Il-miżura twassal għal distorsjoni jew għandha l-potenzjal li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u ż-Żona Ekonomika Ewropea (“kummerċ taż-ŻEE”) fi ħdan it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Sabiex issostni li dak il-vantaġġ selettiv involut fil-bejgħ tal-Faċilità lil Hammar ma kellu l-ebda effett sinifikattiv fuq il-kummerċ, ir-rapport imħejji minn Copenhagen Economics (ara l-premessa 30) jargumenta li s-suq tal-proprjetà immobbli li fih hija attiva Hammar huwa purament lokali. Madankollu, l-effett potenzjali fuq il-kummerċ ma jiddependix fuq jekk riċevitur partikolari tal-għajnuna jkunx attiv internazzjonalment jew nazzjonalment biss, iżda fuq jekk l-oġġetti jew is-servizzi li hu jinnegozja humiex jew jistgħux ikunu soġġetti għall-kummerċ fl-Unjoni (11). Dak il-kriterju huwa sodisfatt f’dan il-każ, minħabba li l-propjetà immobbli u s-servizzi relatati mal-propjetà immobbli hma suġġetti għall-kummerċ u l-investiment ġewwa l-Unjoni, fatt li, fil-każ preżenti, huwa ġustifikat mill-fatt li l-proprjetarju preċedenti tal-Faċilità (Chips AB) huwa s-sussidjarju bbażat fil-Finlandja ta’ Orkla, grupp b’operazzjonijiet internazzjonali. Dan jikkostitwixxi evidenza ta’ interess transkonfinali fl-assi inkwistjoni, jiġifieri l-Faċilità, li, barra minn hekk, mhijiex biċċa art vojta iżda faċilità tal-produzzjoni operattiva għal oġġetti tal-ikel iffriżati.

    (36)

    Għalhekk, il-Kummissjoni hi tal-fehma li, anke jekk Hammar topera esklussivament fil-livell lokali, il-kumpanija hija attiva f’suq fejn ma jistax jiġi eskluż effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni u ż-ŻEE. L-argumenti mressqa minn Hammar għalhekk ma jagħtu lill-Kummissjoni ebda raġuni biex tiddevja mis-sejbiet preliminari tal-ftuħ tad-deċiżjoni dwar dan il-kriterju.

    Il-vantaġġ

    (37)

    Il-kriterju waħdieni tad-definizzjoni tal-għajnuna tal-Istat li qed tiġi diskussa, għalhekk, huwa jekk il-bejgħ minn FABV tal-Faċilità tax vantaġġ lil Hammar. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni hija tal-fehma li FABV biegħet il-Faċilità lil Hammar bi prezz taħt il-valur tas-suq, li investitur tas-suq privat huwa improbabbli li jagħmel dan, u b’hekk tat vantaġġ lil Hammar.

    (38)

    Il-każ preżenti jikkonċerna l-bejgħ ta’ ċerti assi ta’ sjieda pubblika lil impriża privata. Xi wħud minn dawk l-assi huma proprjetà immobbli (art u bini) u biex tevalwa l-preżenza ta’ għajnuna f’dawk il-każijiet il-Kummissjoni tapplika Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi tagħajnuna Statali dwar bejgħ taartijiet u bini taawtoritajiet pubbliċi  (12) (“il-Komunikazzjoni”). Meta l-bejgħ jikkonċerna tipi oħra ta’ assi, il-Kummissjoni tapplika t-test ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq, jiġifieri, tevalwa jekk il-bejjiegħ pubbliku aġixxiex kif kien jagħmel investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq. Madankollu, billi l-Komunikazzjoni hija bbażata fuq l-istess test tal-investitur privat, biex tiffaċilita l-preżentazzjoni, il-Kummissjoni se tirreferi għal dik il-Komunikazzjoni biex tivvaluta t-tranżazzjoni kollha (13).

    (39)

    Partikolarment, skont il-punt II.1 tal-Komunikazzjoni, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur ix-xerrej hija awtomatikament eskluża meta l-bejgħ ikun isegwi “irkant li huwa pubbliku, miftuħ u mhux kondizzjonat, u li jaċċetta l-aħjar jew l-unika offerta”. Skont l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni jidher li ma ġie organizzat l-ebda irkant minn FABV għall-bejgħ tal-Faċilità. Għalhekk, il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi eskluża minnufih fuq dik il-bażi.

    (40)

    Hammar targumenta li l-prezz ta’ SEK 8 miljun jirrifletti l-valur tas-suq tal-Faċilità għaliex fiż-żmien li fih sar qbil dwar l-opzjoni ma kienx hemm offerti oħra. Il-Kummissjoni tinnota, madankollu, li l-bejgħ mill-Muniċipalità tal-Faċilità ma kienx trasparenti u miftuħ għal offerenti oħra. Konsegwentement, il-prezz li bih ġiet mibjugħa ma jippermettix lill-Kummissjoni biex tasal għal xi konklużjoni rigward il-valur ġenwin tas-suq tagħha (14). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li FABV xtrat il-Faċilità għal SEK 17-il miljun fit-13 ta’ Frar 2008, u fl-istess data qablet li tipprovdi għażla ta’ xiri lil Hammar għal prezz ħafna iktar baxx ta’ SEK 8 miljun.

    (41)

    Il-punt II.2(a) tal-Komunikazzjoni jipprovdi wkoll li, jekk isir il-bejgħ mingħajr proċedura ta’ rkant mingħajr kundizzjonijiet, “għandu jkun hemm stima indipendenti magħmula minn nies li jagħmlu valutazzjonijiet indipendenti. Din issir qabel in-negozjati tal-bejgħ sabiex ikun stabbilit il-valur tas-suq skont l-indikazzjonijiet tas-suq u standards tavalutazzjonjiet”. Il-Kummissjoni tinnota li FABV ma talbet ebda evalwazzjoni indipendenti tal-Faċilità qabel in-negozjati tal-bejgħ.

    (42)

    Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ proċedura ta’ rkant miftuħ u mhux kundizzjonat u ta’ evalwazzjoni indipendenti qabel in-negozjati tal-bejgħ, il-valur tas-suq tal-Faċilità kif ġiet mibjugħa minn FABV lil Hammar jista’ jiġi dedott minn informazzjoni oħra disponibbli.

    (43)

    Tabilħaqq, meta l-Faċilità tpoġġiet għall-bejgħ fl-aħħar tal-2007, Chips AB ikkummissjonat lil Colliers International (15) biex tfassal memorandum ta’ bejgħ għall-Faċilità. Colliers International indikat prezz tal-bejgħ ta’ SEK 27 miljun (EUR 2,7 miljun) għall-proprjetà immobbli waħedha, jiġifieri mingħajr il-proprjetà mobbli u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Kif osservat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni temmen li din tikkostitwixxi stima raġonevoli tal-prezz tas-suq għaliex (i) l-istima inkisbet qabel in-negozjati tal-bejgħ, (ii) kienet ikkummissjonata minn Chips AB fir-rigward tal-bejgħ tal-Faċilità, jiġifieri f’kuntest fejn Chips AB seta’ raġonevolment ma kellha l-ebda interessi oħra għajr biex tikseb stima preċiża tal-valur tas-suq, (iii) dan l-istudju sar minn parti terza indipendenti kemm mill-bejjiegħ kif ukoll mix-xerrej, u (iv) Colliers International għandha esperjenza wiesgħa fis-settur tal-propjetà immobbli. Madankollu, Hammar tikkontesta l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni li din l-evalwazzjoni kienet indipendenti, minħabba li ġiet ikkummissjonata mill-bejjiegħ. Hammar tqis ukoll li s-suppożizzjonijiet użati minn Colliers International ma kinux realistiċi (fost oħrajn minħabba li hija preżunta rata ta’ diżokkupazzjoni ta’ 10 % biss), fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Faċilità fil-ħin tat-tranżazzjoni.

    (44)

    Indikazzjoni possibbli oħra tal-prezz tas-suq tal-Faċilità tinsab fil-valutazzjoni mwettqa minn Swedbank Kommersiella Fastigheter (16) (“Swedbank”) f’Ġunju 2008. Din il-valutazzjoni saret għan-nom tal-intraprendituri lokali li sussegwentement xtraw il-Faċilità u kienet intiża għall-iskopijiet ta’ self għall-akkwist tal-Faċilità. Swedbank stmat il-valur tas-suq tal-Faċilità fil-livell ta’ SEK 30 miljun (EUR 3 miljun), anke jekk il-bini stmat kien iżgħar mid-daqs totali tal-Faċilità (17). L-istima tar-rata ta’ diżokkupazzjoni użata minn Swedbank kienet 35 %, filwaqt li s-suppożizzjonijiet l-oħrajn kollha kienu paragunabbli ma’ dawk użati minn Colliers International.

    (45)

    Ir-rapport ta’ PWC jipprovdi serje ta’ stimi tal-valur tas-suq għall-Faċilità li jiddependu fuq il-mument li fih ġiet mibjugħa. Pereżempju, ir-rapport jikkonkludi li l-valur tal-Faċilità fiż-żmien tal-bejgħ minn Chips AB lil FABV kien madwar SEK 9 miljun, filwaqt li kien madwar SEK 5,5 miljun (EUR 0,55 miljun) meta ġiet mikrija minn Hammar mingħand FABV fl-istess data (it-13 ta’ Frar 2008). Ir-rapport ta’ PwC jipprovdi t-tielet stima tal-valur tas-suq tal-Faċilità fiż-żmien meta Hammar krietha lil intraprendituri lokali (1 ta’ Marzu 2008) għal madwar SEK 21 miljun (EUR 2,1 miljun).

    (46)

    Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li r-rapport ta’ PwC jipprovdi ċifri diverġenti għall-valur tas-suq tal-Faċilità fuq perijodu qasir ta’ żmien. Minħabba li l-valur tas-suq tal-proprjetà immobbli għandu t-tendenza li jibqa’ relativament kostanti fuq perjodu ta’ żmien qasir, ħlief fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni għandha dubji serji rigward xi wħud mill-valutazzjonijiet provduti fir-rapport ta’ PwC, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li t-tranżazzjonijiet kollha seħħu fi żmien qasir ħafna.

    (47)

    Fir-rigward tal-ewwel żewġ valutazzjonijiet tal-Faċilità li jinsabu fir-rapport PwC j(SEK 9 miljuni u SEK 5.5 miljuni, rispettivament), il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li, meta mqabbla mal-istimi kontemporanji ta’ Colliers International u Swedbank, dawn iż-żewġ valutazzjonijiet ma jidhrux li huma realistiċi. Min-naħa l-waħda, f’relazzjoni mal-istima ta’ SEK 5.5 miljuni, il-Kummissjoni tinnota li PriceWaterhouseCoopers (“PWC”) jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom fuq il-likwiditajiet derivati mill-kirjiet imħallsa minn Hammar lil FABV għall-kiri tal-Faċilità, kirjiet li PwC stess jirrikonoxxu li tkun baxxa ħafna meta mqabbla ma’ ritorn normali fuq faċilità industrijali kumparabbli. Dan huwa partikularment evidenti meta mqabbel mal-kirjiet imħallsa minn Hammar lill-intraprendituri lokali biss ftit jiem wara, li kienu madwar seba’ darbiet ogħla (ara n-nota 7 u 8). Fid-dawl ta’dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kirjiet iddebitati lil Hammar kienu taħt il-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-valutazzjoni ta’ SEK 5.5 miljun, li tiddependi fuq livell stmat ta’ dħul ta’ kera li huwa taħt livell tas-suq, ma jirriflettix il-valur tas-suq vera tal-Faċilità. Min-naħa l-oħra, l-istima ta’ SEK 9 miljuni tiddependi fuq rata vakanti pueżunta ta’ 100 % fl-ewwel sentejn ta’ pussess, li mbagħad tinżel għal 75 % fit-3 sena u 50 % fir-4 sena u tillivella ruħha għal 60 % għall-bqija tal-perjodu kopert mill-valutazzjoni. Madankollu, r-rata ta’ vakanzi preżunta tinjora l-fatt li, fil-waqt tal-bejgħ, kien magħruf li l-intraprendituri lokali kienu ppreparati biex jikru l-Faċilità, u li konsegwentement il-valur huwa dak tal-Faċilità bil-kerrej.

    (48)

    It-tielet stima tar-rapport ta’ PwC jikkalkula l-valur tas-suq tal-Faċilità fiż-żmien meta Hammar begħetha lil intraprendituri lokali għal madwar SEK 21 miljun, anki jekk il-propjetà koperta minn dik l-istima kienet iżgħar mid-daqs totali tal-Faċilità (ara n-nota 17). Dik l-istima hija bbażata fuq essenzjalment l-istess metodoloġija ta’ Colliers International and Swedbank, u tuża bħala preżunzjoni ewlenija t-termini tal-ftehim tal-kera bejn Hammar u l-intraprendituri lokali, jiġifieri t-termini tal-kirja attwali li kienet tapplika fil-waqt tal-bejgħ. Għandu jiġi nnutat ukoll li t-termini tal-kirja preżumibbilment kienu konformi mas-suq, partikolarment billi kienu miftiehma bejn żewġ operaturi privati tas-suq li kellhom għanijiet razzjonali purament ekonomiċi. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li t-tielet stima tal-valur tas-suq tal-Faċilità li hemm fir-rapport ta’ PwC hija plawżibbli.

    (49)

    Għalhekk, irrispettivament minn liema stima tal-valur tas-suq tal-Faċilità wieħed jagħżel (dik ta’ Colliers International, dik ta’ Swedbank jew it-tielet stima li hemm fir-rapport ta’ PwC), huwa ċar li l-prezz ta’ SEK 8 miljun li bih FABV biegħet il-Faċilità lil Hammar kien taħt il-prezz tas-suq sew, u konsegwentement li hija tat vantaġġ lil Hammar.

    (50)

    Billi l-kriterji kollha meħtieġa tal-Artikolu 107(1) TFUE huma sodisfatti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kkonċernata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, minħabba li din l-għajnuna mill-Istat ġiet ipprovduta lill-benefiċjarju mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni minn qabel, hija tikkostitwixxi għajnuna illegali.

    Kwantifikazzjoni tal-vantaġġ

    (51)

    Il-vantaġġ għall-benefiċjarju se jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz imħallas minn Hammar, jiġifieri SEK 8 miljun, u l-prezz tas-suq tal-Faċilità.

    (52)

    Biex tistabbilixxi l-prezz tas-suq tal-Faċilità, il-Kummissjoni se teżamina l-alternattivi possibbli u l-istimi disponibbli, jiġifieri: (i) SEK 17-il miljun effettivament imħallsa minn FABV lil Chips AB fit-18 ta’ Frar 2008; (ii) SEK 40 miljun effettivament imħallsa mill-intraprendituri lokali lil Hammar; (iii) SEK 27 miljun stmati minn Colliers International qabel il-bejgħ; (iv) SEK 30 miljun stmati minn Swedbank f’Ġunju 2008 u (v) l-valutazzjoni ta’ SEK 21 miljun fir-rapport ta’ PwC.

    (53)

    Il-Kummissjoni tqis li l-prezz ta’ SEK 17-il miljun imħallas minn FABV lil Chips AB fil-ħin tax-xiri tal-Faċilità ma jikkostitwixxix provi konvinċenti dwar il-valur tas-suq. Il-Kummissjoni diġà spjegat fid-deċiżjoni tal-ftuħ li Chips AB aċċettat prezz inqas mill-valur stmat fis-suq għall-Faċilità għaliex riedet tevita ħsara lir-reputazzjoni korporattiva tagħha li tiġi mill-għeluq tal-Faċilità u t-telf tal-impjiegi li jsegwu. Hija xtaqet ukoll li tuża l-opportunità ta’ bejgħ mgħaġġel biex tagħlaq l-operazzjonijiet ta’ Topp. Operatur tas-suq privat li ma jkollux dawn ir-restrizzjonijiet (li huma speċifiċi għal Chips AB) kien jitlob prezz ogħla. Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma tqisx li hu neċessarju li twieġeb għall-argument ta’ Hammar miġbur fil-premessa 27 għad-Deċiżjoni preżenti, li aktar minn hekk jikkonċerna punt li mhux parti mill-investigazzjoni formali.

    (54)

    Fuq il-bażi tat-tagħrif irċevut matul il-kors tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet ukoll li l-ammont ta’ SEK 40 miljun miftiehma mal-intraprendituri lokali ma jidhirx li jirrappreżenta b’mod tajjeb il-prezz tas-suq tal-Faċilità, għaliex l-intraprendituri ffinanzjaw dan il-prezz miftiehem parzjalment permezz ta’ self bankarju u parzjalment permezz ta’ self mingħand Hammar stess. Il-proporzjon kbir ta’ fondi pprovduti mill-bejjiegħ (li fl-istess ħin huwa l-kreditur tat-tranżazzjoni) u r-riskju tal-krediti korrispondenti meħud minnu ma jappoġġjawx direttament l-argument li l-prezz nominali ta’ SEK 40 miljun jirrappreżenta l-valur finanzjarju attwali tal-Faċilità. Il-prezz nominali imħallas f’din it-tranżazzjoni għalhekk mhuwiex prova konvinċenti tal-prezz li kien jitħallas għall-Faċilità f’bejgħ fuq termini tas-suq, iżda huwa ċertament indikazzjoni ulterjuri li l-prezz ta’ SEK 8 miljun ma jirriflettix il-valur tas-suq tal-Faċilità. Tabilħaqq, iż-żewġ għażliet ġew stabbiliti fi żmien perjodu ta’ inqas minn 3 ġimgħat, u tali differenza konsiderevoli fil-prezz fuq perjodu qasir ta’ żmien tikkonferma li dan l-ammont ma kienx il-prezz tas-suq.

    (55)

    Dwar l-istimi ta’ Colliers International u Swedbank, il-Kummissjoni fil-prinċipju ma tara l-ebda raġuni biex tiddubita li huma indipendenti u magħmula skont standards ġeneralment aċċettati. Madankollu, il-Kummissjoni tagħraf li dawk l-istimi mhumiex immedjatament paragunabbli, peress li xi suppożizzjonijiet sottostanti dwar il-valutazzjonijiet huma differenti. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni ma tistax tkun kompletament ċerta dwar jekk dawk l-istimi jirriflettux bl-aktar mod affidabbli l-valur reali tas-suq tal-Faċilità, għax jiddependu fuq suppożizzjonijiet u paraguni ma’ ftehimiet oħra fis-suq minflok tranżazzjonijiet li jinvolvu l-Faċilità nnifisha.

    (56)

    Biex ikun hemm bilanċ, il-Kummissjoni tqis li hu xieraq li tuża l-valur tas-suq mit-tielet l-istima tar-rapport ta’ PwC. Kif nutat fil-premessa, il-Kummissjoni tagħraf li dik l-istima - minkejja li saret wara t-tranżazzjonijeit - hija bażata fuq ċifri tal-flussi tal-flus kontanti li ġejjin minn ftehim ta’ kiri li kien jeżisti (dak bejn Hammar u l-intraprendituri lokali) hija għalhekk bażata fuq osservazzjoni reali tas-suq. F’dan ir-rigward, l-istima ta’ SEK 21 miljun tikkostitwixxi stima plawżibbli, għalkemm konservattiva, tal-valur tas-suq tal-Faċilità, meta mqabbla mal-istimi ta’ Colliers International u Swedbank. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li Hammar daħlet fi ftehim b’opzjoni fit-13 ta’ Frar 2008 biex tixtri il-Faċilità għal SEK 8 miljuni, u eżerċitat dik l-għażla fil-11 ta’ Awwissu 2008. Fl-1 ta’ Marzu 2008, Hammar daħlet fi ftehim b’opzjoni ma’ intraprendituri lokali biex tbigħ il-Faċilità għal SEK 40 miljun u l-kuntratt tal-bejgħ ġie konkluż, bl-esekuzzjoni tal-opzjoni, fit-2 ta’ Settembru 2008. Id-data li juża r-rapport PwC bħala l-bażi tiegħu għall-valur stmat ta’ SEK 21 miljun għall-Faċilità hija l-1 ta’ Marzu 2008. Minħabba l-prossimità fil-ħin bejn dawn it-tranżazzjonijiet kollha, ma hemm ebda raġuni biex wieħed jemmen li l-valur tas-suq tal-Faċilità setgħa kienet sostanzjalment differenti minn SEK 21 miljun fiż-żmien meta Hammar xtratha jew daħlet fil-ftehim b’opzjoni.

    (57)

    Fuq din il-bażi, il-vantaġġ lil Hammar jammonta għal SEK 13-il miljun (EUR 1,3 miljun). Il-vantaġġ huwa kkalkolat bħala d-differenza bejn il-valur tas-suq ta’ SEK 21 miljun u l-prezz attwali ta’ SEK 8 miljun mħallas minn Hammar għall-Faċilità.

    4.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

    (58)

    La l-Isvezja u lanqas Hammar ma ressqu argumenti dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna. L-unika għanijiet indikati mill-awtoritajiet Svediżi fir-rigward tal-miżura inkwistjoni kienu l-intenzjonijiet politiċi tal-Muniċipalità biex jippreservaw in-negozju u fl-istess ħin jissalvagwardja l-impjiegi fis-settur ta’ Vänersborg.

    (59)

    Minħabba li l-Muniċipalità mhix f’żona megħjuna (ara l-premessa 14), hija mhux eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. It-tipi ta’ għanijiet għall-miżura mressqa mill-Isvezja setgħu ġew ikkunsidrati fid-dawl tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni tal-kumpaniji f’diffikultà  (18). Madankollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji gwida se jkunu sodisfatti f’dan il-każ. B’mod partikolari, xejn ma jindika li Hammar kienet kumpanija f’diffikultà fil-mument li xtrat il-Faċilità.

    (60)

    Fi kwalunkwe każ, s’issa ma ntweriex biżżejjed li l-miżura kienet meħtieġa u proporzjonata biex jinkisbu xi għanijiet ta’ interess komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma identifikatx raġunijiet biex tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE.

    (61)

    Ebda raġunijiet oħra għall-kompatibbiltà ma jidhru li japplikaw. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-bejgħ tal-Faċilità lil Hammar mill-Muniċipalità jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    4.3.   Il-ftehim ta’ kiri u l-prezz tal-opzjoni

    (62)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni wkoll qanqlet dubji dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq tal-ftehim ta’ kiri konkluż bejn FABV u Hammar fit-13 ta’ Frar 2008 u l-prezz tal-opzjoni mogħtija lil Hammar biex jixtri l-Faċilità (ara l-paragrafu 38 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

    (63)

    Rigward kiri il-Ftehim, il-Kummissjoni tqis li dan jinvolvi għajnuna mill-Istat, peress li ir-rekwiżiti meħtieġa tal-Artikolu 107(1) TFUE huma milħuqa għall-istess raġunijiet stipulati fit-taqsima 4.1 hawn fuq: (i) il-benefiċjarju tal-miura, jiġifieri. Hammar, tikkwalifika bħala intrapriża; (ii) id-deċiżjonijiet ta’ FABV huma imputabbli lill-Istat u, sal-punt li dawn ikollhom implikazzjonijiet finanzjarji, jimplikaw l-użu tar-riżorsi tal-Istat; (iii) il-miżura hija selettiva, peress li bbenefikat minnha impriża speċifika; (iv) kif spjegat fil-premessa 47, u kif rikonoxxut minn PwC rapport ippreżentat minn Hammar nnifisha, il-Kummissjoni tqis li l-kera iċċarġjata minn FABV lil Hammar hija taħt il-prezz tas-suq u għalhekk tinvolvi vantaġġ lil Hammar; u (v) anke jekk Hammar opera esklussivament fil-livell lokali, huwa attiv f’suq fejn effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġewwa l-Unjoni u ż-ŻEE ma jistax jiġi eskluż.

    (64)

    Sabiex jiġi determinat il-vantaġġ li gawdiet minnu Hammar, għandu jsir paragun bejn il-kera miftiehma bejn FABV u Hammar fit-13 ta’ Frar 2008 – SEK 0,5 miljun għall-ewwel sena – u l-kera miftiehma fl-1 ta’ Marzu 2008 bejn Hammar u l-intraprendituri lokali – SEK 3,5 miljun għall-ewwel sena. Il-Kummissjoni tqis li t-termini f’dan l-aħħar ftehim jirrappreżentaw il-valur tas-suq għall-kiri tal-Faċilità, minħabba li ġie miftiehem bejn żewġ partijiet privati b’għanijiet ekonomikament razzjonali. Għandu wkoll jiġi nnutat f’dan ir-rigward li r-rapport ta’ PwC juża dan l-aħħar ammont biex jikkalkula l-valur tal-Faċilità. Minħabba li Hammar ħallset il-kera lill-Muniċipalità biss bejn l-1 ta’ Marzu 2008 u l-11 ta’ Awwissu 2008, id-data li fiha hija eżerċitat l-opzjoni tagħha, jiġifieri għal madwar sitt xhur, kalkolu pro rata ta’ SEK 3 miljun f’vantaġġ, li hija d-differenza bejn il-kera miftiehma bejn FABV u Hammar u l-kera miftiehma bejn Hammar u l-intraprendituri lokali, twassal għal ċifra ta’ SEK 1,5 miljun (EUR 0,15 miljun).

    (65)

    Minħabba li ebda motiv ta’ kompatibilità ma japplika u lanqas ma ġie invokat (ara t-Taqsima 4.2), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ftehim ta’ kiri konkluż bejn FABV u Hammar fit-13 ta’ Frar 2008 jinvolvi għajnuna mill-Istat li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (66)

    F’relazzjoni mal-prezz tal-opzjoni mogħti lil Hammar biex tixtri l-Faċilità, il-Kummissjoni tinnota li din l-opzjoni ma tidhirx li hija infurzabbli minħabba li, taħt il-liġi Svediża, impenji biex tixtri jew tbigħ proprjetà immobbli f’punt fil-futur fil-prinċipju mhumiex vinkolanti (19). Il-vantaġġ li Hammar setgħet tikseb minn tali opzjoni għalhekk huwa inċert, jekk mhux ineżistenti, u f’kull każ jista’ jkun megħlub mill-kera mħallsa jew mill-prezz tal-bejgħ. Għalhekk ma jistax jiġi stabbiliti fis-sod li Hammar kisbet xi vantaġġ minn dik l-opzjoni separatament mill-vantaġġ li rċeviet permezz tal-ftehim tal-kera u l-bejgħ sussegwenti tal-Faċilità.

    5.   IRKUPRU

    (67)

    L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (20) tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE jistipula li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi fkażijiet tagħajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

    (68)

    Minħabba li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna illegali u inkompatibbli, l-ammont tal-għajnuna għandu jiġi rkuprat sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. L-irkupru għandu għalhekk jiġi effettwat minn meta l-vantaġġ seħħ lill-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, u għandu jkun hemm irkupru tal-interessi sakemm ikun hemm irkupru effettiv.

    (69)

    L-element tal-għajnuna inkompatibbli tal-miżuri għandu jkun ikkalkulat għal SEK 14.5 miljun, li jikkonsisti fid-differenza bejn il-prezz tas-suq tal-Faċilità (SEK 21 miljun) u l-prezz li ħallset Hammar (SEK 8 miljun), li tammonta għal SEK 13-il miljun, flimkien mal-ammont li għandu jiġi rkuprat skont il-ftehim tal-kiri (SEK 1.5 miljun).

    (70)

    Għandu jitħallas imgħax tal-irkupru fuq l-ammont irkuprat. Għall-element ta’ għajnuna inkompatibbli ta’ SEK 13-il miljun, għandu jiġi kkalkolat imgħax tal-irkupru mid-data li fiha Hammar eżerċitat l-opzjoni tagħha u akkwistat il-Faċilità mingħand FABV, jiġifieri l-11 ta’ Awwissu 2008. Għall-element ta’ għajnuna inkompatibbli ta’ SEK 1.5 miljun, għandu jiġi kkalkolat imgħax tal-irkupru mid-data li fiha l-kera kienet dovuta, jiġifieri l-1 ta’ Marzu 2008,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal SEK 14,5 miljun, mogħtija illegalment mill-Isvezja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur Hammar Nordic Plugg AB fil-forma ta’ bejgħ u kiri ta’ proprjetà pubblika fi Brålanda, fil-Muniċipalità ta’ Vänersborg, anqas mill-valur tagħha tas-suq hija inkompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    1.   L-Isvezja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand Hammar Nordic Plugg AB.

    2.   Is-somom li għandhom ikunu rkuprati għandhom iġorru interessi mid-data li fihom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Hammar Nordic Plugg AB sal-irkupru attwali tagħhom.

    3.   L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (21).

    Artikolu 3

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

    2.   L-Iżvezja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    1.   Fi żmien xahrejn wara d-data tan-notifika ta’din id-Deċiżjoni, l-Isvezja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

    (a)

    l-ammont totali (dak prinċipali u l-interessi ta’ irkupru) li għandhom jiġu mingħand il-benefiċjarju;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

    (c)

    dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

    2.   L-Isvezja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun irkuprata. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħaxxijiet diġà irkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Isvezja.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 352, 23.12.2010, p. 22.

    (2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE; iż-żewġ settijiet ta’dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1.

    (4)  Il-proprjetà soġġetta għal din il-miżura tirrappreżenta l-unika assi u attività ta’ negozju tal-kumpanija. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ kumpanija indipendenti (Hammar Nordic AB), wkoll proprjetà tal-istess azzjonist is-Sur Anders Hammar, kien bi żball identifikat bħala l-kumpanija prinċipali ta’ Hammar Nordic Plugg AB.

    (5)  Chips AB hija manifattur ta’ krisps tal-patata bbażata f’Mariehamn, Åland, il-Finlandja, attiva fil-pajjiżi Nordiċi u tal-Baltiku, b’fatturat konsolidat ta’ madwar SEK 2,6 biljun fis-sena u madwar 800 impjegat. Fl-2005, Chips AB ġiet akkwistata mill-Grupp Norveġiż Orkla ASA.

    (6)  Ir-rata tal-kambju medja għall-2008 hija 9,62 SEK/EUR. L-ammonti f’euro f’din id-deċiżjoni huma purament indikattivi.

    (7)  Il-kera annwali pagabbli għas-snin 1–5 kienet stabbilita għal SEK 500 000, SEK 650 000, SEK 800 000, SEK 950 000 u SEK 1 100 000, rispettivament.

    (8)  Il-kera annwali pagabbli għas-snin 1–6 kienet stabbilita għal SEK 3 500 000, SEK 3 500 000, SEK 7 000 000, SEK 7 000 000 u SEK 10 500 000, rispettivament.

    (9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1.

    (10)  Copenhagen Economics A/S hija ditta ta’ konsulenza. Hija tipprovdi servizzi konsultattivi fl-oqsma tal-kompetizzjoni, ir-regolamenti, il-kummerċ internazzjonali, il-valutazzjoni tal-impatt u l-ekonomiji reġjonali. Ara www.copenhageneconomics.com.

    (11)  Ara l-Kawża T-55/99 Confederación Española de Transporte de Mercancías (CETM) v il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-3207, p. 86.

    (12)  ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

    (13)  Fir-rigward tal-bejgħ mill-awtoritajiet pubbliċi ta’art jew bini lil impriża jew individwu involut f’attività ekonomika, irid jiġi rrimarkat li l-Qorti sostniet li bejgħ bħal dan jista’ jinkludi elementi ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fejn ma ssirx bil-valur tas-suq, jiġifieri fejn mhuwiex mibjugħ bil-prezz li investitur privat, li jopera f’kondizzjonijiet kompetittivi normali, kien ikollu jħallas (Kawża C-290/07 P Il-Kummissjoni vs Scott [2010] għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra, p. 68, u il-Kawża C-239/09 Seydaland [2010] għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, p. 34).

    (14)  Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi l-valur tas-suq bħala l-prezz li bih art u bini jistgħu jinbiegħu taħt kuntratt privat bejn bejjiegħ dispost u xerrej distakkat fid-data tal-valutazzjoni, filwaqt li jkun preżunt li l-proprjetà tkun pubblikament esposta għas-suq, li l-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu bejgħ ordnat u li perjodu normali, wara li kkunsidrat in-natura tal-proprjetà, huwa disponibbli għan-negozjar tal-bejgħ (il-punt II.2).

    (15)  Colliers International hija organizzazzjoni ta’ servizzi dwar propjetà immobbli kummerċjali globali. Hija tipprovdi firxa ta’ servizzi lil utenti, sidien, investituri u żviluppaturi madwar id-dinja ta’ proprjetà immobbli kummerċjali. L-organizzazzjoni sservi setturi ta’ propjetà għal lukandi, industriji, użu mħallat, uffiċċji, bejgħ u residenzjali. Ara www.colliers.com.

    (16)  Swedbank Kommersiella Fastigheter hija sussidjarja tal-grupp bankarju kbir Swedbank u topera bħala sensar fin-negozju tal-proprjetà immobbli kummerċjali fl-Isvezja. Ara http://www.swedbankkf.se.

    (17)  Valutazzjoni ta’ 17 590 m2 kontra l-medda totali tal-Faċilità ta’ 22 504 m2).

    (18)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (19)  Taħt il-Kodiċi Svediż dwar l-Artijiet (Jordabalken), trasferiment tal-artijiet li jorbot irid isir inter alia bil-kitba u jkun fih dikjarazzjoni formali ta’ trasferiment tal-proprjetà. Fil-każ preżenti, il-kuntratt ta’ “opzjoni” kien fih biss “dritt għax-xiri”.

    (20)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

    (21)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


    Top