Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2011_348_R_0001_01

    2011/901/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2011 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita ta’ GALILEO u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra
    Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita ta' GALILEO u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati

    ĠU L 348, 31.12.2011, p. 1–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 348/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Diċembru 2011

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita ta’ GALILEO u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra

    (2011/901/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 171 u l-Artikolu 172, l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218 (6) (a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta’ Settembru 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika għall-konklużjoni ta’ ftehim li jikkonċerna l-iżvilupp ta’ Sistema ta’ Navigazzjoni Globali Ċivili.

    (2)

    F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2004, il-Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita ta’ GALILEO u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (“Ftehim”), ġie ffirmat fi Dromoland Castle, fl-Irlanda, fis-26 ta’ Ġunju 2004 u ilu jiġi applikat b'mod proviżorju sa mill-1 ta’ Novembru 2008, sa ma jidħol fis-seħħ.

    (3)

    L-Istati Membri ser ikunu rrappreżentati, kif adatt, fil-gruppi ta’ ħidma stabbiliti bis-saħħa tal-Ftehim.

    (4)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita ta’ GALILEO u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni iwassal lill-Istati Uniti tal-Amerika n-nota diplomatika prevista fl-Artikolu 20(1) tal-Ftehim (2) u jagħmel in-notifika li ġejja:

    “B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, ir-referenzi għal ‘il-Komunità Ewropea’ fit-test tal-Ftehim, fejn hu adatt, għandhom jinqraw bħala ‘l-Unjoni Ewropea’.”.

    Artikolu 3

    1.   L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-gruppi ta’ ħidma stabbiliti skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim minn rappreżentant tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif adatt, mir-rappreżentant rispettiv tagħhom.

    2.   L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tal-Ftehim għandha tiġi pprovduta b'mod konġunt mill-Unjoni u mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-informazzjoni f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri.

    3.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-gruppi msemmija fil-paragrafu 6 tal-Anness għall-Ftehim għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. NOWAK


    (1)  Opinjoni mogħtija fis-26 ta’ Ottubru 2010.

    (2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat tal-Kunsill.


    FTEHIM

    dwar il-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta' sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita ta' GALILEO u tal-GPS u applikazzjonijiet relatati

    L-ISTATI UNITI TA' L-AMERIKA,

    Min-naħa l-wahda,

    u

    IR-RENJU TAL-BELĠJU,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ L-ESTONJA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA’ SPANJA,

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ L-ITALJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    IR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

    IR-RENJU TA’ L-OLANDA,

    IR-REPUBBLIKA TA’ L-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-PORTUGALL,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVAKKJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

    IR-RENJU TA’ L-ISVEZJA,

    IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

    IL-PARTIJIET KONTRAENTI għat-Trattat li jistabbilixxi L-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem msejħa bħala l-“Istati Membri”, u L-KOMUNITÀ EWROPEA,

    min-naħa l-oħra,

    WARA LI AGĦRFU li l-Istati Uniti jħaddmu sistema ta’ navigazzjoni bbażata fuq satelliti magħrufa bħala l-Global Positioning System (GPS, Sistema ta’ posizzjonament globali), sistema ta’ użu doppju li tipprovdi sinjali preċiżi għad-determinazzjoni tal-ħin, in-navigazzjoni, u l-posizzjonament għal skopijiet ċivili u militari,

    WARA LI AGĦRFU li l-Istati Uniti jipprovdu preżentament is-Servizz ta’ Posizzjonament Standard GPS għal użu paċifiku, ċivili, kummerċjali u xjentifiku fuq bażi kontinwa u dinjija, mingħajr ħlas mill-utenti diretti, u osservaw li l-Istati Uniti bi ħsiebhom ikomplu jipprovdu dan u servizzi ċivili simili għal ġejjieni taħt l-istess kondizzjonijiet,

    WARA LI AGĦRFU li l-Komunità Ewropea qed tiżviluppa u tippjana biex topera sistema ċivili globali ta’ navigazzjoni, determinazzjoni tal-ħin u posizzjonament, GALILEO, li, fuq il-livell ta’ frekwenzi tar-radju, ser tkun kompatibbli mal-GPS u interoperabbli mas-servizzi ċivili GPS fuq il-livell ta’ l-utent,

    WARA LI AGĦRFU li s-sinjali tal-GPS huma użati kullimkien fid-dinja għal servizzi ta’ navigazzjoni bis-satellita inklużi l-awmenti,

    WARA LI AGĦRFU li l-GPS u GALILEO għal użu ċivili, jekk kompatibbli mal-frekwenzi tar-radju u interoperabbli fuq il-livell ta’ l-utent, jistgħu jżidu n-numru ta’ satelliti viżibbli minn kwalunkwe post fid-Dinja u jikkontribwixxu għall-possibiltà ta’ aċċess għas-sinjali ta’ navigazzjoni għall-utenti ċivili fid-dinja kollha,

    WARA LI AGĦRFU li l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) tistabbilixxi standards internazzjonali u prattiċi rakkomandati kif ukoll gwida oħra li japplikaw għall-użu ta’ sistemi globali ta’ navigazzjoni bis-satellita għall-avjazzjoni ċivili, li l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) tistabbilixxi standards internazzjonali u gwida oħra li japplikaw għall-użu ta’ sistemi ta’ navigazzjoni globali bis-satellita għan-navigazzjoni marittima, u li l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekommunikazzjoni (ITU) tistabbilixxi regolamenti u proċeduri multilaterali applikabbli għall-ħidma tas-sistemi globali ta’ navigazzjoni bir-radju, kif ukoll għal sistemi ta’ komunikazzjoni bir-radju oħra,

    FILWAQT LI JIXTIEQU jipprovdu lill-utenti tan-navigazzjoni bis-satellita u lill-fornituri tat-tagħmir b'firxa akbar ta’ servizzi u kapaċitajiet, sabiex iżidu l-applikazzjonijiet għall-benefiċċju ta’ l-utenti, filwaqt li jassiguraw l-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju mas-sistemi u t-tagħmir li diġà qed jintużaw,

    FILWAQT LI JIXTIEQU jippromwovu swieq miftuħa u jiffaċilitaw it-tkabbir fin-negozju għal dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ fi prodotti għan-navigazzjoni globali u għad-determinazzjoni tal-ħin, f'servizzi b'valur miżjud, u f'awmenti,

    KONVINTI mill-bżonn li jiġi mwaqqaf u li jkun hemm protezzjoni kontra l-użu ħażin tas-servizzi globali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita mingħajr ma jisfrattaw jew jiddegradaw bla bżonn is-sinjali disponibbli għal użu ċivili,

    KONVINTI mill-bżonn li jikkooperaw sabiex il-benefiċċji ta’ din it-teknoloġija importanti jinkisbu bis-sħiħ għall-applikazzjonijiet relevanti kollha,

    WARA LI AGĦRFU li konsultazzjonijiet huma mixtieqa sabiex jiġu evitati jew solvuti kwalunkwe argumenti li jistgħu jinqalgħu taħt dan il-Ftehim inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mal-mod kif il-Partijiet iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom għall-obbligi li li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Objettivi

    1.   L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni bejn il-Partijiet fil-promozzjoni, il-provvista u l-użu ta’ sinjali u servizzi ċivili ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin tal-GPS u ta’ GALILEO, servizzi b'valur miżjud, awmenti, u prodotti globali għan-navigazzjoni u d-determinazzjoni tal-ħin. Il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jaħdmu flimkien, kemm b'mod bilaterali kif ukoll f'fora multilaterali, kif pprovdut hawnhekk, biex imexxu 'l quddiem u jiffaċilitaw l-użu ta’ dawn is-sinjali, is-servizzi, u t-tagħmir għal użu paċifiku ċivili, kummerċjali, u xjentifiku, konsistenti ma’ u bi tkomplija ta’ l-interessi komuni tagħhom ta’ sigurtà. Dan il-Ftehim huwa maħsub biex jikkomplimenta u jiffaċilita ftehim oħra fis-seħħ, jew li jistgħu jiġu nnegozjati fil-futur, bejn il-Partijiet dwar id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ sinjali u servizzi ċivili ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita, ta’ awmenti jew ta’ servizzi b'valur miżjud.

    2.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jieħu post, jimmodifika jew jidderoga minn standards, proċeduri, regoli, regolamenti u prassi rakkomandati adottati fl-ICAO, jew fl-IMO. Il-Partijiet jikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jaġixxu b'mod konsistenti mal-qafas u mal-proċessi regolatorji ta’ dawn il-korpi.

    3.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt il-Ftehim ta’ Marrakech li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tad-WTO”).

    Artikolu 2

    Tifsiriet

    Għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    “Awmenti” tfisser il-mekkaniżmi ċivili li jipprovdu informazzjoni supplimentari lill-utenti ta’ sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita, aktar minn dik miksuba mill-kostellazzjoni(jiet) ewlenija li qed tintuża/jintużaw, u data addizzjonali ta’ distanza/psewdo-distanza jew korrezzjonijiet għal, jew titjib ta', data eżistenti ta’ psewdo-distanzi. Dawn il-mekkaniżmi jippermettu lill-utenti li jiksbu prestazzjoni aħjar, bħal iżjed eżattezza, disponibbiltà, integrità, u affidabiltà.

    (b)

    “Servizzi ċivili ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita” tfisser is-servizz ċivili ta’ navigazzjoni jew ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita ipprovdut mill-GPS jew minn GALILEO, inkluż is-servizz governattiv protett.

    (ċ)

    “Fornitur ta’ servizzi ċivili ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita” tfisser kull gvern jew entità oħra li jipprovdu servizz ċivili ta’ navigazzjoni jew ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita.

    (d)

    “Sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili” tfisser is-sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili pprovduti mill-GPS u/jew minn GALILEO, inklużi sinjali tas-servizz governattiv protett.

    (e)

    “Fornitur tas-sinjali tan-navigazzjoni jew ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili” tfisser kull gvern jew entità oħra li jfornu sinjali tal-GPS u/jew GALILEO jew awmenti għalihom.

    (f)

    “Informazzjoni kklassifikata” tfisser informazzjoni uffiċjali li teħtieġ protezzjoni fl-interess tad-difiża nazzjonali jew tar-relazzjonijiet barranin tal-Partijiet u li hija kklassifikata skond il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

    (g)

    “GALILEO” tfisser sistema Ewropea, awtonoma u ċivili, ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita taħt kontroll ċivili, żviluppata mill-Komunità Ewropea, l-Istati Membri tagħha, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u entitajiet oħra. GALILEO jinkludi servizz miftuħ u wieħed jew aktar servizzi oħra, bħal servizz għall-protezzjoni tal-ħajja umana, servizz kummerċjali, u servizz governattiv protett, bħall-PRS (Public Regulated Service, servizz pubbliku rregolat), u kull awment ipprovdut mill-Komunità Ewropea, l-Istati Membri tagħha jew entitajiet oħra.

    (h)

    “Tagħmir globali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin” tfisser kull tagħmir ċivili għall-utent aħħari ddisinjat biex jittrasmetti, jirċievi, jew jipproċessa sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita, biex jipprovdi servizzi b'valur miżjud, jew biex jinħadem b'awment.

    (i)

    “GNSS” tfisser Global Navigation Satellite System (Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita).

    (j)

    “GPS” tfisser il-Global Positioning System Standard Positioning Service (Sistema ta’ Posizzjonament Globali Servizz ta’ Posizzjonament Standard), servizz miftuħ, (jew servizzi ċivili futuri) ipprovduti mill-Gvern ta’ l-Istati Uniti għal użu ċivili. Il-GPS huwa fil-preżent ipprovdut mill-Istati Uniti fl-eżerċizzju tagħha ta’ l-awtorità governattiva, minħabba li la huwa pprovdut fuq bażi kummerċjali u lanqas offrut f'kompetizzjoni ma’ wieħed jew aktar fornituri ta’ servizzi. Il-GPS jinkludi kull awment jew titjib għal dak is-servizz ipprovdut direttament mill-Gvern ta’ l-Istati Uniti.

    (k)

    “Propjetà intellettwali” għandha t-tifsira li tinsab fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma, fl-14 ta’ Lulju 1967.

    (l)

    “Interoperabilità fuq il-livell ta’ l-utent” hija sitwazzjoni fejn riċevitur li jkollu sistema kombinata biex tirċievi taħlita ta’ satelliti GPS jew GALILEO visibbli jista' jikseb soluzzjonijiet ta’ posizzjonament, ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin fuq il-livell ta’ l-utent ugwali għal jew aħjar mis-soluzzjonijiet ta’ posizzjonament, ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin li jistgħu jinkisbu minn xi waħda mis-sistemi waħidha.

    (m)

    “Miżura” tfisser kull liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva jew azzjoni simili li torbot mill-Partijiet fuq il-livell nazzjonali jew sopranazzjonali.

    (n)

    “Servizz ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu militari” tfisser servizz ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu militari pprovdut minn Parti u ddisinjat speċifikament biex jilħaq il-bżonnijiet tal-forzi tad-difiża.

    (o)

    “Kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju” tfisser l-assigurazzjoni li sistema waħda mhux ser tikkawża interferenza li tiddegrada b'mod inaċċettabbli s-servizz awtonomu li s-sistema l-oħra tipprovdi.

    (p)

    “Servizz governattiv protett” tfisser servizz protett ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita, fejn l-aċċess hu ristrett, ipprovdut minn Parti u ddisinjat speċifikament biex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ utenti governattivi awtorizzati.

    (q)

    “Servizz b'valur miżjud” tfisser servizz jew applikazzjoni downstream, esklużi awmenti, li jużaw sinjali jew servizzi ċivili ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita sabiex ikun ipprovdut użu jew benefiċċju addizzjonali lill-utent.

    Artikolu 3

    Kamp ta’ Applikazzjoni

    Minbarra jekk ipprovdut xort'oħra hawnhekk, dan il-Ftehim jappika għall-miżuri kollha stabbiliti mill-Partijiet dwar is-sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, u l-fornituri tagħhom, is-servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, u l-fornituri tagħhom, l-awmenti, is-servizzi b'valur miżjud, u l-fornituri tagħhom, u l-prodotti ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin fuq il-livell globali.

    Il-provvista ta’ servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin għal użu militari taqa' barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, ħlief kif ipprovdut fl-Artikolu 4 rigward il-kompatibilità ta’ frekwenzi tar-radju , fl-Artikolu 11 u fl-Anness għal dan il-Ftehim.

    Is-servizzi governattivi protetti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 5 u 6, l-Artikolu 8 il-paragrafu 2, u l-Artikolu 10 il-paragrafu 3.

    Artikolu 4

    Interoperabilità u Kompatibilità tal-Frekwenzi tar-Radju

    1.   Dan l-Artikolu japplika għall-GPS u għal GALILEO kif imfissra u, rigward il-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju , għas-servizzi kollha ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita.

    2.   Il-Partijiet jaqblu li l-GPS u GALILEO għandhom ikunu kompatibbli fir-rigward tal-frekwenzi tar-radju. Dan il-paragrafu m'għandux japplika lokalment għal żoni ta’ operazzjonijiet militari. Il-partijiet m'għandhomx ifixklu jew jiddegradaw bla bżonn sinjali disponibbli għall-użu ċivili.

    3.   Il-Partijiet jaqblu wkoll li l-GPS u GALILEO għandhom ikunu, bl-aktar mod possibbli, interoperabbli fuq il-livell ta’ l-utent mhux militari. Sabiex tinkiseb din l-interoperabilità u jkun faċilitat l-użu konġunt taż-żewg sistemi, il-Partijiet jaqblu li jfasslu l-kwadri tar-referenzi koordinati ġeodetiċi tagħhom mill-qrib kemm jista' jkun mas-Sistema Internazzjonali ta’ Referenza Terrestri (International Terrestrial Reference System). Il-Partijiet jaqblu wkoll li jittrasmettu d-differenza fil-ħin bejn is-sistemi ta’ GALILEO u l-GPS fil-messaġġi tan-navigazzjoni tas-servizzi rispettivi tagħhom, kif deskritt fid-dokument imsemmi “GPS/GALILEO Time Offset Preliminary Interface Definition” imsemmi fl-Anness.

    4.   Il-Partijiet jaqblu li l-grupp ta’ ħidma fuq il-kompatibilità u l-interoperabilità tal-frekwenzi tar-radju stabbilit bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13 għandu jkompli xogħol diġà mibdi bil-għan li tintlaħaq, inter alia:

    (a)

    il-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju fil-modernizzazzjoni jew l-evoluzzjoni ta’ kull waħda mis-sistemi; (Il-partijiet għandhom bżonn jeżaminaw aktar il-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju ta’ GALILEO u tal-GPS III).

    (b)

    disponibbiltà u affidabilità mtejba tas-sinjal permezz ta’ strutturi kumplimentari tas-sistema għal benefiċċju ta’ utenti mondjali.

    (ċ)

    interoperabilità fuq il-livell ta’ l-utent mhux militari.

    5.   Sabiex tiġi żgurata aktar il-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju u l-interoperabilità tas-servizzi mhux militari, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awmenti tagħhom jilħqu l-ħtiġijiet ta’ l-ICAO, l-IMO u l-ITU, li bihom il-Partijiet huma marbuta, u kull ħtieġa oħra li l-Partijiet jikkunsidraw bħala reċiprokament aċċettabbli.

    6.   Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jieħu post, jimmodifika jew jidderoga minn standards, proċeduri, regoli, regolamenti u prassi rakkomandati adottati mill-ITU. Il-Partijiet jikkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jaġixxu b'mod konsistenti mal-qafas u mal-proċessi regolatorji ta’ dan il-korp.

    Artikolu 5

    Standards, Ċertifikazzjoni, Miżuri Regolatorji u Mandati

    Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw ma’ xulxin qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura:

    (1)

    li tistabbilixxi, direttament jew indirettament (bħal permezz ta’ organizzazzjoni reġjonali), standards ta’ disinn jew prestazzjoni, ħtiġijiet ta’ ċertifikazzjoni, ħtiġijiet ta’ liċenzar, regolamenti tekniċi jew ħtiġijiet simili applikabbli għas-sinjali jew għas-servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, għall-awmenti, għas-servizzi b'valur miżjud, għat-tagħmir għal navigazzjoni globali u ta’ determinazzjoni tal-ħin, għall-fornituri ta’ sinjali jew ta’ servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili jew għal fornituri ta’ servizzi b'valur miżjud; jew

    (2)

    li għandhom l-effett li direttament jew indirettament jimponu l-użu ta’ kwalunkwe sinjal jew servizz ta’ navigazzjoni jew ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, servizz b'valur miżjud, awment jew tagħmir għal navigazzjoni globali u ta’ determinazzjoni tal-ħin fit-territorju rispettiv tiegħu (sakemm l-obbligu ta’ dan l-użu ma jkunx awtorizzat espressivament mill-ICAO, jew l-IMO).

    Artikolu 6

    Non-Diskriminazzjoni u Kummerċ

    1.   Il-Partijiet jaffermaw l-approċċ non-diskriminatorju tagħhom f'dak li għandhu x'jaqsam ma’ kummerċ f'merkanzija u f'servizzi relatati ma’ sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, għal awmenti, u għal servizzi b'valur miżjud.

    2.   Il-Partijiet jaffermaw li miżuri rigward merkanzija u servizzi relatati mas-sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, ma’ l-awmenti, u mas-servizzi b'valur miżjud m'għandhomx jintużaw bħala restrizzjoni immaskrata fuq il-kummerċ internazzjonali jew bħala ostakolu mhux neċessarju għall-kummerċ internazzjonali.

    3.   Il-grupp ta’ ħidma fuq l-applikazzjonijiet kummerċjali u ċivili stabbilit bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13 għandu jikkunsidra, inter alia, in-non-diskriminazzjoni u materji oħrajn relatati mal-kummerċ fir-rigward tas-sinjali u servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, ta’ l-awmenti, tas-servizzi b'valur miżjud, għall-merkanzija ta’ navigazzjoni globali u ta’ determinazzjoni tal-ħin, inkluż il-potenzjal għal impenji addizzjonali f'fora bilaterali jew multilaterali rilevanti.

    Artikolu 7

    Aċċess Miftuħ għas-Sinjali ta’ Navigazzjoni u ta’ Determinazzjoni tal-ħin bis-Satellita għal Użu Ċivili

    1.   Ħlief għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, il-Partijiet m'għandhomx jillimitaw la l-użu ta’ u lanqas l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-posizzjonament, in-navigazzjoni u d-determinazzjoni tal-ħin tas-servizzi miftuħa rispettivi tagħhom mill-utent aħħari, inkluż għall-awmenti. Din id-disposizzjoni hija bla ħsara għall-possibiltà li l-aċċess għal din l-informazzjoni li tingħata lil entitajiet oħra, bħal fabbrikanti ta’ tagħmir ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita, tkun soġġetta għal arranġamenti kummerċjali non-diskriminatorji.

    2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jipprovdu sinjali intenzjonati għal servizzi ta’ protezzjoni tal-ħajja umana bil-livell meħtieġ ta’ sigurtà kif rikonoxxut mill-korpi internazzjonali kompetenti.

    Artikolu 8

    Aċċess Miftuħ għall-Informazzjoni

    1.   Bla ħsara għal kontrolli applikabbli fuq l-esportazzjoni , il-Partijiet jaqblu li jagħmlu pubblikament disponibbli fuq bażi mhux diskriminatorja, informazzjoni suffiċjenti dwar is-sinjali tagħhom mhux ikkowdjat ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita u l-awmenti, sabiex jiżguraw opportunitajiet indaqs għal persuni li jfittxu li jużaw dawn is-sinjali, li jimmanifatturaw tagħmir biex jużaw dawn is-sinjali, jew li jipprovdu servizzi b'valur miżjud li jużaw dawn is-sinjali. Tali informazzjoni għandha tinkludi, imma ma tkunx limitata għal, speċifikazzjonijiet tas-sinjali, inkluż elementi bħall-kondizzjonijiet minimi għal użu, il-karatteristiċi tal-frekwenzi tar-radju, u l-istruttura tal-messaġġ ta’ navigazzjoni.

    2.   Jekk Parti tipprovdi sinjali jew servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, awment, jew servizz b'valur miżjud għal utenti ċivili li huma kkowdjati jew inkella għandhom karatteristiċi li jippermettu lil fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni globali li jiċħad l-aċċess, il-Parti għandha, bla ħsara għall-kontrolli applikabbli fuq l-esportazzjoni, tipprovdi aċċess, fuq bażi mhux diskriminatorja, lill-fabbrikanti ta’ tagħmir ta’ navigazzjoni globali u ta’ determinazzjoni tal-ħin jew ta’ awmenti jew lill-fornituri tas-servizzi b'valur miżjud tal-Parti l-oħra, għall-informazzjoni neċessarja biex jiġi inkorporat dan il-kowd jew karatteristiċi simili oħra fit-tagħmir tagħhom, billi tagħti liċenza għall-informazzjoni meħtieġa jew permezz ta’ mezzi oħra bil-prezzijiet tas-suq.

    Artikolu 9

    Proprjetà Intellettwali

    Xejn f'dan il-Ftehim ma huwa intenzjonat li jaffettwa d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mas-sinjali, is-servizzi u l-merkanzija relatata man-navigazzjoni u d-determinazzjoni tal-ħin fuq livell mondjali bis-satellita.

    Artikolu 10

    Irkupru ta’ Spejjeż għas-Sinjali ta’ Navigazzjoni u ta’ Determinazzjoni tal-ħin bis-Satellita għal Użu Ċivili

    1.   Il-Partijiet kollha għandhom jippruvaw jipprovdu sinjali miftuħa ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin mingħajr piżijiet diretti għall-użu aħħari jew għal awmenti.

    2.   Jekk Parti tiżviluppa sistema li tkun użata biex jiġu imposti piżijiet fuq utenti tas-servizz għall-protezzjoni tal-ħajja umana fis-setturi ta’ l-avjazzjoni jew tat-trasport marittimu internazzjonali, hi għandha l-intenzjoni li tagħmel hekk b'mod konsistenti ma’ l-ICAO u ma’ l-IMO.

    3.   Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin fejn hu xieraq dwar il-politika ta’ l-irkupru ta’ l-ispejjeż. Il-Partijiet għandhom iħeġġu passi prattiċi biex jassiguraw it-transparenza u r-responsabbiltà għal piżijiet imħallsa fil-provvista tas-servizzi tagħhom.

    Artikolu 11

    Il-Kompatibilità mas-Sigurtà Nazzjonali u l-Użu ta’ l-Ispettru

    1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex jippromwovu allokazzjoni adegwata ta’ frekwenzi għas-sinjali ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita, biex jiżguraw kompatibilità fl-użu ta’ l-ispettru, biex jagħmlu ħilithom biex jipproteġu s-sinjali ta’ xulxin mill-interferenzi ta’ l-emissjonijiet tal-frekwenzi tar-radju ta’ sistemi oħrajn, u biex jippromwovu l-użu armonizzat ta’ l-ispettru fuq bażi globali, notevolment fl-ITU. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw is-sorsi ta’ interferenza u biex jieħdu l-miżuri neċessarji.

    2.   Il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li ma jħallux l-użu ostili tas-servizzi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita filwaqt li jippreservawhom barra ż-żoni ta'ostilità. Għal din il-fini, is-sinjali rispettivi ta’ navigazzjoni u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali kif misjuba fid-dokumenti intitolati “National Security Compatibility Compliance for GPS and Galileo Signals in the 1 559-1 610 MHz Band, Part 1, Part 2 and Part 3” (minn hawn 'il quddiem “Criteria, Assumption and Methodology Documents”), li referenza għalih fl-Anness mehmuż, bl-użu tal-metodoloġija u ta’ l-ipotesi li jinstabu fil-Criteria, Assumption and Methodology Documents.

    3.   Il-Partijiet jaqblu li l-istrutturi tas-sinjali speċifikati fl-Anness ta’ dan il-Ftehim huma bi qbil mal-kriterji tal-Kompatibilità mas-Sigurtà Nazzjonali kif imniżżla fil-Criteria, Assumption and Methodology Documents.

    4.   Biex tiġi mantnuta u mtejba kontinwament il-kwalità u s-sigurtà tas-servizzi, hemm bżonn li s-sistemi jirrispondu b'mod effettiv għall-bidliet mhux mistennija fit-teknoloġija, għall-bżonnijiet ta’ l-utent u għall-ambjent ta’ l-ispettru. Il-Partijiet għandhom il-ħsieb li jwettqu l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi rispettivi tagħom filwaqt li jżommu s-sigurtà u l-benefiċċji għas-suq ta’ sinjali għal użu ċivili komuni kompatibbli u interoperabbli.

    5.   Il-Partijiet għandhom jinfurmaw u jikkonsultaw lil xulxin dwar l-implimentazzjoni tal-istrutturi tal-bażi tas-sinjali speċifikati fl-Anness. Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub permezz tal-mezzi diplomatiċi jekk fil-futur tixtieq tbiddel jew iżżid xi ħaġa ma’ l-istrutturi tal-bażi tas-sinjali kif speċifikati u miftiehma fl-Anness.

    6.   Jekk fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet in-notifika msemmija fil-paragrafu 5, Parti ma turix it-tħassib tagħha dwar il-kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali, kif inhi meqjusa fil-Criteria, Assumption and Methodology Documents, jew fuq il-bażi tal-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju, dik il-Parti ma tistax topponi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-istruttura tas-sinjali alternattiva speċifikata fin-notifika. Jekk Parti turi tħassib dwar il-kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali jew mal-frekwenzi tar-radju f'dak it-terminu, il-Partijiet għandhom bla dewmien jibdew konsultazzjonijiet biex jivverifikaw li l-istrutturi tas-sinjali alternattivi jaqblu mal-kriterji tal-kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali kif stabbiliti fil-Criteria, Assumption and Methodology Documents, u mal-kompatibilità rigward il-frekwenzi tar-radju, bl-użu ta’ l-Assumption and Methodology Documents, msemmija fl-Anness għall-analiżi tal-kompatibilità.

    7.   Il-Partijiet jaqblu li jużaw il-modulazzjoni tal-bażi komuni tas-Servizz Miftuħ ta’ GALILEO u s-sinjal ċivili futur tal-GPS III (Standard Positioning Service) kif deskritt fl-Anness. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien bla dewmien biex jiksbu l-aħjar ta’ dik il-modulazzjoni għas-sistemi rispettivi tagħhom. Jekk Parti tbiddel il-modulazzjoni tagħha tas-Servizz Miftuħ ta’ GALILEO jew tas-sinjali ċivil futur tal-GPS III, jew iżżid magħha, skond il-proċess imniżżel fil-paragrafi 5 u 6, il-Parti l-oħra ma għandhiex tkun obbligata li tbiddel il-modulazzjoni tagħha jew iżżid magħha.

    8.   Il-Partijiet jaqblu li jistudjaw il-mezzi biex jipproteġu s-servizz governattiv protett fil-kuntest tal-kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali, fi ħdan il-grupp ta’ ħidma fuq materji ta’ sigurtà stabbilit fl-Artikolu 13, il-paragrafu (2)(d).

    Artikolu 12

    Is-Servizzi ta’ Tfittxija u ta’ Salvataġġ ta’ GALILEO u ta’ GPS

    Servizz globali ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ huwa ppjanat kemm għal GALILEO u kemm għall-ġenerazzjoni futura ta’ satelliti GPS. Il-Partijiet jaqblu li dawn is-servizzi għandhom ikunu kompatibbli mal-frekwenzi tar-radju u, kemm jista' jkun possibbli interoperabbli fuq il-livell ta’ l-utent. Fil-Kunsill tal-COSPAS-SARSAT jew f'xi forum ieħor li fuqu jkun hemm qbil miż-żewġ naħat, il-Partijiet se jikkoperaw kif jixraq fuq materji relatati mas-servizzi globali ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ għal GALILEO u għall-ġenerazzjoni futura ta’ satelliti GPS.

    Artikolu 13

    Il-Modalitajiet

    1.   Il-Partijiet għandom jistabbilixxu gruppi ta’ ħidma fuq suġġetti li jaqblu fuqhom. Kull grupp ta’ ħidma se jinkludi parteċipazzjoni, kif jixraq, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet. Il-parteċipazzjoni minn parti terza fil-gruppi ta’ ħidma isseħħ biss bil-kunsens reċiproku tal-partijiet.

    2.   Il-gruppi ta’ ħidma li ġejjin għandhom ikunu stabbiliti skond paragrafu 1.

    (a)

    Grupp ta’ ħidma fuq il-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju u l-interoperabilità tas-servizzi ta’ navigazzjoni bir-radju u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili.

    (b)

    Grupp ta’ ħidma fuq l-applikazzjonijiet kummerċjali u ċivili.

    (ċ)

    Grupp ta’ ħidma għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni fuq id-disinn u l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ sistemi ta’ navigazzjoni bir-radju u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili.

    (d)

    Grupp ta’ ħidma fuq materji ta’ sigurtà relatati mal-GPS u ma’ GALILEO, li jinkludu skambju ta’ informazzjoni dwar applikazzjonijiet possibbli għas-servizzi governattivi protetti, kif ukoll l-interazzjonijiet bejn is-sinjali rispettivi tagħhom. Il-grupp għandu jaħdem ukoll biex jiddefinixxi d-dettalji tal-proċedura ta’ notifika u ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 11, kif ukoll l-interfaces possibbli.

    3.   Il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu t-termini ta’ referenza għall-gruppi ta’ ħidma stabbiliti skond paragrafu 1, kif xieraq.

    4.   Kull skambju ta’ informazzjoni, ta’ tagħmir, ta’ teknoloġija jew ta’ data oħra (li tinkludi dik ikklassifikata), kif ukoll il-provvista tas-servizzi, skond dan il-ftehim għandu jkun suġġett għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli kollha, li jinkludu liġijiet u regolamenti dwar il-kontroll fuq l-esportazzjoni. Din l-informazzjoni, it-tagħmir, it-teknoloġija jew id-data oħra trasferiti għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u ma għandhomx jiġu trasferiti lil, jew użati minn, kwalunkwe pajjiż, kumpannija, persuna, organizzazzjoni jew gvern terz mingħajr l-approvazzjoni minn qabel bil-miktub tal-parti li minnha jkunu oriġinati.

    5.   Bla ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti, u l-politika governattiva uffiċjali applikabbli, il-Partijiet jaqblu li jimmaniġġjaw malajr kemm jista' jkun l-applikazzjonijiet għal-liċenzi għall-esportazzjoni ta’ prodotti, ta’ informazzjoni, ta’ teknoloġija jew ta’ data oħra xierqa għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ta’ GALILEO jew tal-GPS.

    6.   L-informazzjoni kklassifikata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista' tkun skambjata fi gruppi ta’ ħidma jew mod ieħor bi qbil biss mal-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 2 ta’ l-Anness ta’ dan il-Ftehim.

    7.   Il-Partijiet għandhom jiltaqgħu kif meħtieġ, u in prinċipju darba fis-sena, biex jistmaw il-bżonn għall-gruppi ta’ ħidma, jiddefinixxu jew jimmodifikaw it-termini ta’ referenza tal-gruppi ta’ ħidma, u jirrevedu l-progress tal-ħidma tagħhom.

    Artikolu 14

    Attivitajiet li jsegwu

    Il-Partijiet għandhom l-intenzjoni li jibdew diskussjonijiet fuq ftehim suċċessiv rigward il-kooperazzjoni potenzjali bejn is-sistemi rispettivi tagħhom ta’ navigazzjoni bir-radju u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili matul il-perjodu li jiġi wara l-kisba minn GALILEO tal-kapacità inizjali ta’ ħidma, fejn dawn is-sistemi huma ffinanzjati u operati indipendentement minn xulxin. F'dawn id-diskussjonijiet il-Partijiet se jesploraw il-possibilitajiet varji għall-koordinazzjoni, bħal li joħolqu kunsill konġunt fuq livell għoli li jkun jiltaqa' darba jew darbtejn fis-sena sabiex jiddiskuti materji ta’ politika u ta’ pjanar futur tas-sistema, li joħolqu segretarjat żgħir tal-GPS-GALILEO biex jiskambja d-data ta’ l-interface u biex jipprovdi l-koordinazzjoni ta’ kuljum, jew li jistabbilixxu uffiċjali ta’ kuntatt kif jiftiehmu reċiprokament.

    Artikolu 15

    Attivitajiet f'Fora Internazzjonali

    Biex jippromwovu u jimplimentaw l-objettivi ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom, kif jixraq, jikkoperaw fuq materji ta’ interess komuni relatati ma’ sinjali ta’ navigazzjoni bir-radju u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita għal użu ċivili, servizzi b'valur miżjud, u prodotti ta’ navigazzjoni globali u ta’ determinazzjoni tal-ħin bis-satellita tal-prodotti fl-ICAO, l-ITU, l-IMO, d-WTO u f'organizzazzjonijiet oħra relevanti.

    Artikolu 16

    Iffinanzjar

    Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż li jqumu mit-twettieq tar-responsabilitajiet rispettivi tagħha taħt dan il-Ftehim. L-obbligazzjonijiet ta’ kull Parti skond dan il-Ftehim huma soġġetti għad-disponibilità ta’ fondi approprjati.

    Artikolu 17

    Konsultazzjoni u Resoluzzjoni tat-Tilwim

    1.   Kull tilwima li tqum taħt jew rigward it-termini, l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għandha tiġi solvuta permezz ta’ konsultazzjoni.

    2.   Ir-rappreżentanti tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti min-naħa l-oħra, għandhom jiltaqgħu skond il-bżonn għall-konsultazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 10 il-paragrafu 3, u fl-Artikolu 11 il-paragrafi 5 u 6.

    3.   Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa d-drittijiet tal-Partijiet li jirrikorru għar-risoluzzjoni tat-tilwima skond il-Ftehim tad-WTO.

    Artikolu 18

    Definizzjoni tal-Partijiet

    Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim, “il-Partijiet” għandhom ifissru l-Komunità Ewropea jew l-Istati Membri tagħha jew il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fil-qasam tal-kompetenza tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti, min-naħa l-oħra.

    Artikolu 19

    Ir-Responsabbiltà

    1.   Il-Partijiet għandhom jerfgħu ir-responsabilità għan-nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligi ta’ dan il-Ftehim.

    2.   Jekk ma jkunx ċar jekk obbligu taħt dan il-Ftehim jaqax fil-kompetenza ta’ jew il-Komunità Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, fuq talba ta’ l-Istati Uniti, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Jekk din l-informazzjoni ma tiġix provduta malajr kemm jista' jkun jew jekk tiġi provduta informazzjoni kontradittorja, dan jirriżulta f'responsabbiltà in solidum.

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ u Terminazzjoni

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti jinfurmaw lid-Depożitarju permezz ta’ noti diplomatiċi li l-proċeduri interni meħtieġa rispettivi tagħhom biex ikun jista' jidħol fis-seħħ ikunu ġew kompluti.

    2.   Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-Istati li jsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea wara d-data li jkun ġie ffirmat mill-Partijiet.

    3.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament mill-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

    4.   Il-Komunità Ewropea għandha sservi ta’ Depożitarju għal dan il-Ftehim.

    5.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal għaxar snin. Ta' l-inqas tliet xhur qabel l-għeluq tal-perjodu inizjali ta’ 10 snin il-Partijiet għandhom jinformaw lil xulxin dwar l-intenzjoni tagħhom jew le li jestendu l-Ftehim għall-perjodu ta’ ħames snin. Wara dan, il-Ftehim ikun estiż awtomatikament għall-perjodi addizzjonali ta’ ħames snin, sakemm il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, jew l-Istati Uniti, min-naħa l-oħra, ma jagħtux notifika bil-miktub mill-inqas tliet xhur qabel l-aħħar ta’ kwalunkwe perjodu sussegwenti ta’ ħames snin, ta’ l-intenzjoni tagħhom li ma jestendux il-Ftehim.

    6.   Dan il-Ftehim għandu jkun emendat biss bi qbil bejn il-Partijiet. Kull emenda għal dan il-Ftehim għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Partijiet bi qbil mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom.

    7.   Il-Partijiet għandhom jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim fl-2008 u, f'dak iż-żmien jistgħu jikkunsidraw li jemendawh bi qbil mal-proċedura fil-paragrafu 6.

    8.   Dan il-Ftehim jista' jiġi mitmum f'kull ħin b'notifika bil-miktub ta’ sena.

    Magħmul f'żewġ kopji fi Dromoland Castle, Co Clare, fis-sitta u għoxrin jum ta’ Ġunju 2004, bil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola, Svediża, Ċeka, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Slovakka u Slovena. Il-lingwa Ingliża għandha tkun il-lingwa awtentika.

    Pour le Royaume de Belgique

    Voor het Koninkrijk België

    Für das Königreich Belgien

    Image

    Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

    Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

    Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

    Za Českou republiku

    Image

    På Kongeriget Danmarks vegne

    Image

    Für die Bundesrepublik Deutschland

    Image

    Eesti Vabariigi nimel

    Image

    Гια την Eλληvιкή Δημoкρατία

    Image

    Por el Reino de España

    Image

    Pour la République française

    Image

    Thar cheann Na hÉireann

    For Ireland

    Image

    Per la Repubblica italiana

    Image

    Гια την Kυπριαкή Δημoкρατία,

    Image

    Latvijas Republikas vārdā

    Image

    Lietuvos Respublikos vardu

    Image

    Pour le Grand-Duché de Luxembourg

    Image

    A Magyar Köztársaság részéről

    Image

    Għar-Repubblika ta’ Malta

    Image

    Voor het Koninkrijk der Nederlanden

    Image

    Für die Republik Österreich

    Image

    W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

    Image

    Pela República Portuguesa

    Image

    Za Republiko Slovenijo

    Image

    Za Slovenskú republiku

    Image

    Suomen tasavallan puolesta

    Image

    För Konungariket Sverige

    Image

    For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

    Image

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    Az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    På Europeiska gemenskapens vägnar

    Image

    For the United States of America

    Image

    ANNESS

    STRUTTURI TAS-SINJALI GPS U GALILEO

    (1)

    Għal raġunijiet ta’ kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali, sabiex tiġi evitata interferenza inaċċettabli ta’ frekwenzi tar-radju, u għal adegwatezza tal-prestazzjoni tal-GNSS, il-Partijiet jaqblu dwar l-istrutturi ta’ bażi tas-sinjali deskritti hawn taħt:

    Is-servizz governattiv protett ta’ GALILEO juża l-faxxa ta’ frekwenza ta’ 1 559-1 610 MHz u modulazzjoni Binary Offset Carrier (BOC) cosine phased bi frekwenza sub-carrier ta’ 15,345 MHz u code rate ta’ 2,5575 mega-chips kull sekonda (Mcps) iċċentrat f'1 575,42 MHz (cosine phased BOC (15, 2,5)), u saħħa tas-sinjal kif speċifikat fid-dokument, imsemmi hawn taħt, intitolat “Reference Assumptions for GPS/GALILEO Compatibility Analyses.”

    L-istrutturi tas-sinjali GALILEO użati għal kwalunkwe servizz ieħor, inkluż l-Open Service (OS), is-Safety-of-Life service (SoL), u l-Commercial Service (CS), fil-faxxa 1 559-1 610 MHz li juża modulazzjoni Binary Offset Carrier (BOC) (BOC) bi frekwenza sub-carrier ta’ 1,023 MHz u code rate ta’ 1,023 mega-chips kull sekonda (Mcps) (BOC (1,1)) iċċentrat f'1 575,42 MHz, u saħħa tas-sinjal kif speċifikat fid-dokument, imsemmi ħawn taħt, intitolat “Reference Assumptions for GPS/GALILEO Compatibility Analyses.”

    L-istruttura tas-sinjali GPS fil-faxxa 1 559-1 610 MHz, iċċentrat f'1 575,42 MHz, ikun modulazzjoni Binary Phase Shift Key (BPSK) b'code rate ta’ 1,023 Mcps; modulazzjoni BPSK b'code rate ta’ 10,23 Mcps; u modulazzjoni BOC bi frekwenza sub-carrier ta’ 10,23 MHz u code rate ta’ 5,115 Mcps, u saħħa tas-sinjal kif speċifikat fid-dokument, imsemmi hawn taħt, “Reference Assumptions for GPS/GALILEO Compatibility Analyses.” Fil-futur, modulazzjoni BOC (1, 1) iċċentrata f'1 575,42 MHz tkun miżjuda ma’ din l-istruttura tas-sinjal.

    (2)

    L-ipotesi u l-metodoloġija kklasiffikati wżati sabiex jiddeterminaw il-kriterji ta’ kompatibilità mas-sigurtà nazzjonali, u l-kriterji nnifishom, jinsabu fid-dokumenti segwenti: “National Security Compatibility Compliance for GPS and GALILEO Signals in the 1 559-1 610 MHz Band, Part 1, Part 2 and Part 3”, (minn hawn il-quddiem, “Parti 1,”“Parti 2,” and “Parti 3,” rispettivament) bid-data tad-9 ta’ Gunju 2004, inkluż kull emenda, bidla jew modifika futura għal dawn id-dokumenti kif miftiehem bejn il-Partijiet skond il-paragrafu 6.a. ta’ dan l-Anness. L-aċċess għal Parti 1, Parti 2 u Parti 3 għandu jkun biss mill-Istati Uniti u dawk l-Istati Membri li huma parti għal Ftehim dwar is-Sigurtà Generali ta’ Informazzjoni Militari (minn hawn il-quddiem “GSOMIA”) jew għal Ftehim dwar is-Sigurtà Generali ta’ Informazzjoni (minn hawn il-quddiem “GSOIA”) ma’ l-Istati Uniti, li japplika għall-aċċess, għall-manteniment, għall-użu u għar-rilaxx ta’ dawn id-dokumenti klassifikati. Fil-każ li bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti jiġi konkluż fil-futur ftehim applikabbli dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni, dan ikun jirregola l-aċċess, il-manteniment, l-użu u r-rilaxx ta’ Parti 1, Parti 2 u Parti 3. Għal issa, rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u membri ta’ l-istaff tal-Impriża Konġjunta GALILEO u l-Aġenzija Spażjali Ewropea jkunu mogħtija aċċess orali u viżiv għal Parti 2 għall-fini ta’ implimentazzjoni ta’ u konformità ma’ dan il-Ftehim, fuq il-bażi ta’ ċertifikazzjoni mogħtija minn Stat Membru li għandu GSOMIA jew GSOIA ma’ l-Istati Uniti, skond il-proċeduri u l-liġijiet ta’ sigurtà nazzjonali ta’ l-Istat Membru, u bil-GSOMIA jew il-GSOIA ma’ l-Istati Uniti. Rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u membri ta’ l-istaff ta’ l-Impriża Konġunta GALILEO u l-Aġenzija Spazjali Ewropea jingħataw aċċess għal Parti 1 u Parti 3 skond ir-regoli tas-sigurtà applikabbli. L-informazzjoni klassifikata għandha tkun f'kull ħin protetta u pproċessata biss f'faċilitajiet b'ċertifikazzjoni xierqa rigward is-sigurtà skond il-proċeduri ta’ sigurtà, il-liġijiet u l-GSOMIA jew il-GSOIA applikabbli.

    (3)

    L-ipotesi għal analiżi ta’ kompatibilità tas-sinjali tal-frekwenzi tar-radju jinsabu fid-dokument segwenti: “Reference Assumptions for GPS/GALILEO Compatibility Analyses”, tad-9 ta’ Gunju 2004, inklużi kwalunkwe emenda, bidla jew modifika futura għal dan id-dokument kif miftiehem mill-Partijiet kollha.

    (4)

    Il-metodoloġija għall-analiżi tal-kompatibilità tal-frekwenzi tar-radju tinsab fid-dokument segwenti: “Models and Methodology for GPS/GALILEO Radio Frequency Compatibility Analyses”, bid-data tat-18 ta’ Gunju 2004, inklużi kwalunkwe emenda, bidla jew modifika futura għal dan id-dokument kif miftiehem mill-Partijiet kollha.

    (5)

    Id-dħul, fil-messaġġi ta’ navigazzjoni tas-servizzi rispettivi tagħhom, tad-differenza fil-ħin bejn is-sistemi ta’ referenza tal-ħin ta’ GALILEO u tal-GPS hija deskritta fil-qosor fid-dokument segwenti: “GPS/GALILEO Time Offset Preliminary Interface Definition”, datat l-20 ta’ Marzu 2003, inklużi kwalunkwe emenda, bidla jew modifika futura għal dan id-dokument kif miftiehem mill-Partijiet kollha.

    (6)

    a)

    Minkejja l-Artikolu 20, il-paragrafu 6, kwalunkwe emenda, bidla jew modifika futura għad-dokumenti intitolati “National Security Compatibility Compliance for GPS and GALILEO Signals in the 1 559-1 610 MHz Band, Part 1, Part 2 and Part 3”, għandha tkun deċiża bi ftehim reċiproku minn sub-grupp tal-grupp ta’ ħidma stabbilit taħt l-Artikolu 13, il-paragrafu 2 (d), magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Uniti min-naħa l-waħda, u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxu għan-nom tal-Komunità Ewropea, li għandhom aċċess għal dawn id-dokumenti kklassifikati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness, u r-rappreżentanti ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom aċċess għal dawn id-dokumenti kklassifikati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness, min-naħa l-oħra. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu l-Partijiet.

    b)

    Minkejja l-Artikolu 20, il-paragrafu 6, kwalunkwe emenda, bidla jew modifika futura għad-dokumenti segwenti għandhom ikunu adottati bi ftehim reċiproku bejn ir-rappreżentanti xierqa tal-Partijiet fil-grupp ta’ ħidma stabbilit taħt l-Artikolu 13, il-paragrafu 2 (a), inkluż l-Istati Uniti: “Reference Assumptions for GPS/GALILEO Compatibility Analyses”; “Models and Methodology for GPS/GALILEO Radio Frequency Compatibility Analyses”; “GPS/GALILEO Time Offset Preliminary Interface Definition”. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet.


    Top