Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0810

    2011/810/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2011 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha titieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward ta’ talbiet għall-għoti u/jew l-estensjoni ta’ ċerti rinunzji mid-WTO

    ĠU L 324, 7.12.2011, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/810/oj

    7.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 324/29


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Novembru 2011

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha titieħed mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward ta’ talbiet għall-għoti u/jew l-estensjoni ta’ ċerti rinunzji mid-WTO

    (2011/810/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu IX tal-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) jistipula l-proċeduri għall-għoti ta’ rinunzji li jikkonċernaw il-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Annessi 1 A jew 1B jew 1C tad-WTO u l-annessi tagħhom.

    (2)

    Meta jsiru talbiet għal rinunzji fid-WTO, spiss żmien limitat ħafna huwa mogħti għad-deċiżjoni finali mill-korp rilevanti tad-WTO dwar dawn it-talbiet, filwaqt li r-reazzjoni fil-pront minn membri tad-WTO hija meħtieġa.

    (3)

    Huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġu approvati bil-ħeffa t-talbiet għall-għoti u/jew l-estensjoni ta’ rinunzji annwali relatati mal-introduzzjoni tas-Sistema Armonizzata tad- Deskrizzjoni u l-Kodifika tal-Prodotti Bażiċi (l-hekk imsejħa Sistema Armonizzata, HS) fl-1 ta’ Jannar 1988, u l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames emendi, irrakkomandati mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, imsemmija rispettivament “il-bidliet HS92” (li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1992), “il-bidliet HS96” (li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1996), “il-bidliet HS2002” (li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002), “il-bidliet HS2007” (li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007) u “l-bidliet HS2012” (li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012), kif ukoll emendi futuri tal-HS, li tistabbilixxi l-obbligu li jiġu introdotti dawn il-bidliet fl-iskedi tal-konċessjonijiet tal-Membri (li jittrasponu l-Iskedi ta’ konċessjonijiet ta’tariffi ġewwa n-nomenklatura HS).

    (4)

    Ir-rinunzja attwali li tippermetti lil Cape Verde biex testendi l-perjodu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT 1994) u tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Valutazzjoni Doganali se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Kwalunkwe estensjoni ta’ dik ir-rinunzja tkun ta’ importanza ekonomika u kummerċjali minima għall-Unjoni.

    (5)

    Ir-rinunzja attwali relatata mal-programm tal-Kanada ta’ preferenza fil-kummerċ CARIBCAN se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Kwalunkwe estensjoni ta’ dik ir-rinunzja tkun ta’ importanza ekonomika u kummerċjali minima għall-Unjoni u tkun ukoll konformi mal-politika tal-Unjoni li tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ preferenzi kummerċjali.

    (6)

    Ir-rinunzja attwali li tippermetti lil Kuba biex tidderoga mill-paragrafu 6 tal-Artikolu XV tal-GATT 1994 se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Kwalunkwe estensjoni ta’ dik ir-rinunzja tkun ta’ importanza ekonomika u kummerċjali minima għall-Unjoni.

    (7)

    Ir-rinunzja attwali li tippermetti lill-pajjiżi parteċipanti fl-iskema taċ-ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley li jimponu ċerti restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-hekk imsejħa “id-djamanti tad-demm” ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Kwalunkwe estensjoni ta’ dik ir-rinunzja tkun ta’ importanza ekonomika u kummerċjali minima għall-Unjoni filwaqt li tkun ta’ rilevanza kbira għar-relazzjonijiet kummerċjali globali tagħha.

    (8)

    Huwa għalhekk importanti, li tiġi stabbilità il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tad-WTO rigward dawk ir-rinunzji,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazjoni Dinija għall-Kummerċ hija li tappoġġa t-talbiet li ġejjin relatati mar-rinunzji mid-WTO skont il-paragrafi 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO:

    (a)

    talbiet għall-għoti u/jew l-estensjoni ta’ rinunzji relatati mal-introduzzjoni tas-Sistema Armonizzata tad-Deskrizzjoni u l-Kodifika tal-Prodotti Bażiċi (HS) u l-emendi tagħha mill-1992 (“il-bidliet HS92”), l-1996 (“il-bidliet HS96”), l-2002 (“il-bidliet HS2002”), l-2007 (“il-bidliet HS2007”) u l-2012 (“il-bidliet HS2012”), kif ukoll emendi HS futuri, li jistabbilixxu l-obbligu li jintroduċu dawn il-bidliet fl-iskedi tal-konċessjonijiet tal-Membri;

    (b)

    talbiet għall-estensjoni ta’ rinunzja li tippermetti lil Cape Verde biex testendi l-perjodu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu VII GATT 1994 u tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Valutazzjoni Doganali;

    (c)

    talbiet għall-estensjoni ta’ rinunzja li tippermetti lill-Kanada biex tagħti trattament preferenzjali lil pajjiżi magħżula li qed jiżviluppaw (il-Programm CARIBCAN);

    (d)

    talbiet għall-estensjoni tar-rinunzja li jippermettu lil Kuba li tidderoga mill-paragrafu 6 tal-Artikolu XV GATT 1994;

    (e)

    talbiet għall-estensjoni tar-rinunzja relatati mal-iskema taċ-ċertifikazzjoni tal-Proċess Kimberley.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni għandha tinforma biżżejjed bil-quddiem lill-Kunsill permezz tal-Kumitat dwar il-Politika tal-Kummerċ dwar kull laqgħa tal-korp rilevanti tad-WTO li fih tista’ tittieħed deċiżjoni dwar talba koperta b’din id-Deċiżjoni. Fi żmien 10 t’ijiem ta’ xogħol mid-data meta l-Kummissjoni tkun informat lill-Kumitat tal-Politika tal-Kummerċ, il-Kunsill jista’ jitlob li l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali tal-Kunsill dwar it-talba għal rinunzja inkwistjoni tiġi segwita.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar li tiġi adottata.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VINCENT-ROSTOWSKI


    Top