Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0808

2011/808/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta’ Diċembru 2011 li temenda u testendi l-perijodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/371/UE dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Madagaskar taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

ĠU L 324, 7.12.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/05/2014; Imħassar b' 32014D0323

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/808/oj

7.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Diċembru 2011

li temenda u testendi l-perijodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/371/UE dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Madagaskar taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

(2011/808/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u modifikat f'Ouagadougou, Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fil-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Bi ftehim mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2010/371/UE tas-7 ta’ Ġunju 2010 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Madagaskar taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (4) ġiet adottata bil-għan li jiġu implimentati l-miżuri xierqa b'segwitu għall-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-imsemmi Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

(2)

Dawn il-miżuri xierqa ġew estiżi sas-6 ta' Diċembru 2011 permezz tad-Deċiżjoni 2011/324/UE (5) tat-30 ta' Mejju 2011, billi wara l-perijodu ta' tnax-il xahar, l-ebda pjan direzzjonali relatat mal-proċess ta’ tranżizzjoni konsenswali ma ġie ffirmat min-naħa tal-Madagaskar jew approvat mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC), mill-Unjoni Afrikana jew mill-Komunità Internazzjonali.

(3)

Bħala riżultat tal-isforzi importanti mill-partiti politiċi kollha tal-Madagaskar, permezz tal-medjazzjoni tas-SADC, ġie iffirmat fis-16 ta' Settembru 2011, mill-maġġoranza kbira tal-atturi politiċi tal-Madagaskar, "pjan direzzjonali" għall-ħruġ mill-kriżi fil-Madagaskar. Dan il-pjan direzzjonali jindika l-impenji li l-firmatarji qablu li jieħdu biex jitwettaq il-proċess ta' tranżizzjoni newtrali, inklussiv u konsenswali, li għandu jwassal għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbi, ħielsa u trasparenti li jippermettu r-ritorn tal-ordni kostituzzjonali. L-implimentazzjoni tiegħu diġà nbdiet bil-ħatra ta' Prim Ministru ta’ konsensus fit-28 ta' Ottubru 2011.

(4)

Konsegwentement, jaqbel li l-miżuri xierqa fis-seħħ jiġu emendati sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' takkumpanja l-proċess ta' tranżizzjoni, bil-kondizzjoni li l-Madagaskar ikun issodisfa l-impenji marbuta mal-kisbiet ewlenin tal-"pjan direzzjonali", jew dawk li jista' jintlaħaq ftehim dwarhom matul id-djalogu politiku li jista' jsir bejn il-gvern tal-Madagaskar u l-Unjoni.

(5)

Il-perijodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/371/UE jiskadi fis-6 ta’ Diċembru 2011. Il-miżuri xierqa kif ġew emendati minn din id-Deċiżjoni għandhom ikunu applikabbli matul perijodu ta' tnax-il xahar, mingħajr preġudizzju għar-reviżjoni regolari tagħhom matul dan il-perijodu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/371/UE hija b’dan emendata kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 3, it-tieni sentenza hija sostitwita mit-test segwenti:

"Hi għandha tibqa' fis-seħħ sas-6 ta' Diċembru 2012, suġġett għal reviżjoni regolari tagħha matul dan il-perijodu.".

2)

Il-miżuri xierqa speċifikati fl-ittra fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/371/UE tas-7 ta' Ġunju 2010 huma sostitwiti mill-miżuri xierqa speċifikati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

(3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

(4)  ĠU L 169, 3.7.2010, p. 13.

(5)  ĠU L 146, 1.6.2011, p. 2.


ANNESS

ABBOZZ TA' ITTRA INDIRIZZATA LILL-PRESIDENT TA’ TRANŻIZZJONI

Eċċellenza,

L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 u modifikat f'Ouagadougou, Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”). Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-Istat tad-Dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u għalhekk, jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

Permezz ta' ittra ddatata s-16 ta’ Ġunju 2011, l-Unjoni Ewropea għarrfitek bid-Deċiżjoni tagħha 2011/324/UE li testendi l-miżuri xierqa sas-6 ta' Diċembru 2011 skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

Minn dakinhar, l-Unjoni Ewropea segwiet mill-qrib is-sitwazzjoni politika f'pajjiżek u akkumpanjat b'mod attiv l-isforzi ta' medjazzjoni, approvati partikolarment mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u sostnuti partikolarment mill-Kummissjoni tal-Oċean Indjan u l-imsieħba Afrikani oħrajn, li finalment ippermettew l-iffirmar fis-16 ta' Settembru 2011, tal-"pjan direzzjonali" għall-ħruġ mill-kriżi fil-Madagaskar, hekk kif emendat u spjegat rigward ir-ritorn fil-Madagaskar taċ-ċittadini kollha tiegħu li jinsabu f'eżilju minħabba raġunijiet politiċi wara s-summit tas-SADC tal-11 u t-12 ta' Ġunju 2011.

L-Unjoni Ewropea laqgħat dan l-iffirmar li jiftaħ it-triq għal proċess ta' tranżizzjoni li għandu jwassal għall-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbi, ħielsa u trasparenti li jippermettu r-ritorn rapidu tal-ordni kostituzzjonali L-Unjoni Ewropea fakkret li hija ser tibqa' disponibbli biex tagħti l-akkumpanjament politiku u finanzjarju tagħha u biex takkumpanja l-proċess ta' tranżizzjoni, bi tweġiba għall-appell li għandu jsir mis-SADC u mill-Unjoni Afrikana (UA), u f'kollaborazzjoni stretta mal-Komunità Internazzjonali. L-Unjoni Ewropea hija lesta tintensifika d-djalogu politiku mal-awtoritajiet ta’ tranżizzjoni maħluqa b'riżultat tal-implimentazzjoni tal-"pjan direzzjonali" sabiex jiġu eżaminati l-kondizzjonijiet u l-mekkaniżmi ta' dan l-akkumpanjament.

Konformement mal-Artikoli 4, 5, 6 u 8 tal-"pjan direzzjonali", il-ħatriet tal-Prim Ministru ta’ konsensus u tal-Gvern ta' tranżizzjoni jikkostitwixxu stadji kruċjali fl-implimentazzjoni tal-proċess, għaliex dawn huma responsabbli mill-istabbiliment tal-kondizzjonijiet meħtieġa bil-ħsieb tal-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbi, ħielsa u trasparenti, f'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali.

L-akkumpanjament politiku u finanzjarju tal-Unjoni Ewropea huwa soġġett għar-rispett min-naħa tal-Madagaskar tal-impenji deskritti kif ġej:

L-impenji min-naħa tal-Madagaskar

L-impenji tal-Unjoni Ewropea

L-iffirmar tal-pjan direzzjonali

Id-dikjarazzjoni tal-kelliem mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) (risposta pożittiva li tilqa' l-iffirmar tal-pjan direzzjonali u li tesprimi r-rieda li tagħti akkumpanjament politiku u finanzjarju għall-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni, soġġett għat-twettiq tagħha)

L-ewwel kuntatti ta' livell għoli mal-awtoritajiet tal-Madagaskar (żjara ta' żewġ Ministri tal-Madagaskar)

L-identifikazzjoni/il-formulazzjoni tal-programmi ta’ sostenn lill-popolazzjonijiet vulnerabbli (programm dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ikel, programm ta' sostenn għas-soċjetà ċivili, programm dwar is-sigurtà tal-ikel/l-infrastrutturi rurali, programm dwar passaġġi rurali ta’ intensità għolja fil-forza tax-xogħol (HIMO)) taħt l-10 il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għal ammont ta’ madwar EUR 100 miljun u l-linji baġitarji

L-identifikazzjoni tal-programmi ta’ akkumpanjament tat-tranżizzjoni taħt l-10 FEŻ u l-linji baġitarji

L-identifikazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp taħt l-10 FEŻ b'mod partikolari permezz tal-Faċilità għall-Kooperazzjoni Teknika (FKT) ta' EUR 6 miljuni (fl-oqsma ta' interventi speċifikati mill-Programmi Indikattivi Nazzjonali (PIN) tal-10 FEŻ) u l-linji baġitarji u tal-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-ħatra tal-Prim Ministru ta’ konsensus u ta’ gvern ta' tranżizzjoni ta' unità nazzjonali

Ir-rikonoxximent tal-leġittimità tal-President ta’ tranżizzjoni u tal-gvern ta' tranżizzjoni, li jwassal għall-preżentazzjoni tal-kredenzjali tal-Ambaxxatur tal-UE għall-Madagaskar

Ir-risposta pożittiva u l-parteċipazzjoni attiva tal-UE, f'konsultazzjoni mal-SADC u mal-Unjoni Afrikana, fil-koordinazzjoni tar-rispons konġunt tal-komunità internazzjonali

L-identifikazzjoni tal-miżuri ta' sostenn elettorali permezz ta' strumenti varji, fosthom b'mod partikolari l-istrument għall-istabbiltà, skont il-fondi disponibbli

Il-formulazzjoni tal-proġetti ta' akkumpanjament tat-tranżizzjoni taħt l-10 FEŻ u l-linji baġitarji

Il-formulazzjoni ta’ programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp taħt l-10 FEŻ (fl-oqsma ta' intervent speċifikati mill-PIN tal-10 FEŻ) u l-linji baġitarji

L-istabbiliment tal-Parlament transizzjonali u tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) u l-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta' qafas elettorali kredibbli bis-sostenn tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (ir-rapport tal-missjoni ta’ evalwazzjoni elettorali)

Jekk ir-rapport tal-missjoni ta' evalwazzjoni elettorali tan-NU jitqies bħala sodisfaċenti u l-iskeda elettorali bħala realistika:

L-inklużjoni tal-Madagaskar fil-lista tal-pajjiżi prijoritarji għal missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fl-2012, u konsegwentement, il-konferma tar-rieda tal-Unjoni li tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE, skont il-fondi disponibbli u tar-riżultati ta’ missjoni esploratorja

Il-formulazzjoni tal-miżuri ta' sostenn elettorali permezz ta' strumenti varji, fosthom b'mod partikolari l-istrument għall-istabbiltà, skont il-fondi disponibbli

L-adozzjoni ta' liġi ta' amnestija rratifikata mill-Parlament transizzjonali u l-adozzjoni mill-imsemmi Parlament ta' liġi li biha jiġu ddefiniti l-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni tar-riżenja tal-President ta’ tranżizzjoni, tal-Prim Ministru u tal-Gvern ta’ tranżizzjoni jekk dawn jiddeċiedu li jkunu kandidati għall-elezzjonijiet

L-identifikazzjoni/il-formulazzjoni ta' azzjonijiet ta' sostenn għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u d-demokratizzazzjoni

Isiru elezzjonijiet leġislattivi u presidenzjali

Tintbagħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE, skont il-fondi disponibbli

It-tħabbir tar-riżultati tal-elezzjonijiet

Id-dikjarazzjoni tar-RGħ dwar l-iżvolġiment u r-riżultati tal-elezzjonijiet, li tivvaluta l-kredibbiltà tagħhom

F'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-elezzjonijiet, it-tnedija ta' proċedura għat-tħassir tad-Deċiżjoni taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tkomplija tal-funzjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali

President, Gvern u Parlament stabbiliti mill-ġdid u r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali

Id-dikjarazzjoni tal-UE, mir-RGħ u mill-Kummissarju inkarigat mil-qasam tal-iżvilupp, li tilqa' r-ritorn għall-ordni kostituzzjonali u tikkonferma n-normalizzazzjoni totali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Madagaskar flimkien mat-tkomplija sħiħa tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

It-tħassir tad-Deċiżjoni taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tkomplija tal-funzjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti nazzjonali

Aħna nħeġġuk, kif ukoll lill-imsieħba politiċi tal-Madagaskar kollha, sabiex tissokkta bl-akbar perseveranza, fl-isforzi tiegħek biex jiġi implimentat il-pjan direzzjonali mill-aktar fis possibbli bil-għan li l-Unjoni Ewropea tkun tista' takkumpanja l-proċess ta' tranżizzjoni konsenswali u newtrali sabiex il-Madagaskar joħroġ mill-kriżi.

L-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tissostitwixxi l-miżuri xierqa speċifikati fl-ittra li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2010/371/UE bil-miżuri xierqa li ġejjin:

l-għajnuna umanitarja u ta' urġenza ma tkunx affettwata,

il-Kummissjoni Ewropea ser timplimenta ċerti proġetti u programmi li jkunu ta’ benefiċċju dirett għall-popolazzjoni,

is-sostenn baġitarju previst fil-PIN tad-9 u l-10 FEŻ jibqa' sospiż,

il-proġetti u l-programmi li huma diġà fis-seħħ skont id-9 FEŻ ser ikomplu għaddejjin, minbarra l-azzjonijiet u l-pagamenti li jinvolvu direttament lill-gvern u lill-aġenziji tiegħu, bil-possibbiltà ta' reviżjoni li tiddipendi mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni politika. L-emendi u l-addenda għall-kuntratti li jinsabu fis-seħħ bħalissa għandhom ikunu eżaminati fuq bażi ta' każ b'każ,

il-proġetti reġjonali jiġu evalwati fuq bażi ta' każ b'każ,

l-implimentazzjoni tal-PIN tal-10 FEŻ tkun soġġetta għar-rispett li jintwera min-naħa tal-Madagaskar lejn l-impenji tiegħu, hekk kif speċifikati fit-tabella ta' hawn fuq. Tali rispett ser iġib gradwalment ir-risposta tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tkomplija progressiva tal-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-miżuri ta' akkumpanjament tat-tranżizzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-akkumpanjament għall-proċess elettorali, u eventwalment it-tkomplija sħiħa tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bit-tqegħid tal-maġġoranza tal-fondi għad-dispożizzjoni tal-Madagaskar.

Dawn il-miżuri ser jibqgħu fis-seħħ għal perijodu ta' tnax-il xahar, iżda ser ikunu jistgħu jiġu riveduti fi kwalunkwe waqt, skont l-iżviluppi pożittivi jew negattivi tas-sitwazzjoni politika fil-Madagaskar.

Nassigurawk, Sur President, mill-ikbar stima li għandna lejk.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Kunsill

Għall-Kummissjoni


Top