Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2009C0471

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 471/09/COL tal- 25 ta’ Novembru 2009 li temenda, għall-erbgħa u sebgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali

    ĠU L 231, 8.9.2011, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/471(2)/oj

    8.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 231/23


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 471/09/COL

    tal-25 ta’ Novembru 2009

    li temenda, għall-erbgħa u sebgħin darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 u 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), u partikolarment l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

    BILLI taħt l-Artikolu 24 tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    BILLI skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet trattati fil-Ftehim taż-ŻEE, jekk dak il-Ftehim jew il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti hekk jipprovdu espressament jew jekk l-Awtorità tqis li hu meħtieġ,

    FILWAQT LI TFAKKAR ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (4),

    BILLI, fil-11 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem il-Kummissjoni KE) ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ soġġett għan-notifika individwali (5),

    BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    BILLI għandha tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat taż-ŻEE fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

    BILLI, skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fl-aħħar tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma’ dawk adottati mill-Kummisssjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

    WAQT LI TFAKKAR li l-Awtorità kkonsultat mal-Istati tal-EFTA permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Ottubru 2009 dwar is-suġġett (Avveniment Nri 532318, 532294 u 532322.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għandhom ikunu emendati bl-introduzzjoni ta’ kapitolu ġdid dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għal taħriġ soġġett għall-notifika individwali. Il-Kapitolu l-ġdid jinsab f’Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-verżjoni Ingliża biss hija awtentika.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA

    Per SANDERUD

    President

    Kurt JÄGER

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

    (2)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

    (3)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti”.

    (4)  Il-linji gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġin mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 231 tat-3 ta’ Settembru 1994 p. 1 u fis-Supplimenti taż-ŻEE Nru 32 tat-3 ta’ Settembru 1994 p. 1. Minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat”. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tinsab fuq il-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/

    (5)  Ippubblikat fil-ĠU C 188, 11.8.2009, p. 1.


    ANNESS

    KRITERJI GĦALL-ANALIŻI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦAT-TAĦRIĠ SOĠĠETTA GĦAL NOTIFIKA INDIVIDWALI  (1)

    1.   Introduzzjoni

    1.

    It-taħriġ ġeneralment għandu effetti esterni pożittivi għas-soċjetà kollha kemm billi jżid il-grupp ta’ ħaddiema mħarrġa li minnhom jistgħu jieħdu l-impriżi u kemm billi jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija u jippromwovi soċjetà tal-għarfien li kapaċi tħaddan triq ta’ żvilupp iżjed innovattiva.

    2.

    Madankollu, l-impriżi jistgħu jipprovdu livell ta’ taħriġ inqas minn dak soċjalment ottimali jekk l-impjegati jkunu liberi li jibdlu lil min iħaddimhom u impriżi oħra jkunu jistgħu jgawdu milli jirreklutaw ħaddiema mħarrġa minnhom. Dan huwa minnu b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda t-taħriġ immirat lejn ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti bejn l-impriżi. L-għajnuna mill-Istat tista' tgħin sabiex toħloq inċentivi addizzjonali għal min iħaddem sabiex jipprovdi taħriġ f'livell li huwa mixtieq mis-soċjetà.

    3.

    Dan il-Kapitolu jistabbilixxi gwida dwar il-kriterji li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) ser tapplika għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna għat-taħriġ. Din il-gwida hija maħsuba biex tagħmel ir-raġunament tal-Awtorità trasparenti u biex toħloq previdibbiltà u ċertezza legali. Skont l-Artikolu 6(1)(g) tal-Att imsemmi fil-Punt 1j tal-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa), (2) kif adattat għall-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-ewwel Protokoll tiegħu (3) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa”), kwalunkwe għajnuna individwali għat-taħriġ, kemm jekk tingħata ad hoc kif ukoll fuq il-bażi ta’ skema, ser tkun soġġetta għal din il-gwida meta l-ekwivalenti tal-għotja tagħha taqbeż EUR 2 miljun għal kull proġett ta’ taħriġ.

    4.

    Il-kriterji stipulati f'din il-gwida mhux ser jiġu applikati b'mod mekkaniku. Il-livell tal-valutazzjoni mill-Awtorità u t-tip ta’ informazzjoni li tista' titlob ser ikunu proporzjonati għar-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ambitu tal-analiżi ser jiddependi fuq in-natura tal-każ.

    2.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

    2.1.   Eżistenza ta’ nuqqasijiet fis-suq

    5.

    Ħaddiema mħarrġa jikkontribwixxu sabiex iżidu l-produttività u l-kompetittività tal-impriżi. Madankollu, min iħaddem u l-impjegati jistgħu ma jinvestux biżżejjed fit-taħriġ għal numru ta’ raġunijiet. L-impjegati jistgħu jillimitaw l-investimenti tagħhom fit-taħriġ jekk ma jkunux disposti għar-riskju, isofru minn limitazzjonijiet finanzjarji jew ikollhom diffikultajiet biex juru l-livell tal-għarfien li jkunu kisbu lil min iħaddimhom fil-ġejjieni.

    6.

    L-impriżi jistgħu joqogħdu lura milli jħarrġu lill-forza tax-xogħol tagħhom fil-livell li jkun ottimali għas-soċjetà kollha kemm hi. Dan huwa dovut għall-falliment tas-suq marbut mal-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ u mad-diffikultajiet biex jiġu approprjati l-kirjiet jekk l-impjegati jkunu liberi li jibdlu lil min iħaddimhom. L-impriżi jistgħu jinvestu inqas fit-taħriġ, jekk ikunu mħassba li ladarba jiġi mħarreġ, impjegat jitlaq qabel ma l-impriża tkun irkuprat l-investiment tagħha. L-impriżi jistgħu ma jkunux daqshekk ħerqana li jipprovdu taħriġ suffiċjenti lill-ħaddiema tagħhom sakemm l-ispiża tat-taħriġ ma tinfedhiex malajr jew ikun pjuttost speċifiku għall-ħtiġijiet tal-impriża kkonċernata jew sakemm ċerti klawsoli kuntrattwali ma jwaqqfux lill-impjegat imħarreġ milli jħalli l-impriża qabel mal-ispiża tat-taħriġ tkun ġiet ammortizzata jew (parti mill-)ispejjeż tat-taħriġ ikunu ġew irrimborsati.

    7.

    Investiment inadegwat fit-taħriġ jista' jseħħ ukoll jekk l-impriża tkun tista' tirkupra b'mod sħiħ l-investiment tagħha iżda l-benefiċċji privati tagħha jkunu iżgħar mill-benefiċċji tas-soċjetà kollha kemm hi. Tali esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ jistgħu jinħolqu b'mod partikolari jekk it-taħriġ itejjeb ħiliet li jistgħu jiġu trasferiti; jiġifieri ħiliet li jistgħu jintużaw f'iżjed minn impriża waħda. B'kuntrast, taħriġ speċifiku jħalli biss żidiet fil-produttività f'impriża speċifika u jista' jiġi faċilment approprjat mill-impriżi (4). Għalhekk l-għan li t-taħriġ speċifiku joħloq esternalitajiet pożittivi hija inqas qawwija mill-possibbiltà li t-taħriġ ġenerali joħloq tali esternalitajiet.

    8.

    Fejn l-impriżi huma ffaċċjati bi spejjeż ogħla u benefiċċji inċerti għat-taħriġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabilità (5) jista' jkun hemm inċentiv biex jipprovdu inqas taħriġ lil dawn il-gruppi. Madankollu, it-taħriġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabilità huwa ġeneralment mistenni li jipproduċi esternalitajiet pożittivi għas-soċjetà kollha kemm hi (6).

    9.

    L-Istati EFTA għandhom juru li hemm falliment tas-suq li jiġġustifika l-għajnuna. Fl-analiżi tagħha, fost affarijiet oħra, l-Awtorità ser tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

    (1)

    In-natura tat-taħriġ – jekk huwiex speċifiku jew ġenerali fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa; proġett wieħed ta’ taħriġ jista' jinkludi elementi kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi; taħriġ ġenerali jipproduċi aktar esternalitajiet pożittivi.

    (2)

    It-trasferibbiltà tal-ħiliet miksuba waqt it-taħriġ; aktar ma jkunu trasferibbli l-ħiliet, aktar ikun hemm probabbiltà ta’ esternalitajiet pożittivi; it-taħriġ ser jkun ikkunsidrat li jipprovdi ħiliet trasferibbli jekk, pereżempju:

    (a)

    it-taħriġ jiġi organizzat b'mod konġunt minn diversi impriżi indipendenti, jew jekk jistgħu jibbenefikaw mit-taħriġ impjegati ta’ impriżi differenti;

    (b)

    it-taħriġ ikun iċċertifikat, iwassal għal diploma rikonoxxuta jew jiġi validat minn awtoritajiet jew istituzzjonijiet pubbliċi;

    (c)

    it-taħriġ ikun immirat lejn il-kategoriji ta’ impjegati li huma kkaratterizzati minn tibdil qawwi fl-impriża u fis-settur ikkonċernat;

    (d)

    it-taħriġ jista' jkun utli għall-impjegat lil hinn mix-xogħol attwali tiegħu (impjiegi futuri f'impriża oħra, il-ħajja soċjali, il-benesseri, eċċ.).

    3.

    Il-parteċipanti fit-taħriġ: l-inklużjoni ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabilità tista' żżid l-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ.

    2.2.   L-għajnuna mill-Istat bħala strument politiku xieraq

    10.

    L-għajnuna mill-Istat mhijiex l-uniku strument politiku disponibbli għall-Istati EFTA biex jippromwovu t-taħriġ. Ħafna mit-taħriġ jiġi pprovdut mis-sistemi edukattivi (pereżempju universitajiet, skejjel, taħriġ vokazzjonali mwettaq jew sponsorjat minn awtoritajiet tal-Istat). It-taħriġ jista' jiġi segwit ukoll mill-individwi nfushom, bi jew mingħajr l-appoġġ ta’ min iħaddimhom.

    11.

    Meta l-Istat EFTA jkun ikkunsidra għażliet politiċi oħrajn, u l-vantaġġi li jintuża strument selettiv bħall-għajnuna mill-Istat għal impriża speċifika jkunu stabbiliti, il-miżuri kkonċernati jitqiesu li jikkostitwixxu strument adegwat. B'mod partikolari, l-Awtorità ser tieħu inkunsiderazzjoni kull valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li l-Istat EFTA jista' jkun għamel.

    2.3.   L-effett ta’ inċentiv u n-neċessità tal-għajnuna

    12.

    L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ trid twassal biex il-benefiċjarju tal-għajnuna jibdel l-imġiba tiegħu sabiex jipprovdi iżjed taħriġ u/jew taħriġ aħjar milli kieku kien jagħmel mingħajr l-għajnuna. Jekk ma jkunx hemm tali żieda fil-kwantità jew fil-kwalità tal-attivitajiet ippjanati ta’ taħriġ, l-għajnuna ma titqiesx li jkollha effett ta’ inċentiv.

    13.

    L-effett ta’ inċentiv huwa identifikat b'analiżi kontrofattwali, li tqabbel il-livelli tat-taħriġ intenzjonat bl-għajnuna u mingħajr għajnuna. Ħafna impjegaturi jħossuh bżonn li jħarrġu lill-impjegati tagħhom sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-impriżi tagħhom. Wieħed ma jistax jassumi li dejjem hija meħtieġa għajnuna mill-Istat għat-taħriġ, speċjalment għal taħriġ speċifiku.

    14.

    L-Istati EFTA għandhom juru lill-Awtorità l-eżistenza tal-effett tal-inċentiv kif ukoll il-ħtieġa tal-għajnuna. L-ewwel nett, il-benefiċjarju jrid ikun issottometta applikazzjoni għall-għajnuna lill-Istat EFTA kkonċernat qabel ma jkun beda l-proġett ta’ taħriġ. It-tieni nett, l-Istat EFTA jrid juri li l-għajnuna mill-Istat twassal għal żieda, bi tqabbil ma’ sitwazzjoni mingħajr għajnuna, fid-daqs, kwalità, ambitu jew parteċipanti fil-mira tal-proġett ta’ taħriġ. L-ammont addizzjonali ta’ taħriġ offrut bl-għajnuna jista' jintwera, pereżempju, permezz ta’ numru akbar ta’ sigħat jew korsijiet ta’ taħriġ, numru akbar ta’ parteċipanti, bidla minn taħriġ speċifiku għall-impriża għal taħriġ ġenerali, jew żieda fil-parteċipazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b'diżabilità.

    15.

    Fl-analiżi tagħha, fost affarijiet oħra, l-Awtorità ser tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

    (a)

    id-dokumenti interni tal-benefiċjarju tal-għajnuna dwar l-ispejjeż, il-baġits, il-parteċipanti, il-kontenut u l-iskedar tat-taħriġ għal żewġ xenarji: it-taħriġ bl-għajnuna u t-taħriġ mingħajr għajnuna;

    (b)

    l-eżistenza ta’ obbligu legali għal min iħaddem sabiex jipprovdi ċertu tip ta’ taħriġ (pereżempju, sigurtà): jekk ikun jeżisti obbligu bħal dan, l-Awtorità normalment tikkonkludi li m'hemm ebda effett ta’ inċentiv;

    (c)

    il-kredibbiltà tal-proġett ippreżentat, pereżempju, billi ssir referenza għal u jiġi mqabbel ma’ baġits tat-taħriġ għal snin preċedenti;

    (d)

    ir-relazzjoni bejn il-programm ta’ taħriġ u l-attivitajiet kummerċjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna: aktar ma tkun mill-qrib ir-relazzjoni, inqas ikun probabbli l-effett ta’ inċentiv. Pereżempju, it-taħriġ dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida f'settur speċifiku mhuwiex probabbli li jkollu effett ta’ inċentiv billi l-impriżi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jħarrġu lill-impjegati tagħhom dwar it-teknoloġija ġdida li ddaħħlet.

    2.4.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna

    16.

    L-Istat EFTA jrid juri li l-għajnuna hija meħtieġa u li l-ammont qiegħed jinżamm baxx kemm jista' jkun sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna.

    L-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati skont l-Artikolu 39 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u jkunu limitati għall-ispejjeż li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ taħriġ li ma kinux isiru mingħajr l-għajnuna.

    L-Istati EFTA jridu jipprovdu evidenza li l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx il-parti tal-ispejjeż eliġibbli li ma tistax tiġi approprjata mill-impriża (7). Fi kwalunkwe każ, l-intensitajiet tal-għajnuna qatt ma jridu jaqbżu dawk stabbiliti fl-Artikolu 39 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u ser jiġu applikati għall-ispejjeż eliġibbli (8).

    3.   L-effetti negattivi tal-għajnuna

    17.

    Jekk l-għajnuna tkun proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan tal-għajnuna, l-effetti negattivi tal-għajnuna x'aktarx ikunu limitati u għandu mnejn li analiżi tal-effetti negattivi ma tkunx meħtieġa (9). Madankollu, f'xi każijiet, anki fejn l-għajnuna tkun meħtieġa u proporzjonata għal impriża speċifika sabiex iżżid l-ammont ta’ taħriġ ipprovdut, l-għajnuna tista' twassal għal bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b'mod sinifikanti. F'dawn il-każijiet l-Awtorità ser tagħmel analiżi komprensiva tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-kobor tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna jista' jvarja skont l-arranġamenti tal-għajnuna u l-karatteristika tas-swieq affettwati (10).

    18.

    Il-karatteristiċi tal-għajnuna li jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà u d-daqs tat-distorsjoni huma:

    (a)

    is-selettività;

    (b)

    id-daqs tal-għajnuna;

    (c)

    (ir-ripetizzjoni u t-tul tal-għajnuna;

    (d)

    l-effett tal-għajnuna fuq l-ispejjeż tal-impriża.

    19.

    Pereżempju, skema ta’ taħriġ li tintuża biex tinkoraġġixxi lill-impriżi in generali fi Stat EFTA sabiex jagħmlu aktar taħriġ x'aktarx ikollha effett differenti fuq is-suq minn ammont kbir ta’ għajnuna mogħtija lil impriża waħda sabiex din tkun tista' żżid it-taħriġ tagħha. Din tal-aħħar x'aktarx tgħawweġ il-kompetizzjoni b'mod aktar sinifikanti minħabba li l-kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna isiru inqas kapaċi li jikkompetu (11). Id-distorsjoni tkun saħansitra akbar jekk l-ispejjeż tat-taħriġ fin-negozju tal-benefiċjarju jirrappreżentaw sehem kbir mill-ispejjeż totali.

    20.

    Fil-valutazzjoni tal-karatteristiċi tas-suq, li jistgħu jagħtu stampa aktar preċiża tal-impatt probabbli tal-għajnuna, l-Awtorità tikkunsidra fost ħwejjeġ oħra:

    (a)

    l-istruttura tas-suq; u

    (b)

    il-karatteristiċi tas-settur jew tal-industrija.

    21.

    L-istruttura tas-suq tiġi vvalutata permezz tal-konċentrazzjoni tas-suq, id-daqs tal-impriżi (12), l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-prodott (13), kif ukoll l-ostakli għad-dħul u l-ħruġ. L-ishma tas-suq u l-proporzjonijiet tal-konċentrazzjoni jiġu kkalkulati ladarba jiġi identifikat is-suq rilevanti. B'mod ġenerali, inqas ma jkun hemm impriżi, akbar ikun is-sehem tagħhom tas-suq, u inqas tkun il-kompetizzjoni li wieħed jistenna li josserva (14). Jekk is-suq affettwat ikun ikkonċentrat b'ostakoli kbar għad-dħul (15) u l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa attur prinċipali fih, f'dak il-każ ikun aktar probabbli li l-kompetituri jkollhom ibiddlu l-imġiba tagħhom bi tweġiba għall-għajnuna.

    22.

    Waqt li tkun qiegħda teżamina l-karatteristiċi tas-settur, l-Awtorità ser tqis fost affarijiet oħra l-importanza tal-ħaddiema mħarrġa għan-negozju, l-eżistenza ta’ kapaċità eċċessiva, jekk is-swieq fl-industrija humiex qegħdin jikbru, humiex maturi jew humiex sejrin lura, l-istrateġiji tal-finanzjament tal-kompetituri għat-taħriġ (għajnuna mill-istat, impjegati, min iħaddem). Pereżempju, l-għajnuna għat-taħriġ f'industrija li sejra lura tista' żżid ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi żżomm impriża ineffiċjenti għaddejja.

    23.

    F'każijiet partikolari, l-għajnuna għat-taħriġ tista' twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni f'dak li jirrigwarda d-dħul fis-suq u l-ħruġ minnu, l-effett fuq il-flussi tal-kummerċ u l-eliminazzjoni tal-investiment fit-taħriġ.

    Dħul fis-suq u ħruġ minnu

    24.

    F'suq kompetittiv, impriżi jbiegħu prodotti li jiġġeneraw il-qligħ. Billi taltera l-ispejjeż, l-għajnuna mill-Istat taltera il-profittabbiltà, u tista' għalhekk taffettwa d-deċiżjoni tal-impriża jekk toffriex prodott jew le. Pereżempju, għajnuna mill-Istat li tnaqqas l-ispejjeż rikorrenti tal-produzzjoni, bħalma hu t-taħriġ għall-impjegati, tagħmel id-dħul fis-suq aktar attraenti u tagħmilha possibbli għal impriżi li altrimenti jkollhom prospetti kummerċjali dgħajfa biex jidħlu fis-suq jew jintroduċu prodotti ġodda għad-detriment ta’ kompetituri aktar effiċjenti.

    25.

    Id-disponibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat tista' taffettwa wkoll id-deċiżjoni ta’ impriża li toħroġ minn suq li fih tkun diġà qed topera. L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ tista' tnaqqas id-daqs tat-telf u tagħmilha possibbli li impriża tibqa' fis-suq għal żmien itwal – li jista' jfisser li impriżi oħra, iżjed effiċjenti li ma jeħdux għajnuna jkunu sfurzati joħorġu huma minflok.

    Effett fuq il-flussi tal-kummerċ

    26.

    L-għajnuna mill-Istat għat-taħriġ tista' twassal biex ċerti territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ produzzjoni aktar favorevoli minn oħrajn. Dan jista' jwassal għall-ispostament tal-flussi tal-kummerċ favur ir-reġjuni fejn tingħata tali għajnuna.

    Qlugħ 'il barra tal-investiment fit-taħriġ

    27.

    Biex jissopravvivu fis-suq u jimmassimizzaw il-profitti, l-impriżi għandhom inċentivi sabiex jinvestu fit-taħriġ tal-ħaddiema. L-ammont ta’ investiment fit-taħriġ li kull impriża hija lesta li tagħmel jiddependi wkoll fuq kemm jinvestu l-kompetituri tagħha. L-impriżi li jkunu ssussidjati mill-istat jistgħu jnaqqsu l-investiment tagħhom stess. Inkella, jekk l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju tal-għajnuna jinvesti aktar, il-kompetituri jistgħu jirreaġixxu billi jnaqqsu n-nefqa tagħhom fuq it-taħriġ. Jekk, biex jiksbu l-istess għan, il-benefiċjarji tal-għajnuna jew il-kompetituri tagħhom jonfqu inqas fil-preżenza tal-għajnuna milli fin-nuqqas tagħha, l-investiment privat tagħhom fit-taħriġ tal-ħaddiema jiġi maqlugħ 'il barra mill-għajnuna.

    4.   Ibbilanċjar u deċiżjoni

    28.

    L-aħħar pass fl-analiżi huwa li jiġi evalwat sa fejn l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbu l-effetti negattivi tagħha. Dan l-eżerċizzju ser isir abbażi ta’ evalwazzjoni każ b'każ. Sabiex jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi u negattivi, l-Awtorità ser tevalwahom u tagħmel valutazzjoni globali tal-impatt tagħhom fuq il-produtturi u l-konsumaturi f'kull wieħed mis-swieq affettwati. Sakemm informazzjoni kwantitattiva ma tkunx disponibbli faċilment, l-Awtorità ser tuża informazzjoni kwalitattiva għall-finijiet tal-valutazzjoni.

    29.

    L-Awtorità x'aktarx tieħu pożizzjoni aktar pożittiva u għalhekk taċċetta grad ogħla ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, jekk l-għajnuna tkun meħtieġa, immirata tajjeb u proporzjonata għal impriża speċifika biex iżżid l-attivitajiet ta’ taħriġ tagħha u biex is-soċjetà tibbenefika mit-taħriġ żejjed ipprovdut aktar mill-benefiċjarju tal-għajnuna.


    (1)  Dan il-kapitolu jikkorrispondi mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej - Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-istat għat-taħriġ soġġetta għal notifika individwali 2009/C 188/01 (ĠU C 188 tal-11.8.2009, p. 1)

    (2)  ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3. Għal għajnuna ad hoc għat-taħriġ lil kumpanija kbira taħt il-limitu ta’ EUR 2 miljuni, il-Kummissjoni se tapplika mutatis mutandis il-prinċipji kif spjegati hawn taħt, għalkemm b'mod inqas dettaljat.

    (3)  Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 120/2008 tas-7.11.2008 (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 111, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 79, 18.12.2008), li daħlet fis-seħħ fit-8.11.2008.

    (4)  Madankollu, l-esternalitajiet tat-taħriġ ġenerali jistgħu jiġu approprjati wkoll mill-impriżi permezz ta’ klawsoli speċjali fil-kuntratti li jeħtieġu lil impjegat imħarreġ jibqa' fl-impriża għal perjodu definit ta’ żmien wara li huwa jkun irċieva tali taħriġ.

    (5)  Il-ħaddiema b'diżabilità u żvantaġġati huma definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa

    (6)  Pereżempju, soċjetà tagħti iżjed valur lit-taħriġ li jirċievu ħaddiema żgħażagħ u bi ftit ħiliet milli tagħmel impriża minħabba produttività perċepita jew reali aktar baxxa.

    (7)  Din hija dik il-parti tal-ispejjeż żejda tat-taħriġ li l-impriża ma tistax tirkupra billi tibbenefika direttament mill-ħiliet miksuba mil-impjegati tagħha waqt it-taħriġ.

    (8)  Ara wkoll il-prattika attwali fil-każisitika, pereżempju, C 35/2007, għajnuna għat-taħriġ lil Volvo Cars f'Gent, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/948/KE tat-23 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle (ĠU L 346, 23.12.2008, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/612/KE tal-4 ta’ April 2007 rigward l-għajnuna mill-Istat C 14/06 li l-Belġju qed jippjana biex iwettaq favur General Motors il-Belġju f'Antwerp (ĠU L 243, 18.9.2007, p. 71).

    (9)  Barra minn hekk, kieku s-suq tax-xogħol jaħdem perfettament, l-impjegati dejjem jistgħu jieħdu salarju akbar għall-ħiliet imtejba tagħhom minħabba t-taħriġ li rċevew u jassimilaw l-esternalitajiet pożittivi tat-taħriġ.

    (10)  Bl-għajnuna jistgħu jkunu affettwati numru ta’ swieq, għaliex l-impatt tal-għajnuna ma jistax jiġi ristrett għas-swieq fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna jkun attiv, iżda dan jista' jiġi estiż għal swieq oħrajn, pereżempju għas-swieq tas-servizzi anċillari.

    (11)  Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-għajnuna għat-taħriġ mogħtija lil settur sħiħ fi Stat EFTA wieħed tista' twassal għal distorsjoni tal-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

    (12)  Id-daqs tal-impriża jista' jiġi mfisser fit-termini tal-ishma tas-suq kif ukoll tal-fatturat u/jew tal-impjieg.

    (13)  Inqas ma jkun il-livell ta’ differenzjar bejn il-prodotti, ikbar ser ikun l-effett tal-għajnuna fuq il-profitti tal-kompetituri.

    (14)  Madankollu, importanti li wieħed jinnota li xi swieq huma kompetittivi minkejja li ftit hemm impriżi preżenti.

    (15)  Ta' min jinnota, madankollu, li xi kultant l-għoti ta’ għajnuna jgħin sabiex jingħelbu l-barrieri għad-dħul u jippermetti impriżi ġodda li jidħlu fis-suq.


    Top