EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0461

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2011 tat- 12 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (EU) Nru 397/2010 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq (is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni) 2010/2011

ĠU L 124, 13.5.2011, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/461/oj

13.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 124/41


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 461/2011

tat-12 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (EU) Nru 397/2010 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq (is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni) 2010/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS [ir-Regolament dwar l-OKS Waħdieni]) (1), u partikolarment l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 61, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iz-zokkor prodott matul sena ta’ kummerċjalizzazjoni li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi esportat biss skont il-limitu kwantitattiv li għandu jiġi stabbilit.

(2)

Ir-regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni għal esportazzjonijiet li jaqbżu l-kwota, b’mod partikolari dwar il-ħruġ tal-liċenzji tal-esportazzjoni, huma stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2). Madankollu, għal kull sena tas-suq [sena ta’ kummerċjalizzazzjoni], il-limitu kwantitattiv għandu jkun stabbilit abbażi tal-opportunitajiet possibbli fis-swieq tal-esportazzjoni.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 397/2010 tas-7 ta’ Mejju 2010 li jiffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju lil hinn mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011 (3) stabbilixxa l-limitu kwantitattiv għal 650 000 tunnellata. Din il-kwantità intużat malajr. Il-prezzijiet għolja attwali taz-zokkor ipprovdew inċentiv lill-kultivaturi biex fl-2011 jiżirgħu l-pitravi taz-zokkor f’zoni addizzjonali. Meta jiġi kkunsidrat li l-limitu tad-WTO għall-esportazzjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2010/2011 ma ntużax għal kollox, ikun xieraq li jiżdied il-limitu kwantitattiv għall-esportazzjoni b’700 000 tunellata, biex tiġi sfruttata kull possibiltà għall-prodott disponibbli. Din il-miżura se tipprovdi opportunitajiet addizzjonali ta’ negozju għas-settur taz-zokkor fl-Unjoni, inklużi l-opportunitajiet prospettivi għall-kultivaturi b’rabta maż-żriegħ fil-preżent, u dan għandu jkompli jistabbilizza aktar is-suq.

(4)

Sabiex tgħin lill-partiċipanti ekonomiċi jagħmlu l-ippjanar meħtieġ għall-operazzjonijiet tagħhom, l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ esportazzjoni għandhom ikunu permessi sa mill-ewwel ġimgħa ta’ Lulju. Huwa xieraq li għal din il-miżura jiġi stabbilit il-perjodu ta’ validità għal dawn il-liċenzji mill-1 ta’ Settembru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 biex il-miżura tkopri biss iz-zokkor prodott fil-ħsad il-ġdid ta’ Settembru.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 397/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 397/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1, il-Paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għas-sena tas-suq [ta’ kummerċjalizzazzjoni] 2010/2011, li tibda mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61(d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 1 350 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni taz-zokkor abjad li jaqbeż il-kwota kopert bil-kodiċi tan-NM 1701 99.”

(2)

L-Artikolu 2a għandu jiddaħħal kif ġej:

“Artikolu 2a

B’deroga mill-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, il-liċenzji tal-esportazzjoni li jinħarġu mill-4 ta’ Lulju 2011 għall-kwantitajiet stabbiliti bl-Artikolu 1 għandhom ikunu validi mill-1 ta’ Settembru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament għandu japplika mill-4 ta’ Lulju 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 115, 8.5.2010, p. 26.


Top