Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0106

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/106/PESK tal- 15 ta’ Frar 2011 dwar l-adattament u l-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

    ĠU L 43, 17.2.2011, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/02/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/106(1)/oj

    17.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 43/31


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/106/PESK

    tal-15 ta’ Frar 2011

    dwar l-adattament u l-estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut f'Ouagadougou, Burkina Faso fit-23 ta’ Ġunju 2010 (2), (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposti mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 2002/148/KE (4), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ngħalqu u ttieħdu miżuri xierqa kif speċifikat fl-Anness ma’ dik id-Deċiżjoni.

    (2)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/97/CFSP (5), il-miżuri msemmija fl-Anness għad-Deċiżjoni 2002/148/KE ġew adottati u l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom ġie estiż għal perjodu ta' 12-il xahar sal-20 ta' Frar 2011.

    (3)

    Il-ħolqien ta’ Gvern ta' Għaqda Nazzjonali (GNU) fiż-Żimbabwe ġie rikonoxxut bħala opportunità biex tiġi stabbilita mill-ġdid relazzjoni kostruttiva bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe u biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tal-programm ta’ riformi taż-Żimbabwe.

    (4)

    Madankollu, dan qed jiġi mminat min-nuqqas ta' progress mill-GNU biex jimplimenta ċerti elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, li għalih il-GNU kien impenja ruħu fil-Ftehim Politiku Globali (FPG).

    (5)

    Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri msemmija fid-Deċiżjoni 2002/148/KE għandu għalhekk jiġi estiż. Il-miżuri għandhom jiġu kostantement reviżjonati fid-dawl ta’ progress konkret fuq il-post.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżuri msemmijin fl-ittra annessa ma’ din id-Deċiżjoni huma b’dan estiżi bħala miżuri xierqa skont it-tifsira tal-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim tas-Sħubija AKP-UE.

    Dawn il-miżuri għandhom japplikaw sal-20 ta’ Frar 2012. Huma għandhom jinżammu taħt reviżjoni kontinwa.

    Artikolu 2

    L-ittra annessa ma’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-President Mugabe taż-Żimbabwe, u kopji tagħha għandhom jintbagħtu lill-Prim Ministru Tsvangirai u lid-Deputat Prim Ministru Mutambara.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    MATOLCSY Gy.


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

    (3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    (4)  ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64.

    (5)  ĠU L 44, 16.2.2010, p. 20.


    ANNESS

    ITTRA LILL-PRESIDENT TAŻ-ŻIMBABWE

    L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. Bħala elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim ta’ Sħubija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-istituzzjonijiet demokratiċi u għall-istat tad-dritt jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

    Bl-ittra datata 19 ta’ Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-Deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u li tieħu miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 96(2)(c) ta’ dak il-Ftehim.

    Bl-ittra datata 15 ta' Frar 2010, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjoni tagħha li ma tirrevokax il-miżuri xierqa u testendi l-perjodu ta' applikazzjoni sal-20 ta' Frar 2011.

    Minn meta twaqqaf il-Gvern ta' Għaqda Nazzjonali (GNU) fl-2009, il-progress miksub ibbażat fuq il-Ftehim Politiku Globali (FPG) kien milqugħ mill-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ttenni l-importanza kbira li tagħti lid-djalogu politiku, kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, li nbeda uffiċjalment wara talba tal-Gvern taż-Żimbabwe waqt it-Trojka Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 fi Brussell. Fil-Laqgħa Ministerjali l-aktar reċenti fit-2 ta' Lulju 2010, Delegazzjoni inklussiva miż-Żimbabwe immexxija mill-Ministru Mangoma, għaddiet verżjoni aġġornata tal-Pjan ta' Impenn tal-FPG. L-Unjoni Ewropea ħadet nota tal-progress li sar s'issa fl-implimentazzjoni tal-FPG u infurmat lill-Gvern taż-Żimbabwe permezz tal-ittra datata 29 ta' Settembru 2010 bl-allokazzjoni indikattiva tal-għaxar EDF (EUR 130 miljun biex isiru disponibbli meta jitneħħa l-Artikolu 96 u jiġi ffirmat id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż). L-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata li tintensifika aktar id-djalogu politiku tal-Artikolu 8.

    L-Unjoni Ewropea tappoġġa l-isforzi li qed tagħmel il-GNU biex timplimenta l-FPG, u tilqa' l-kisbiet li saru biex tiġi stabbilita l-ekonomija u biex jiġu restawrati servizzi soċjali bażiċi. Madankollu, l-Unjoni Ewropea jisgħobbiha min-nuqqas ta' progress fi ftehimiet politiċi ewlenin tal-FPG.

    L-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi lill-partijiet kollha li jifformaw il-GNU biex jibqgħu impenjati għall-implimentazzjoni tar-riformi demokratiċi kif imniżżla fil-GPA. L-Unjoni Ewropea tqis li l-progress f'dan il-qasam, bħall-fehim bejn il-partijiet kollha għall-GNU dwar passi konkreti lejn il-ħolqien ta' ambjent għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli, huwa ta' importanza kbira.

    F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea tilqa' d-diplomazija reġjonali intensifikata u l-isforzi tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-Istati Membri tagħha għall-ħolqien ta' ambjent li jwassal għall-elezzjonijiet.

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li testendi l-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri adatti mniżżlin fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE u adattati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/97/PESK sal-20 ta' Frar 2012. L-Unjoni Ewropea tixtieq tassigura liż-Żimbabwe dwar ir-rieda kontinwa tagħha li timpenja ruħha u tirrevedi fi kwalunkwe ħin ir-restrizzjonijiet fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Aħna nittamaw li jkun jista' jsir progress konkret fil-post li jippermetti li terġa' tibda kooperazzjoni sħiħa. F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea ser issegwi mill-qrib il-passi meħuda mill-gvern taż-Żimbabwe għall-iżgurar ta' elezzjonijiet kredibbli.

    Għoddni tiegħek,

    Għall-Unjoni Ewropea


    Top