Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0057

    2011/57/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv

    ĠU L 26, 29.1.2011, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/07/2011; Imħassar b' 32011D0734

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/57(1)/oj

    29.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 26/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Diċembru 2010

    li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv

    (2011/57/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 136(1)(a) TFUE jipprevedi l-possibiltà li jiġu adottati miżuri adattati speċifiċi għall-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro bil-għan li jsaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

    (2)

    L-Artikolu 126 TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċ tal-gvern eċċessiv u jistabbilixxi l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fil-parti korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn immedjat għal pożizzjonijiet baġitarji sodi filwaqt li jqis il-qagħda ekonomika.

    (3)

    Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Greċja.

    (4)

    Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE (1) (minn issa “id-Deċiżjoni”) indirizzata lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) TFUE u l-Artikolu 136 TFUE, bil-ħsieb li tissaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit meqjusa neċessarji biex tkun rimedjata s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv mhux aktar tard mid-data ta’ skadenza fl-2014. Il-Kunsill stabbilixxa l-perkors li ġej għall-korrezzjoni tad-defiċit: defiċit tal-gvern li ma jaqbiżx EUR 18 508-il miljun fl-2010, EUR 17 065-il miljun fl-2011, EUR 14 916-il miljun fl-2012, EUR 11 399-il miljun fl-2013 u EUR 6 385 miljuni fl-2014.

    (5)

    Skont il-previżjonijiet disponibbli meta l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni, il-PDG reali kien mistenni li jiċkien b’4 % fl-2010 u 2,5 % fl-2011, u jirkupra wara, b’rati ta’ tkabbir ta’ 1,1 % fl-2012, u 2,1 % fl-2013 u l-2014. Id-deflator tal-PDG kien mistenni li jkun 1,2 %, - 0,5 %, 1,0 %, 0,7 % u 1,0 % għas-snin 2010 sal-2014, rispettivament. Minħabba l-iżviluppi ekonomiċi, il-PDG reali issa huwa mistenni li jiċkien b’4,25 % fl-2010 u bi 3 % fl-2011 u jirkupra wara b’rati ta’ tkabbir ta’ 1,1 % fl-2012, u 2,1 %fl-2013 u l-2014. Id-deflators tal-PDG issa huma mistennija li jkunu 3,0 %, 1,5 %, 0,4 %, 0,8 % u 1,2 % għas-snin 2010 sal-2014, rispettivament.

    (6)

    Fis-7 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/486/UE (2) li temenda d-Deċiżjoni.

    (7)

    Fil-15 ta’ Novembru 2010, il-Eurostat ivvalida l-istatistika tad-defiċit u d-dejn tal-Gvern Grieg, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (3). F’dik l-okkażżjoni, is-serje tad-defiċit u d-dejn għas-snin 2006-2009 kienu riveduti ‘l fuq. Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG għall-2009 kien rivedut minn 13,6 % tal-PDG għal 15,4 % tal-PDG, filwaqt li l-proporzjoni tad-dejn kien rivedut minn 115,1 % tal-PDG għal 126,8 % tal-PDG.

    (8)

    Il-Greċja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-miżuri mitluba mid-Deċiżjoni inkluż it-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern. Madankollu, ir-reviżjoni msemmija qabel f’serje statistika flimkien mal-ġbir dgħajjef tad-dħul u problemi oħra bl-implimentazzjoni baġitarja, inkluż l-akkumulazzjoni ta’ ammonti pagabbli, jimplikaw li l-limitu massimu tad-defiċit tal-gvern għall-2010 probabbilment mhux se jintlaħaq. Dan it-telf dovut għandu jkun irkuprat matul l-2011.

    (9)

    Fl-24 ta’ Novembru 2010, il-Greċja ppreżentat lill-Kunsill u l-Kummissjoni rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri ta’ politika li ttieħdu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u kkonkludiet li l-Greċja qed tikkonforma b’mod sodisfaċenti mad-Deċiżjoni.

    (10)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, jidher xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni f’għadd ta’ aspetti, filwaqt li titħalla kif inhi l-iskadenza għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv u l-perkors ta’ aġġustament għad-defiċit tal-gvern u ż-żieda tad-dejn tal-gvern f’termini nominali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2010/320/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1(3), it-tieni sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “Abbażi tal-previżjonijiet ta’ Novembru 2010 dwar il-PDG, il-perkors korrespondenti għall-proporzjon ta’ dejn mal-PDG ma għandux ikun iktar minn 143 % fl-2010, 153 % fl-2011, 157 % fl-2012, 158 % fl-2013 u 156 % fl-2014.”;

    (2)

    fl-Artikolu 2(3), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li ssaħħaħ il-qafas fiskali. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari, t-twaqqif ta’ qafas fiskali fuq il-medda medja ta’ żmien, il-ħolqien ta’ riżerva ta’ kontinġenza obbligatorja fil-baġit li tikkorrispondi għal 5 % tal-approprjazzjonijiet totali tad-dipartimenti tal-gvern, esklużi s-salarji, l-pensjonijiet u l-interessi, it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ aktar b’saħħithom fuq in-nefqa u t-twaqqif ta’ uffiċċju tal-baġit magħqud mal-Parlament;”;

    (3)

    l-Artikolu 2(3), il-punt (g) huwa mħassar;

    (4)

    fl-Artikolu 2(3) il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(k)

    ġestjoni aħjar tal-assi pubbliċi, bil-għan li jinġabru mill-inqas EUR 7 biljuni waqt il-perijodu 2011-2013, li minnhom mill-anqas EUR 1 biljun fl-2011 u r-rikavat mill-bejgħ tal-assi (assi immobiljari u assi finanzjarji) għandu jintuża biex jinfeda d-dejn u mhux se jnaqqas l-isforzi tal-konsolidazzjoni fiskali għall-konformità tal-limiti massimi tad-defiċit fl-Artikolu 1(2);”;

    (5)

    fl-Artikolu 2(3), il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(m)

    digriet li jipprojbixxi l-gvernijiet lokali milli jkollhom defiċits mill-inqas sal-2014; tnaqqis fit-trasferimenti lill-gvern lokali f’konformità mal-iffrankar ippjanat u t-trasferimenti ta’ kompetenzi;”;

    (6)

    fl-Artikolu 2(3), il-punt (o) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(o)

    implimentazzjoni ta’ sistema uniformi ta’ preskrizzjoni elettronika; pubblikazzjoni tal-lista tal-prezzijiet kompluta għall-mediċini fis-suq; applikazzjoni tal-lista ta’ mediċini li mhumiex rimborżati u lista ta’ mediċini li jistgħu jinbigħu mingħajr preskrizzjoni; pubblikazzjoni tal-lista l-ġdida ta’ mediċini rimburżati bl-użu tas-sistema ġdida ta’ prezz ta’ referenza; l-użu tal-informazzjoni disponibbli permezz tal-preskrizzjoni elettronika u l-iskennjar għall-ġbir ta’ roħs mill-kumpaniji farmaċewtiċi; introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jippermetti li n-nefqa farmaċewtika tkun ivvalutata kull xahar; infurzar ta’ kopagamenti għal servizzi ambulatorji regolari ta’ EUR 5 u l-estensjoni ta’ kopagamenti ta’ żjarat mhux mixtieqa lid-dipartimenti tal-emerġenza; pubblikazzjoni ta’ kontijiet awditjati għall-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa; ħolqien ta’ taskforce indipendenti ta’ esperti tal-politika tas-saħħa li l-kompitu tagħhom huwa li sal-aħħar ta’ Mejju 2011 jipproduċu rapport dettaljat għal riforma kumplessiva tas-sistema tas-saħħa bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema tas-saħħa;”;

    (7)

    fl-Artikolu 2(3), il-punt (p) huwa mħassar.

    (8)

    fl-Artikolu 2(3) jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(q)

    tnaqqis ulterjuri fin-nefqa operazzjonali b’mill-inqas 5 % li jwassal għal iffrankar ta’ mill-inqas EUR 100 miljun;

    (r)

    tnaqqis ulterjuri fit-trasferimenti li jwassal għal iffrankar għall-gvern kollu ta’ mill-inqas EUR 100 miljun. L-entitajiet pubbliċi benefiċjarji se jiżguraw tnaqqis addizzjonali fin-nefqa sabiex ma jkunx hemm akkumulazzjoni ta’ arretrati;

    (s)

    verifika tal-mezzi tal-benefiċċji tal-familja minn Jannar 2011 ‘il quddiem li se twassal għal iffrankar ta’ mill-inqas EUR 150 miljun (nett mill-kosti amministrattivi rispettivi);

    (t)

    tnaqqis mix-xiri ta’ tagħmir militari (kunsinni) b’mill-inqas EUR 500 miljun meta mqabbel mal-livell reali tal-2010;

    (u)

    tnaqqis fin-nefqa fuq prodotti farmaċewtiċi mill-fondi tas-sigurtà soċjali b’EUR 900 miljun minħabba tnaqqis ulterjuri fil-prezzijiet tal-mediċini u minħabba proċeduri ġodda tal-akkwist pubbliku; u mill-isptarijiet (inkluż wkoll in-nefqa fuq it-tagħmir) b’mill-inqas EUR 350 miljun;

    (v)

    tibdil fil-maniġment, l-ipprezzar u l-pagi tal-intrapriżi pubbliċi li se jwassal għal iffrankar ta’ mill-inqas EUR 800 miljun;

    (w)

    ekwalizzazzjoni tat-tassazzjoni fuq iż-żejt tat-tisħin u d-dijżil wara l-15 ta’ Ottubru 2011, bl-għan li jkunu miġġielda l-frodi li se trendi EUR 400 miljun fl-2011 netti mill-miżuri speċifiċi li jipproteġu l-faxex tal-popolazzjoni li għandhom inqas dħul;

    (x)

    żieda fir-rati mnaqqsa tal-VAT minn 5,5 % għal 6,5 % u minn 11 % għal 13 %, li se trendi mill-inqas EUR 880 miljun u tnaqqis fir-rata tal-VAT applikabbli għall-mediċini u l-akkomodazzjoni fil-lukandi minn 11 % għal 6,5 % b’kost li ma jaqbizx EUR 250 miljun, nett mill-iffrankar għall-fondi tas-sigurtà soċjali u l-isptarijiet li jirriżulta mir-rata iktar baxxa tal-VAT fuq il-mediċini;

    (y)

    intensifikazjoni tal-ġlieda kontra l-kutrabandu tal-fjuwil (mill-inqas EUR 190 miljun);

    (z)

    żieda fit-tariffi tal-qrati (mill-inqas EUR 100 miljun);

    (aa)

    implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni għall-ġbir tal-arretrati tat-taxxa (mill-inqas EUR 200 miljun);

    (bb)

    it-tħaffif tal-ġbir tal-penali tat-taxxa (mill-inqas EUR 400 miljun);

    (cc)

    il-ġbir tad-dħul li jirriżulta mill-qafas ġdid tat-tilwim u l-proċeduri legali fiskali (mill-inqas EUR 300 miljun);

    (dd)

    dħul mit-tiġdid tal-liċenzji tat-telekomunikazzjonijiet li waslu biex jiskadu (mill-inqas EUR 350 miljun);

    (ee)

    dħul minn konċessjonijiet (mill-inqas EUR 250 miljun);

    (ff)

    pjan ta’ ristrutturazzjoni għan-netwerk tat-trasportazzjoni ta’ Ateni (OASA). L-għan tal-pjan għandu jkun li jitnaqqas it-telf operazzjonali tal-kumpanija u jagħmilha ekonomikament vijabbli. Il-pjan għandu jinkludi tnaqqis drastiku fin-nefqa operazzjonali tal-kumpanija u żidiet fit-tariffi. L-azzjonijiet meħtieġa għandhom jiġu implimentati mhux aktar tard minn Marzu 2011;

    (gg)

    att li jillimita r-reklutaġġ fl-amministrazzjoni pubblika kollha għal proporzjon ta’ mhux iktar minn reklutaġġ wieħed għal kull ħames persuni li jirtiraw jew jitkeċċew mingħajr eċċezzjonijiet settorjali u inkluż persunal trasferit minn intrapriżi pubbliċi taħt ristrutturazzjoni għal entitajiet pubbliċi;

    (hh)

    atti li jsaħħu l-istituzzjoni tas-suq tax-xogħol u li jistabbilixxu li: ftehimiet fil-livell tal-kumpanija jipprevalu fuq dawk taħt ftehimiet tas-settur jew okkupazzjonali mingħajr restizzjonijiet mhux xierqa; ftehimiet kollettivi fil-livell tal-kumpanija m’humiex restritti minn rekwiżiti rigward id-daqs minimu tal-kumpaniji; l-estensjoni ta’ ftehimiet tas-settur u okkupazzjonali għal partijiet mhux rappreżentati fin-negozjati hija eliminata; il-perijodu ta’ prova għal xogħlijiet ġodda huwa estiż; limiti temporanji fl-użu ta’ aġenziji ta’ xogħol temporanji huma eliminati; impedimenti għal użu akbar ta’ kuntratti ta’ żmien determinat huma mneħħija; id-dispożizzjoni li tistabbilixxi rinumerazzjoni ogħla fis-siegħa għal ħaddiema part-time tiġi eliminata u ġestjoni aktar flessibbli tal-ħinijiet tax-xogħol ikluż tax-xift ta’ xogħol part-time hija permessa.”;

    (9)

    fl-Artikolu 2(4), il-punt (a) huwa mħassar;

    (10)

    fl-Artikolu 2(4), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(c)

    ikklerjar ta’ arretrati akkumulati fis-snin preċedenti;

    (d)

    pjan multiannwali għall-konsolidazzjoni fiskali strutturali inklużi miżuri ta’ mill-inqas 5 % tal-PDG li jiżguraw il-miri tad-defiċit sal-2014;

    (e)

    pjan kontra l-evażjoni li jinkludi indikaturi ta’ prestazzjoni kwantitattivi li jżommu responsabbli l-amministrazzjoni tad-dħul; leġiżlazzjoni li tissimplifika l-kwistjoni tal-amministrazzjoni fiskali u l-proċessi ta’ appell ġudizzjarju u l-atti u l-proċeduri meħtieġa sabiex ikunu indirizzati aħjar imġiba skorretta, korruzzjoni u prestazzjoni ħażina ta’ uffiċjali fiskali, inkluża l-prosekuzzjoni f’każijiet ta’ ksur ta’ doveri;

    (f)

    pjan ta’ azzjoni dettaljat bi skeda li tikkompleta u timplimenta s-sistema ta’ remunerazzjoni simplifikata;

    (g)

    titjib fis-sistemi ta’ kontabbiltà u fatturazzjoni tal-isptarijiet permezz ta’: finalizzazzjoni tal-introduzzjoni ta’ sistemi kontabilistiċi abbażi tad-dovuti b’entrati doppji korrispondenti fl-isptarijiet kollha; l-użu ta’ sistema ta’ kodiċi uniformi u reġistru komuni għall-provvisti tal-mediċina; il-kalkolu ta’ stokkijiet u flussi ta’ provvisti mediċi fl-isptarijiet kollha bl-użu ta’ sistema ta’ kodiċi uniformi għall-provvisti tal-mediċina; il-ġbir ta’ kopagamenti mill-pazjenti fil-faċilitajiet kollha tas-Sistema tas-Saħħa Nazzjonali; u l-fatturar fil-ħin tal-kosti tat-trattament (mhux iktar tard minn xahrejn) għall-fondi tas-sigurtà soċjali Griegi, Stati Membri oħra u assiguraturi privati tas-saħħa u l-iżgurar li mill-inqas 50 % tal-volum tal-mediċini użati mill-isptarijiet pubbliċi sal-aħħar tal-2011 hija komposta minn mediċini ġeneriċi u mingħajr brevetti billi jsir obbligatorju għall-isptarijiet pubbliċi kollha sabiex jakkwistaw prodotti farmaċewtiċi b’sustanza attiva;

    (h)

    bl-għan li jkun jkunu miġġielda l-ħela u l-immaniġġar ħażin tal-kumpaniji proprjetà tal-istat u biex jiġu frankati EUR 800 miljun, il-Greċja għandha tadotta att sal-aħħar ta’ Frar 2011 li: jnaqqas ir-remunerazzjoni fl-intrapriżi privati b’mill-inqas 10 % fil-livell tal-kumpaniji; jillimita r-remunerazzjoni sekondarja għal 10 % tar-remunerazzjoni primarjaj tistabbilixxi limitu massimu ta’ EUR 4 000 fix-xahar bħal dħul gross (12-il pagament fis-sena); iżid it-tariffi tat-trasport urban b’mill-inqas 30 %; iżid tariffi oħra; jistabbilixxi azzjonijiet li jnaqqsu n-nefqa operazzjonali fil-kumpaniji pubbliċi bejn 15 u 25 % u jadotta att għar-ristrutturar tal-OASA sa Marzu 2011;

    (i)

    qafas regolatorju ġdid li jiffaċilita l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ konċessjoni għall-ajruporti reġjonali;

    (j)

    l-istabbiliment ta’ taskforce indipendenti għall-politika tal-edukazzjoni li jkollha l-għan li żżid l-effiċjenza tas-sistema pubblika tal-edukazzjoni (edukazzjoni primarja, sekondarja u għolja) u li tagħmel użu iktar effiċjenti tar-riżorsi;

    (k)

    l-adozzjoni ta’ liġi li tistabbilixxi l-awtorità tal-Akkwist Pubbliku waħdanija skont il-Pjan ta’ Azzjoni.”;

    (11)

    Fl-Artikolu 2(5), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

    “(b)

    valutazzjoni tar-riżultati tal-ewwel fażi tar-reviżjoni funzjonali indipendenti ta’ amministrazzjoni ċentrali, inklużi rakkomandazzjonijiet tal-politika operazzjonali u kompletazzjoni tar-reviżjoni tal-programmi soċjali eżistenti;”;

    (12)

    fil-punt (d) tal-Artikolu 2(5), is-snin “2010-2060” huma sostitwiti bis-snin “2009-2060”)

    (13)

    Fl-Artikolu 2(5), jiżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    il-promozzjoni ulterjuri tal-użu ta’ mediċini ġeneriċi permezz ta’ preskrizzjoni elettronika obbligatorja minn sustanza attiva.”;

    (14)

    fl-Artikolu 2(6), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    l-inklużjoni tal-abbozz ta’ baġit għall-2012 ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal minn tal-inqas 2,2 % tal-PGD. Il-baġit għandu jinkludi, b’mod partikolari, l-miżuri li ġejjin (jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, miżuri li jwasslu għal tfaddil komparabbli): aktar tkabbir tal-bażi tal-VAT bit-trasferiment ta’ oġġetti u servizzi li ma jibqgħux igawdu minn rata imnaqqsa u minflok tibda tapplika għalihom rata normali (bil-għan li jinġabru minn tal-inqas EUR 300 miljun addizzjonali); jitnaqqas l-impjieg pubbliku b’żieda mar-regola ta’ reklutaġġ wieħed għal kull 5 persuni li jirtiraw fis-settur pubbliku (bil-għan li jitfaddlu minn tal-inqas EUR 600 miljun); jiġu stabbiliti dazji tas-sisa għal xorb mhux alkoħoliku (għal ammont totali ta’ minn tal-inqas EUR 300 miljun); żieda tat-taxxa fuq beni immobbli permezz ta’ aġġornament tal-valuri tal-assi (għall-ħolqien ta’ minn tal-inqas EUR 200 miljun dħul żejjed); organizzazzjoni mill-ġdid ta’ gvernijiet sub-ċentrali (li jimmira li jiġġenera minn tal-inqas EUR 500 miljun fi tfaddil); iffriżar nominali tal-pensjonijiet; aktar effiċjenza fit-tassazzjoni preżuntiva tal-professjonisti (bil-għan li jinġabru minn tal-inqas EUR 100 miljun); tnaqqis fit-trasferiment lill-ażjendi pubbliċi (b’minn tal-inqas EUR 800 miljun) wara r-ristrutturar tagħhom; il-benefiċċji tal-qgħad isiru ttestjati skont il-mezzi (bil-għan li jitfaddlu EUR 500 miljun); u jinġabar aktar dħul mil-liċensjar tal-logħob (minn tal-inqas EUR 225 miljun fil-bejgħ tal-liċenzji u EUR 400 miljun fi drittijiet finanzjarji);”;

    (15)

    fl-Artikolu 2(7), il-punt (c) huwa mħassar;

    (16)

    fl-Artikolu 2(7) jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(d)

    sistema ta’ kost ibbażata fuq il-każijiet fl-isptar għandha tintuża għall-finijiet baġitarji mill-2013 ‘il quddiem;

    (e)

    atti għall-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet operazzjonali tal-ewwel fażi tar-reviżjoni funzjonali tal-amministrazzjoni pubblika fuq livell ċentrali u tar-reviżjoni sħiħa tal-programmi soċjali eżistenti;

    (f)

    l-Awtorità Waħdanija għall-Akkwist Pubbliku tibda l-operazzjonijiet tagħha bir-riżorsi neċessarji sabiex taqdi l-mandat, l-għanijiet, il-kompetenzi u s-setgħat tagħha fil-Pjan ta’ Azzjoni.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    MATOLCSY Gy.


    (1)  ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.

    (2)  ĠU L 241, 14.9.2010, p. 12.

    (3)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.


    Top