Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1081

Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

ĠU L 311, 26.11.2010, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Impliċitament imħassar minn 32012R0966

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1081/oj

26.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/9


REGOLAMENT (UE, EURATOM) Nru 1081/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2010

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, fir-rigward tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tieghu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju”), jistabbilixxi l-prinċipji tal-baġit u r-regoli finanzjarji li għandhom jiġu rispettati fl-atti leġislattivi kollha. Huwa meħtieġ li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju sabiex jittieħed kont tal-emendi introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona u tal-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (4).

(2)

It-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem is-“SEAE”). Id-Deċiżjoni 2010/427/UE tipprevedi li s-SEAE huwa servizz ta’ natura sui generis u għandu jiġi ttrattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju.

(3)

Fil-kuntest tar-rilaxx, minħabba li s-SEAE għandu jiġi trattat bħala istituzzjoni għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju, is-SEAE għandu jkun soġġett b’mod sħiħ għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 145 sa 147 tar-Regolament Finanzjarju. Is-SEAE għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ rilaxx u jipprovdi, kif xieraq, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa, inkluż permezz tal-attendenza fil-laqgħat tal-korpi rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli, skont l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għall-implimentazzjoni tal-baġit, inklużi l-approprjazzjonijiet operattivi implimentati mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet li huma uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega tal-Kummissjoni. Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem “ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jiġi infurmat fl-istess ħin u għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni. Minħabba n-natura ġdida ta’ din l-istruttura, jeħtieġ li jiġu applikati dispożizzjonijiet ta’ standard għoli dwar it-trasparenza u r-responsabilità baġitarja u finanzjarja.

(4)

Fi ħdan is-SEAE, Direttur Ġenerali għall-baġit u l-amministrazzjoni għandu jirrispondi lir-Rappreżentant Għoli għall-ġestjoni amministrattiva u baġitarja interna tas-SEAE. Id-Direttur Ġenerali għandu jaħdem fi ħdan il-format eżistenti u jsegwi l-istess regoli amministrattivi bħal dawk applikabbli għal dik il-parti tat-Taqsima III tal-baġit tal-UE li taqa’ taħt l-intestatura 5 tal-qafas finanzjarju multiannwali.

(5)

L-istabbiliment tas-SEAE għandu jkun iggwidatmill-prinċipji stipulati mill-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta’ Ottubru 2009, b’mod partikolari mill-prinċipju tal-effiċjenza fl-infiq bl-għan tan-newtralità baġitarja.

(6)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li d-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru parti mis-SEAE bħala Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti tagħhom, kull nefqa amministrattiva u ta’ appoġġ tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li tiffinanzja l-ispejjeż komuni għandha tiġi eżegwita minn servizz ta’ appoġġ uniku. Għal dak il-għan, ir-Regolament Finanzjarju għandu jipprevedi l-possibbiltà għal arranġamenti dettaljati, li għandhom jiġu miftiehma mal-Kummissjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

(7)

Huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-kontinwità u l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-għajnuna esterna mid-Delegazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex tgħaddi permezz ta’ sottodelega s-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni baġitarja tal-infiq operattiv lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jappartjenu għas-SEAE bħala istituzzjoni separata. Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’ġestjoni ċentralizzata diretta, għandu jkun permess lilha li tagħmel dan ukoll permezz ta’ sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. L-uffiċjali awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni għandhom ikomplu jkunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u kontroll interni, filwaqt li l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-istabbiliment u t-tħaddim adegwati ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet imwettqa fid-Delegazzjonijiet tagħhom. Huma għandhom jirrapportaw dwar dan darbtejn fis-sena. Tali delega tista’ tiġi rtirata skont ir-regoli applikabbli għall-Kummissjoni.

(8)

Sabiex ikunu konformi mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, meta jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni u għandhom ikunu soġġetti għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti ieħor b’sottodelega tal-Kummissjoni. Għal dawk il-finijiet, huma għandhom jirreferu wkoll għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni tagħhom.

(9)

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jibqa’ responsabbli għat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit kollha kemm hi, inklużi l-operazzjonijiet ta’ kontabilità li jirrigwardaw l-approprazzjonijiet mgħoddija b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE għandhom jikkonċernaw biss it-taqsima tal-baġit tas-SEAE biex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta’ responsabbiltajiet. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tas-SEAE tal-baġit, soġġett għal rieżami.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-ugwaljanza tat-trattament bejn l-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega li huma persunal tas-SEAE u dawk li huma impjegati tal-Kummissjoni, u sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tkun infurmata b’mod xieraq, il-bord speċjali għall-irregolaritajiet finanzjarji tal-Kummissjoni għandu wkoll ikun responsabbli sabiex jieħu azzjoni dwar irregolaritajiet fi ħdan is-SEAE fejn il-Kummissjoni għaddiet setgħat ta’ implimentazzjoni b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Madankollu, sabiex tinżamm ir-rabta bejn ir-responsabbiltà tal-ġestjoni finanzjarja u l-azzjoni dixxiplinari, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata titlob lir-Rappreżentant Għoli sabiex jibda proċedimenti jekk il-bord isib irregolaritajiet li jikkonċernaw dawk il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. F’tali każ ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-azzjoni xierqa skont ir-Regolamenti tal-Persunal.

(11)

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi bħala l-awditur intern tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tas-SEAE, soġġett għal rieżami.

(12)

Biex jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu assigurazzjoni, flimkien ma’ rapport li jkun jinkludi informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet li ġew fdati lilhom b’sottodelega. Ir-rapporti tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiġu mehmuża bħala annessi għar-rapport ta’ attività annwali tal-uffiċjal awtorizzanti b’delega responsabbli u jkunu disponibbli għall-awtorità baġitarja.

(13)

It-terminu “Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà”, għall-finijiet tar-Regolament Finanzjarju, għandu jiġi interpretat f’konformità mad-diversi funzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli skont l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(14)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, (il-‘baġit’), u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

it-terminu ‘istituzzjoni’ jirreferi għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (minn hawn ’il quddiem is-‘SEAE’);

il-Bank Ċentrali Ewropew m’għandux jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni.

3.   Kwalunkwe referenza għall-‘Komunitajiet’ jew għall-‘Unjoni’ għandha tinftiehem bħala referenza għall-Unjoni Ewropea u / jew il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont kif jirrikjedi l-kuntest.”

(2)

Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16, il-kliem “tas-Servizz Estern tal-Kummissjoni” għandhom jinbidlu bil-kliem “tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna”.

(3)

Fl-Artikolu 28(1), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Kwalunkwe proposta jew inizjattiva ppreżentata lill-awtorità leġislattiva mill-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ’il quddiem ‘ir-Rappreżentant Għoli’) jew minn Stat Membru, li jista’ jkollha impatt fuq il-baġit, inkluż bidliet fin-numru ta’ karigi, għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni finanzjarja u bl-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 27(4).”

(4)

Fl-Artikolu 30(3), l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli, b’mod xieraq, l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi li ġejjin mill-baġit miżmum minnha meta l-baġit ikun implimentat fuq bażi ċentralizzata u direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, u l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi kif ipprovduti mill-entitajiet li lilhom ikunu delegati l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt modi oħrajn ta’ ġestjoni.”

(5)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 31, il-kliem “il-Kunsill Ewropew u” għandhom jiddaħħlu quddiem il-kliem “il-Kunsill” u l-kliem “u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna” għandhom jiddaħħlu quddiem il-kliem “għandhom iħejju”.

(6)

Fl-Artikolu 31, il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

“Is-SEAE għandu jfassal stima tad-dħul u l-infiq tiegħu, li huwa għandu jibgħat lill-Kummissjoni qabel l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-Rappreżentant Għoli ser ikollu konsultazzjonijiet mal-Membri tal-Kummissjoni responsabbli għall-politika tal-iżvilupp, il-politika tal-viċinat u l-kooperazzjoni internazzjonali, l-għajnuna umanitarja u r-rispons f’każ ta’ kriżi, rigward ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.”

(7)

Fl-Artikolu 33, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   F’konformità mal-Artikolu 8(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (*) u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza baġitarja fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-awtorità baġitarja, flimkien mal-abbozz ta’ baġit, dokument ta’ ħidma li jippreżenta, b’mod komprensiv:

l-infiq amministrattiv u operazzjonali kollu relatat mal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni, inklużi l-kompiti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni /Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PESK/PSDK), u ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni,

l-infiq amministrattiv globali tas-SEAE għas-sena preċedenti, maqsum f’infiq skont id-delegazzjoni u nfiq għall-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE; flimkien mal-infiq operattiv, maqsum skont iż-żona ġeografika (reġjuni, pajjiżi), l-oqsma tematiċi, id-Delegazzjoni tal-Unjoni u l-missjoni.

Id-dokument ta’ ħidma għandu wkoll:

juri n-numru ta’ karigi għal kull grad f’kull kategorija u n-numru ta’ karigi permanenti u temporanji, inkluż il-persunal kuntrattwali u lokali awtorizzati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet tal-baġit f’kull Delegazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll fl-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE,

juri kwalunkwe żieda jew tnaqqis fil-karigi skont il-grad u l-kategorija fl-amministrazzjoni ċentrali tas-SEAE u fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni kollha kemm huma fuq il-bażi tas-sena preċedenti,

juri, flimkien man-numru ta’ karigi awtorizzati għas-sena finanzjarja, in-numru ta’ karigi awtorizzati għas-sena preċedenti, kif ukoll in-numru ta’ karigi okkupati minn uffiċjali diplomatiċi ssekondati mill-Istati Membri u minn persunal tal-Kunsill u tal-Kummissjoni; jipprovdi stampa dettaljata tal-persunal kollu fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-mument tal-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ baġit, imqassma skont iż-żona ġeografika, il-pajjiż u l-missjoni individwali, filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-karigi tal-organigramma, l-aġenti kuntrattwali, l-aġenti lokali u l-esperti nazzjonali ssekondati u l-approprjazzjonijet mitluba fl-abbozz ta’ baġit għal tipi oħra ta’ persunal flimkien ma’ stimi korrispondenti tal-persunal f’karigi ekwivalenti ta’ full-time, li jista’ jiġi impjegat fil-limiti tal-approprjazzjonijiet mitluba.

(*)  ĠU L 201 , 3.8.2010, p. 30.”"

(8)

Fl-Artikolu 46(1), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(6)

l-ammont totali tal-infiq tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (‘PESK’) għandu jiddaħħal f’kapitolu wieħed tal-baġit, intitolat PESK, b’artikoli baġitarji speċifiċi. Dawk l-artikoli għandhom ikopru l-infiq tal-PESK u għandhom jinkludu linji baġitarji speċifiċi li jidentifikaw mill-inqas il-missjonijiet ewlenin individwali.”

(9)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 għandhom jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

“Madankollu, arranġamenti dettaljati jistgħu jiġu miftiehma mal-Kummissjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Dawn l-arranġamenti m’għandhomx jinkludu derogi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju jew mir-regoli implimentattivi tiegħu.”

(10)

Fl-Artikolu 51 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddelega s-setgħat tagħha ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-approprjazzjonijiet operattivi tat-taqsima tagħha stess lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni. Hija għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli b’dan. Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega tal-Kummissjoni, huma għandhom japplikaw ir-regoli tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit u għandhom ikunu sottomessi għall-istess dmirijiet, obbligi u responsabbiltà bħal kull uffiċjal awtorizzanti ieħor b’sottodelega tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tirtira dik id-delega skont ir-regoli tagħha stess.

Għall-finijiet tat-tieni paragrafu, ir-Rappreżentant Għoli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.”

(11)

L-Artikolu 53a għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 53a

Meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq bażi ċentralizzata, il-kompiti implimentattivi għandhom jitwettqu, jew direttament mid-dipartimenti tagħha jew mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, jew b’mod indirett, skont l-Artikoli 54 sa 57.”

(12)

Fl-Artikolu 59, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom ikunu suġġetti għall-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni responsabbli għad-definizzjoni, l-eżerċitar, il-kontroll u l-evalwazzjoni tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega. Il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, tgħarraf lir-Rappreżentant Għoli b’dan.”

(13)

Fl-aħħar tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(7), għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Ir-rapporti annwali ta’ attività tal-uffiċjali awtorizzanti b’delega għandhom jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-awtorità tal-baġit.”

(14)

Fit-Taqsima 2, għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

1.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, huma għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni xierqa tal-fondi, sabiex tiġi żgurata, b’mod partikolari, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji, ir-rispett tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba fil-ġestjoni tal-fondi u l-ħarsien effettiv tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Għal dan il-għan, huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjenu kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu r-responsabbiltà tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit sottodelegat lilhom kif ukoll kwalunkwe kunflitt ta’ prijoritajiet li x’aktarx ikollu impatt fuq l-implimentazzjoni tal-kompiti tal-ġestjoni finanzjarja ssottodelegati lilhom.

Meta jinqalgħu sitwazzjoni jew kunflitt tat-tip imsemmi fit-tieni subparagrafu, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jgħarrfu b’dan mingħajr dewmien lid-Diretturi Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni u tas-SEAE. Dawk id-Diretturi Ġenerali għandhom jieħdu passi xierqa biex isibu soluzzjoni għas-sitwazzjoni.

2.   Meta Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-Unjoni jsibu rwieħom f’sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 60(6), huma għandhom jirreferu l-kwistjoni għall-bord speċjalizzat għall-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf skont l-Artikolu 66(4). Fil-każ ta’ kwalunkwe attività illegali, frodi jew korruzzjoni li tista’ tippreġudika l-interessi tal-Komunità, huma għandhom jinformaw lill-awtoritajiet u l-korpi maħtura mil-leġislazzjoni applikabbli.

3.   Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom jagħmlu rapporti lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tagħhom sabiex dan ikun jista’ jintegra r-rapporti tagħhom fir-rapport annwali ta’ attività tiegħu msemmi fl-Artikolu 60(7). Ir-rapporti tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll interni stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet sottodelegati lilhom, u jipprovdu l-assigurazzjoni skont l-Artikolu 66(3a). Dawn ir-rapporti għandhom jiġu mehmuża bħala annessi mar-rapport annwali tal-attività tal-uffiċjal awtorizzanti b’delega, u għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità tal-baġit filwaqt li titqies, fejn ikun xieraq, il-kunfidenzjalità tagħhom.

Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ rilaxx u jipprovdu, kif adatt, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa. F’dan il-kuntest, jistgħu jintalbu jattendu laqgħat tal-korpi rilevanti u jassistu lill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli b’delega.

4.   Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom iwieġbu għal kwalunkwe talba mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni fuq talba tagħha stess jew, fil-kuntest tar-rilaxx, meta t-talba ssir mill-Parlament Ewropew.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-sottodelegazzjoni tas-setgħat ma tippreġudikax il-proċedura ta’ rilaxx, b’konformità mal-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

(15)

Fl-Artikolu 61(1), għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin wara l-punt (f):

“Ir-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE għandhom jikkonċernaw biss it-taqsima tas-SEAE tal-baġit kif implimentat mis-SEAE. L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni jibqa’ responsabbli għat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit kollha kemm hi, inklużi l-operazzjonijiet ta’ kontabilità li jirrigwardaw l-approprazzjonijiet mgħoddija b’sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-uffiċjal tal-kontabilità tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tas-SEAE tal-baġit, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186a.”

(16)

L-Artikolu 66 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Fil-każ ta’ sottodelega lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, l-uffiċjali awtorizzanti b’delega għandhom ikunu responsabbli għad-definizzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni fis-seħħ, l-effiċjenza u l-effettività tagħhom. Il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu responsabbli għall-formazzjoni u l-funzjonament adegwati ta’ dawk is-sistemi, skont l-istruzzjonijiet tal-uffiċjal awtorizzanti b’delega, u għall-ġestjoni tal-fondi u l-operazzjonijiet li dawn jeżegwixxu fid-Delegazzjoni tal-Unjoni taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom, huma għandhom isegwu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ dwar il-kompiti u r-responsabilitajiet tal-uffiċjali awtorizzanti u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, f’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regoli Implimentattivi.

Il-kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrapportaw dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 60a(3).

Kull sena, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni bl-assigurazzjoni fuq is-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll interni stabbiliti fid-Delegazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ġestjoni tal-operazzjonijiet sottodelegati lilhom u r-riżultati tagħhom, sabiex jippermettu lill-uffiċjal awtorizzanti biex jistabbilixxi d-dikjarazzjoni tiegħu ta’ assigurazzjoni, kif previst fl-Artikolu 60(7).”

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Meta l-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51, il-bord speċjalizzat għall-irregolaritajiet finanzjarji mwaqqaf mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun kompetenti għall-każijiet imsemmija f’dak il-paragrafu.

Jekk il-bord isib problemi sistemiċi, huwa għandu jibgħat rapport bir-rakkomandazzjonijiet lill-uffiċjal awtorizzanti, lir-Rappreżentant Għoli u lill-uffiċjal awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx il-persuna involuta, u kif ukoll lill-awditur intern.

Abbażi tal-opinjoni tal-bord, il-Kummissjoni tista’ titlob lir-Rappreżentant Għoli biex jibda, fil-kapaċità tar-Rappreżentant Għoli bħala awtorità tal-ħatra, proċedimenti li jwasslu għal azzjoni dixxiplinari jew għal ħlas ta’ kumpens kontra l-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega jekk l-irregolaritajiet jirrigwardaw il-kompetenzi tal-Kummissjoni mgħoddija lilhom b’sottodelega. F’każ bħal dan, ir-Rappreżentant Għoli jieħu azzjoni xierqa skont ir-Regolament tal-Persunal biex jinforza d-deċiżjonijiet dwar l-azzjoni dixxiplinari u/jew il-ħlas ta’ kumpens, kif rakkomandat mill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jappoġġaw b’mod sħiħ lill-Unjoni fl-infurzar ta’ kwalunkwe responsabilità skont l-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Persunal ta’ persunal temporanju li għalih japplika l-Artikolu 2(e) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej.”

(17)

Fl-Artikolu 85 għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Għall-finijiet tal-verifika interna tas-SEAE, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li jkunu qed jaġixxu bħala uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51 għandhom ikunu soġġetti għas-setgħat ta’ verifika tal-awditur intern tal-Kummissjoni għall-ġestjoni finanzjarja mgħoddija lilhom b’sottodelega.

L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jaġixxi wkoll bħala l-awditur intern tas-SEAE fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-taqsima tas-SEAE tal-baġit, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 186a.”

(18)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 147a

Is-SEAE għandu jkun suġġett b’mod sħiħ għall-proċeduri previsti fl-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 145 sa 147 ta’ dan ir-Regolament. Is-SEAE għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet involuti fil-proċedura ta’ rilaxx u jipprovdi, kif adatt, kwalunkwe addizzjonali informazzjoni meħtieġa, inkluż permezz tal-attendenza f’laqgħat tal-korpi rilevanti.”

(19)

Fl-Artikolu 163, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:

“L-azzjonijiet imsemmijin f’dan it-Titolu jistgħu jiġu implimentati fuq bażi ċentralizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 53a, b’ġestjoni konġunta, fuq bażi deċentralizzata mill-pajjiż jew pajjiżi terzi benefiċjarji, jew konġuntament ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 53 sa 57.”

(20)

Fl-Artikolu 165, l-ewwel sentenza għandha tinbidel b’dan li ġej:

“L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali benefiċjarji hija soġġetta għal skrutinju mill-Kummissjoni u mid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51.”

(21)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 186a

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 61(1), u t-tielet paragarfu tal-Artikolu 85 ser jiġu rieżaminati fl-2013 filwaqt li jittieħed kont dovut tan-natura speċifika tas-SEAE u b’mod partikolari dik tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u, fejn ikun xieraq, il-kapaċità ta’ ġestjoni finanzjarja adegwata tas-SEAE.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 145, 3.6.2010, p. 4.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2010.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.


Top