EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0857

Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 857/2010 tas- 27 ta’ Settembru 2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda

ĠU L 254, 29.9.2010, p. 10–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/09/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/857/oj

29.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 254/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 857/2010

tas-27 ta’ Settembru 2010

li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ir-Regolament bażiku’) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni’) wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri provviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 473/2010 (2) (ir-Regolament provviżorju’) imponiet dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda (il-pajjiżi kkonċernati’).

(2)

Il-proċedura ngħatat bidu wara lment imressaq fl-20 ta’ Lulju 2009 mill-Kumitat tat-Tereftalat tal-Polietilene ta’ Plastics Europe (il-kwerelant’) f’isem il-produtturi li kienu jirrappreżentaw proporzjon sostanzjali, f’dan il-każ iżjed minn 50 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċertu polyethylene terephthalate.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tas-sussidju u l-ħsara kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (il-perjodu ta’ investigazzjoni’ jew PI’). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sa tmiem il-PI (il-perijodu kkunsidrat’).

(4)

Fil-proċedura parallela tal-antidumping, il-Kummissjoni permezz tar-Regolament (UE) 472/2010 (3), imponiet dazju provviżorju ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran u l-Emirati Għarab Magħquda.

1.2.   Proċedura sussegwenti

(5)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri kumpensatorji provviżorji (żvelar provviżorju’), ħafna partijiet interessati issottomettew bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu.

(6)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti orali u miktuba sottomessi mill-partijiet interessati wara l-iżvelar provviżorju ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet provviżorji inbidlu kif meħtieġ.

(7)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li tiġi rrikmandata l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polyethylene terephthalate li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda u l-ġbir definittiv tal-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”’). Ingħatalhom ukoll perijodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar.

(8)

Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn xieraq, is-sejbiet inbidlu kif meħtieġ.

1.3.   Partijiet ikkonċernati mill-proċedura

(9)

Ċertu partijiet interessati affermaw li l-kampjun tal-produtturi tal-UE ma kienx rappreżentattiv u kien inkonsistenti u li għalhekk l-analiżi tal-ħsara ma kinitx kompluta. B’mod partikolari, ġie affermat li t-teħid tal-kampjuni ma kienx meħtieġ billi n-numru tal-produtturi ma kienx kbir. Barra dan, ġie affermat li permezz tal-qsim “artifiċjali” ta’ gruppi ta’ kumpaniji f’entitajiet ġuridiċi individwali, fil-kampjun ma jiġux inklużi wħud mill-mexxejja tas-suq (Artenius, M&G Polimeri) u li l-metodoloġija għall-għażla tal-kampjun hija inkonsistenti billi l-kampjun kien jinkludi wkoll żewġ gruppi ta’ kumpaniji. Ġie affermat ukoll li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv billi ma kellu l-ebda produttur li qed ibiegħ lil proċessur tal-PET relatat fi kwantitajiet biżżejjed. Bħala riżultat, l-istituzzjonijiet allegatament ma setgħux jivvalutaw il-kapaċità effettiva tal-provvista tal-industrija tal-Unjoni u ma kkunsidrawx il-konflitt ta’ interessi tal-industrija tal-Unjoni. Barra dan, billi kumpanija minnhom ma pprovditx it-tagħrif kollu meħtieġ u ġiet eskluża mill-kampjun, jingħad li r-rappreżentattività naqset għal 28 % tal-produzzjoni tal-UE. L-istess partijiet affermaw li l-kampjun magħżul ma kienx statistikament validu.

(10)

Fir-rigward tal-argument li t-teħid ta’ kampjuni ma kienx meħtieġ billi n-numru ta’ produtturi ma kienx kbir, qed jiġi ddikjarat għal darb’oħra li fl-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni resqu 14-il produttur tal-Unjoni li jagħmlu parti minn tmien gruppi ta’ kumpaniji. B’kunsiderazzjoni tan-numru objettivament għoli ta’ produtturi tal-UE li kkooperaw, jiġifieri 14, it-teħid ta’ kampjuni ġie applikat skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ li seta’ jiġi investigat b’mod raġjonevoli fil-ħin disponibbli. Il-kampjun magħżul kien jikkonsisti f’ħames kumpaniji individwali (b’sitt postijiet tal-produzzjoni).

(11)

Fir-rigward tal-ewwel affermazzjoni li tikkonċerna r-rappreżentattività tal-kampjun, għandu jiġi osservat li l-istituzzjonijiet jistgħu jinkludu kumpaniji individwali li jagħmlu parti minn grupp ta’ kumpanija fl-ambitu tal-kampjun sakemm ikunu rappreżentattivi u jkollhom kontijiet finanzjarji separati. Inkella, l-investigazzjoni ta’ kull wieħed mill-erbatax-il produttur tal-UE li jagħmlu parti mit-tmien gruppi ta’ kumpaniji kienet timpedixxi li l-investigazzjoni tiġi kompluta fil-ħin. Madankollu, il-fatt li żewġ gruppi ta’ kumpaniji ġew inklużi fil-kampjun mhuwiex inkonsistenti mal-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni applikata f’dan il-każ, jiġifieri l-ikbar volumi rappreżentattivi ta’ bejgħ lil klijenti tal-UE.

(12)

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ Indorama, dan il-grupp kellu żewġ impjanti ta’ produzzjoni differenti fil-PI – wieħed fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-ieħor fir-Renju Unit. L-inklużjoni ta’ dan il-grupp fil-kampjun huwa konformi mal-metodoloġija tat-teħid ta’ kampjuni applikata billi dawk l-impjanti ffurmaw entità waħda mill-perspettiva legali u finanzjarja. Għal dak li jirrigwarda Equipolymers, li kellha żewġ entitajiet separati li jipproduċu l-PET fil-PI (waħda fl-Italja u oħra fil-Ġermanja), il-kumpanija rrapurtat ċifri konsolidati għaż-żewġ postijiet. Meta wieħed jikkunsidra li l-verifika ta’ dawn iċ-ċifri konsolidati kienet possibbli waqt żjara fil-kwartieri ġenerali tal-kumpanija, ġie deċiż li l-kumpaniji tal-produzzjoni tal-PET ta’ Equipolymers jiġu ttrattati bħala entità waħda għall-għan ta’ din il-proċedura. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li Artenius u M&G Polimeri kellhom jiġu inklużi fil-kampjun minħabba li kienu l-mexxejja tas-suq, qed jiġi nnotat li l-ebda waħda mill-entitajiet individwali tagħhom ma kienet il-proprjetà tal-kumpaniji bl-ogħla volumi ta’ bejgħ lil klijenti tal-UE.

(13)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li ma kienx jinkludi produttur wieħed li jipproduċi prinċipalment għall-konsum intern, għandu jiġi nnotat li l-kapaċità tal-provvista tista’ tiġi eżaminata fil-qafas tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni jekk issir affermazzjoni bħal din u għal dak il-għan il-konsum miżmum jista’ jitnaqqas mill-volum tal-produzzjoni. Għalhekk, ma hemm l-ebda ħtieġa li produttur bħal dan ikun inkluż fil-kampjun għall-eżami ta’ ċertu fatturi ta’ ħsara. It-tieni nett, kwalunkwe interess doppju li jirriżulta mill-pożizzjoni ta’ kumpanija bħala produttur u proċessur tal-UE fl-istess ħin jista’ jiġi vvalutat biss fl-analiżi tal-interess tal-Unjoni. Il-pożizzjoni ta’ kumpanija bħala produttur u proċessur tal-UE mhijiex konnessa mal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fejn il-bejgħ lil klijenti mhux relatati fl-UE jittieħed bħala punt ta’ referenza. L-affermazzjoni qiegħda għalhekk tiġi miċħuda.

(14)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li tikkonċerna r-rappreżentattività ġenerali tal-kampjun, qed jiġi mtenni li t-tnaqqis tal-kampjun għal erba’ kumpaniji naqqas ir-rappreżentattività minn 65 % għal 47 % tal-bejgħ mill-produtturi kollha li kkooperaw. L-istess erba’ kumpaniji jirrappreżentaw 52 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Dan huwa kkunsidrat bħala kampjun rappreżentattiv tal-produtturi tal-UE f’termini ta’ bejgħ lil klijenti indipendenti fl-UE.

(15)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-kampjun magħżul ma kienx statistikament validu, qed jiġi nnotat li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku jippermetti b’mod ċar li kampjun jiġi bbażat fuq l-ikbar volum rappreżentattiv tal-bejgħ li jista’ jiġi investigat b’mod raġjonevoli fil-ħin disponibbli, bħala alternattiva għal kampjun “statistikament validu”.

(16)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor li jikkonċerna t-teħid ta’ kampjuni, is-sejbiet fil-premessi (5) sa (14) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(17)

Qed jiġi mfakkar li, fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat kien definit bħala polyethylene terephthalate b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20.

(18)

Barra dan, fil-premessa (18) tar-Regolament provviżorju, ġie ddikjarat li l-investigazzjoni wriet li l-PET prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni, u l-PET prodott u mibjugħ fis-swieq domestiċi tal-pajjiżi kkonċernati, u esportati lejn l-Unjoni kienu prodotti simili.

(19)

Billi l-prodott investigat kien ikkunsidrat prodott omoġenju, ma ġiex maqsum iżjed f’tipi differenti tal-prodott għall-kalkolu tal-marġnijiet tal-ħsara.

(20)

Produttur esportatur partikolari afferma li l-PET għandu jiġu suddiviż f’tipi differenti tal-prodott skont in-numru tal-viskożità differenti tagħhom billi n-numru tal-viskożità huwa essenzjali għad-determinazzjoni tal-applikazzjonijiet differenti possibbli tat-tip ta’ PET prodott. Ġie kkunsidrat li l-affermazzjoni għandha tintlaqa’ u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġnijiet tal-ħsara ġiet adatta kif meħtieġ.

3.   GĦOTI TA’ SUSSIDJU

3.1.   L-Iran

3.1.1.   Introduzzjoni

(21)

Il-Gvern tal-Iran u l-produttur esportatur li kkoopera ressqu kummenti dwar l-iskemi li ġejjin, ikkumpensati fir-Regolament provviżorju.

(I)

Miżuri marbuta ma’ Żoni Ekonomiċi Speċjali (SEZs’) – SEZ Petrokimiċi

(II)

Finanzjament mill-Kumpanija Petrokimika Nazzjonali lill-produttur esportatur tal-PET

3.1.2.   Skemi Speċifiċi

(I)   Miżuri marbuta maż-Żoni Ekonomiċi Speċjali (SEZs) – SEZ Petrokimika

(22)

Il-Gvern tal-Iran (GOI) argumenta li l-importazzjonijiet li fuqhom ma jitħallasx dazju fiż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles ta’ materja prima u beni kapitali jistgħu jiġu kkumpensati. Iż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles u ż-Żoni Ekonomiċi Speċjali huma definiti żoni fejn ma jitħallasx dazju fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, kompatibbli mad-WTO. Barra dan, il-GOI kif ukoll il-produttur esportatur li kkoopera affermaw li l-importazzjoni ta’ beni kapitali li fuqhom ma jitħallasx dazju mhijiex kontinġenti fil-liġi fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni billi din l-eżenzjoni teżisti ukoll għall-kumpaniji stabbiliti fil-bqija tat-territorju Iranjan.

(23)

Għal dak li jirrigwarda l-konformità ta’ kull SEZ mar-regoli tad-WTO, qed jiġi nnotat li l-argument ġenerali sottomess ma jistax jikkontradixxi l-fatti stabbiliti li s-sussidji kkonċernati jistgħu jiġu kkumpensati billi ma ġiet ipprovduta l-ebda analiżi elaborata sabiex tirribatti dik ippreżentata fir-Regolament provviżorju. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-importazzjoni ta’ beni kapitali fl-Iran li fuqhom ma jitħallasx dazju, it-tagħrif fiż-żmien meta kienu qegħdin jiġu sottomessi l-kummenti dwar l-iżvelar provviżorju jissuġġerixxi li din il-possibbiltà teżisti biss għall-kumpaniji li qegħdin jimmodernizzaw l-infrastruttura tagħhom, jiġifieri mhijiex dispożizzjoni awtomatika applikabbli għall-partijiet kollha. Għalhekk, l-affermazzjonijiet ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda.

(24)

Il-produttur esportatur li kkoopera argumenta li l-Kummissjoni injorat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni meta wieħed jikkunsidra li regoli u reġimi simili jiġu wkoll applikati f’pajjiżi oħra. Il-kumpanija affermat ukoll li l-Kummissjoni ma nfurmathiex tajjeb dwar l-ambitu taż-żjara tal-verifika u r-rekwiżiti ta’ tagħrif korrispondenti qabel verifika bħal din.

(25)

Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ġenerali ta’ vjolazzjoni tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, qed jiġi mfakkar li l-Kummissjoni bdiet din l-investigazzjoni kontra s-sussidju kontra t-tliet pajjiżi msemmija fl-ilment b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku. Għalhekk ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni setgħet tiġi bbażata biss fuq is-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas allegat ta’ tagħrif preliminari dwar il-punti li kellhom jiġu investigati, qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni informat lill-produttur esportatur li kkoopera ħafna qabel iż-żjara tal-verifika li kellha tfittex tagħrif waqt iż-żjara ta’ verifika dwar ir-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u l-azzjonista tiegħu. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda.

(26)

Il-produttur esportatur li kkoopera ressaq għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet żewġ żbalji klerikali fil-kalkolu tal-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima waħda tal-proċess ta’ produzzjoni u fil-valur totali tal-importazzjoni tal-beni kapitali eżentati. Dawn l-iżbalji qegħdin jiġu hawnhekk ikkoreġuti. Ir-rati riveduti tas-sussidju huma 0,14 % għall-importazzjoni mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ prodotti tal-input u 0,72 % għall-importazzjoni mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ beni kapitali. Ir-rata totali tas-sussidju riveduta għal din l-iskema hija ta’ 0,86 %.

(27)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kummenti rilevanti oħra, is-sejbiet b’rabta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (20) sa (44) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat bil-premessa (26) ta’ dan ir-Regolament, qegħdin jiġu b’dan ikkonfermati.

(II)   Finanzjament mill-Kumpanija Petrokimika Nazzjonali lill-produttur esportatur tal-PET

(28)

Il-produttur esportatur li kkoopera (Shahid Tondguyan Petrochemical Co. jew STPC) afferma li l-azzjonista ewlieni tiegħu, il-Kumpanija Petrokimika Nazzjonali (NPC), mhijiex korp pubbliku u li l-GOI la inkariga u lanqas qabbad lill-NPC sabiex tagħmel pagamenti lill-STPC. Barra dan, ġie sottomess li l-finanzjament tal-NPC lill-STPC għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jista’ jitħallas lura u għalhekk mhuwiex sussidju.

(29)

Meta wieħed jikkunsidra dawn l-affermazzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi vvalutat jekk entità għandhiex tiġi kkunsidrata bħala korp pubbliku għal għanijiet ta’ investigazzjonijiet kontra s-sussidju, il-fatturi li ġejjin huma rilevanti: 1) is-sjieda tal-gvern; 2) il-preżenza tal-gvern fuq il-bord tad-diretturi tal-entità; 3) il-kontroll tal-gvern fuq l-attivitajiet tal-entità u l-attività tal-entità sabiex issegwi l-politika jew l-interessi tal-gvern u 4) jekk l-entità tkunx ġiet maħluqa permezz ta’ statut. Dawn ir-rekwiżiti kollha ġew analizzati kif irrapurtat fil-premessa (52) tar-Regolament provviżorju. L-NPC, bħala korp tal-gvern, m’għandhiex bżonn ta’ għoti ta’ responsabbiltà jew delegazzjoni, kunċetti li jirreferu għall-entitajiet privati. Fil-fatt l-investigazzjoni stabbiliet li r-rwol tal-NPC huwa l-iżvilupp u l-operat tas-settur petrokimiku tal-pajjiż u li l-kumpanija rċeviet mill-GOI l-kompitu addizzjonali ta’ ġestjoni bħala awtorità amministrattiva tal-istat taż-Żona Ekonomika Speċjali Petrokimika. Għalhekk kwalunkwe affermazzjoni li tiddisputa r-rwol ta’ korp pubbliku tal-NPC għandha tiġi miċħuda.

(30)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-finanzjament lill-STPC għandu jerġa’ jitħallas lura, huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-investigazzjoni stabbiliet li l-ħlas lura ta’ dan il-finanzjament huwa biss allegazzjoni ipotetika billi ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza fl-ebda stadju tal-proċedura li twettaq ħlas lura bħal dan. Tabilħaqq, kif spjegat fil-premessa (51) tar-Regolament provviżorju, il-fatt li l-fondi li m’għandhomx jitħallsu lura ilhom jiġu akkumulati mill-inqas mill-2004 jikkonferma li dan huwa sussidju rikorrenti, li l-għan tiegħu huwa li l-uniku produttur esportatur Iranjan li kkoopera jibqa’ jaħdem. B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq, l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda.

(31)

Il-produttur esportatur li kkoopera sostna wkoll li l-ammont tas-sussidju ġie esaġerat. Fir-rigward ta’ dan ġie affermat li hija prattika ta’ negozju perfettament normali fl-Iran li ma jiżdidux interessi bejn kumpanija possedenti (f’dan il-każ l-NPC) u s-sussidjarja tagħha (f’dan il-każ l-STPC). Ġie ukoll sostnut li waqt il-kalkolu tar-rata tas-sussidju l-ammonti użati fuq il-finanzjament totali pprovdut mill-NPC u l-qligħ totali tal-STPC ma kinux korretti billi ċ-ċifra tal-qligħ ġiet iddikjarata inqas milli kienet u li kellu jintuża ammont ieħor waqt li l-finanzjament totali pprovdut ġie esaġerat billi ċertu ammonti m’għandhomx jiġu attribwiti għall-fondi pprovduti mill-NPC lill-STPC.

(32)

L-argumenti ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda. Fir-rigward tal-argument ta’ qabel li tikkonċerna l-kalkoli tar-rata tal-interessi, qed jiġi nnotat li l-evidenza miġbura ma ssostnix l-affermazzjoni tal-kumpanija li l-prattika normali tan-negozju fl-Iran hija dik li l-ebda interessi ma jiżdiedu bejn kumpanija possedenti u s-sussidjarja tagħha fit-transazzjonijiet tal-finanzjament tagħhom. Barra dan, jidher ċar li kwalunkwe prassi bħal din hija inkonsistenti mal-prassi ekonomika tas-soltu tal-investituri privati.

(33)

Għal dak li jirrigwarda dan l-argument tal-aħħar, huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-ammont tas-sussidju ġie kkalkulat bl-użu taċ-ċifri tal-finanzjament u l-qligħ ipprovduti mill-produttur esportatur li kkoopera u vverifikati waqt iż-żjara tal-verifika.

(34)

Għal dak li jirrigwarda l-qligh totali ġdid allegat qed jiġi mfakkar li ċ-ċifra pprovduta fiż-żmien meta ġew sottomessi l-kummenti dwar ir-Regolament provviżorju ma hija sostanzjata bl-ebda evidenza verifikabbli u ma taqbilx ma’ dak li l-kumpanija rrappurtat qabel u waqt iż-żjara tal-verifika.

(35)

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċifra totali tal-finanzjament, il-produttur esportatur li kkoopera sostna li ċertu ammonti m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parti mill-finanzjament tal-NPC lill-STPC. Madankollu t-tagħrif ipprovdut ma setgħax jikkorrobora din l-affermazzjoni billi ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza sabiex tipprova li l-ammonti inkwistjoni ma kinux rilevanti għall-finanzjament tal-NPC lill-STPC. Fil-fatt parti mill-ispjegazzjonijiet mogħtija kkonfermaw mill-ġdid li NPC kienet qiegħda taġixxi bħala korp pubbliku li kien qed jerfa’ obbligi għall-finanzjament tal-produttur esportatur li kkoopera mingħajr ma jżomm l-ebda interessi li kien ikollhom jiġu onorati minn korp pubbliku ieħor. Għalhekk, ma jista’ jsir l-ebda tnaqqis mill-ammont totali tal-finanzjament billi ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li tista’ tiġi verifikata.

(36)

Il-GOI sostna li skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (Ftehim SCM), “l-għoti min-naħa tal-gvern ta’ kapital ta’ ekwità….[u] self mill-gvern m’għandux jiġi kkunsidrat bħala l-għoti ta’ benefiċċju…”, għalhekk il-finanzjament tal-NPC lill-SPTC m’għandux jiġi kkunsidrat bħala sussidju. Din l-affermazzjoni trid tiġi rrifjutata billi l-istess Artikolu 14 imsemmi hawn fuq jikkonkludi li “l-provvediment tal-gvern ta’ kapital ta’ ekwità m’għandux jitqies li jikkonferixxi benefiċċju, sakemm id-deċiżjoni tal-investiment ma tistax titqies bħala inkonsistenti mal-prattika normali tal-investiment ta’ investituri privati fit-territorju ta’ dak il-Membru.” Din il-prattika hi tabilħaqq inkonsistenti mal-prattika normali tal-investimenti ta’ investituri privati billi l-ebda organizzazzjoni kummerċjali fl-ebda Membru tad-WTO mhi se tissokta tipprovdi, b’mod konċepibbli, dan il-finanzjament li ma jistax jitħallas lura. Fi kwalunkwe eventwalità għandu jiġi nnotat li l-Iran mhuwiex membru tad-WTO.

(37)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (45) sa (57) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

3.1.3.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(38)

B’kunsiderazzjoni tal-premessi (21) sa (37) ta’ hawn fuq, l-ammont definittiv ta’ sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-produttur esportatur Iranjan uniku li kkoopera huwa ta’ 51,88 %.

3.2.   Il-Pakistan

3.2.1.   Introduzzjoni

(39)

Il-Gvern tal-Pakistan (GOP) u l-produttur esportatur li kkoopera ressqu kummenti dwar l-iskemi li ġejjin, ikkumpensati fir-Regolament provviżorju:

(I)

Skema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali

(II)

Importazzjonijiet ta’ impjanti, makkinarju u tagħmir fl-iskema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali

(III)

Ħarsien tat-tariffi fuq ix-xiri ta’ PTA fis-suq domestiku

(IV)

Reġim tat-Taxxa Finali (FTR)

(V)

Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni fit-Tul b’Rata Fissa (LTF-EOP)

(VI)

Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan (EFS)

(VII)

Finanzjament taħt F.E. Ċirkulari Nru. 25 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan.

(40)

Il-GOP bħala kumment preliminari ssottometta li l-Kummissjoni naqset milli tifhem jew injorat is-sottomissjonijiet tagħha tal-passat dwar l-iskemi tas-sussidju. Il-produttur esportatur li kkoopera bħala kumment preliminari sostna li s-sottomissjonijiet tal-passat tal-GOP ipprovdew analiżi legali raġjunata li turi li l-iskemi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sussidji “projbiti”. Ġie sostnut ukoll minn din il-parti li l-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fir-Regolament provviżorju mhux biss fuq stima ħażina ta’ elementi fattwali iżda pjuttost fuq analiżi legali ħażina wkoll. Ġie affermat ukoll li l-analiżi legali korretta kienet dik ippreżentata mill-GOP.

(41)

Għal dak li jirrigwarda s-sottomissjonijiet qabel ir-Regolament provviżorju, qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni kkunsidrathom kompletament waqt il-proċess tal-investigazzjoni billi kienu jagħmlu parti, flimkien mat-tweġibiet tal-kwestjonarju rilevanti tal-partijiet u d-dejta sussegwenti pprovduta, mit-tagħrif li fuq il-bażi tiegħu saret id-determinazzjoni provviżorja.

(42)

Barra dan, qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni elenkat b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet legali tal-iskemi rilevanti u l-implimentazzjonijiet prattiċi li nħarġu minnhom. Ma ġiet provduta l-ebda evidenza li d-dispożizzjonijiet legali elenkati ma kinux preċiżi. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-analiżi legali tal-Kummissjoni, din kienet ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku u rinfurzata bl-analiżi legali li ilha teżisti użata mill-UE f’investigazzjonijiet tal-passat kontra s-sussidju waqt l-analiżi pereżempju ta’ skemi tar-rifużjoni tad-dazju, skemi tal-kreditu tal-esportazzjoni u skemi tat-taxxa fuq id-dħul (4). Il-fatt li parti ma taqbilx mal-analiżi legali ppreżentata ma jimplikax li din l-analiżi mhijiex korretta, speċjalment meta ma tiġi pprovduta l-ebda evidenza biex tikkorrobora din l-affermazzjoni. Dan huwa iżjed ovvju billi l-GOP esprima mas-sottomissjoni tiegħu għar-Regolament provviżorju r-rieda tiegħu li jemenda, sakemm ikun possibbli, numru ta’ skemi. B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq l-argumenti ppreżentati fil-premessa (40) kellhom jiġu miċħuda.

3.2.2.   Skemi Speċifiċi

(I)   Skema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali

(43)

Il-GOP u l-produttur esportatur li kkoopera tennew il-fehmiet tagħhom li l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali hija mmexxija tajjeb grazzi għall-eżistenza ta’ sistema ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ effettiva li żżomm rekords tal-konsum/tnaqqis u tikkontrolla l-materji primi li fuqhom ma jitħallasx dazju u l-konsum attwali tal-kumpanija skont ir-rekords tal-produzzjoni totali tagħha. Ġie ukoll sottomess li l-proporzjon input/produzzjoni huwa bbażat fuq il-konsum attwali tal-kumpanija rilevanti li tagħmel użu mill-benefiċċji tal-iskema u li r-rekord fuq l-input huwa soġġett għal verifika. Skont dawn l-affermazzjonijiet il-proporzjon input/produzzjoni ġie stabbilit b’sistema verifikata ta’ sejba ta’ punt ta’ referenza li kien aġġornat regolarment fuq il-bażi tal-konsum attwali tal-kumpanija. Wara kwalunkwe bdil fil-proporzjon, it-tnaqqis żejjed tal-perijodu preċedenti ġie miżjud lura sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru tal-ħażniet, sabiex b’hekk tinkiseb il-ħażna attwali, u huwa fuq il-bażi tal-ħażna attwali bħal din li l-kumpanija li tkun qiegħda tgawdi l-benefiċċji taħt l-iskema għandha turi l-esportazzjoni tal-prodotti finali. Barra dan, il-produttur esportatur li kkoopera ssottometta żewġ ittri li fihom għarraf lill-awtoritajiet tad-Dwana bil-materjali salvati fl-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali u wera li l-kumpanija tħalliet tuża l-materjali ta’ input li sfaw żejda għall-manifattura ta’ oġġetti għall-esportazzjoni fil-ġejjieni.

(44)

Fir-rigward ta’ din l-iskema, kif iddikjarat fil-premessa (70) tar-Regolament provviżorju, ir-rekord rilevanti tal-oġġetti tal-input irċevuti, manifatturati u esportati ma nżammx fuq il-bażi tal-konsum attwali. Il-konsum teoretiku biss ġie rreġistrat, skont Ċertifikat tal-Analiżi, bi proporzjonijiet bejn l-input u l-produzzjoni tal-materji primi kollha għall-produzzjoni ta’ 1 000 kilogramma ta’ prodotti. Dawn in-normi ta’ input-produzzjoni jiġu stabbiliti mill-awtoritajiet u jiġu analizzati perjodikament fuq il-bażi tat-tagħrif miksub mill-produttur esportatur li kkoopera iżda m’hemm l-ebda regoli ċari u l-ebda evidenza ta’ kif din l-analiżi titwettaq. Barra dan, wara l-analiżi mwettqa fuq iċ-Ċertifikat tal-Analiżi li indikaw l-eżistenza ta’ tnaqqis żejjed ma ttieħdet l-ebda azzjoni sussegwenti mill-awtoritajiet sabiex tiġi vverifikata t-totalità tal-konsum effettiv ta’ qabel u biex jintalbu pagamenti magħmula għas-snin ta’ qabel. Fi kliem ieħor ma sar kontroll fuq l-ebda tnaqqis żejjed fuq id-dazji mitlufa. Il-produttur esportatur li kkoopera allega li l-materji primi żejda mniżżla fil-kontijiet fil-perijodu preċedenti żdiedu mill-ġdid biex jiġi aġġornat ir-reġistru tal-ħażniet, u b’hekk inkisbu l-ħażniet attwali. Ta’ min jinnota li din il-prassi hija bbażata fuq il-fatt li huwa l-produttur esportatur li, b’inizzjattiva tiegħu stess, juri lill-awtorità rilevanti t-tnaqqis żejjed akkumulat fil-perijodu ta’ qabel. Huwa ta’ iżjed interess il-fatt li din il-prassi ma kienet bl-ebda mod antiċipata fid-dispożizzjonijiet leġislattivi li jiddixxiplinaw din l-iskema. Dan kollu ta’ hawn fuq jikkonferma li ma teżisti l-ebda sistema effettiva ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ għal din l-iskema. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-argumenti kollha rilevanti kellhom jiġu miċħuda.

(45)

Iż-żewġ partijiet sostnew ukoll li d-dazju doganali taħt ir-reġim normali tal-importazzjoni kien żero matul il-PI u għalhekk l-ebda qligħ tal-gvern m’huwa predeterminat fuq l-importazzjonijiet ta’ PTA skont il-Manifattura taħt Kontroll Doganali.

(46)

Din l-affermazzjoni kellha tiġi miċħuda. Huwa ċar mit-tagħrif sottomess mill-partijiet li d-dazju doganali normali fuq l-importazzjoni ta’ PTA huwa ta’ 7,5 %. Permezz ta’ deroga u taħt ċertu kondizzjonijiet il-partijiet jistgħu jużaw rata tad-dazju żero. Il-fatt li l-GOP stabbilixxa l-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali jew l-iskema dwar il-ħarsien tat-Tariffi fuq ix-xiri ta’ PTA, bl-ebda mod ma jimplika li r-rata tad-dazju doganali għall-importazzjonijiet kollha ta’ PTA hija żero. Fil-fatt, l-eżistenza tal-iskemi msemmija qabel tikkonferma li hemm qligħ predeterminat għall-gvern u din hija r-raġuni għalfejn ġew implimentati skemi ta’ deroga speċjali b’regoli speċifiċi u utenti eliġibbli.

(47)

Il-produttur esportatur li kkoopera afferma wkoll li ma kien hemm l-ebda ksur tal-Artikolu 349 tal-Kapitolu XV tar-Regoli Doganali tal-Pakistan 2001. F’dan ir-rigward ġie sottomess li l-Manifattura Taħt Kontroll Doganali tkopri l-fabbrika kollha tal-kumpanija u għalhekk il-post tal-maħżen kien jissodisfa r-regoli rilevanti li jirrikjedu żona indipendenti b’post tad-dħul jew ħruġ indipendenti minn żona pubblika u mingħajr l-ebda post tad-dħul jew ħruġ ieħor maż-żona tal-manifattura u mħażen separati tal-oġġetti lesti, oġġetti mwarrba u skart immarkati b’mod ċar fil-post.

(48)

Għal dak li jirrigwarda l-kummenti ta’ hawn fuq, għandu jiġi mtenni li ż-żjara tal-verifika wriet li l-materja prima importata mingħajr ħlas ta’ dazju biss kienet separata mill-oġġetti tal-input miksuba lokalment. Il-post tal-maħżen, jiġifieri l-maħżen doganali u l-maħżen tal-merkanzija manifatturata taħt kontroll doganali, ma kinux f’żona indipendenti b’post tad-dħul jew ħruġ indipendenti minn żona pubblika u bla ebda post tad-dħul jew ħruġ ieħor, kif preskritt fl-Artikolu 349 msemmi hawn fuq. Barra dan, l-affermazzjoni tal-parti li l-fabbrika kollha tagħha hija taħt l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali m’hija bbażata fuq l-ebda evidenza verifikabbli (pereżempju permess espliċitu fuq il-wiċċ tal-Maħżen tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali) minbarra analiżi tal-kliem tal-Artikolu 349. Għalhekk, l-argumenti in kwistjoni kellhom jiġu miċħuda.

(49)

Il-GOP ipprovda bidliet amministrattivi riċenti ħafna b’rabta ma’ din l-iskema. Dan introduċa definizzjoni iżjed dettaljata tal-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali fil-leġislazzjoni u ħa passi biex isaħħaħ il-kontroll tal-awtorità rilevanti fuq l-iskema.

(50)

Fir-rigward tal-kontroll eżerċitat mill-awtorità fuq l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali, il-bidliet introdotti ma jindirizzawx in-nuqqasijiet l-iżjed serji tas-sistema kif identifikat mill-investigazzjoni attwali jiġifieri: (i) in-nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-konsum attwali ta’ materji primi importati u (ii) in-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika li tiffoka fuq ir-riżultati reali minflok fuq l-istandards stabbiliti fl-imgħoddi. Barra dan, billi l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla magħmula fir-rigward ta’ din l-iskema teħtieġ li tiġi verifikata tajjeb (il-problemi identifikati jirreferu wkoll għall-ġestjoni tal-iskema) ikun hemm bżonn ta’ ċertu perijodu ta’ żmien qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni konklużiva dwar l-emendi magħmula lill-iskema u l-mod kif l-awtoritajiet ikunu implimentaw dawn l-emendi u żguraw li tiġi stabbilita sistema ta’ verifika ġestita b’mod tajjeb.

(51)

Il-GOP esprima wkoll ir-rieda li jipprovdi lill-Kummissjoni b’impenn li jikkonċerna l-implimentazzjoni konkreta tar-regoli applikabbli fl-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali. Ġie propost li dan għandu jieħu l-forma ta’ provvista ta’ evidenza li l-produttur esportatur li kkoopera jikkonforma mar-regoli ġodda (jiġifieri l-bdil fil-post, l-analiżi tal-proporzjonijiet input/produzzjoni, it-tnaqqis tad-dazji), il-provvista ta’ rapporti perjodiċi u l-permess li jsiru żjarat ta’ verifika mill-Kummissjoni.

(52)

Għal dak li jirrigwarda dan ta’ hawn fuq qed jiġi nnotat li b’din il-proposta ta’ impenn il-GOP indirettament qed jikkonferma n-nuqqasijiet kollha evidenzjati bir-Regolament provviżorju fir-rigward ta’ din l-iskema. Barra dan, kif iddikjarat fil-premessa (50) ta’ hawn fuq mhuwiex possibbli li jiġi aċċettat impenn li jirreferi għall-ġestjoni ta’ skema fuq il-bażi ta’ evidenza li tkun se tidher biss fil-ġejjieni. Finalment, impenn bħal dan mhuwiex prattiku minħabba li l-monitoraġġ meħtieġ effettivament ikun jirrikjedi r-ripetizzjoni ta’ partijiet importanti tal-investigazzjoni fuq bażi regolari. Għal dak li jirrigwarda dan għandu jiġi evidenzjat li l-GOP u/jew il-produttur esportatur li kkoopera jistgħu jitolbu, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku jintlaħqu, reviżjoni interim tal-miżuri.

(53)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet marbuta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (60) sa (80) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessi (44) sa (52) ta’ hawn fuq, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(II)   Importazzjonijiet ta’ impjanti, makkinarju u tagħmir fl-iskema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali

(54)

Għal dak li jikkonċerna din l-iskema ż-żewġ partijiet affermaw li r-rata tal-imgħax użata għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju għandha tkun ir-rata tal-imgħax disponibbli għall-esportatur ikkonċernat waqt il-PI. Barra dan, il-partijiet sostnew li billi l-impjant, il-makkinarju u t-tagħmir intużaw għall-produzzjoni ta’ PET maħsuba għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-bejgħ domestiku, il-marġni tas-sussidju għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-qligħ totali tal-produttur esportatur.

(55)

Bħala tweġiba għal dawn l-argumenti għandu jiġi nnotat li r-rata tal-imgħax użata fil-kalkolu hija r-rata kummerċjali tal-imgħax applikata waqt il-PI fil-Pakistan, skont it-tagħrif imniżżel fil-websajt tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan. Din ir-rata tirrappreżenta r-rata normali ta’ kreditu prevalenti fis-suq. Għal dak li jirrigwarda d-denominatur fil-kalkolu tas-sussidju, għandu jiġi mfakkar li l-prekondizzjoni għall-użu tal-iskema hija l-installazzjoni tal-makkinarju impurtat fl-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali li hija sistema ta’ importazzjoni mingħajr ħlas ta’ dazju tal-materji primi użati biss għal esportazzjoni sussegwenti tal-produzzjoni skont l-iskema tal-Manifattura taħt Kontroll Doganali. Għalhekk, l-ammont tas-sussidju (nominatur) għandu jiġi allokat fuq il-qligħ totali mill-esportazzjoni waqt il-PI minħabba li s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Konsegwentement, l-argumenti kollha ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda.

(56)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (81) sa (92) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(III)   Ħarsien tat-tariffi fuq ix-xiri ta’ PTA fis-suq domestiku

(57)

Il-GOP sostna li l-prezz tal-PTA prodott lokalment mhuwiex imnaqqas b’7,5 % fuq il-prezz internazzjonali u li r-rimborż ma jingħatax biss għall-PTA prodott domestikament iżda wkoll għall-PTA importat. Il-produttur esportatur li kkoopera sostna li l-iskema tippermetti rimborż ta’ dazji doganali kemm għall-PTA prodott lokalment kif ukoll għal dak importat u għalhekk l-iskema ma tiffavorixxix il-ksib ta’ PTA prodott domestikament. Ġie ukoll sostnut li l-leġislazzjoni ma tillimitax l-aċċess għal din l-iskema.

(58)

L-argumenti ta’ hawn fuq kellhom jiġu miċħuda. F’dan ir-rigward qed jiġi nnotat li din l-iskema tipprovdi kontribut finanzjarju fl-għamla ta’ trasferiment dirett ta’ fondi li jipprovdi benefiċċju ċar lill-kumpanija li tirċevieh. Permezz tal-analiżi tat-tagħrif sottomess mill-GOP, huwa ċar li kumpanija eliġibbli tista’: (i) tixtri l-PTA mis-suq domestiku u tirċievi għajnuna kumpensatorja ta’ porzjon ugwali għal 7,5 % tal-prezz imħallas għax-xiri ta’ PTA immanifatturat lokalment jew (ii) timporta PTA u tirċievi rimborż tad-dazju doganali applikabbli (7,5 %) mħallas fuq l-importazzjonijiet ta’ PTA. Madankollu, l-għażla tal-aħħar mhijiex permessa jekk il-kumpanija eliġibbli tuża skema ta’ rifużjoni tad-dazju (pereżempju skema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali) fuq l-importazzjoni ta’ PTA.

Huwa ċar minn dan ta’ hawn fuq li l-produttur esportatur li kkoopera kien de jure sfurzat li juża l-iskema biss għax-xiri tiegħu ta’ PTA prodott domestikament billi kien qed juża b’mod parallel l-iskema tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali għall-PTA tiegħu importat. Barra dan huwa ovvju li anke f’każijiet fejn kumpanija eliġibbli partikolari tuża ż-żewġ għażliet disponibbli tal-iskema (jiġifieri billi tirrapporta l-possibbiltà li tuża l-iskema tar-rifużjoni tal-Manifattura Taħt Kontroll Doganali) huwa ċar li r-rimborżi li wieħed jistenna li jirċievi kienu jkunu differenti billi f’każ wieħed ir-rata tiġi kkalkulata fuq prezz sħiħ ta’ fattura domestiku waqt li fil-każ l-ieħor hija kkalkulata fuq il-valur iddikjarat fid-dwana li mhuwiex neċessarjament il-prezz sħiħ tal-fattura. Ma ġiet provduta l-ebda evidenza verifikabbli li setgħet timmina l-konklużjonijiet imsemmija qabel. Finalment, għal dak li jirrigwarda l-argument li ma hemm l-ebda restrizzjoni fl-aċċess tal-iskema, l-investigazzjoni stabbiliet li l-leġiżlazzjoni rilevanti elenkat b’mod ċar b’isimhom il-partijiet eliġibbli. Fi kwalunkwe eventwalità, il-PTA prodott domestikament m’huwa soġġett għall-ebda dazju u għalhekk ir-“rimborż” ta’ 7,5 % huwa trasferiment dirett ta’ fondi, jew purament għotja. L-uniku mod għal produttur ta’ PET li jikseb dan is-sussidju, jiġifieri l-għotja, huwa li jixtri PTA prodott domestikament. Min-naħa l-oħra, kwalunkwe “rimborż” ta’ dazju doganali fuq PTA impurtat huwa eżenzjoni ta’ ħlas li normalment ikun dovut, mhux trasferiment dirett ta’ fondi; għalhekk, m’hemm l-ebda ekwivalenza bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

(59)

Konsegwentement, l-iskema tagħti benefiċċju ċar lix-xerrej domestiku jiġifieri l-produttur ta’ PET permezz ta’ trasferiment dirett ta’ fondi u huwa speċifiku, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(b) tar-Regolament bażiku, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li s-sussidju huwa kontinġenti mal-użu tal-oġġetti domestiċi flok dawk importati, billi l-oġġetti domestiċi biss huma eliġibbli għall-għotja diretta. Barra dan, dan is-sussidju jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala wieħed speċifiku fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istess leġislazzjoni tillimita b’mod espliċitu l-aċċess għal din l-iskema għal ċertu intrapriżi li jagħmlu parti mill-industrija tal-poliester.

(60)

B’konnessjoni ma’ din l-iskema, il-GOP pprovda bil-kummenti tiegħu dwar ir-Regolament provviżorju Ordni tal-Gvern maħruġa fit-28 ta’ Ġunju 2010 li tiddikjara li n-Nru SRO 1045(I)/2008 ġie rrevokat b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010. Il-GOP ssottometta li dan l-iżvilupp għandu jiżgura li l-ebda rimborż fuq PTA akkwistat domestikament jew importat ma jista’ jsir jew m’huwa se jkun jista’ jsir lill-utenti tal-PTA.

(61)

Barra dan, klipp mill-istampa sottomessa dwar l-istess kwistjoni mill-produttur esportatur li kkoopera tidher li qiegħda tissuġġerixxi li l-GOP iddeċieda li jirtira r-regolament rilevanti għal din l-iskema sabiex il-Pakistan jilħaq standards internazzjonali f’dan ir-rigward. Il-produttur esportatur li kkoopera kkorrobora t-tagħrif ipprovdut mill-GOP b’dejta li tikkonferma li mill-1 ta’ Lulju 2010 mhuwiex iżjed possibbli li wieħed jirċievi l-għotja rilevanti meta jixtri PTA prodott domestikament. Għal dan ir-rigward qed jiġi mfakkar li b’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku, l-ebda miżura m’għandha tiġi imposta jekk is-sussidju jiġi rtirat jew jekk ikun intwera li s-sussidju m’għadu jagħti l-ebda benefiċċju lill-esportaturi involuti. Huwa ovvju mill-informazzjoni ta’ hawn fuq li sostanzjalment il-Pakistan jaċċetta li l-punti evidenzjati mir-Regolament provviżorju fir-rigward ta’ din l-iskema kienu jirrikjedu azzjoni korrettiva min-naħa tiegħu, li l-GOP temm l-iskema u li l-produttur esportatur li kkoopera ma qed jirċievi l-ebda benefiċċju relatat ma’ din l-iskema. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi huwa kkunsidrat li l-kondizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku ntlaħqu u għalhekk din l-iskema m’għandhiex tiġi kkumpensata.

(62)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet marbuta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (93) sa (105) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessi (58) sa (61) ta’ hawn fuq, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(IV)   Reġim tat-Taxxa Finali (FTR)

(63)

Iż-żewġ partijiet affermaw li din l-iskema tikkostitwixxi sistema ta’ tassazzjoni differenti u m’għandhiex tiġi kkumpensata billi l-Pakistan għandu s-sovranità tat-tassazzjoni u huwa ħieles li japplika s-sistema ta’ tassazzjoni li jixtieq. Ġie ukoll sostnut li l-FTR ma timplika l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja lill-ebda kumpanija u hija regola ġeneralizzata ta’ tassazzjoni fil-Pakistan (taxxa minn ras il-għajn ta’ 1 % fiż-żmien tar-realizzazzjoni tal-qligħ minn kambju tal-munita barranija) li topera taħt kunċett differenti u fuq bażi differenti meta mqabbla mar-Reġim Normali ta’ Taxxa (NTR) li jipprovdi livell ta’ tassazzjoni ta’ 35 % fuq id-dħul domestiku. Skont dawn il-partijiet mhuwiex possibbli li jiġi determinat liema waħda miż-żewġ sistemi hija l-iżjed favorevoli u għalhekk l-FTR ma tirriżultax fi dħul mitluf jew in-nuqqas ta’ ġbir ta’ dħul tal-gvern li nkella huwa dovut.

(64)

Għal dak li jirrigwarda dawn l-affermazzjonijiet, għandu jiġi nnotat li mhijiex is-sovranità tal-Pakistan li qiegħda tiġi ddubitata, iżda s-sussidji li allegatament ingħataw lil ċertu produtturi esportaturi. Barra dan, għandu jiġi mfakkar li l-profitti mill-esportazzjonijiet jiġu ntaxxati b’mod differenti minn dawk miksuba fuq il-bejgħ domestiku. Sal-punt li dan ir-reġim ta’ taxxa jirriżulta fi profitti minn esportazzjonijiet li jiġu ntaxxati b’rati iżjed baxxi minn dawk miksuba mill-bejgħ domestiku, din l-iskema hija kkunsidrata bħala sussidju fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku fil-forma ta’ dħul mitluf tal-gvern li jagħti benefiċċju lill-kumpanija li tirċivieh. Huwa wkoll sussidju speċifiku skont l-Artikolu 4(4)(a) billi huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(65)

Barra dan, il-produttur esportatur li kkoopera pprovda sett ta’ kalkoli magħmula f’format excel għas-snin 2008 u 2009 u notifika ta’ talba ta’ taxxa u ordni ta’ valutazzjoni maħruġa mid-Deputat Kummissarju tat-Taxxa fuq id-Dħul li rriveda sett ta’ ċifri tad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-2008 tal-kumpanija. Il-GOP ikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tal-produttur esportatur li kkoopera billi sostna li l-kalkoli pprovduti juru li l-produttur esportatur li kkoopera ħallas iżjed taxxa taħt ir-reġim tal-FTR meta mqabbel ma’ dak li kien ikollu jħallas f’każ ta’ applikazzjoni tar-reġim tal-NTR.

(66)

Dawn l-argumenti kellhom jiġu miċħuda. L-ewwel nett, il-kalkoli pprovduti ma jagħmlux parti mid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija jew kwalunkwe dokument uffiċjali ieħor ta’ awtorità tat-taxxa. Għalhekk, m’hemm l-ebda evidenza verifikabbli li tagħti stampa preċiża tal-obbligi tat-taxxa fuq id-dħul tal-produttur esportatur li kkoopera.

(67)

It-tieni, analiżi tad-dokumenti uffiċjali tat-taxxa sottomessi (notifika tat-talba tat-taxxa u l-ordni tal-valutazzjoni) bl-ebda mod ma tikkonferma l-affermazzjonijiet magħmula minn partijiet dwar il-livelli ta’ taxxa dovuta taħt ir-reġimi differenti tat-taxxa.

(68)

Għal dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni sottomessa li tirreferi għall-2008, il-partijiet naqsu milli juru kif l-ammonti ppreżentati jistgħu b’mod preċiż jaqblu mad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija tal-2008 u ż-żewġ dokumenti maħruġa sussegwentement mill-awtoritajiet tat-taxxa rilevanti. Għal dak li jirrigwarda dawn l-aħħar dokumenti jidher li jikkonfermaw li l-kumpanija għandha tħallas ammont ta’ taxxa fuq id-dħul fuq id-dħul domestiku tagħha. Barra dan, bl-ebda mod ma huwa ċar mit-tagħrif sottomess li dan l-ammont ta’ taxxa (jew kwalunkwe ammont ieħor ta’ taxxa) ġie effettivament imħallas jew jekk il-kumpanija appellatx kontra n-notifika ta’ taxxa msemmija hawn fuq. Lanqas m’huwa ċar kif l-ammonti sottomessi fil-kalkoli excel jistgħu jaqblu jew mad-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija jew mal-ordni ta’ valutazzjoni tal-awtorità tat-taxxa. Fi kwalunkwe eventwalità anke jekk wieħed ikollu jaċċetta li l-ammont stabbilit fin-notifika tat-talba tat-taxxa ġie mħallas, dan m’għandux ibiddel il-konklużjoni li l-produttur esportatur li kkoopera ħallas inqas taxxa milli kieku kien iħallas bl-applikazzjoni tar-rata ta’ 35 % fuq id-dħul mill-esportazzjoni.

(69)

Għal dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni sottomessa relatata għall-2009 qed jiġi nnotat li l-partijiet ma pprovdewx id-dikjarazzjoni tat-taxxa tad-dħul tal-2009 tal-produttur esportatur li kkoopera. Minflok ma ġew ipprovduti d-dikjarazzjonijiet uffiċjali tat-taxxa u d-dikjarazzjonijiet tar-ritorn, bħala evidenza ġie pprovdut kalkolu Excel. Huwa ċar li tagħrif bħal dan mhuwiex verifikabbli u ma jista’ jikkorrobora l-ebda argument magħmul għall-iżviluppi dwar it-taxxa tad-dħul ta’ wara l-PI. F’dan ir-rigward għandu jiġi evidenzjat li l-GOP u/jew il-produttur esportatur li kkoopera jista’ jitlob, jekk jintlaħqu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, reviżjoni interim tal-miżuri.

(70)

Madankollu, waqt il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju taħt il-FTR, instab żball klerikali li jirreferi għad-dħul mill-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera kif iddikjarat fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanija tal-2008. Għalhekk dan ġie korrett kif xieraq. Ir-rata tas-sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema waqt il-PI għall-produttur esportatur tammonta għal 1,97 % (minflok 1,95 %).

(71)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (106) sa (116) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessa (70) ta’ hawn fuq, qegħdin jiġu b’dan ikkonfermati.

(V)   Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni fit-Tul b’Rata Fissa (LTF-EOP)

(72)

Iż-żewġ partijiet affermaw li r-rata tal-imgħax użata għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju ta’ din l-iskema ta’ finanzjament għandha tkun ir-rata tal-imgħax disponibbli fiż-żmien li l-produttur esportatur kien qed jinnegozja l-finanzjament b’rata fissa, prinċipalment ir-rata fis-snin 2004-2005. Barra dan, id-denominatur użat għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju provviżorju għandu jkun il-qligħ totali tal-kumpanija pjuttost milli l-qligħ totali mill-esportazzjoni, billi l-istess faċilitajiet ta’ manifattura li huma finanzjati taħt il-LTF-EOP jintużaw sabiex jiġu prodotti oġġetti kemm domestiċi kif ukoll esportati.

(73)

Dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. L-ewwel nett, għandu jiġi ċċarat li r-rata użata fil-kalkolu hija r-rata tal-imgħax kummerċjali li kienet tintuża waqt il-PI fil-Pakistan, skont it-tagħrif li jinsab fuq il-websajt tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan. Il-finanzjament innegozjat fl-2004/2005 nġbided f’porzjonijiet mill-esportatur ikkonċernat. Waqt il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju, inġibed l-ammont ta’ kreditu għall-PI, kif irrapurtat mill-produttur esportatur li kkoopera. Waqt l-eżami tal-benefiċċju li parti rċeviet waqt PI speċifiku, ir-rata ta’ kreditu kummerċjali applikabbli li tkun prevalenti fis-suq waqt il-PI normalment titqabbel mar-rata mħallsa fuq is-self irċevut matul il-PI, u dan kien il-każ hawnhekk. Għal dak li jirrigwarda d-denominatur fil-kalkolu tas-sussidju, għandu jiġi mfakkar li prekondizzjoni sabiex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-kumpanija għandha tesporta direttament jew indirettament mill-inqas 50 % tal-produzzjoni annwali tagħha. Għalhekk, l-ammont tas-sussidju (nominatur) għandu jiġi allokat fuq il-qligħ mill-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat waqt il-PI minħabba li s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(74)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (117) sa (133) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(VI)   Skema ta’ Finanzjament tal-Esportazzjoni mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan (EFS)

(75)

Il-Gvern tal-Pakistan issottometta li s-settur tal-PET ġie eskluż minn din l-iskema b’deċiżjoni meħuda mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan fit-28 ta’ Ġunju 2010. Għalhekk ġie sostnut li din l-iskema hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku u li l-Kummissjoni m’għandhiex tikkumpensa billi s-sussidju ġie rtirat. Dwar din il-kwistjoni l-produttur esportatur li kkoopera sostna li skont iċ-Ċirkolari Nru 09 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan (SBP) tal-2010, datata 28 ta’ Ġunju 2010, il-kumpanija ħallset lura l-ammonti kollha tal-finanzjament EFS u m’hemm l-ebda ammont li għad irid jitħallas fit-30 ta’ Ġunju 2010 għal dak li għandu x’jaqsam mal-EFS.

(76)

Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ din l-affermazzjoni qed jiġi mfakkar li l-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku jiddikjara li l-ebda miżura m’għandha tiġi imposta jekk is-sussidju jiġi rtirat jew jintwera li s-sussidju m’għadux jagħti benefiċċju lill-esportatur involut. Għal dak li jirrigwarda d-dokumentazzjoni sottomessa rilevanti għall-faċilità tal-EFS huwa nnotat li tabilħaqq id-deċiżjoni tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan tiddikjara li l-banek ma jistgħux jippermettu li jkun hemm faċilitajiet ta’ finanzjament għall-PET taħt din l-iskema. It-test rilevanti jiddikjara wkoll li l-faċilitajiet eżistenti mogħtija lill-esportaturi għandhom jibqgħu validi sad-data tal-maturar tas-self rispettivi waqt li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-kumpaniji għandha tiġi kkunsidrata għas-self min-naħa tal-kumpaniji waqt 2009-2010 u għad-drittijiet sal-2011.

Għal dak li jirrigwarda dawn il-punti il-GOP iċċara, billi pprovda d-dokumentazzjoni meħtieġa, li l-kumpaniji li m’għandhomx self għal żmien qasir taħt din l-iskema fis-Sena Finanzjarja tal-Pakistan 2009-2010 (jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2010) m’għandhom dritt għall-ebda benefiċċju fil-perijodu tranżitorju sal-2011. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-affermazzjoni li l-produttur esportatur li kkoopera m’għandu l-ebda finanzjament mhux imħallas taħt l-EFS, huwa nnotat li din l-affermazzjoni ġiet sostanzjata b’sett ta’ evidenza pprovduta mill-banek rilevanti u kkumplimentata mill-accountant kwalifikat tal-kumpanija. Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż li l-partijiet kienu f’pożizzjoni li juru li l-iskema tal-EFS m’għadha tagħti l-ebda benefiċċju lill-esportatur involut. Għalhekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku ntlaħqu u l-affermazzjonijiet magħmula kienu kkunsidrati ġustifikati. Għalhekk ġie konkluż li l-iskema m’għandhiex tiġi kkumpensata.

(77)

Il-produttur esportatur li kkoopera afferma wkoll li r-rata tal-imgħax użata għall-kalkolu tal-marġni tas-sussidju għandha tkun ir-rata tal-imgħax għal żmien qasir disponibbli għall-kumpanija waqt il-PI. Ġie sostnut ukoll li l-finanzjament miksub qed jiġi użat sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet kumplessivi tal-finanzjament tal-assi attwali tal-kumpanija kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għal dak tal-esportazzjonijiet u għalhekk id-denominatur fil-kalkolu tal-marġni tas-sussidju għandu jkun il-qligħ totali tal-kumpanija.

(78)

Dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Qed jiġi mfakkar li r-rata użata fil-kalkolu hija r-rata tal-imgħax kummerċjali applikata waqt il-PI fil-Pakistan, skont l-informazzjoni li tinsab fuq il-websajt tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan. Din ir-rata tirrappreżenta r-rata normali ta’ kreditu prevalenti fis-suq. Għal dak li jirrigwarda d-denominatur fil-kalkolu tas-sussidju, qed jiġi nnotat li l-prekondizzjoni għall-użu tal-iskema hija jew it-twettiq ta’ transazzjonijiet speċifiċi tal-esportazzjoni jew il-prestazzjoni kumplessiva tal-esportazzjoni. Għalhekk, l-ammont tas-sussidju (nominatur) għandu jiġi allokat fuq il-qligħ totali mill-esportazzjoni waqt il-PI minħabba li s-sussidju huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(79)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment rilevanti ieħor, is-sejbiet marbuta ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (134) sa (148) tar-Regolament provviżorju, kif modifikat fil-premessi (75) sa (78) ta’ hawn fuq, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(VII)   Finanzjament taħt Ċirkulari F.E. Nru. 25 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan

(80)

Iż-żewġ partijiet issottomettew li m’hemm l-ebda intervent mill-Bank tal-Istat tal-Pakistan f’din l-iskema, li l-banek kummerċjali jipprovdu finanzjament f’valuta barranija mingħajr rati tal-imgħax preferenzjali u li l-iskema mhijiex kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni billi kemm l-esportaturi kif ukoll l-importaturi jistgħu jużawha.

(81)

L-argumenti mressqa ġew analizzati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti u l-implimentazzjonijiet prattiċi tal-iskema u nstabu li huma ġustifikati. Għalhekk ġie konkluż li l-iskema m’għandhiex tiġi kkumpensata. Billi l-iskema taħt iċ-Ċirkulari F.E. Nru 25 tal-Bank tal-Istat tal-Pakistan mhijiex se tkun ikkumpensata, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għall-kummenti korrispondenti dwar l-iżvelar.

3.2.3.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(82)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, l-ammont definittiv ta’ sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-uniku produttur esportatur Pakistani li kkoopera huwa ta’ 5,15 %.

3.3.   Emirati Għarab Magħquda (UAE)

3.3.1.   Introduzzjoni

(83)

Il-Gvern tal-UAE (GUAE) u l-produttur esportatur li kkoopera ssottomettew kummenti dwar l-iskemi li ġejjin, ikkumpensati fir-Regolament provviżorju:

(I)

Liġi Federali Nru 1 tal-1979

(II)

Żona ta’ Kummerċ Ħieles (FTZ).

3.3.2.   Skemi Speċifiċi

(I)   Liġi Federali Nru 1 tal-1979

(84)

Il-GUAE issottometta li l-iskema taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 hija disponibbli b’mod vast u orizzontali għas-setturi industrijali u l-impriżi kollha fil-UAE u tingħata mingħajr eżenzjoni. Il-produttur esportatur li kkoopera issottometta li l-liċenzja maħruġa taħt il-Liġi Federali Nru. 1 tal-1979 tikkostitwixxi l-prekondizzjoni għall-eżistenza u l-operat fl-UAE.

(85)

B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq qed jiġi nnotat li l-investigazzjoni stabbiliet li l-impriżi industrijali fil-UAE jistgħu joperaw taħt tipi ta’ liċenzji differenti. Tabilħaqq, apparti mil-liċenzja mogħtija taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979, impriża industrijali tista’ topera taħt liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet reġjonali fl-emirat speċifiku fejn tkun stabbilita. Dan kien il-każ għall-produttur esportatur li kkoopera li għandu liċenzja maħruġa mill-Gvern tal-Emirat Ras al Khaimah. Barra dan, impriża industrijali tista’ topera f’Żona ta’ Kummerċ Ħieles fejn mhija meħtieġa l-ebda liċenzja taħt il-liġi msemmija qabel. Għalhekk, mhuwiex korrett li wieħed jgħid li l-impriżi industrijali kollha fl-UAE joperaw taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. Għalhekk mhuwiex pruvat li l-allokazzjoni tal-iskema hija awtomatika u l-affermazzjoni rilevanti għandha tiġi miċħuda.

(86)

Iż-żewġ partijiet sostnew li r-rekwiżiti pprovduti fil-liġi huma sempliċement il-prekondizzjonijiet meħtieġa għal kwalunkwe proġett industrijali sabiex jopera fil-pajjiż u mhux biex jikseb l-eżenzjonijiet mill-ħlas tad-dazji doganali u għalhekk l-analiżi tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju tal-Artikoli 12, 13 u 21 tal-Liġi Federali Nru 1 hija żbaljata. Il-GUAE issottometta wkoll li fir-rigward tal-Artikolu 13 it-terminu ikkunsidrat’ m’għandu ebda tifsira mandatorja fil-verżjoni bl-Għarbi tal-liġi. Il-GUAE sostna wkoll li l-Artikoli 11 u 12 tal-liġi msemmija qabel qatt ma ġew applikati fil-prattika billi l-Kumitat Tekniku responsabbli għar-rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar l-applikazzjonijiet qatt ma ġie stabbilit. Ġie ukoll sottomess li r-rwol tad-Dipartiment tal-Iżvilupp Industrijali huwa stabbilit fil-Manwal tal-Utent tas-Sistema Industrijali Elettronika maħruġ mill-Ministeru kif imsemmi fil-premessa (173) tar-Regolament provviżorju.

(87)

Dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Qed jiġi nnotat li l-Artikoli 13 u 21 tal-liġi jagħmlu parti mill-proċess li għandu jitwettaq pass wara pass previst fl-analiżi għal-Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. Għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 11 u 12 huwa nnotat li dawn l-artikoli jistabbilixxu r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-korpi differenti tal-awtorità tal-Istat li toħroġ il-Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru. 1 tal-1979. Il-fatt li qatt ma ġie stabbilit korp minkejja li huwa previst bil-liġi u huwa responsabbli għal: (i) valutazzjoni tal-input ipprovdut mid-Dipartiment tal-Iżvilupp Industrijali u (ii) r-rakkomandazzjoni lill-Ministru tal-approvazzjoni jew tar-rifjut tal-applikazzjonijiet, tikkonferma li l-leġislazzjoni li b’konformità magħha l-awtorità tal-għoti topera fil-prattika ma tiġix rispettata u għalhekk m’hemm l-ebda ċertezza legali fuq il-mod kif jingħata s-sussidju. Barra dan, fil-fatt l-affermazzjoni tal-GUAE għal dak li għandu x’jaqsam mal-Kumitat Tekniku hija kontradittorja għall-argumenti preċedenti li b’konformità magħhom il-Ministru talab lil dan il-kumitat biex jipprovdi kummenti dwar reviżjoni possibbli tal-liġi. Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kelma kkunsidrat’ fl-Artikolu 13 tal-Liġi Federali qed jiġi nnotat li l-verżjoni Ingliża kienet l-uniku test ipprovdut mill-GUAE waqt l-investigazzjoni. Barra dan, il-possibbiltà li jeżistu differenzi fid-definizzjonijiet bejn it-test bl-Ingliż u dak bl-Għarbi ġiet ippreżentata biss wara l-iżvelar provviżorju. Il-fatt li ż-żewġ verżjonijiet tat-test iqajmu dubji dwar ċerti partijiet tal-kriterji ta’ eliġibbiltà huwa għal darb’oħra indikazzjoni ċara li m’hemmx ċarezza legali dwar il-kriterji u l-kondizzjonijiet li jamministraw l-eliġibbiltà tas-sussidju. Għal dak li jirrigwarda r-rwol tad-Dipartiment tal-Iżvilupp Industrijali qed jiġi nnotat li ma ġie sottomess l-ebda tagħrif li jista’ jimmina s-sejbiet tal-investigazzjoni.

(88)

Il-GUAE issottometta li l-istatistiċi industrijali tiegħu huma evidenza li hemm iżjed minn 4 000 impriża industrijali rreġistrata taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. Iż-żewġ partijiet sostnew li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi evidenza pożittiva li l-awtoritajiet tal-UAE eżerċitaw diskrezzjoni fl-għoti jew ir-rifjut ta’ applikazzjonijiet għall-iskema.

(89)

Dawn l-affermazzjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Qed jiġi nnotat li l-investigazzjoni stabbiliet li l-għoti ta’ Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 mhuwiex awtomatiku u li r-regoli li jirregolaw il-proċess tal-għotja għall-għażla tar-riċevituri mhumiex oġġettivi. Wara li ġie kkunsidrat li l-iskema nstabet li kienet waħda speċifika b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(a) u 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, kien imiss lill-GUAE li jipprova, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament bażiku, l-affermazzjoni tiegħu li t-talbiet mill-partijiet kollha li ssottomettew applikazzjonijiet għal Liċenzja Industrijali taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 sa mill-approvazzjoni tal-liġi ġew approvati. L-ebda tagħrif verifikabbli bħal dan ma ġie pprovdut.

(90)

Iż-żewġ partijiet affermaw li l-impriżi industrijali kollha fl-UAE jiksbu eżenzjonijiet mid-dazji doganali għall-produzzjoni tagħhom. Il-produttur esportatur li kkoopera afferma wkoll li r-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tad-WTO fuq l-UAE, ippubblikata fl-2006, analizzat il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 u sabet li eżenzjonijiet mid-dazji doganali jingħataw lill-intrapriżi industrijali kollha. Ġie wkoll sostnut li jeżistu kontrolli tas-sistema billi l-Liċenzji Industrijali jiġġeddu kull sena, il-kumpaniji taħt l-iskema jirrapurtaw il-materjali importati mingħajr ħlas ta’ dazju u l-awtoritajiet jirrifjutaw l-importazzjonijiet li fuqhom ma jitħallasx dazju jekk l-inputs ma jkunux relatati mal-produzzjoni.

(91)

Dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-eżenzjonijiet minn dazji doganali jiġu konċessi lil kumpaniji li jagħmlu użu mill-iskema taħt il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 u li r-rata normali tad-dazju doganali għall-materja prima mhijiex żero. Il-produttur esportatur li kkoopera naqas milli juri kif dikjarazzjoni ġenerali fid-dokument tar-Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tad-WTO hija iżjed preċiża mill-analiżi dettaljata, ibbażata fuq iż-żjara ta’ verifika, ipprovduta fir-Regolament provviżorju espliċitament dwar l-eliġibbiltà u l-implikazzjonijiet prattiċi tal-Liġi Federali Nru 1 tal-1979. B’iktar importanza, l-investigazzjoni stabbiliet li l-awtoritajiet jaġixxu b’mod diskriminatorju meta jimmaniġġjaw l-importazzjoni tal-materjali li fuqhom ma jitħallasx dazju taħt l-iskema. Tabilħaqq billi ma jeżistu l-ebda regoli fuq kif it-talbiet għal importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju jiġu aċċettati jew miċħuda u b’kunsiderazzjoni tal-assenza ta’ sistema ta’ verifika effettiva dwar il-ġestjoni tal-iskema, mhuwiex ċar għaliex parti waħda f’ċertu żmien tista’ titħalla timporta mingħajr ħlas ta’ dazju waqt li f’ċertu data oħra tista’ tiċċaħħad milli timporta mingħajr ħlas ta’ dazju. Fil-fatt dan kien il-każ għall-produttur esportatur li kkoopera li kien jintalab minn żmien għal żmien li jħallas dazji mingħajr ma tingħata l-ebda ġustifikazzjoni mill-awtorità li qed tikkonċedi l-għotja. Għalhekk iż-żewġ partijiet naqsu milli jipprovdu kwalunkwe evidenza sabiex jikkorroboraw l-affermazzjonjiiet tagħhom dwar il-ġestjoni tal-iskema u l-allokazzjoni ta’ importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju.

(92)

Ġie ukoll sottomess li l-iskema hija amministrata minn kriterji oġġettivi, prinċipalment ir-rekwiżit li l-eżenzjoni mid-dazju tista’ tikkonċerna biss l-oġġetti importati użati għall-produzzjoni tal-impriża industrijali. Din l-affermazzjoni kellha tiġi miċħuda billi, kif inhu spjegat fil-premessi (89) u (91) ta’ hawn fuq, ma ntwera li jeżistu l-ebda kriterji oġġettivi bħal dawn.

(93)

Il-GUAE issottometta li l-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 qiegħda tiġi riveduta u li dan it-tagħrif ingħata lill-Kummissjoni. Ġie ukoll sostnut li l-Kummissjoni injorat it-tagħrif u d-dokumenti sottomessi mill-GUAE u ma pprovditx argumenti u evidenza pożittiva dwar il-fatti u l-liġi li wasslu għall-konklużjonijiet tagħha.

(94)

Għal dak li jirrigwarda dan ta’ hawn fuq huwa nnotat li l-Kummissjoni vvalutat u analizzat bir-reqqa t-tagħrif kollu fornit mill-partijiet. Għal dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 huwa pertinenti li wieħed jinnota li t-test ipprovdut mill-GUAE huwa abbozz ta’ dokument intern tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Industrija. Bħala tali, dan m’għandu l-ebda valur legali. L-awtorità tal-investigazzjoni hija obbligata li tanalizza d-dispożizzjonijiet legali effettivi u l-mod kif dawn jiġu implimentati u mhux abbozz li ma jorbotx u li ma ġiex approvat mill-fergħat amministrattivi u leġislattivi tal-UAE u li ma ġiex ippromulgat. Ta’ iktar importanza, il-fatt li l-GUAE qiegħed fil-preżent jaħdem fuq reviżjoni possibbli tal-Liġi Federali Nru 1 tal-1979 jikkonferma li l-awtoritajiet irrealizzaw li hemm ħtieġa, kif mistqarr mill-GUAE, li titwarrab kwalunkwe inkonsistenza mal-Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji tal-WTO.

(95)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (166) sa (183) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

(II)   Żona ta’ Kummerċ Ħieles (FTZ)

(96)

Iż-żewġ partijiet issottomettew li l-impriżi kollha fl-UAE jingħataw importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ beni kapitali.

(97)

F’dan ir-rigward qed jiġi nnutat li l-investigazzjoni stabbiliet li l-kumpaniji stabbiliti fil-FTZ jirċievu importazzjonijiet mingħajr ħlas ta’ dazju ta’ beni kapitali. Il-fatt li parti waħda tista’ tagħmel użu mill-istess benefiċċju bl-użu ta’ skema oħra (prinċipalment il-Liġi Federali Nru 1 tal-1979) ma jimplikax li s-sussidju kkonċernat mhuwiex ikkunsidrat bħala wieħed kumpensatorju. Barra dan, il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu xi evidenza fattwali sabiex jirribattu s-sejbiet tal-investigazzjoni fir-rigward tal-FTZ. Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, l-sffermazzjoni sottomessa kellha tiġi miċħuda.

(98)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet relatati ma’ din l-iskema kif stabbilit fil-premessi (184) sa (199) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

3.3.3.   Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(99)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, l-ammont definittiv ta’ sussidji kumpensatorji skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku espress ad valorem, għall-uniku produttur esportatur tal-Emirati Għarab Magħquda li kkoopera huwa ta’ 5,13 %.

3.4.   Kummenti dwar l-iżvelar finali

(100)

Ta’ min ifakkar li l-partijiet kollha interessati ngħataw opportunità li jippreżentaw il-kummenti u l-osservazzjonijiet tagħhom wara l-iżvelar finali. Il-kummenti ġew ikkunsidrati fejn xieraq iżda ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet imsemmija hawn fuq.

(101)

Il-produttur esportatur Iranjan li kkoopera ppreżenta għal darb’oħra l-analiżi tiegħu tal-fatti tal-każ iżda ma pprovda l-ebda evidenza konklużiva ġdida li setgħet timmina s-sejbiet tal-investigazzjoni.

(102)

Il-Gvern tal-Pakistan esprima nuqqas ta’ sodisfazzjon bir-rifjut tal-impenn tiegħu fir-rigward tal-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali u tenna l-kummenti dwar l-iskema LTF-EOP u dwar l-FTR. Hu ppreżenta wkoll deċiżjoni ġdida tal-Federal Board of Revenue maħruġa fis-27 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi d-dazju doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ PTA (materja prima użata għall-PET) bir-rata ta’ 3 % u sostna li l-istituzzjonijiet kienu marbuta bil-liġi li jikkalkolaw mill-ġdid il-marġni tas-sussidju stabbilit għall-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali. Dan kellu jiġi rifjutat billi ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li s-sussidju mhux se jkompli jeżisti. Il-Gvern tal-Pakistan jiddikjara li dan naqas. Madankollu, skont ir-regoli tal-iskema ta’ Manifattura taħt Kontroll Doganali, il-materjal ta’ input jista’ jintuża mill-inqas sa sentejn wara l-importazzjoni. Fi kliem ieħor, xi ħaġa li ġiet importata sa Lulju 2010 (meta r-rata tad-dazju kienet 7,5 %) tista’ tintuża sa Lulju 2012. L-istituzzjonijiet iddeterminaw l-ammont ta’ sussidju fuq il-bażi tad-dejta marbuta mal-PI u skont ir-regoli tal-iskema, ir-rata tad-dazju preċedenti għad tista’ tħalli l-effett tagħha sal-2012. Għaldaqstant, jidher ċar li s-sussidji għadhom preżenti fil-waqt tal-impożizzjoni tad-dazju definittiv. Barra minn hekk, id-dazju doganali huwa biss element wieħed tal-ġabra tad-dejta u, kif muri fil-premessi (43) sa (53) hawn fuq, kieku r-rata tad-dazju kienet aktar baxxa, il-volumi ta’ importazzjoni setgħu kienu ogħla.

(103)

Il-produttur esportatur Pakistani li kkoopera ma qabilx mal-analiżi dwar l-FTR iżda l-elementi pprovduti ma setgħux ibiddlu s-sejbiet tal-investigazzjoni. Dan sostna wkoll li teżisti evidenza verifikabbli li tagħti stampa preċiża tal-obbligi fiskali tiegħu u pprovda ġabra ta’ dokumenti li jikkonfermaw li s-sejbiet tal-Kummissjoni mhumiex preċiżi. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-informazzjoni mogħtija mhijiex konklużiva u verifikabbli u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata.

(104)

Il-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda ppreżenta għal darb’oħra l-analiżi tiegħu tal-fatti tal-każ u sostna li l-istituzzjonijiet ibbażaw is-sejbiet tagħhom fuq interpretazzjoni mhux ċara tal-Liġi Federali 1 tal-1979 u ma pprovdew l-ebda evidenza pożittiva. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li l-ispeċifiċità ġiet stabbilita skont l-Artikoli 4(2)(a) u 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, li l-interpretazzjoni tal-Liġi Federali 1 tal-1979 mill-istituzzjonijiet kienet imsejsa fuq l-informazzjoni, l-evidenza u d-dejta ppreżentati u ma nstabet l-ebda evidenza konklużiva li tista’ tbiddel is-sejbiet tal-investigazzjoni. Il-GUAE ċċara li l-proċess ta’ emenda tal-Liġi Federali 1 tal-1979 mexa l quddiem u dieħel fil-fażi aħħarija ta’ promulgazzjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni tilqa’ l-isforzi li saru mill-UAE biex jemendaw id-dispożizzjonijiet legali rilevanti tagħhom iżda l-iżviluppi msemmija qabel m’għandhom l-ebda impatt fuq is-sejbiet tal-investigazzjoni, billi ma teżisti l-ebda skeda ta’ żmien ċara għall-konklużjoni tal-proċess ta’ emenda u għad-dħul fis-seħħ tal-liġi ġdida.

(105)

Il-produttur esportatur tal-UAE li kkoopera tenna l-affermazzjonijiet tiegħu dwar il-Liġi Federali 1 tal-1979. Hu sostna wkoll li hemm żbalji fil-kalkolu tal-marġni ta’ sussidju. Ġie sostnut li l-kumpanija ndunat, wara l-iżvelar definittiv, li m’hemm l-ebda dazju impost fuq il-ksib ta’ materja prima mill-Arabja Sawdija għaliex l-UAE u l-Arabja Sawdija jagħmlu parti mill-unjoni doganali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni fil-Golf u pprovdiet ġabra ta’ dokumentazzjoni marbuta mad-dikjarazzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li dawn ir-rappreżentazzjonijiet jagħmlu parti minn ġabra kompletament ġdida ta’ informazzjoni li diġà kellha tiġi ppreżentata fit-tweġiba għall-kwestjonarju jew mhux aktar tard miż-żjara ta’ verifika biex b’hekk il-Kummissjoni setgħet tivverifika l-veraċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Għaldaqstant, id-dejta pprovduta ma tistax tiġi verifikata f’dan l-istadju avvanzat tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda evidenza konklużiva li tikkorrobora dawn l-affermazzjonjiiet. Barra minn hekk, ġie sostnut li l-benefiċċju għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ materja prima kkonsmata matul il-PI u mhux fuq il-bażi tal-materja prima miksuba. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-qasma bejn il-materja prima kkonsmata u miksuba hija irrilevanti billi l-ammont ikkumpensat huwa l-ammont totali marbut mal-PI kif spjegat fil-premessi (84) sa (95) ta’ hawn fuq.

4.   ĦSARA

4.1.   Produzzjoni tal-Unjoni, industrija tal-Unjoni u konsum tal-Unjoni

(106)

L-ebda kummenti ma ġew irċevuti fir-rigward tal-produzzjoni tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni u l-konsum tal-Unjoni. Konsegwentement, il-premessi (201) sa (206) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

4.2.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(107)

Ebda kummenti ma ġew irċevuti fir-rigward tal-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ikkonċernati, il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u s-sehem rispettiv tagħhom fis-suq. Konsegwentement, il-premessi (207) sa (213) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

Prezzijiet u twaqqigħ tal-prezzijiet

(108)

Billi, kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (20), ġie deċiż li l-prodott taħt investigazzjoni jinqasam f’ħafna tipi ta’ prodotti twettaq kalkolu ġdid għat-twaqqigħ tal-prezzijiet li jirrifletti dik il-bidla.

(109)

Għall-għan tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-prezzijiet tal-bejgħ medji ppeżati tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni skont it-tip ta’ prodott, aġġustati sabiex jilħqu l-livell ta’ xogħol tal-fabbrika (ex-works), ġew paragunati mal-prezzijiet medji peżati korrispondenti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF b’aġġustamenti xierqa għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u d-differenzi fil-livell tal-kummerċ.

(110)

Il-paragun wera li, waqt il-PI, l-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw fl-UAE mibjugħa fl-Unjoni għandhom prezz inqas bi 3,2 % minn dak tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw mill-Iran mibjugħa fl-Unjoni għandhom prezz inqas bi 3,0 % minn dak tal-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet sussidjati li joriġinaw mill-Pakistan mibjugħa fl-Unjoni għandhom prezz inqas b’0,5 % minn dak tal-industrija tal-Unjoni. Il-marġni medju peżat tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-pajjiżi kkonċernati waqt il-PI huwa ta’ 2,5 %.

(111)

L-esportatur Iranjan ikkummenta li l-marġni ta’ ħsara tiegħu ġie esaġerat billi l-unità tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ stabbilit kien iddikjarat inqas milli effettivament huwa minħabba kalkolu żbaljat tal-ammont tal-livell ta’ aġġustament tal-kummerċ. Għal dak li jirrigwarda din l-affermazzjoni għandu jiġi nnotat li l-ammont għal-livell ta’ kummerċ użat fil-kalkolu provviżorju kien ammont fiss kull tunnellata li huwa l-ħlas iċċarġjat mill-aġent importatur li kkoopera u li jirrappreżenta madwar 1 % tal-prezz medju tas-CIF. Madankollu, billi ma ġiet proposta l-ebda kwantifikazzjoni alternattiva tal-livell ta’ aġġustament tal-kummerċ u l-ebda tagħrif ieħor m’hu disponibbli għal aġġustament bħal dan, l-affermazzjoni qiegħda għalhekk tiġi miċħuda.

(112)

L-istess parti affermat ukoll li r-rata ta’ 2 % meħuda għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni dehret li kienet iżjed baxxa milli suppost.

(113)

Għal dan ir-rigward qed jiġi mtenni li l-ebda importatur ma kkoopera f’din l-investigazzjoni u ma kienx possibbli li tiġi verifikata l-ispiża effettiva ta’ wara l-importazzjoni. Għalhekk, fl-assenza ta’ kwalunkwe tagħrif ieħor, ġiet applikata r-rata użata fil-proċeduri preċedenti.

4.3.   Sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(114)

Ċertu partijiet interessati affermaw li ma kienx hemm ħsara billi l-kampjun kien intgħażel b’mod żbaljat u bħala riżultat l-ebda riżultat ma seta’ jiġi estrapolat għall-industrija totali tal-Unjoni. Ġie affermat li billi kumpanija partikolari (mhux fil-kampjun) kienet indikat li kienet qiegħda tuża iżjed minn 100 % tal-kapaċità tagħha, dan għandu jkun sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ ħsara. Qed jiġi nnotat li t-tagħrif sottomess huwa estratt mis-sottomissjoni ta’ din il-kumpanija lill-awtoritajiet tas-suq tal-ishma f’pajjiż terz u mhuwiex verifikat. Dan it-tagħrif lanqas jaqbel mat-tagħrif fuq il-fajl. Barra dan, u fi kwalunkwe eventwalità, l-użu tal-kapaċità ta’ produttur wieħed waħdu tal-UE ma jistax ibiddel is-sejbiet ta’ ħsara għall-produtturi tal-UE li ttieħdu bħala kampjun u l-produtturi l-oħra tal-UE.

(115)

Fl-assenza ta’ affermazzjonijiet jew kummenti oħra, il-premessi (218) sa (237) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

4.4.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(116)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment speċifiku, il-konklużjoni dwar il-ħsara stabbilita fil-premessi (238) sa (240) tar-Regolament provviżorju qiegħda b’dan tiġi kkonfermata.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effett tal-importazzjonijiet sussidjati

(117)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment speċifiku, il-premessi (241) sa (245) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

5.2.   Effett ta’ fatturi oħra

(118)

Xi wħud mill-partijiet interessati affermaw li kwalunkwe ħsara li tinstab ma tkunx saret minħabba l-importazzjonijiet issussidjati, iżda li l-prezzijiet baxxi għall-PET fl-UE jirriflettu ċ-ċiklu dinji tal-industrija u li minn Settembru 2008 sa Ġunju 2009 il-prezzijiet tal-PET fl-UE segwew il-prezzijiet baxxi taż-żejt mhux raffinat. Għal dak li jirrigwarda dan l-argument, huwa rikonoxxut li l-prezzijiet tal-PET jiddependu sa ċertu punt fuq il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat, li d-derivattivi tiegħu huma l-materja prima ewlenija li tipproduċi l-PET. Madankollu, il-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat ma kinux baxxi tul il-PI kollu iżda volatili ħafna, bi tnaqqis enormi fil-bidu li ġie segwit minn irkupru. Il-volatilità tal-prezzijiet madwar id-dinja taż-żejt mhux raffinat ma tistax tispjega għaliex l-importazzjonijiet tal-PET kienu ssussidjati u għalhekk kienu iżjed baxxi mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni. Kien preċiżament dan it-twaqqigħ tal-prezzijiet, li possibilment sar minħabba s-sussidji rċevuti, li baxxa l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u ġiegħel lill-produtturi tal-UE jbiegħu b’telf sabiex ma jitilfux il-klijenti tagħhom.

(119)

L-esportatur Iranjan afferma li l-problemi finanzjarji u tekniċi ta’ ċertu produtturi tal-UE ma ġewx separati tajjeb mill-analiżi ta’ ħsara u ġew attribwiti b’mod żbaljat lill-importazzjonijiet Iranjani billi daħal fis-suq biss wara l-2006. Għal dan ir-rigward qed jiġi nnotat li importazzjonijiet mill-Iran kienu diġà preżenti fl-2006 u l-2007 fi kwantitajiet taħt il-1 % tas-sehem tas-suq. Sa mill-2008, kienu iżjed minn 1 % u kienu jikkontribwixxu bil-prezzijiet baxxi tagħhom għas-soppressjoni tal-prezzijiet fl-UE. Barra dan, il-kondizzjonijiet għal valutazzjoni kumulattiva f’dan il-każ intlaħqu u l-effetti tal-importazzjonijiet issussidjati mill-pajjiżi kollha kkonċernati setgħu jiġu valutati b’mod kumulattiv. Barra dan, waħda biss mill-kumpaniji msemmija mill-esportatur Iranjan kienet fil-kampjun u l-problemi tekniċi ta’ dan il-produttur tal-UE, limitati minn Settembru sa nofs Ottubru 2008, ma nfluwenzawx b’mod sinifikanti l-kwadru ġenerali tal-ħsara.

(120)

L-istess parti tenniet li kwalunkwe ħsara misjuba għandha tkun konnessa mat-tnaqqis fid-domanda, b’mod speċjali waqt il-PI li ġiet ikkundizzjonata mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Madankollu din il-parti ma rribattietx l-argumenti mogħtija fil-premessi (254) sa (256) tar-Regolament provviżorju: li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li beda fl-aħħar tliet xhur tal-2008 ma jista’ bl-ebda mod inaqqas l-effetti ta’ ħsara tal-importazzjonijiet issussidjati bi prezz baxx fis-suq tal-UE tul il-perijodu kollu kkunsidrat u li, għalkemm id-domanda li dejjem qiegħda tonqos kienet fattur li kkontribwixxa għall-ħsara li ġġarbet, ma kissritx il-konnessjoni kawżali. Qed jiġi nnotat ukoll li dawk l-importazzjonijiet issussidjati saħansitra kabbru s-sehem tas-suq tagħhom meta d-domanda naqset, jiġifieri minn 7,6 % għal 10,2 %, għad-detriment tal-produtturi tal-UE.

(121)

Xi wħud mill-partijiet interessati affermaw li l-ħsara eventwali kienet il-kawża ta’ nuqqas ta’ investiment min-naħa tal-produtturi PET tal-UE u l-iżvantaġġ konsegwenti tagħhom fl-ispejjeż għal dak li għandu x’jaqsam mal-esportaturi.

(122)

Huwa rikonoxxut li l-PET hija industrija b’kapital intensiv u li ċertu livell ta’ investiment huwa meħtieġ sabiex tibqa’ kompetittiva fil-perspettiva medja u dik fit-tul. Qed jiġi mfakkar li, kif imsemmi fil-premessa (237) tar-Regolament provviżorju, ċertu kumpaniji li ttieħdu bħala kampjun għamlu investimenti importanti fl-2006 u l-2007, iżda kien hemm biss livell minimu ta’ investiment fl-2008 u fil-PI.

(123)

Huwa nnotat għal dak li jirrigwarda dan li minħabba fil-produzzjoni u r-rati tal-użu tal-kapaċità li baqgħu jonqsu matul l-2008 u l-PI flimkien mas-sehem mis-suq tal-produtturi tal-Unjoni li qed jonqos b’mod qawwi, ma jkunx raġjonevoli li wieħed jistenna xi tip ta’ investiment kbir f’kapaċitajiet ġodda fl-istess perijodu.

(124)

Qed jittenna wkoll li, kif imsemmi fil-premessi (233) u (234) tar-Regolament provviżorju, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni meħuda bħala kampjun kienet ħażina ħafna waqt il-perijodu kollu kkunsidrat u li sofrew telf konsiderevoli bejn l-2006 u l-PI. Hawn ukoll, f’sitwazzjoni bħal din, ma jkunx raġjonevoli li wieħed jistenna kwalunkwe tip ta’ investiment kbir min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni.

(125)

Konsegwentement, qed jiġi konkluż li l-investiment limitat fl-2008 u l-PI ma kkontribwixxiex b’mod materjali għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni iżda pjuttost kien riżultat ta’ din.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(126)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-kawżalità, il-premessi (246) sa (264) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

(127)

Wara l-iżvelar provviżorju għadd sinifikanti ta’ konvertituri u/jew bottiljaturi tal-UE resqu u affermaw li l-analiżi tal-interess tal-Unjoni ma setgħetx tirrifletti tajjeb l-argumenti tan-numru kbir ta’ utenti li kkooperaw u li s-sejbiet jikkontradixxu l-klima ekonomika attwali. Madankollu, ma kienx hemm iżjed sostanzjar jew spjegazzjoni. Il-kumpaniji kollha talbu għal seduta, iżda żewġ kumpaniji biss ta’ dan il-grupp ta’ utenti u assoċjazzjoni waħda ta’ bottiljaturi Taljani effettivament ġew għas-seduta. Inltaqgħu iżjed kummenti ta’ sostanzjar minn konvertitur partikolari tal-UE li kkoopera (ALPLA), grupp ta’ proċessuri (Caiba SA, il-grupp Coca-Cola, Danone Waters, Logoplaste, MFS Commodities, PepsiCO, Novara International u Silico Polymers), l-aġent tal-importazzjoni li kkoopera (GSI) u l-assoċjazzjoni tal-konvertituri tal-plastik (EuPC). Dawn il-partijiet kollha opponew bil-qawwi l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe miżura.

6.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni u produtturi oħra tal-Unjoni

(128)

Ċertu partijiet interessati affermaw li l-produtturi tal-UE setgħu jużaw (jużaw ħażin) l-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ sabiex jipproteġu s-suq tal-Unjoni u jistabbilixxu prezzijiet ta’ livell għoli artifiċjali fl-UE. Dawn il-partijiet qegħdin jargumentaw dwar il-miżuri eżistenti ta’ anti-dumping u/jew kumpensatorji li hemm kontra l-Indja, l-Indoneżja, il-Korea t’Isfel, il-Malasja, it-Tajwan, it-Tajlandja u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Madankollu, qed jiġi nnotat li kwalunkwe kumpanija li qiegħda tipproduċi fl-UE għandha d-dritt li tilmenta u tfittex rimedji f’każ li tista’ turi l-eżistenza ta’ prattiki dannuża ta’ sussidju. Il-fatt li nstabu prattiki ta’ sussidju u dumping li jikkonċernaw ħafna pajjiżi possibilment jista’ jiġi spjegat bil-fatt li d-domanda għal dan il-prodott żdiedet ħafna sa mis-snin disgħin b’rati annwali ta’ żieda li s-soltu jilħqu ċifri doppji. Dan ġibed investimenti sinifikanti mid-dinja kollha, u wassal għal offerta strutturali żejda ta’ PET fuq livell dinji. Qed jiġi wkoll innotat li ċertu pajjiżi terzi għandhom miżuri li qegħdin joperaw kontra ħafna mill-pajjiżi msemmija hawn fuq, li tkompli tikkonferma l-problema strutturali eżistenti.

(129)

Diversi partijiet interessati tennew li l-produtturi tal-Unjoni fuq perijodu twil ma jkunux jistgħu itejbu l-prestazzjoni tagħhom billi investimenti ġodda f’pajjiżi terzi oħra dalwaqt jiġu introdotti fis-suq u jnaqqsu l-prezzijiet artifiċjalment għolja fl-UE.

(130)

L-investigazzjoni wriet li investiment ġdid li ġie introdott fis-suq biss reċentement fl-Oman żied il-volumi ta’ importazzjonijiet tiegħu b’mod konsiderevoli fl-2009 u ma jistax jiġi eskluż li jista’ jikkawża problemi lill-industrija tal-Unjoni fil-futur. Madankollu, kif diġà ġie indikat fil-premessa (270) tar-Regolament provviżorju, investimenti ġodda li jistgħu jiġu introdotti fis-suq u jistgħu jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni mhumiex raġuni valida sabiex tiġi miċħuda protezzjoni leġittima f’din il-proċedura.

(131)

Parti interessata partikolari affermat li ż-żieda fil-prezzijiet tal-PET fl-UE għandha tippermetti lill-produtturi tal-UE li jkollhom investiment f’pajjiżi terzi mhux soġġetti għal miżuri (it-Tajlandja, l-Istati Uniti, ir-Russja) jew produtturi tal-PET oħra f’pajjiżi terzi (il-Korea t’Isfel) biss li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom. Għalhekk, sostniet il-parti, il-benefiċċju fuq perijodu qasir għall-produtturi tal-UE għandu jiġi ssuperat b’mod ċar bit-trasferiment ta’ ġid lil produtturi barra mill-UE.

(132)

F’dan ir-rigward qed jiġi nnotat li m’hemm l-ebda evidenza bil-miktub li ssostni d-dikjarazzjoni li kwalunkwe benefiċċju finanzjarju li jista’ jiġi spustat favur il-produtturi f’pajjiżi terzi li mhumiex soġġetti għal miżuri ta’ protezzjoni ta’ kummerċ jew favur kumpaniji b’dazju żero għandu jissupera l-benefiċċji tal-industrija tal-Unjoni.

(133)

Ġie affermat ukoll li l-produtturi tal-Unjoni jimpjegaw biss madwar 2 000 persuna waqt li l-proċessuri tal-PET u l-bottiljaturi li għandhom jiġu affettwati sew bi kwalunkwe dazju jimpjegaw madwar 20 000 u 60 000 persuna rispettivament.

(134)

Qed jiġi nnotat li l-impjieg maħluq mill-produtturi tal-PET mhuwiex marġinali u l-kwistjoni jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess kumplessiv tal-Unjoni ma tistax tiġi ridotta għal kwistjoni sempliċi tan-numru ta’ nies impjegati. F’dan ir-rigward huwa wkoll partikolarment rilevanti li l-utenti rilevanti x’aktarx li mhumiex se jintlaqtu b’mod sinifikanti mill-miżuri, meta jiġi kkunsidrat il-livell tad-dazju kif ukoll sorsi alternattivi ta’ provvista, kif stabbilit hawn taħt fil-premessi (141) sa (156).

6.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati fl-Unjoni

(135)

Qed jiġi mtenni li l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera f’din l-investigazzjoni.

(136)

L-aġent li kkoopera ikkuntesta bil-qawwa li l-impożizzjoni ta’ dazji m’għandhiex ikollha impatt konsiderevoli fuq in-negozju tiegħu. Il-kumpanija affermat li waqt li tabilħaqq kienet qiegħda taħdem fuq bażi ta’ ħlas, l-impatt għandu jkun importanti billi parti importanti tan-negozju tagħha kienet konnessa mal-pajjiżi kkonċernati. Jekk jiġu imposti miżuri definittivi, il-ħlas miksub mill-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati għandu jiġi affettwat billi l-PET mill-pajjiżi kkonċernati ma jkunx jista’ jkompli jikkompeti mal-PET prodott minn produtturi oħra.

(137)

Meta jiġi kkunsidrat il-livell moderat ta’ dazju kumplessiv, mhux probabbli li l-bejgħ ta’ PET mill-pajjiżi kkonċernati jiġi affettwat b’mod sostanzjali. Barra dan, l-aġent fil-perijodu medju jista’ wisq probabbli jaqleb għal sorsi oħra ta’ provvista, prinċipalment għal importazzjonijiet mill-Oman, l-Istati Uniti, il-Brażil, il-Messiku u l-kumpaniji b’rata tad-dazju anti-dumping żero fil-Korea t’Isfel. Il-bejgħ ta’ dawn il-produtturi esportaturi għandu jqiegħed lill-aġent f’pożizzjoni li jikkumpensa kwalunkwe telf li jista’ jsofri minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri. Konsegwentement, l-affermazzjoni qegħda tiġi miċħuda.

6.3.   Interess tal-fornituri tal-materja prima fl-Unjoni

(138)

Parti interessata partikolari affermat li mhuwiex leġittimu li jiġu mħarsal-fornituri tal-materja prima tal-produtturi tal-PET tal-UE bi żvantaġġ għall-industrija tal-imballaġġ, il-bottiljaturi u l-konsumaturi finali.

(139)

Qed jiġi nnotat li l-analiżi tal-impatt ta’ miżuri fuq l-industrija fornitriċi hija konformi mal-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku. Hija prassi standard li ssir analiżi bħal din, b’mod partikolari meta jkun hemm dipendenza qawwija bejn il-fornituri tal-materja prima u l-produtturi tal-Unjoni.

(140)

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-premessi (265) sa (279) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu definittivament ikkonfermati.

6.4.   Interess tal-utenti

(141)

Qed jiġi mtenni li l-PET użat fil-produzzjoni ta’ pre-forom ta’ fliexken jammonta għal bejn 70 % u 80 % tat-total tal-ispiża tal-produzzjoni għall-konvertituri. Għalhekk hija komponent ta’ spiża kritika għal dawn il-kumpaniji.

(142)

Xi wħud mill-partijiet interessati indikaw li l-industrija tal-imballaġġ tal-UE għandha sfida kontinwa minħabba r-rekwiżiti ta’ dawk li jimlew il-fliexken għal disinji ġodda u imballaġġ li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent. Għal dak il-fini, xi wħud mill-konvertituri jidhru li qegħdin jinvestu kostantement fir-riċerka u l-iżvilupp biex jivvintaw prodotti u disinji ġodda sabiex jibqgħu kompetittivi u jżidu iżjed valur fil-katina.

(143)

Xi wħud mill-partijiet interessati affermaw li l-impatt fuq l-industrija tal-konvertituri tal-UE għandu jkun qawwi ħafna u għandu jwassal għall-erożjoni tar-riżorsi tagħhom sabiex jinvestu f’imballaġġ ġdid li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u possibilment anke għall-għeluq ta’ mijiet ta’ kumpaniji iżgħar billi l-marġni tagħhom huma idjaq minħabba l-volumi żgħar ipproċessati u l-poter limitat ta’ negozjar.

(144)

Tabilħaqq, jekk il-konvertituri jassorbu ż-żieda totali fil-prezzijiet minħabba l-miżuri, l-impatt fuqhom jista’ jkun imdaqqas, skont is-sorsi ta’ provvista tagħhom, billi l-ispiża tal-PET tikkostitwixxi l-parti l-kbira tal-ispejjeż tagħhom u li ħafna mill-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju joperaw fuq marġnijiet baxxi.

(145)

F’dan ir-rigward, ġiet imwettqa żjara ta’ verifika fuq konvertitur żgħir tal-plastik fl-Italja sabiex tinkiseb idea aħjar dwar l-impatt tad-dazji fuq dan il-grupp ta’ utenti. L-investigazzjoni wriet li, minkejja li huma limitati, il-proċessuri normalment għandhom ċertu abbiltà li jgħaddu lill-oħrajn iż-żieda tal-prezz tagħhom, b’mod speċjali jekk iż-żieda fil-prezz ma tkunx marġinali u tista’ tiġi antiċipata. Barra dan, ċertu proċessuri tal-PET għandhom klawżoli ta’ adattament fil-kuntratti tagħhom għall-prezzijiet tal-materja prima u dan jista’ jgħin lill-kovertituri biex jgħaddu ċertu żieda fil-prezz lill-bottiljaturi.

(146)

Konsegwentement, u fil-kuntest tal-livell tad-dazju pjuttost moderat, qed jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji probabbilment ma jkollhiex effett devastanti fuq il-konvertituri.

(147)

Xi wħud mill-partijiet interessati tennew l-argument li r-riskju ta’ delokalizzazzjoni tal-proċessuri/konvertituri tal-PET għandu jiżdied jekk jiġu imposti miżuri definittivi. Dawn il-partijiet affermaw ukoll li minħabba fid-delokalizzazzjoni tal-proċessuri tal-UE m’għandu jkun hemm l-ebda benefiċċju fit-tul għall-produtturi tal-UE. Wieħed mill-konvertituri tal-PET li kkoopera ddikjara li l-proċess ta’ delokalizzazzjoni huwa diġà fis-seħħ u li kwalunkwe impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji għandha taċċellera iżjed dan l-iżvilupp. Din il-parti sostniet li parti sostanzjali tal-konvertituri tal-UE għandha titqiegħed f’żoni li huma qrib il-konfini tal-UE (l-Isvizzera, il-Kroazja, il-Bosnja, is-Serbja, it-Turkija, ir-Russja u l-Ukraina) u li ċerti konvertituri għandhom ikunu ħafna iżjed flessibbli fil-ġarr tal-produzzjoni tagħhom lejn dawn iż-żoni minn kemm issuġġerit fir-Regolament provviżorju.

(148)

Fuq bażi tat-tagħrif fuq il-fajl, id-delokalizzazzjoni hija tabilħaqq proċess li diġà huwa fis-seħħ u għalhekk huwa kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji tista’ tkun fattur wieħed minn ħafna kunsiderazzjonijiet oħra li jinfluwenzaw deċiżjoni bħal din ta’ kumpanija. Ma nstabx li, mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri f’dan il-każ, dawk il-kumpaniji jkunu lesti li jibqgħu fl-UE billi deċiżjoni bħal din hija normalment ir-riżultat ta’ analiżi li tikkunsidra numru ta’ aspetti oħra minbarra l-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, bħall-fatt li wieħed ikun qrib il-klijent, li jkun hemm aċċess għal ħaddiema tas-sengħa għar-riċerka u l-iżvilupp, l-istruttura tal-ispejjeż ġenerali, eċċ.

(149)

Qed jiġi nnutat ukoll li t-tagħrif fuq il-fajl juri li l-industrija tal-konvertituri tal-UE qiegħda tiffaċċja numru ta’ sfidi importanti minħabba nuqqasijiet strutturali inerenti li qegħdin isiru iżjed u iżjed apparenti f’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u li qed isir dejjem iżjed kompetittiv. Huwa evidenti li d-daqs huwa importanti f’dak in-negozju u li l-konsolidament tas-suq huwa diġà fis-seħħ, inkluż l-għeluq u d-delokalizzazzjoni. Konsegwentement, huwa kkunsidrat li kwalunkwe żieda fil-prezz għall-PET minħabba miżuri kumpensatorji mhijiex ir-raġuni għall-għeluq mhux mixtieq tal-konvertituri ż-żgħar.

(150)

Konsegwentement, qed jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji mhijiex se tkun fattur determinanti fid-deċiżjoni eventwali dwar id-delokalizzazzjoni għall-kumpaniji fl-industrija tal-ipproċessar tal-PET.

(151)

Diversi partijiet interessati ddikjaraw li kwalunkwe miżura jkollha effett sostanzjali fuq ħafna bottiljaturi, billi minħabba arranġamenti kuntrattwali kwalunkwe żieda fil-prezzijiet PET tar-reżina tiġi mgħoddija lilhom (għall-inqas parzjalment). Ġie ukoll sostnut li xi wħud minn dawk li jimlew il-fliexken jista’ jkun li ma jkunux f’pożizzjoni li jgħaddu ż-żieda fil-prezzijiet lill-klijenti tagħhom, meta dawn ikunu ktajjen ta’ supermarkits u ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, u li ma jkunux jistgħu jifilħu kwalunkwe żieda fl-ispiża.

(152)

Dawn il-partijiet affermaw li l-firxa ta’ prodotti li se jiġu affettwati bid-dazji ġiet sottovalutata billi mhux se jiġu affettwati biss l-ilma fil-fliexken, is-softdrinks u ż-żejt tal-ikel, iżda wkoll il-birra, il-ħalib u l-prodotti magħmula mill-ħalib, il-produtturi tal-meraq tal-frott, il-ketchup u l-ħwawar, il-prodotti kożmetiċi u tal-kura personali, id-drogi, il-vitamini u s-supplimenti, il-prodotti għat-tindif tad-dar u ż-żejt u l-lubrikanti għall-karozzi.

(153)

Huwa rikonoxxut li l-imballaġġ tal-PET għandu ħafna għamliet. Huwa nnotat, madankollu li r-Regolament provviżorju ffoka fuq l-impatt fuq il-bottiljaturi, billi huwa bbażat fuq id-dejta sottomessa mill-kumpaniji li kkooperaw f’din l-investigazzjoni, prinċipalment il-produtturi tal-ilma, tas-soft-drinks jew tal-meraq. Ma kien hemm disponibbli l-ebda dejta oħra ddettaljata li turi impatt ogħla fuq l-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(154)

Konsegwentement, huwa kkunsidrat li s-sejbiet provviżorji deskritti fil-premessa (291) tar-Regolament provviżorju jistgħu jiġu kkonfermati b’mod definittiv. Barra dan, meta jiġi kkunsidrat il-livell moderat tal-miżuri proposti, jistgħu jirriżultaw f’żieda fil-prezz ta’ mhux iżjed minn 1 % (fl-agħar każ – jiġifieri impatt totali tal-miżuri li jaqa’ fuq il-kumpaniji tal-ibbottiljar) u għalhekk għandu jkollhom biss impatt limitat fuq is-sitwazzjoni kumplessiva tal-kumpaniji tal-ibbottiljar, anke jekk, kif affermat, ma jkunux f’pożizzjoni li jgħaddu ż-żieda fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom.

(155)

Diversi partijiet interessati sostnew li kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni tal-kummerċ ser tħarrax in-nuqqas ta’ forniment fis-suq tal-Unjoni, sitwazzjoni li ser tkun partikolarment problematika fix-xhur tas-sajf minħabba fid-domanda ogħla għall-ilma/xorb. Ġie affermat li fl-2010 se jkun hemm bżonn sa 900 000 tunnellata ta’ importazzjonijiet. Din il-problema se tikber b’mod sostanzjali bil-fatt li ċertu produtturi tal-UE huma wkoll proċessuri tal-PET u jbiegħu biss lis-suq ħieles ladarba d-domanda interna tagħhom tiġi sodisfatta u bi prezzijiet primjum.

(156)

F’dan ir-rigward ma ġie sottomess l-ebda tagħrif ġdid u l-argumenti previsti fil-premessi (294) u (295) tar-Regolament provviżorju ma ġewx ikkontestati. Qed jiġi nnotat ukoll li meta jiġi kkunsidrat il-livell moderat ta’ dazji imposti fuq l-importazzjonijiet mill-UAE u l-Pakistan, l-impatt fuq il-volumi tal-kummerċ minn dawk il-pajjiżi jista’ ma jiġix affettwat b’mod sinifikanti. Konsegwentement, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (294) u (295) huma definittivament ikkonfermati.

6.5.   Impatt fuq il-konsumaturi

(157)

Diversi partijiet interessati affermaw li r-Regolament provviżorju naqas milli jindirizza tajjeb l-impatt fuq il-konsumaturi li potenzjalment jixtru, ta’ kuljum, prodotti li jkollhom ir-reżina tal-PET. Dawn l-affermazzjonijiet ma ġewx sostanzjati iżjed minbarra d-dikjarazzjoni li żieda ta’ EUR 50 kull tunnellata applikata għal konsum ta’ 3 miljun tunnellata jwasslu għal EUR 150 miljun li jaqgħu fuq il-konsumatur finali kull sena.

(158)

Qed jiġi nnotat li l-istima proposta mhijiex realistika billi ħafna mill-partijiet qablu li ftit mill-impatt ser jaqa’ fuq il-proċessuri tal-PET, il-bottiljaturi u l-ktajjen ta’ supermarkits/ħwienet bl-imnut, jiġifieri li xi wħud mill-ispejjeż miżjuda ser jiġu dilwiti fil-katina tal-bejgħ.

(159)

L-impatt fuq il-konsumatur finali, fl-agħar xenarju possibbli (jiġifieri x-xenarju mhux realistiku fejn l-impatt kollu taż-żieda fil-prezz jaqa’ fuq il-klijent), meta jiġu kkunsidrati l-miżuri moderati imposti, m’għandux jaqbeż iż-0,5 ċenteżmi tal-euro kull flixkun ikkunsmat, u x’aktarx li jkun ħafna inqas.

6.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(160)

Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq u wara l-analiżi fid-dettall tal-interessi kollha involuti, qed jiġi definittivament konkluż li, bħala bilanċ, ma teżisti l-ebda raġuni valida għaliex m’għandhomx jiġu imposti miżuri fil-każ preżenti. Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward, il-premessi (280) sa (298) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu definittivament ikkonfermati.

6.7.   Kummenti dwar l-iżvelar finali

(161)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni proponiet l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv, xi partijiet interessati ressqu aktar kummenti. Meta jitqies li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kummenti kienu ripetizzjoni tal-osservazzjonijiet li diġà tressqu u ġew indirizzati, dawn ma bidlux is-sejbiet imsemmija hawn fuq.

(162)

Fir-rigward tal-argument imtenni li t-tibdil riċenti fir-rata tal-kambju bejn il-USD u l-EUR wassal għal żieda konsiderevoli fil-prezz tal-PET importat u konsegwentement l-industrija tal-Unjoni allegatament m’għandhiex bżonn tingħata protezzjoni mill-miżuri ta’ difiża kummerċjali, ta’ min jinnota li kwalunkwe investigazzjoni kontra s-sussidji normalment ma tqisx l-iżviluppi ta’ wara l-PI; sakemm, f’sitwazzjonijiet straordinarji, jista’ jintwera, inter alia, li dawn huma ta’ natura permanenti u jistgħu jbiddlu konsiderevolment is-sejbiet tal-każ. L-ebda tibdil fir-rata tal-kambju bejn il-USD u l-EUR ma jista’ jtiqies li huwa ta’ natura tali.

7.   MIŻURI DEFINITTIVI

7.1.   Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

(163)

Parti interessata partikolari sostniet li profitt ta’ mira ta’ 5 % kien esaġerat għat-tieni tliet xhur tal-PI billi f’dawn it-tliet xhur (l-aħħar tliet xhur tal-2008) mhux biss it-talba kienet iżjed baxxa (staġun tax-xitwa), iżda l-kriżi ekonomika globali affettwat ukoll bil-kbir lill-produtturi tal-PET. Għalhekk, qed jiġi affermat li applikazzjoni tajba tal-prinċipju żviluppat fil-Każ T-210/95 (5) għandu jwassal għal marġni ta’ 0 % fl-assenza ta’ importazzjonijiet sussidjati. Barra dan, il-parti affermat, billi l-erba’ perijodi kollha ta’ tliet xhur tal-PI ġew affettwati mill-kriżi, ukoll fil-perijodi l-oħra ta’ tliet xhur, marġni ta’ profitt ta’ 5 % għandu jidher bħala wieħed mhux realistiku meta jiġi kkunsidrat li anke mingħajr il-kriżi ekonomika, jiġifieri fl-2006/2007, l-industrija tal-Unjoni ma resqitx lejn il-livell ta’ profitt ta’ 5 %.

(164)

Huwa rikonoxxut li b’konformità mal-ġurisprudenza, il-profitt ta’ mira li għandu jintuża għandu jkun il-profitt li l-industrija tal-Unjoni tista’ raġjonevolment tilħaq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, fl-assenza ta’ importazzjonijiet issussidjati. Qed jiġi mfakkar li fl-investigazzjonijiet ta’ qabel għall-istess prodott intuża profitt ta’ mira ta’ 7 % u iżjed minflok il-5 % użat provviżorjament fl-investigazzjoni attwali. Il-profitt ta’ mira ta’ 5 % huwa kkunsidrat bħala l-profitt li l-industrija tal-Unjoni tista’ tistenna fl-assenza ta’ importazzjonijiet issussidjati. Konsegwentement, l-affermazzjoni għat-tnaqqis tal-profitt ta’ mira ġiet miċħuda.

(165)

Meta jiġi kkunsidrat il-kalkolu aġġustat għat-twaqqigħ tal-prezzijiet imsemmi fil-premessi (108) sa (110) ta’ hawn fuq, il-livelli korrispondenti ta’ eliminazzjoni tal-ħsara huma dawn li ġejjin:

Pajjiż

Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara

Iran

16,7  %

Pakistan

14,1  %

UAE

17,5  %

7.2.   Miżuri definittivi

(166)

B’kunsiderazzjoni għall-konklużjonijiet definittivi milħuqa fir-rigward tas-sussidji, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, qed jiġi kkunsidrat li dazju kumpensatorju definittiv għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fl-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda fil-livell l-iżjed baxx tal-livell ta’ sussidji u l-eliminazzjoni tal-ħsara li jinsab, skont ir-regola dwar id-dazju l-iktar baxx.

(167)

Fid-dawl ta’ dan ta’ qabel, u skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, huwa kkunsidrat li r-rata ta’ dazju kumpensatorju definittiv għandha tiġi imposta fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Iran fil-livell tal-marġni tal-ħsara misjub waqt li għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda, ir-rata definittiva tad-dazju kumpensatorju għandha tiġi imposta fil-livell tal-marġni tas-sussidju li jinstab.

(168)

Qed jiġi mfakkar li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-PET huma soġġetti għal ċaqliq konsiderevoli f’perijodi ta’ żmien relattivament qosra. Għalhekk ġie kkunsidrat xieraq li jiġu imposti dazji fl-għamla ta’ ammont speċifiku kull tunnellata. Dan l-ammont jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata kumpensatorja għall-prezzijiet tal-esportazzjoni CIF użati għall-kalkoli fil-proċedura parallela tal-anti-dumping.

(169)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ammonti proposti ta’ dazji kumpensatorji, espressi fuq il-prezz marġinali CIF tal-Unjoni, dazji doganali mhux imħallsa, huma dawn li ġejjin:

Pajjiż

Marġni tas-sussidju totali

Marġni tal-ħsara

Rata definittiva tad-dazju kumpensatorju

 

 

 

%

Ammont

(EUR/tunnellata)

Iran

51,8  %

16,7  %

16,7  %

139,70

Pakistan

5,1  %

14,1  %

5,1  %

44,02

UAE

5,1  %

17,5  %

5,1  %

42,34

(170)

Kwalunkwe talba għall-applikazzjoni ta’ rata tad-dazju kumpensatorju ta’ kumpanija individwali (pereżempju wara bdil fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (6) minnufih bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe bdil fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni assoċjat ma’, pereżempju, il-bdil tal-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u l-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament għandu mbagħad jiġi emendat skont il-każ bl-aġġornament tal-lista ta’ kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali.

7.3.   Garanziji

(171)

Wara li saru magħrufa l-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi kontra s-sussidju, il-produttur esportatur Iranjan offra garanzija fuq il-prezzijiet skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(172)

L-offerta ġiet eżaminata u fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet għat-tipi ta’ prodott individwali jvarjaw konsiderevolment, instab li l-uniku prezz minimu ta’ importazzjoni (PMI) offrut ma jiggarantix it-tneħħija tas-sussidji dannużi għall-prodotti kollha.

(173)

Ġie stabbilit ukoll li l-produttur esportatur Iranjan li kkoopera jbiegħ il-prodott ikkonċernat u prodotti oħra lill-UE esklużivament permezz ta’ kumpanija tal-kummerċ relatata li tesporta għadd kbir ta’ prodotti manifatturati minn diversi kumpaniji. Din l-istruttura ta’ bejgħ tippreżenta riskju ferm għoli ta’ kumpens trasversali billi l-PET suġġett għal garanzija jista’ jinbiegħ flimkien ma’ prodotti oħra lill-istess konsumaturi u l-prezzijiet iffissati għal varjetà ta’ prodotti mibjugħa lill-istess klijent jistgħu faċilment jiġu kkumpensati jew ibbilanċjati. Fl-aħħar nett, mis-sorsi disponibbli għall-pubbliku jidher ukoll li hemm mill-inqas produttur addizzjonali wieħed ta’ PET fl-Iran. Fid-dawl tal-istruttura ta’ bejgħ imsemmija hawn fuq, din is-sitwazzjoni tixħet dubji serji dwar jekk l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet doganali jistgħux jiżguraw li l-PET mill-produttur esportatur li kkoopera biss jinbiegħ skont id-dispożizzjonijiet tal-garanzija billi l-prodott huwa prodott bażiku u jista’ faċilment jitpartat fis-sens li fi prodotti bażiċi bħal dawn mhuwa xejn faċli biex jiġi rikonoxxut fiżikament il-produttur.

(174)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li garanzija bħal din ma kinitx prattika u għalhekk ma tistax tiġi aċċettata. Il-parti ġiet informata b’dan u ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Madankollu, il-kummenti tagħha ma biddlux il-konklużjoni ta’ hawn fuq.

8.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAZJU PROVVIŻORJU

(175)

Fid-dawl tal-kobor tas-sussidji kumpensatorji li nstabu u tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti protetti permezz ta’ dazju provviżorju impost bir-Regolament provviżorju jinġabru b’mod definittiv sal-punt fejn jintlaħaq l-ammont tad-dazji definittivi imposti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

1.   Dazju kumpensatorju definittiv qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard ISO 1628-5, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda.

2.   Ir-rata tad-dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett li jkun ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:

Pajjiż

Rata tad-dazju kumpensatorju definittiv (EUR/tunnellata)

Iran: il-kumpaniji kollha

139,70

Pakistan: il-kumpaniji kollha

44,02

Emirati Għarab Magħquda: il-kumpaniji kollha

42,34

3.   F’każijiet fejn issir ħsara fuq oġġetti qabel ma jiġu introdotti fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (7), l-ammont ta’ dazju kumpensatorju definittiv, ikkalkulat fuq l-ammonti stabbiliti hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li jkun għad irid jitħallas.

4.   Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazju doganali.

Artikolu 2

L-ammonti depositati bħala dazju kumpensatorju provviżorju skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 473/2010 dwar l-importazzjonijiet tal-polyethylene terephthalate b’numru tal-viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mill-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda, għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju kompensatorju definittiv impost skont l-Artikolu 1. L-ammonti depositati li jkunu jeċċedu r-rata tad-dazju kumpensatorju definittiv għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

K. PEETERS


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 25.

(3)  ĠU L 134, 1.6.2010, p. 4.

(4)  Ara pereżempju r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 713/2005 (ĠU L 121, 13.5.2005, p. 1) u (KE) Nru 1176/2008 (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 1).

(5)  Każ T-210/95 Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Fertilizzanti (EFMA) v il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Ġabra 1999, pġ. II-3291.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat-Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju N105 04/092, 1049 Brussell, BELĠJU.

(7)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


Top