Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0486

2010/486/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Settembru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv

ĠU L 241, 14.9.2010, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/07/2011; Imħassar b' 32011D0734

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/486/oj

14.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Settembru 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv

(2010/486/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 126(9) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 136(1)(a) TFUE jipprevedi l-possibbiltà ta’ adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-Istati Membri li jkollhom l-euro bħala l-munita tagħhom bil-ħsieb li jissaħħu l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom.

(2)

L-Artikolu 126 TFUE jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern u jistipula l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv għal dak l-għan. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li fit-taqsima korrettiva tiegħu jimplimenta l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, jipprovdi l-qafas li jirfed il-politiki tal-gvern biex ireġġgħu minnufih pożizzjonijiet baġitarji sodi b’kont meħud tal-qagħda ekonomika.

(3)

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Greċja.

(4)

Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (minn hawn ‘il quddiem “id-Deċiżjoni”). Id-Deċiżjoni stabbilixxiet l-iskadenza tal-2014, mill-iktar tard, sabiex il-Greċja tikkonforma magħha. Il-Kunsill stabbilixxa r-rotta li ġejja għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ: żbilanċi tal-gvern li ma jaqbżux it-8 % tal-PDG fl-2010, 7,6 % tal-PDG fl-2011, 6,5 % tal-PDG fl-2012, 4,9 % tal-PDG fl-2013, u 2,6 % tal-PDG fl-2014.

(5)

Skont il-previżjonijiet disponibbli meta l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni, il-PDG reali kien mistenni li jiċkien b’4 % fl-2010 u 2,6 % fl-2011, u jirkupra wara, b’rati ta’ tkabbir ta’ 1,1 % fl-2012, u 2,1 % fl-2013 u l-2014. Id-deflator tal-PDG kien mistenni li jkun 1,2 %, – 0,5 %, 1,0 %, 0,7 % u 1,0 % mill-2010 sal-2014, rispettivament. Fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi sadanittant, ir-rati tat-tkabbir tal-PDG reali msemmija qabel, jibqgħu xenarju ċentrali b’riskji pożittivi u negattivi bbilanċjati, filwaqt li d-deflator issa huwa previst li jkun sostanzjalment ogħla għas-snin inizjali: 3½ %, 1¼ % u ½ % mill-2010 sal-2012.

(6)

Il-Greċja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-miżuri mitluba mid-Deċiżjoni. F’diversi oqsma, il-miżuri ttieħdu qabel ir-rekwiżiti. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fil-qasam tar-riforma tal-pensjonijiet, ir-riforma tal-amministrazzjoni lokali u l-pubblikazzjoni tad-data kull xahar dwar l-introjtu u n-nefqa tal-istat. Madankollu, għad hemm il-ħtieġa ta’ għadd ta’ aġġustamenti f’kull wieħed minn dawn l-oqsma.

(7)

Fis-6 ta’ Awwissu 2010, il-Greċja ppreżentat lill-Kunsill u l-Kummissjoni rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-miżuri ta’ politika li ttieħdu biex jikkonformaw mad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni vvalutat ir-rapport u kkonkludiet li l-Greċja qed tikkonforma b’mod sodisfaċenti mad-Deċiżjoni.

(8)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, jidher xieraq li tiġi riveduta d-Deċiżjoni minn għadd ta’ aspetti, filwaqt li jitħalla kif inhu l-limitu ta’ żmien għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv u r-rotta rispettiva ta’ aġġustament tal-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/320/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li jammontaw mill-inqas għal 3,2 % tal-PDG (4,3 % tal-PDG jekk jittieħed kont tal-ammonti ttrasferiti mill-miżuri implimentati fl-2010) li għandhom jiġu inklużi fl-abbozz tal-baġit għall-2011: tnaqqis fil-konsum intermedju tal-gvern ġenerali mill-inqas ta’ EUR 300 miljun meta mqabbel mal-livel tal-2010 (li jiżdied mat-tfaddil mir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-gvern lokali msemmi f’dan il-paragrafu); iffriżar fl-aġġustamenti tal-pensjonijiet (bil-għan li jitfaddlu EUR 100 miljun); tariffa temporanja ta’ kriżi fuq intrapriżi bi profittabbiltà għolja (li trendi mill-inqas EUR 600 miljun f’introjtu addizzjonali kull sena fl-2011, l-2012 u l-2013); tassazzjoni preżuntiva tal-professjonisti (li trendi mill-inqas EUR 400 miljun fl-2011 u introjti miżjuda mill-inqas b’EUR 100 miljun fis-sena fl-2012 u l-2013); twessigħ tal-bażi tal-VAT biex tinkludi ċerti servizzi li bħalissa huma eżenti u permezz tat-trasferiment ta’ 30 % tal-oġġetti u s-servizzi mir-rata mnaqqsa għar-rata ewlenija (li trendi EUR 1 biljun); taxxa ambjentali gradwali fuq l-emissjonijiet tas-CO2 (li trendi mill-inqas EUR 300 miljun fl-2011); l-implimentazzjoni mill-Gvern tal-leġiżlazzjoni li tirriforma l-amministrazzjoni pubblika u organizzazzjoni mill-ġdid tal-gvern lokali (bl-iskop li jitnaqqsu l-ispejjeż mill-inqas b’EUR 500 miljun fl-2011, u EUR 500 miljun addizzjonali kull sena fl-2012 u l-2013); tnaqqis f’investimenti ffinanzjati domestikament (mill-inqas b’EUR 500 miljun) billi tingħata prijorità lill-proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE, inċentivi biex jiġi regolarizzat il-ksur tal-liġi fl-użu tal-art (li jrendu mill-inqas EUR 1 500 miljun mill-2011 sal-2013, li minnhom mill-inqas EUR 500 miljun fl-2011); ġabra ta’ introjtu mil-liċenzjar tal-logħob tal-ażżard (mill-inqas EUR 500 miljun f’bejgħ ta’ liċenzji u EUR 200 miljun fi drittijiet annwali); twessigħ tal-bażi tat-taxxa fuq il-proprjetà billi jiġu aġġornati l-valuri tal-assi (biex irendi mill-inqas EUR 400 miljun introjtu addizzjonali); tassazzjoni miżjuda tal-pagi in natura, inkluż billi jiġu intaxxati l-pagamenti tal-leasing tal-karozzi (mill-inqas b’EUR 150 miljun); tassazzjoni miżjuda tal-oġġetti ta’ lussu (mill-inqas b’EUR 100 miljun); taxxa speċjali fuq stabbilimenti mhux awtorizzati (biex trendi mill-inqas EUR 800 miljun kull sena) u sostituzzjoni ta’ 20 % biss tal-impjegati li jirtiraw fis-settur pubbliku (il-gvern ċentrali, il-gvernijiet lokali, il-fondi tas-sigurtà soċjali, il-kumpaniji pubbliċi, l-aġenziji statali u istituzzjonijiet pubbliċi oħra). Miżuri li jrendu tfaddil baġitarju kumparabbli jistgħu jiġu kkunsidrati wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;”.

(2)

Fl-Artikolu 2(2), il-punt (b) tħassar.

(3)

Fl-Artikolu 2(2), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

it-tnedija ta’ reviżjonijiet indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali u tal-programmi soċjali eżistenti;”.

(4)

Fl-Artikolu 2(2), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(j)

l-istabbiliment ta’ reġistru ċentrali komprensiv għall-intrapriżi pubbliċi;

(k)

pjan ta’ azzjoni bi skeda għal azzjonijiet konkreti li jwasslu għall-ħolqien ta’ awtorità ċentrali tal-akkwisti pubbliċi;

(l)

att li jistabbilixxi limitu massimu ta’ EUR 50 miljun għall-kontribuzzjoni tal-obbligu tas-servizz pubbliku mill-gvern ġenerali lill-operaturi tal-ferroviji għall-perijodu 2011-2013 u li jistabbilixxi l-prinċipju li l-Istat ma jagħti l-ebda appoġġ addizzjonali espliċitu jew impliċitu lill-operaturi tal-ferroviji;

(m)

pjan ekonomiku għall-ferroviji Griegi. Il-pjan ekonomiku jispeċifika l-mod kif l-attivitajiet operattivi se jsiru profittabbli, inkluża l-kopertura tal-ispejjeż tad-deprezzar, mill-2011 ’il hemm, inkluż billi jingħalqu rotot li qed jagħmlu t-telf, billi jiżdiedu t-tariffi u jitnaqqsu l-pagi u l-livell ta’ impjegati; jipprovdi analiżi dettaljata tas-sensittività dwar l-implikazzjoni għall-ispejjeż tal-pagi ta’ xenarji varji għar-riżultat tal-ftehim kollettiv u jipprovdi informazzjoni dwar alternattivi differenti fir-rigward tal-persunal; u jipprevedi r-ristrutturar tal-holding company, inkluż il-bejgħ tal-art jew ta’ assi oħra;”.

(5)

Fl-Artikolu 2(2), qed jiżdied punt (n) ġdid, bil-formulazzjoni tal-punt (c) tal-Artikolu 2(3).

(6)

Fl-Artikolu 2(2), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(o)

riforma tal-leġislazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi biex il-perijodu ta’ żmien ta’ prova għal xogħolijiet ġodda jiġi estiż għal sena, u biex jiġi ffaċilitat użu akbar ta’ kuntratti temporanji u xogħol part-time;

(p)

emenda tar-regolamentazzjoni tas-sistema ta’ arbitraġġ sabiex kull parti tkun tista’ tirrikorri għall-arbitraġġ jekk ma tkunx taqbel mal-proposta tal-medjatur;

(q)

riforma tal-proċedura ta’ arbitraġġ sabiex jiġi żgurat li hija topera skont kriterji trasparenti oġġettivi, b’kumitat indipendenti ta’ arbitraturi, b’kapaċità ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, liberu minn indħil tal-gvern.”.

(7)

Fl-Artikolu 2(3), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-adozzjoni finali tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2(a);”.

(8)

Fl-Artikolu 2(3), il-punt (c) għandu jsir il-punt (n) tal-Artikolu 2(2).

(9)

Fl-Artikolu 2(3), il-punti (d), (e) u (h) huma mħassra.

(10)

Fl-Artikolu 2(3), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(m)

att li jipprojbixxi l-gvernijiet lokali milli jkollhom żbilanċi mill-inqas sal-2014;

(n)

pubblikazzjoni ta’ previżjonijiet li jifirxu fuq medda twila ta’ żmien tal-infiq fuq il-pensjonijiet sal-2060 kif stabbilit fir-riforma leġislattiva ta’ Lulju 2010 li tkopri l-iskemi ewlenin tal-pensjoni (IKA, inkluża l-iskema tal-pensjoni għall-ħaddiema taċ-ċivil, OGA u OAEE);

(o)

it-tfittxija ta’ assistenza teknika minn esperti internazzjonali dwar diversi aspetti tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema tas-saħħa u l-ġestjoni tal-isptarijiet, bil-għan tat-tisħiħ tal-effiċjenza u t-tnaqqis tal-ħela;

(p)

l-infurzar tal-ħlas ta’ EUR 3 għal servizzi regolari tal-outpatients fl-isptarijiet pubbliċi.”

(11)

Fl-Artikolu 2(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(b)

pubblikazzjoni ta’ previżjonijiet komprensivi li jifirxu fuq medda twila ta’ żmien tan-nefqa fuq il-pensjonijiet sal-2060 kif stabbilit fir-riforma leġislattiva ta’ Lulju 2010. Il-previżjonijiet għandhom jinkludu l-iskemi (awżiljari) supplementarji, abbażi ta’ sett komprensiv ta’ data miġbura u elaborata mill-Awtorità Attwarjali Nazzjonali. Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika għandu jagħmel analiżi inter pares u jivvalida l-previżjonijiet.”.

(12)

Fl-Artikolu 2(5), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

miżuri li jimplimentaw il-konklużjonijiet tal-ewwel fażi tal-analiżi funzjonali indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali u l-programmi soċjali;”.

(13)

Fl-Artikolu 2(5), qed jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

att li jirrevedi l-parametri ewlenin tas-sistema tal-pensjonijiet sabiex tiġi limitata ż-żieda fin-nefqa tas-settur pubbliku fuq il-pensjonijiet matul il-perijodu 2010-2060 għal inqas minn 2,5 % tal-PDG, jekk il-previżjonijiet li jifirxu fuq medda twila ta’ żmien previsti fil-paragrafi 3(n) u 4(b) juru li ż-żieda prevista fin-nefqa pubblika tal-pensjonijiet tkun ser taqbeż dan l-ammont;

(e)

reviżjoni tat-tħaddim ta’ skemi pubbliċi tal-pensjonijiet supplementari/awżiljari bil-għan li tiġi stabbilizzata n-nefqa u tiġi ggarantita n-newtralità baġitarja ta’ dawk l-iskemi;

(f)

reviżjoni tal-lista ta’ professjonijiet intensivi u diffiċli biex titnaqqas il-kopertura għal mhux iktar minn 10 % tal-forza tax-xogħol; il-lista l-ġdida ta’ impjiegi diffiċli u perikolużi għandha tapplika b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011 għall-impjegati attwali u futuri kollha;

(g)

l-implimentazzjoni tar-riforma tas-sistema ta’ akkwist pubbliku, kif definit fil-pjan ta’ azzjoni.”.

(14)

Fl-Artikolu 2(7), qed jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

miżuri li jimplimentaw il-konklużjonijiet tat-tieni fażi tar-reviżjonijiet funzjonali indipendenti tal-amministrazzjoni ċentrali u l-programmi soċjali.”.

(15)

Fl-Artikolu 4(2), il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

nefqa tal-gvern fl-istennija tal-ħlas, bl-ispeċifikazzjoni ta’ dawk li skaditilhom id-data meta kienu dovuti;”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 145, 11.6.2010, p. 6.


Top