Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0395

    2010/395/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Diċembru 2009 dwar l-Għajnuna Statali C 17/09 (ex N 265/09) mill-Ġermanja għar-ristrutturar ta’ Landesbank Baden-Württemberg (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9955) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 188, 21.7.2010, p. 1–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/395/oj

    21.7.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 188/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta’ Diċembru 2009

    dwar l-Għajnuna Statali C 17/09 (ex N 265/09) mill-Ġermanja għar-ristrutturar ta’ Landesbank Baden-Württemberg

    (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9955)

    (It-test Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/395/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu, (1)

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li talbet lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħrajn biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Fid-Deċiżjoni Ċ (2009) 5260 tat-30 ta’ Ġunju 2009 fil-Każ C 17/09 (3) (li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għaliha bħala d-“deċiżjoni tal-ftuħ”) il-Kummissjoni approvat, għal perjodu limitat, injezzjoni ta’ kapital u miżura ta’ salvataġġ tal-assi mill-Istat ta’ Baden-Württemberg u entitajiet pubbliċi oħrajn għal-Landesbank Baden-Württemberg (li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalih bħala “LBBW” jew “il-bank”). Fl-istess ħin, il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-Deċiżjoni msemmija hawn fuq dwar jekk il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi hijiex kompatibbli mar-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-valutazzjoni u l-qsim tal-piżijiet u bdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (2)

    Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand il-partijiet ikkonċernati.

    (3)

    Dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-metodu tal-evalwazzjoni tal-assi fi ħdan il-qafas tal-miżura ta’ salvataġġ tal-assi, il-Kummissjoni rċeviet appoġġ tekniku mingħand esperti tekniċi b’kuntratt magħha (Duff & Phelps, il-Professur Wim Schoutens) u mingħand esperti tekniċi fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

    (4)

    Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Ġermanja ppreżentat lill-Kummissjoni bi pjan ta’ ristrutturar għal LBBW, li f’diversi okkażjonijiet kien issupplimentat b’aktar dettalji. L-aħħar dettalji ntbagħtu fit-3 ta’ Diċembru 2009.

    (5)

    Saru għadd ta’ laqgħat, skambji ta’ e-mails u konferenzi bit-telefon bejn il-Kummissjoni u l-Ġermanja.

    (6)

    Fit-3 ta’ Diċembru 2009 il-Ġermanja tat numru ta’ impenji li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar.

    2.   DESKRIZZJONI TAL-FATTI

    2.1.   Il-benefiċjarji

    (7)

    LBBW huwa Landesbank Ġermaniż. L-azzjonisti tal-bank huma l-Istat ta’ Baden-Württemberg b’sehem ta’ madwar 35,5 %, l-assoċjazzjoni tal-banek tat-tfaddil ta’ Baden-Württemberg b’madwar 40,5 %, il-belt ta’ Stuttgart b’madwar 19 % u l-Landeskreditbank Baden-Württemberg bi kważi 5 %. L-azzjonisti kollha huma jew entitajiet pubbliċi jew f’sjieda statali.

    (8)

    LBBW huwa wieħed mill-ftit Landesbanks integrati vertikalment. Il-fokus tal-attività tal-LBBW u s-sussidjarji tiegħu huwa fuq negozjati ma’ intrapriżi Ġermaniżi (SMEs u intrapriżi akbar) u klijenti privati. LBBW joffri servizzi bankarji privati u funzjonijiet bħala bank tat-tfaddil tal-belt fi Stuttgart. Oqsma kummerċjali oħrajn ta’ LBBW huma l-finanzjament ta’ proprjetà immobbli u swieq finanzjarji. Il-bank joffri wkoll servizzi u prodotti għall-banek tat-tfaddil.

    (9)

    Fl-aħħar ta’ Ġunju 2009, il-karta tal-bilanċ ta’ LBBW kienet tammonta għal EUR 448 biljun. LBBW ma għandux sehem fis-suq ta’ aktar minn [> 4] (*) % f’ebda wieħed mis-swieq domestiċi fejn huwa attiv. Lokalment, jiġifieri fir-reġjuni ewlenin tiegħu, l-ishma fis-suq huma kemmxejn ogħla. Fis-settur tal-klijenti kummerċjali, dawn jilħqu [< 15] % f’Baden-Württemberg, [< 10] % fis-Sassonja u [< 5] % f’Rhineland Palatinate. Fis-settur tal-klijenti privati, l-ishma fis-suq huma [< 7] % f’Baden-Württemberg, [< 2] % fis-Sassonja u [< 1] % f’Rhineland Palatinate. Is-sehem ta’ LBBW fis-swieq finanzjarji huwa insinifikanti kemm fil-Ġermanja kif ukoll madwar l-Ewropa.

    2.2.   Il-Miżuri

    (10)

    Il-Bank ingħata żewġ miżuri ta’ għajnuna: injezzjoni ta’ EUR 5 biljuni ta’ kapital fil-Livell 1 u miżura ta’ salvataġġ tal-assi indeboliti permezz tat-teħid ta’ garanziji ta’ aktar minn EUR 12,7 biljuni għal żewġ portafolli ta’ titoli strutturati li b’kollox jammontaw għal EUR 35 biljun. (5) L-azzjonisti kollha pparteċipaw fl-injezzjoni kapitali skont il-livelli tal-ishma rispettivi tagħhom u indirettament fil-miżura ta’ salvataġġ tal-assi indeboliti.

    (11)

    L-injezzjoni tal-kapital saret permezz ta’ żieda proporzjonali fil-kapital ta’ ishma, filwaqt li ngħatat prijorità għad-distribuzzjoni tal-kapital ta’ ishma l-ġdid fi proporzjon għall-kapital ta’ ishma eżistenti. Il-Bank qiegħed iħallas kumpens totali ta’ 10 % għall-kapital injettat. Huwa qiegħed jippjana li jħallas lura l-kapital f’ħames porzjonijiet kull sena mill-2013 ‘il quddiem.

    (12)

    Il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi ngħatat fil-forma ta’ garanziji li jipproteġu lil LBBW kontra t-telf u jnaqqsu r-rekwiżit kapitali tal-ekwità preskritta legalment għal titoli strutturati. Il-garanziji jkopru żewġ portafolli differenti.

    L-ewwel wieħed, li ssir referenza għalih bħala l-‘portafoll ABS’, jikkonsisti minn prodotti strutturati b’volum ta’ EUR 17,7 biljuni li jinżammu direttament mill-bank. LBBW jieħu r-riskju tal-ewwel grad (l-Ewwel Telf) għall-portafoll ABS li jammonta għal EUR 1,9 biljuni u Baden-Württemberg iggarantixxa r-riskju tat-tieni grad (it-Tieni Telf) sa ammont ta’ EUR 6,7 biljuni. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, il-valur ekonomiku reali tal-portafoll fil-31 ta’ Marzu 2009 kien ta’ EUR [15-16] biljun u l-valur fis-suq kien ta’ EUR 10,137 biljuni. (6) L-effett ta’ salvataġġ tal-kapital tal-garanzija kien ta’ EUR [1-2] biljun/i.

    It-tieni wieħed, imsejjaħ il-‘portafoll Sealink’, jirrigwardja self ta’ EUR 8,75 biljun għal mezz bi skop speċjali ta’ prodotti strutturati. Fil-portafoll Sealink, l-Ewwel Telf jammonta għal EUR 2,75 biljun. Dan it-telf huwa kopert minn garanzija tal-Istat tas- Sassonja li ġiet innegozjata matul l-akkwiżizzjoni ta’ SachsenLB minn LBBW. (7) Baden-Württemberg ħa fuqu Tieni Telf ta’ EUR 6 biljuni bir-riżultat li ma kien hemm ebda riskju ieħor ta’ telf għal LBBW. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, fil-31 ta’ Marzu 2009 il-portafoll kellu valur ekonomiku reali ta’ EUR [12-13] biljuni u valur fis-suq ta’ EUR 8,006 biljuni. L-effett ta’ salvataġġ tal-kapital tal-garanzija kien ta’ EUR [2,5-3,5] biljuni.

    (13)

    Iż-żewġ portafolli flimkien għandhom valur fis-suq ta’ EUR 18,143 biljuni; il-valur ekonomiku reali tagħhom huwa ta’ madwar EUR [27-29] biljun.

    (14)

    Il-garanzija ġiet ipprovduta għal perjodu mhux limitat u tista’ tintemm minn LBBW. LBBW impenja ruħu li jħallas dritt inizjali ibbażat fuq effett ta’ salvataġġ tal-kapital ta’ EUR 4,4 biljuni, li fuqu tiġi applikata rata ta’ imgħax ta’ 7 % p.a.. Għall-ewwel sena, id-dritt jammonta għal EUR 308 miljuni; fis-snin sussegwenti, din se tonqos b’mod proporzjonali għall-ammont iggarantit u wara reviżjoni li ssir matul il-proċedura tar-ristrutturar.

    (15)

    Il-Ġermanja ddeċidiet li taġġusta l-kumpens tal-garanzija kif ġej. LBBW se jħallas EUR 336 miljun fis-sena retrospettivament. B’hekk, il-kumpens previst oriġinarjament għandu jiżdied b’EUR 28 miljun fl-ewwel sena. Dan il-kumpens huwa bbażat fuq żewġ rati ta’ imgħax differenti: 6,25 % fuq l-effett ta’ salvataġġ tal-kapital u 10 % fuq il-parti tal-valur iggarantit li jaqbeż il-valur ekonomiku reali taż-żewġ portafolli. L-effett ta’ salvataġġ tal-kapital ġie kkoreġut għal EUR 4,476 biljuni.

    (16)

    Ir-rikapitalizzazzjoni kienet meħtieġa sabiex tikkumpensa għat-telf kbir li sar fl-2008 u sabiex tkopri r-rekwiżit kapitali ogħla. Il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi saret meħtieġa meta l-aġġustamenti tal-valur għal portafolli kbar ta’ titoli strutturati għollew ir-rekwiżit tal-kapital b’mod qawwi u r-rekwiżiti kapitali regolatorji ma setgħux ikomplu jiġu ssodisfati fit-tieni kwart tal-2009.

    2.3.   Mudell Kummerċjali Futur tal-bank benefiċjarju

    (17)

    Il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi bidliet sostanzjali fil-mudell kummerċjali ta’ LBBW. Il-bażi għal dan huwa li ssir enfasi ċara fuq in-negozju reġjonali ewlieni ta’ LBBW u l-konċentrazzjoni fuq is-swieq u l-klijenti li għalihom mistenni li jkun hemm grad għoli ta’ penetrazzjoni u effetti konsiderevoli ta’ bejgħ trasversali. L-attivitajiet tas-suq kapitali u l-kummerċ għall-kont tiegħu stess se jitnaqqsu. Kollox ma’ kollox, LBBW għandu jinqeleb minn suq kapitali u grupp ta’ servizzi finanzjarji orjentati lejn il-klijenti li joffri firxa sħiħa ta’ servizzi u prodotti, f’bank kummerċjali b’fokus ċar fuq klijenti privati u klijenti kummerċjali ta’ SMEs Ġermaniżi, li joffri wkoll għadd ta’ servizzi finanzjarji korporattivi u prodotti bankarji ta’ investiment magħżula għall-klijenti kummerċjali u tal-banek tat-tfaddil tiegħu. Fir-rigward tal-preżenza ġeografika tiegħu, LBBW se jirtira minn barra l-pajjiż jew inaqqas il-preżenza barranija tiegħu u jikkonċentra fuq ftit reġjuni ewlenin fil-Ġermanja.

    (18)

    Ir-ristrutturar huwa mmirat lejn it-temi ċentrali li ġejjin:

    tkabbir moderat fuq perjodu ta’ żmien medju fl-attivitajiet ta’ klijenti kummerċjali u privati Ġermaniżi; konċentrazzjoni ta’ finanzjament tal-proprjetà immobbli fuq ftit Stati Ġermaniżi u xi proprjetajiet magħżula;

    tnaqqis sħiħ tal-investiment f’titoli strutturati u forom oħrajn ta’ negozju ta’ sostituzzjoni ta’ krediti li huma l-kawża ewlenija tal-problemi attwali ta’ LBBW; aġġustament tal-portafolli eżistenti;

    tnaqqis ċar fl-attivitajiet kummerċjali, fuq kollox f’negozju ta’ volum kbir u barra l-pajjiż;

    il-bejgħ ta’ kumpaniji assoċjati u sussidjarji importanti.

    (19)

    L-LBBW ristrutturat se jikkonsisti minn ħames oqsma kummerċjali ewlenin: Intrapriżi I (klijenti kummerċjali ta’ SME’s Ġermaniżi), Intrapriżi II (klijenti kbar), Kummerċ bl-Imnut (klijenti privati), Banek tat-Tfaddil, Proprjetà ta’ Beni Immobbli (finanzjament ta’ beni immobbli) u Swieq Finanzjarji (swieq tal-kapital). Barra minn hekk, fil-ġejjieni, LBBW se joffri wkoll servizzi relatati man-negozju, b’mod partikolari tranżazzjonijiet bankarji, saldi tat-teżor u ta’ titoli u ċerti prodotti għal banek tat-tfaddil. L-attivitajiet barranin u l-preżenza barranija ta’ LBBW għandhom jitnaqqsu b’mod konsiderevoli u l-bank għandu jikkonċentra l-attività kummerċjali tiegħu fuq it-tliet swieq reġjonali ewlenin ta’ Baden-Württemberg, Rhineland-Palatinate u Sassonja, li fihom huwa attiv minħabba inkorporazzjonijiet preċedenti ma’ Landesbank.

    (20)

    Minkejja t-tkabbir moderat previst fil-pjan attwali, ir-ristrutturar se jkollu effetti sinifikanti fuq il-karta tal-bilanċ u l-kont tal-profitt u t-telf ta’ LBBW, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompożizzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tad-daqs totali tiegħu. Il-karta tal-bilanċ u l-assi indeboliti (assi mkejla skont ir-riskju) tal-Bank mistennija jonqsu b’[25-30] % jew b’[30-35] % sal-2013, meta mqabbla mal-2008, permezz tat-tnaqqis ta’ attivitajiet mhux strateġiċi u l-bejgħ tal-ishma. Meta mqabbla mal-figuri għall-aħħar tas-sena 2008, it-total tal-karta tal-bilanċ se jonqos b’total ta’ EUR 182 biljun jew b’madwar 41 %, filwaqt li l-assi indeboliti se jonqsu b’EUR [80-90] biljun jew [45-50] % wara t-tnaqqis sħiħ tal-oqsma kummerċjali msemmija. Madwar [35-45] % tat-tnaqqis fit-total tal-karta tal-bilanċ u aktar minn 50 % tat-tnaqqis fl-assi indeboliti huma dovuti għall-ħruġ min-negozju tas-sostituzzjoni ta’ krediti (li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu jaqgħu fi ħdan il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi). It-tnaqqis fl-oqsma kummerċjali ewlenin li jifdal huwa ta’ bejn 25 % u 40 %.

    (21)

    Fid-dettall, LBBW se jżarma n-negozju tas-sostituzzjoni ta’ krediti, ibigħ l-ishma, jagħlaq parti konsiderevoli mill-uffiċċji barranin tiegħu ta’ sussidjarji u rappreżentanza, jabbanduna linji ta’ prodotti sħaħ tan-negozju kummerċjali attwali tiegħu, jagħlaq in-negozju tiegħu ta’ self b’ipoteka amortizzat, jabbanduna l-kummerċ strateġiku għall-kont proprju tiegħu u jevita attivitajiet aktar kumplessi fis-suq finanzjarju, jillimita l-finanzjament tal-proprjetà ta’ beni immobbli għal ftit reġjuni u għal tipi ta’ proprjetajiet magħżula, filwaqt li jikkonċentra n-negozju kbir tiegħu tal-klijenti fuq il-pajjiżi ġirien tal-Ġermanja. (8)

    (22)

    Il-parti l-kbira tal-attivitajiet tal-LBBW tinsab fin-negozju ewlieni tiegħu. Madwar [6-8] % biss tal-assi indeboliti tal-bank huma allokati għall-azjendi u l-kumpaniji sussidjarji b’mod ġenerali. LBBW qabel mat-tnaqqis konsiderevoli fil-portafoll ta’ azjendi tiegħu. Il-valur imniżżel fil-kotba tal-azjendi kollha li għandhom jinbiegħu matul ir-ristrutturar huwa ta’ madwar EUR 4.5 biljuni (kif kien fil-31 ta’ Diċembru 2008), li jikkorrespondi għal aktar minn 50 % tal-valur totali mniżżel fil-kotba tal-kumpaniji assoċjati u sussidjarji tal-bank.

    (23)

    Parti konsiderevoli mill-bejgħ ippjanat hija relatata man-negozju ewlieni tal-bank, b’mod partikolari ishma fil-kumpaniji li jagħmlu parti mill-grupp finanzjarju tal-banek tat-tfaddil (Sparkassen-Finanzgruppe): (9)

    (a)

    DekaBank Deutsche Girozentrale (maniġer tal-assi għall-grupp finanzjarju tal-banek tat-tfaddil);

    (b)

    LBS Landesbausparkasse Baden-Württemberg (soċjetà tal-bini (Bausparkasse));

    (ċ)

    SV Sparkassen Versicherung Holding AG (kumpanija tal-assigurazzjoni).

    (24)

    Matul ir-ristrutturar, LBBW se jnaqqas madwar 2 500 mill-10 000 ħaddiem attwali tal-bank ewlieni (ekwivalenti fuq bażi full-time f’kull każ). Huwa preżunt li r-ristrutturar mhuwiex se jnaqqas biss l-ispejjeż amministrattivi, iżda se jagħti wkoll stabbiltà lis-sitwazzjoni tal-profitti, hekk kif is-setturi kummerċjali l-aktar volatili se jiġu abbandunati.

    2.4.   Struttura organizzattiva

    (25)

    L-għan tar-ristrutturar huwa li tinħoloq struttura kummerċjali aktar sempliċi u trasparenti fejn ikunu jistgħu jintużaw inqas riżorsi, b’mod ġenerali, għall-amministrazzjoni tal-LBBW. Il-ħtieġa għall-ġestjoni tar-riskji u l-kontroll finanzjarju għandha tonqos bil-kbir hekk kif LBBW se jabbanduna oqsma kummerċjali u linji ta’ prodotti sħaħ, inaqqas il-preżenza tiegħu barra l-pajjiż u jbigħ il-kumpaniji assoċjati u sussidjarji.

    (26)

    L-oqsma kummerċjali eżistenti tnaqqsu xi ftit u s-servizzi għall-banek tat-tfaddil għandhom jiġu sseparati b’mod aktar ċar minn oqsma kummerċjali oħrajn, biex b’hekk ir-riżultati jkunu jistgħu jiġu rreġistrati b’mod aktar trasparenti. L-assi min-negozju tas-sostituzzjoni ta’ krediti li għandu jiġi stralċjat se jiġu trasferiti lil taqsima ta’ ristrutturar intern u se jiġu amministrati separatament.

    2.5.   Governanza Korporattiva

    (27)

    Bidliet importanti fl-istruttura eżistenti tal-governanza korporattiva tal-bank imorru flimkien mar-ristrutturar. L-ewwelnett, ir-referenza għas-servizz pubbliku fl-Att dwar il-Landesbank Baden-Württemberg (Gesetz über die Landesbank Baden-Württemberg) se tinbidel sabiex jiġi enfasizzat li LBBW se jwettaq in-negozju kollu skont il-kriterji tal-ġestjoni tan-negozju. Dan il-prinċipju se jkun inkorporat ukoll fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-politiki kummerċjali u l-proċeduri interni tal-LBBW. Sabiex tingħata espressjoni għall-fatt li LBBW se jitmexxa bħala negozju privat minkejja s-sidien pubbliċi tiegħu, LBBW se jinbidel minn kumpanija regolata mil-liġi pubblika għal kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata. Din il-bidla fil-forma legali se titwettaq b’tali mod li jiġi żgurat li l-konverżjoni għal kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata tiġi konkluża sa mhux aktar tard minn Diċembru 2013. Barra minn hekk, sal-aħħar tal-2010, se jiġu introdotti aspetti importanti tal-Kodiċi volontarju Ġermaniż tal-Governanza Korporattiva.

    (28)

    It-tieni, il-funzjonijiet tal-korpi bħal-laqgħa tal-azzjonisti, il-Bord ta’ Sorveljanza u l-Bord tad-Diretturi Maniġerjali se jiġu definiti mill-ġdid sabiex tinkiseb distribuzzjoni aktar ċara tar-responsabbiltajiet u aktar trasparenza. Il-poteri tal-laqgħa tal-azzjonisti se jkunu ristretti għall-kompiti li huma tipiċi ta’ laqgħa ġenerali annwali skont il-liġi tal-kumpaniji, b’mod partikolari [fir-rigward ta’] drittijiet relatati mal-informazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq l-użu tal-profitti. Se jiġu revokati poteri aktar estensivi, li għandhom jippermettu influwenza mhux xierqa fuq l-amministrazzjoni. B’differenza missitwazzjoni attwali, il-funzjonijiet ta’ sorveljanza u monitoraġġ tal-Bord tad-Diretturi Maniġerjali se jkunu inkorporati esklussivament fil-Bord ta’ Sorveljanza. L-influwenza tiegħu fuq id-deċiżjonijiet tal-ġestjoni se tkun limitata għal dawk il-każijiet li l-azzjoni fihom hija meħtieġa skont il-liġi Ġermaniża tal-kumpaniji jew l-Att Bankarju (Gesetz über das Kreditwesen). Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni operattiva minn jum għal ieħor ċertament se tkun f’idejn il-Bord tad-Diretturi Maniġerjali, li jnaqqas il-possibbiltajiet ta’ influwenza mhux xierqa mill-proprjetarji jew mir-rappreżentanti tagħhom.

    (29)

    Miżuri ulterjuri jnaqqsu l-iskop għal [influwenza] (politika) u jiżguraw li l-bank jitmexxa esklussivament skont il-kriterji tal-ġestjoni tan-negozju. Skont il-Kodiċi tal-Governanza Korporattiva msemmi aktar ‘il fuq, nofs is-siġġijiet fil-bord ta’ sorveljanza allokati għall-azzjonisti ta’ LBBW, li bħalissa jikkonsisti biss minn rappreżentanti tal-proprjetarji u l-impjegati, se jiġu okkupati minn esperti indipendenti. Il-membri kollha tal-bord ta’ sorveljanza jkollhom joqogħdu għal test ta’ kapaċità (‘fit and proper’ test) li reċentament ġie preskritt mill-awtorità ta’ sorveljanza bankarja għal membri potenzjali tal-bordijiet ta’ sorveljanza. Matul il-fażi ta’ ristrutturar sal-aħħar tal-2013, il-presidenza tal-bord ta’ sorveljanza se tiġi okkupata minn wieħed mill-membri indipendenti. Il-Kumitati eżistenti tal-Bord ta’ Sorveljanza se jiġu kkonvertiti b’Kumitat għar-Riskji u b’Kumitat għall-Verifika skont l-aħjar prinċipji ta’ governanza għall-banek. It-talbiet għal kwalifiki speċjalizzati fuq il-membri ta’ dawn il-kumitati huma maħsubin biex jiżguraw li dawn il-kumitati jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom bl-aħjar mod.

    2.6.   Evidenza tar-restawrazzjoni tal-profittabbiltà fit-tul

    (30)

    LBBW ippreżenta pjan ta’ qligħ u telf, li jinkludi estimi tad-dħul fuq l-ekwità (RoE) u analiżi tas-sensittività fuq il-bażi ta’ xenarju realistiku u pessimistiku. Skont it-tbassir tal-qligħ u t-telf, LBBW se jsofri telf addizzjonali ta’ madwar EUR [2] biljuni fl-2009, jilħaq il-punt tal-fidi fl-2010 u l-2011 (b’[…]) u jagħmel profitt ta’ madwar EUR […] biljuni fl-2013. Il-qligħ fuq l-ekwità se jkun negattiv fl-2009, sakemm jibda jiżdied bil-mod mill-2010 sal-2012 u jilħaq figuri doppji ([10-12] %) għall-ewwel darba fl-2013. Il-proporzjon tal-kapital ewlieni huwa stmat għal madwar […] % għall-2009 u l-2010, u minħabba t-tnaqqis kbir fl-assi riskjużi, dan il-proporzjon se jiżdied gradwalment għal [9-10] %, biex b’hekk LBBW ikun jista’ jħallas lura l-għajnuna mill-Istat mill-2013 ‘il quddiem.

    (31)

    L-aktar figuri importanti fil-pjan ta’ ristrutturar huma indikati fit-tabella ta’ hawn taħt:

     

    2008

    2009

    2010

    2011

    2012

    2013

    Negozju fil-mira 2013

    RWA qabel il-migrazzjoni (f’biljuni ta’ euro)

    178

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    RWA inkluża l-migrazzjoni (f’biljuni ta’ euro)

    178

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Qligħ gross (inkluża utilizzazzjoni tal-kapital/servizzi ibridi)

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Spejjeż tar-riskju

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Spejjeż operattivi

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Riżultat operattiv

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Bilanċ ta’ effetti oħrajn

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Dritt għall-ħarsien mir-riskji

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Tnaqqis impliċitu ta’ korrezzjoni għal kumpens għal strumenti ibridi

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Qligħ qabel it-taxxa (qabel servizzi ibridi)

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    [..]

    […]

    Irkupru ta’ strumenti ibridi wara l-parteċipazzjoni f’telf

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Manutenzjoni ta’ kapital ibridu

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Qligħ qabel it-taxxa

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Taxxa

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Qligħ wara t-taxxa

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    Kapital ewlieni (f’biljuni ta’ euro)

    […]

    […]

    [..]

    [..]

    […]

    […]

    [..]

    RoE

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    […]

    [> 10] %

    CIR

    […] %

    […] %

    […] %

    […] %

    […] %

    […] %

    [30-60] %

    Proporzjon ta’ kapital ewlieni (wara l-istabbiliment tar-riżultati)

    […] %

    […] %

    […] %

    […] %

    […] %

    […] %

    [9-11] %

    (32)

    Skont ix-xenarju tal-linja bażi, is-sena 2009 se tkompli tkun waħda diffiċli u l-prodott domestiku gross (PDG) mistenni jiċkien minħabba l-kriżi finanzjarja li għadha għaddejja. Mill-2010 ‘il quddiem mistenni li jkun hemm irkupru gradwali, bir-riżultat li s-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji u fl-ekonomija għandha terġa’ lura kompletament għan-normal. LBBW jassumi li l-PDG Ġermaniż se jonqos b’6,2 % fl-2009 u mbagħad jiżdied b’1 % fl-2010; huwa mbagħad qiegħed jistenna żieda gradwali sa 2,5 % fit-tkabbir tal-PDG sal-2013. L-ogħla livell ta’ 9,8 % fil-qgħad huwa preżunt għall-2010, livell għoli li jkompli għall-2011 u mbagħad waqa’ sa 8,3 % fl-2013. LBBW qiegħed jistenna wkoll inflazzjoni baxxa li tiżdied bi ftit, li għandha tibqa’ ferm taħt il-miri tal-inflazzjoni tal-BĊE. Minkejja l-politika monetarja espansiva tal-banek ċentrali u l-espansjoni massiva fid-defiċits tal-baġit, huwa preżunt li l-inflazzjoni se tkun ferm inqas mill-potenzjal fid-dawl tat-tkabbir f’termini reali.

    (33)

    Fuq il-bażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet, LBBW qiegħed jistenna l-effetti li ġejjin fuq in-negozju prinċipali tiegħu. Is-sitwazzjoni tal-profitti fin-negozju tal-klijenti privati, li jitmexxa primarjament minn titoli, se tkompli turi li hija moderata. Id-dispożizzjonijiet għandhom jonqsu b’mod konsiderevoli u x’aktarx ma jerġgħux jiżdiedu daqshekk malajr, minħabba li l-klijenti privati mistennija jaqilbu għal forom aktar siguri ta’ investiment, fuq kollox id-depożiti. Ir-rekwiżiti legali ġodda u t-trasparenza għolja tal-prodotti għandhom, fil-probabbiltà kollha, iżidu l-pressjoni fuq il-marġini. Min-naħa l-oħra, mistennija kontribuzzjoni akbar għall-profitti min-negozju ta’ klijenti korporattivi, ogħla minn dik ta kull SME. Fid-dawl tal-irtirar parzjali tal-kompetituri nazzjonali u internazzjonali, LBBW jara wkoll opportunitajiet biex iwessa’ l-funzjoni tiegħu bħala bank għall-SMEs u qiegħed jistenna domanda akbar hawnhekk fl-2010. LBBW jassumi wkoll li s-sitwazzjoni ta’ profitt se titjieb permezz tal-bejgħ trasversali, b’mod partikolari permezz tal-bejgħ ta’ strumenti ta’ hedging għal rati ta’ imgħax, il-munita u riskji ta’ kommoditajiet.

    (34)

    Safejn jikkonċerna klijenti kbar, fuq perjodu ta’ żmien medju, LBBW qiegħed jistenna żieda fid-domanda għal krediti u wkoll żieda fid-domanda mhux biss għal kapital ta’ ekwità tradizzjonali u prodotti kapitali ta’ dejn, iżda wkoll għal miżuri ta’ ristrutturar fil-karta tal-bilanċ. Il-kummerċ tas-swieq finanzjarji ta’ LBBW bħalissa qiegħed japprofitta minn effetti ta’ darba u mill-kundizzjonijiet estremament favorevoli ta’ finanzjament li qegħdin jirriżultaw mid-disponibbiltà ta’ ammonti kbar ta’ flus fuq termini favorevoli mill-Bank Ċentrali Ewropew. Min-naħa l-oħra, fuq perjodu ta’ żmien medju, LBBW jassumi li l-volum tas-suq se jerġa’ jkun pożittiv meta l-volatilità fis-swieq finanzjarji u l-iżviluppi ekonomiċi jerġgħu lura għan-normal. B’mod speċifiku, il-bank qiegħed jistenna tkabbir moderat fil-prodotti strutturati tas-suq kapitali u użu akbar tas-suq kapitali.

    (35)

    Fid-dawl ta’ dawn l-aspettattivi, id-dipendenza ta’ LBBW fuq il-kummerċ opportunistiku se titnaqqas u għandu jkun hemm żieda fis-sehem ta’ sorsi aktar stabbli ta’ dħul. Ir-riskji tas-suq se jonqsu u l-qligħ mill-kummerċ għall-kont proprju tiegħu se jiġi sostitwit mid-dħul tal-kummissjoni. Il-konċentrazzjoni tar-riskju għall-kreditu relattivament għolja attwali diġà tnaqqset u se tkompli tonqos.

    (36)

    F’xenarju pessimistiku li fih l-assi indeboliti għall-2011, l-2012 u l-2013 huma stmati li jkunu aktar minn 10 % ogħla milli fix-xenarju tal-linja bażi, il-proporzjonijiet tal-kapital se jkunu ferm inqas milli fix-xenarju realistiku. Madankollu, il-bank xorta waħda jibqa’ jissodisfa r-rekwiżiti tal-kapital regolatorju, hekk kif ir-rata fil-livell 1 fl-ebda punt ma tinżel taħt is-7 % u l-proporzjon totali tal-kapital tal-ekwità se jkun mill-inqas 10 % kull sena. Il-bank wettaq testijiet addizzjonali ta’ stress biex jiddetermina t-telf imbassar min-negozju ta’ self korporattiv, billi dan il-qasam jista’ jiġi affettwat b’mod partikolari mill-kollass fil-kummerċ dinji minħabba l-fokus tal-esportazzjoni tal-klijenti fis-swieq prinċipali tiegħu. Għalkemm dan ikompli jiggrava r-relazzjonijiet kapitali, il-bank xorta waħda jkollu salvagwardja kapitali suffiċjenti.

    (37)

    LBBW għandu taħlita diversifikata ta’ finanzjament. Huwa primarjament jiffinanzja lilu nnifsu permezz ta’ (i) banek tat-tfaddil u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, ii) bonds b’ipoteka u titoli oħrajn u (iii) obbligazzjonijiet tal-klijenti tiegħu. Skont il-pjan ta’ ristrutturar, il-bank mhuwiex se jidħol f’diffikultajiet ta’ finanzjament. B’mod partikolari, il-finanzjament minn bonds b’obbligazzjoni iggarantiti mill-Istat, li għandhom jingħataw sal-2015, mhuwiex se jikkawża nuqqas ta’ finanzjament skont il-pjan, hekk kif l-assi bażi se jitnaqqsu. Il-Bank għandu ġabra konsiderevoli ta’ assi eliġibbli li jista’ jirrikorri għalihom f’każ ta’ nuqqas ta’ likwidità. Barra minn hekk, l-analiżi addizzjonali li twettqu internament għall-iskop tal-ġestjoni tal-likwidità u t-testijiet ta’ stress urew li l-bank jista’ jegħleb id-degradazzjoni ulterjuri tal-klassifikazzjoni tiegħu anki taħt kundizzjonijiet avversi mingħajr ebda problema ta’ likwidità.

    2.7.   Impenji mill-Ġermanja

    (38)

    Il-Ġermanja impenjat ruħha li l-LBBW jimplimenta l-pjan ta’ ristrutturar u jgħaddi l-impenji li ġejjin (fir-rigward tat-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ, assi indeboliti u bejgħ) u l-impenni fl-imġiba:

    “Il-Gvern Federali Ġermaniż u LBBW b’hekk jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-miżuri li ġejjin sabiex jirristrutturaw il-LBBW:

    […]

    3.

    LBBW se jnaqqas l-assi tiegħu fl-2008 (total fil-karta tal-bilanċ ta’ madwar EUR 448 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2008) b’madwar EUR 182 biljun, jiġifieri madwar 41 %. Madwar EUR [125-135] biljun minnhom għandhom jinkisbu sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    4.

    LBBW se jnaqqas l-assi indeboliti tiegħu fl-2008 (madwar EUR 178 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2008) b’madwar EUR [80-100] biljun, jiġifieri madwar [40-60] %. Madwar EUR [60-80] biljun minnhom għandhom jinkisbu sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    5.

    LBBW se jbigħ, bl-aħjar mod possibbli, dawn il-pussessi li ġejjin, jekk dawn ikunu għadhom ma nbigħux, sa mhux aktar tard miż-żminijiet indikati. Meta jagħmel dan, l-elementi prinċipali li jiddeterminaw il-valur tal-volum attwali tan-negozju tal-pussessi jinżammu sal-bejgħ u sakemm jinbiegħu.

    a.

    Sachsen DV Betriebs- und Servicegesellschaft mbH (mibjugħa f’Awwissu 09)

    b.

    quirin bank AG (mibjugħ f’Settembru 09)

    c.

    DekaBank Deutsche Girozentrale (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    d.

    Lasssarus Handels GmbH (il-bejgħ/likwidazzjoni previst/a sal-aħħar ta’ […])

    e.

    LBBW Securities LLC (broker/dealer) (il-bejgħ/għeluq previst sal-aħħar ta’ […])

    f.

    LBBW Luxemburg SA (il-bejgħ ta’ […] previst sal-aħħar ta’ […], likwidazzjoni ta’ […])

    g.

    LRI Invest SA (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    h.

    LBBW Asset Management (l-Irlanda) plc (il-bejgħ jew l-għeluq previst sal-aħħar ta’ […])

    i.

    LBS Landesbausparkasse Baden-Württemberg […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    j.

    SV Sparkassen Versicherung Holding AG (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    k.

    LBBW Immobilien GmbH (housing stock) (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    l.

    […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    m.

    […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    n.

    […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […]).

    6.

    Il-bejgħ ta’ wieħed mill-pussessi li hemm referenza għalih fil-paragrafu 5 jista’ jiġi pospost b’[…] xhur, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, jekk LBBW juri li l-prezz li jinkiseb mit-tranżazzjoni jkun aktar baxx mill-valur kontabbli tal-pussess fil-kontijiet individwali stabbiliti minn LBBW skont il-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż jew jipproduċi telf fil-kontijiet tal-grupp skont l-istandards ta’ kontabilità tal-IFRS.

    7.

    L-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-impenji fil-paragrafu 5 se tiġi ssorveljata u mmonitorjata fid-dettall minn espert ikkwalifikat biżżejjed (fiduċjarju), preferibbilment awditur. Il-fiduċjarju se jara wkoll li l-prezz tax-xiri jiġi stabbilit skont il-kriterji tan-negozju. Fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, LBBW għandu jinnomina fiduċjarju indipendenti xieraq lill-Kummissjoni. Il-fiduċjarju għandu jinħatar biss bil-kunsens tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob spjegazzjonijiet u kjarifiki mill-espert. L-ispejjeż tal-espert għandhom jitħallsu minn LBBW.

    8.

    Jekk waħda mill-kumpaniji assoċjati msemmija taħt il-paragrafu 5 ma tkunx inbiegħet sad-data speċifikata, anki wara li jintużaw il-possibbiltajiet ta’ estensjoni kollha disponibbli, il-Kummissjoni tista’ mbagħad tistabbilixxi, f’deċiżjoni separata, li l-kumpanija assoċjata rispettiva tinbiegħ minn fiduċjarju taċ-ċessjoni. L-ispejjeż tal-fiduċjarju taċ-ċessjoni għandhom jitħallsu minn LBBW.

    9.

    LBBW se jagħlaq l-uffiċċji ta’ rappreżentanza li ġejjin mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010:

    a.

    Barċellona

    b.

    Madrid

    c.

    Pariġi

    d.

    Amsterdam

    e.

    Milan

    f.

    Budapest

    g.

    Varsavja

    h.

    Praga

    Il-fergħat f’Londra, New York, Singapor u Tokyo se jiċkienu b’mod sinifikanti fid-daqs tagħhom.

    Il-Gvern Federali Ġermaniż u LBBW iwiegħdu li l-LBBW se josserva dawn l-impenni fl-imġiba:

    10.

    Matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar sal-31 ta’ Diċembru 2012, LBBW se jmantni biss il-kapital subordinat jew jevita biss il-parteċipazzjoni fit-telf tal-kapital subordinat safejn ikun obbligat li jagħmel dan mingħajr ir-rilaxx ta’ riservi skont it-taqsima 340 et seq. HGB (Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż).

    11.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2012, LBBW ma huwa se jaffettwa ebda xiri ta’ istituzzjonijiet finanzjarji f’kompetizzjoni ma’ LBBW. Tranżazzjonijiet oħrajn ta’ ishma, li għandhom jiġu allokati lin-negozju tal-klijenti oriġinali bħala parti mill-mudell kummerċjali ta’ LBBW, se jibqgħu possibbli jekk ma jkunux jaffettwaw il-vijabbiltà tal-bank.

    12.

    LBBW se jgħin f’konsolidazzjoni ġenerali tal-Landesbanks skont il-prinċipji ekonomiċi u l-mudell kummerċjali ġdid ta’ LBBW. Jekk jiġu kkunsidrati inkorporazzjonijiet ta’ Landesbanks individwali minn LBBW, LBBW jiġi ggwidat mill-ħtieġa li jiżgura l-vijabilità fit-tul tal-istituzzjoni inkorporata u l-abbiltà sostenibbli tiegħu li jagħmel self xieraq fl-ekonomija reali. Kwalunkwe xiri/inkorporazzjoni bħala parti minn konsolidazzjoni possibbli tal-Landesbanks se tkun teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

    13.

    Fis-swieq li fihom huwa għandu sehem sinifikanti fis-suq, jiġifieri fin-negozju tal-klijenti privati u SMEs Ġermaniżi, sal-31 ta’ Diċembru 2012, LBBW mhuwiex se joffri prezzijiet aktar favorevoli mill-prezzijiet l-aktar vantaġġjużi tal-aktar 10 kompetituri importanti tiegħu (skont is-sehem fis-suq).

    14.

    LBBW mhuwiex se juża l-għoti ta’ din l-għajnuna jew kwalunkwe vantaġġ fuq il-kompetituri li jirriżultaw mill-għajnuna għal skopijiet ta’ reklamar.

    15.

    Fis-self u l-investiment kapitali tiegħu, LBBW se jikkunsidra l-ħtiġijiet ta’ krediti tan-negozju, b’mod speċjali intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi joffri termini tas-suq aċċettati b’mod ġenerali li huma xierqa għal skopijiet regolatorji u bankarji.

    16.

    Barra minn hekk, LBBW se jirrevedi l-adegwatezza tal-iskemi interni ta’ inċentivi tiegħu u se jieħu passi biex jiżgura li dawn ma jħeġġux it-teħid ta’ riskji b’mod mhux raġonevoli, ikunu mmirati lejn miri kummerċjali sostenibbli u fit-tul, u jkunu trasparenti.

    17.

    LBBW se jkompli jestendi l-monitoraġġ u s-superviżjoni tar-riskji. Matul dan il-proċess, huwa se jissepara n-negozju kollu tas-sostituzzjoni ta’ krediti mill-oqsma kummerċjali ewlenin tal-bank u se jassenjah lil Taqsima ta’ Ristrutturar Intern (IRU) separata mil-lat organizzattiv u funzjonali. Din it-taqsima se tiżgura l-preżentazzjoni, ir-rappurtaġġ u l-kontroll separati tal-attivitajiet li għandhom jitnaqqsu.

    18.

    LBBW se jirrapporta separatament fuq in-negozju tal-banek tat-tfaddil mill-31 ta’ Diċembru 2010 ‘il quddiem.

    19.

    LBBW se jsegwi politika kummerċjali prudenti u b’saħħitha mmirata lejn is-sostenibbiltà.

    20.

    LBBW ma huwa se jisfrutta ebda vantaġġ ta’ likwidità bħala riżultat tal-eliġibbiltà tal-BĊE għall-istruttura tal-garanzija.

    21.

    Fil-bidu, LBBW se jħallas dritt annwali ta’ 6,25 % fuq l-effett inizjali ta’ salvataġġ tal-kapital retrospettivament għaż-żmien tal-għoti tal-garanzija. Dan se jitnaqqas bi proporzjon mat-tnaqqis fid-daqs disponibbli tal-garanzija. LBBW se jħallas kumpens annwali addizzjonali ta’ 3,75 % fuq il-parti tal-garanzija għall-portafoll ta’ prodotti assigurati (portafoll ABS) li mhuwiex se jaqbeż EUR 1,5 biljuni. Fi kliem ieħor, LBBW se jħallas dan il-kumpens addizzjonali b’mod sħiħ sakemm l-ammont garantit involut fil-portafoll ikun għadu għall-inqas ta’ EUR 1,5 biljuni; jekk l-ammont tal-garanzija jaqa’ taħt EUR 1,5 biljuni, ikun irid jitħallas biss kumpens ta’ 3,75 % fuq l-ammont pendenti tal-garanzija.

    Impenji li jikkonċernaw il-governanza korporattiva:

    22.

    Il-Bord Amministrattiv attwali se jiġi ffurmat mill-ġdid f’Bord ta’ Sorveljanza indipendenti skont il-mudell fil-Kodiċi tal-Governanza Korporattiva.

    a.

    Il-funzjonijiet ta’ sorveljanza u monitoraġġ se jkunu kkonċentrati esklussivament fil-Bord ta’ Sorveljanza u mhux aktar maqsumin bejn żewġ korpi (il-laqgħa tas-sidien u l-Bord Amministrattiv). Ir-riservi normali ta’ approvazzjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza se japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ importanza fundamentali.

    b.

    Il-Bord tad-Diretturi Maniġerjali ta’ LBBW se jkun indipendenti fil-ġestjoni operattiva tiegħu ta’ kuljum u se jkun obbligat biss lejn il-kumpanija. Struzzjonijiet, kemm jekk mingħand il-Bord ta’ Sorveljanza, mil-laqgħat tas-sidien kif ukoll mil-laqgħat ġenerali annwali, huma esklużi.

    c.

    Il-laqgħa tas-sidien attwali se tinbidel f’laqgħa ġenerali attwali jew tas-sidien. Il-poteri tagħha se jkunu kkonċentrati fuq il-kompiti tipiċi ta’ laqgħa ġenerali annwali skont il-liġi tal-kumpaniji (pereżempju t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-użu tal-profitti, il-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali, deċiżjonijiet ta’ stralċ, eċċ).

    d.

    Il-membri kollha tal-Bord ta’ Sorveljanza għandu jkollhom il-kwalifiki stabbiliti fl-aħħar verżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (10)/sezzjoni 36(3)(1) tal-Att Bankarju [Gesetz über das Kreditwesen]. Il-membri se jkunu kkwalifikati bix-xieraq jekk ikunu affidabbli u jkollhom il-kompetenzi meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjoni ta’ sorveljanza u biex jevalwaw u jimmonitorjaw il-kummerċ li jwettaq LBBW.

    e.

    In-numru ta’ membri tal-Bord ta’ Sorveljanza se jitnaqqas għal 21.

    f.

    Nofs is-siġġijiet għall-azzjonisti se jittieħdu minn esperti esterni.

    g.

    Matul il-fażi tar-ristrutturar, jiġifieri bl-introduzzjoni tal-aspetti ta’ governanza sat-tlestija tal-bidla fil-forma legali skont il-paragrafu 24 (hawn taħt) fl-2013, membru tal-Bord ta’ Sorveljanza se jassumi l-presidenza tal-Bord ta’ Sorveljanza skont il-paragrafu 22(f) (fuq). Sussegwentement, il-ħatra se ssir skont il-proċedura stabbilita fil-liġi Ġermaniża jew Ewropea dwar il-kumpaniji.

    23.

    Kumitati

    a.

    Kumitat għar-Riskju

    Il-Kumitat għall-Kreditu attwali se jinbidel f’Kumitat għar-Riskju tradizzjonali, li mhux biss għandu japprova deċiżjonijiet dwar self, iżda għandu wkoll jinvolvi ruħu b’mod intensiv fuq kwistjonijiet ġenerali ta’ ġestjoni tar-riskji. Membru tal-Bord ta’ Sorveljanza b’kompetenzi bankarji xierqa se jassumi l-presidenza.

    b.

    Kumitat għall-Verifika

    Il-Kumitat għall-Verifika għandu jitmexxa minn membru tal-Bord ta’ Sorveljanza b’kompetenza partikolari fil-kontabilità bankarja.

    c.

    Kumitat li Jippresjedi (Kumitat għall-Persunal u n-Nominazzjonijiet)

    Se jiġi stabbilit Kumitat li Jippresjedi għal kwistjonijiet relatati mal-persunal. Ir-rappreżentanti tal-azzjonisti ta’ dan il-kumitat se jifformaw ukoll il-Kumitat għan-Nominazzjonijiet, li jippreżenta kandidati xierqa għall-Bord ta’ Sorveljanza fil-laqgħa tas-sidien jew fil-laqgħa ġenerali annwali.

    24.

    Bidla fil-forma legali: L-aspetti ewlenin kollha ta’ governanza ta’ SE jew ta’ kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (deskritti fil-paragrafi 22 u 23) għandhom jiġu introdotti immedjatament u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. LBBW għandu jinbidel f’SE jew f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, meta wara l-istadju tal-introduzzjoni tal-aspetti ta’ governanza sal-aħħar tal-2010, l-addattamenti legali skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għall-bidla fil-forma legali jitħejjew b’tali mod li dan jiġi konkluż sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

    25.

    Ġestjoni skont il-kriterji tan-negozju

    a.

    Ġenerali

    Fl-Att tal-Landesbank Baden-Württemberg [Gesetz über die Landesbank Baden-Württemberg] għandu jiġi indikat b’mod ċar li l-attivitajiet kummerċjali tal-Landesbank għandhom jitwettqu skont il-prinċipji kummerċjali u l-kompiti li għalihom huwa responsabbli l-Landesbank għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

    b.

    Speċifika għan-negozju

    Se jiġi żgurat li n-negozju l-ġdid jiġi kkalkolat fuq il-bażi tar-rati ta’ imgħax ta’ referenza li ma jinkludu ebda distorsjoni kkawżata mir-responsabbiltajiet tal-garanti.

    c.

    Relazzjoni mal-azzjonisti

    Il-prinċipju “arms-length”, li huwa tipiku bejn korporazzjoni u l-proprjetarji tagħha, għandu jkun applikabbli fir-rigward tal-azzjonisti. L-assi jistgħu jitqassmu biss lill-proprjetarji fil-forma ta’ profitti u dħul mil-likwidazzjoni.

    26.

    Mira li jinkiseb redditu normali fuq l-ekwità: Skont il-pjan ta’ ristrutturar fuq perjodu medju (jiġifieri wara l-konklużjoni tar-ristrutturar fl-2013) u saħansitra fil-ġejjieni, LBBW se jimmira li jikseb redditu fuq l-ekwità ta’ mill-inqas [10-12] % qabel it-taxxa b’riżorsi kapitali xierqa għall-profil tar-riskju.

    Impenji oħrajn:

    27.

    Kull sena sal-2013 inklussivament, il-Ġermanja għandha tibgħat rapport dwar il-progress lill-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jinkludi reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u dettalji tal-bejgħ kollu tal-ishma u l-għeluq ta’ kumpaniji sussidjarji, dipartimenti u postijiet skont din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu juri d-data tal-bejgħ jew l-għeluq, il-valur imniżżel fil-kotba fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-prezz tal-bejgħ u l-qligħ jew it-telf kollu b’konnessjoni mal-bejgħ jew l-għeluq. Ir-rapport għandu jintbagħat kull sena fi żmien xahar mill-approvazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ LBBW mill-Bord Amministrattiv ta’ LBBW (jew bord ta’ sorveljanza), iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju.” (11)

    3.   IL-FEHMIET TAL-ĠERMANJA

    (39)

    Il-Ġermanja qiegħda tapplika għal approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-Ġermanja ma tikkontestax li l-miżuri huma għajnuna statali. Madankollu, il-Ġermanja tasserixxi li l-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE wara l-aġġustament tal-kumpens għall-miżura ta’ salvataġġ tal-assi u s-sottomissjoni tal-intrapriżi.

    4.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-INVESTIGAZZJONI

    (40)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura oriġinali mal-Komunikazzjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (12) (li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għaliha bħala l-‘Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti’), b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni u l-qsim tal-piżijiet. Madankollu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti rigward l-eliġibbiltà tal-assi, l-għażla tal-arranġament ta’ ġestjoni għal assi indeboliti, it-trasparenza u l-iżvelar, u d-dritt tal-garanzija kienu lkoll issodisfati.

    (41)

    Id-dubji tal-Kummissjoni rigward il-valutazzjoni kienu jikkonċernaw il-metodu li ntuża u s-suppożizzjonijiet mill-esperti ta’ LBBW fil-kalkolazzjoni tal-valur ekonomiku reali tal-portafolli, li ma kinux jidhru prudenti biżżejjed għall-Kummissjoni. Fuq kollox, is-suppożizzjonijiet li jikkonċernaw il-probabbiltà tat-telf, ir-rati ta’ rkupru, l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-proprjetà ta’ beni immobbli f’xi swieq u l-korrelazzjonijiet ma kinux konservattivi biżżejjed għall-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-portafoll tal-ABS ma kienx protett għal kollox.

    (42)

    Konsegwentement, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-qsim tal-piżijiet (inkluż il-kumpens), minħabba li kull korrezzjoni fil-valur ekonomiku reali jkollha konsegwenzi immedjati għall-valutazzjoni tal-miżata tal-garanzija.

    5.   EVALWAZZJONI

    5.1.   L-Eżistenza tal-għajnuna

    (43)

    Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma tkun xi tkun, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi, hija inkompatibbli mas-suq intern, minħabba li din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (44)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet li r-rikapitalizzazzjoni ta’ LBBW u l-miżura ta’ salvataġġ tal-assi huma għajnuna mill-Istat. L-element ta’ għajnuna fl-injezzjoni ta’ kapital jammonta għal EUR 5 biljuni. Skont il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, l-ammont tal-għajnuna fil-miżura ta’ salvataġġ tal-assi jikkorrespondi għad-differenza bejn il-valur tat-trasferiment tal-assi u l-prezz tas-suq. Il-valur tat-trasferiment jikkorrespondi għall-valur nominali tal-portafoll nieqes l-Ewwel Telf. Jekk wieħed jassumi valur fis-suq ta’ EUR 18,143 biljuni (EUR 10,137 biljuni u EUR 8,006 biljuni) u valur ekonomiku ta’ EUR 27,915 biljuni (EUR 15,635 biljuni u EUR 12,280 biljuni), jirriżulta ammont totali ta’ għajnuna ta’ EUR 9,772 biljuni għall-miżura ta’ salvataġġ tal-assi.

    (45)

    L-ammont tal-għajnuna għaż-żewġ miżuri flimkien huwa ta’ madwar EUR 14,8 biljuni; dan jikkorrespondi għal aktar minn 9 % tal-assi indeboliti ta’ LBBW.

    5.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

    5.2.1.   Applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

    (46)

    Skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern jekk hija sservi biex ‘tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru’. Il-Kummissjoni tenfasizza li għad hemm il-periklu ta’ tfixkil serju fl-ekonomija tal-Ġermanja u li l-miżuri li jappoġġjaw lill-banek huma xierqa biex jikkumbattu dan il-periklu. Għaldaqstant, l-għajnuna għandha tiġi investigata skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE.

    (47)

    Iż-żewġ miżuri ġew approvati għal perjodu limitat fid-deċiżjoni tal-ftuħ fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE u l-Komunikazzjonijiet dettaljati tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri meħudin fir-rigward ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali (13) (‘Komunikazzjoni Bankarja’), Komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja attwali: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu neċessarju u salvagwardji kontra tfixkil bla bżonn tal-kompetizzjoni (14) (‘Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni’), Komunikazzjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (15) (‘Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti’) u l-Komunikazzjoni dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli ta’ għajnuna mill-Istat (16) (‘Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar’)). Madankollu, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni minħabba li baqgħet tirċievi oġġezzjonijiet taħt il-liġi tal-kompetizzjoni rigward il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi. Għal din ir-raġuni, fl-istadju attwali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina l-ewwelnett jekk l-oġġezzjonijiet taħt il-liġi tal-kompetizzjoni rigward il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi għadhomx jeżistu u, it-tieni, jekk l-estensjoni tal-għajnuna approvata għal perjodu limitat hijiex kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna għar-ristrutturar.

    5.2.2.   Kompatibbiltà tal-miżura ta’ salvataġġ tal-assi mas-suq intern

    (48)

    Il-Kummissjoni teżamina l-miżuri ta’ salvataġġ tal-assi skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE u fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti. (17) Skont il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, dawk il-miżuri li jeħilsu lill-bank benefiċjarju minn (jew li jikkumpensaw għal) ħtieġa li jirreġistra telf jew riserva għal telf possibbli fuq l-assi indeboliti tiegħu u/jew il-kapital regolatorju ħieles għal użu ieħor huma miżuri ta’ salvataġġ tal-assi li jeħtieġ li jiġu investigati bl-użu ta’ kriterji speċifiċi bil-għan li jiġi vverifikat jekk humiex kompatibbli mas-suq intern. Din l-investigazzjoni titwettaq bl-użu tal-kriterji li ġejjin: i) l-eliġibbiltà tal-assi, ii) it-trasparenza u l-iżvelar, iii) il-ġestjoni tal-assi indeboliti, iv) l-adegwatezza u l-konsistenza tal-metodu ta’ valutazzjoni, v) l-adegwatezza tal-kumpens u l-qsim tal-piżijiet u vi) il-ħtieġa għall-evalwazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar mill-Kummissjoni.

    (49)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-miżura ta’ salvataġġ tal-assi adottata għal LBBW – apparti mill-kriterji li jikkonċernaw il-metodu ta’ valutazzjoni u l-qsim tal-piżijiet inkluż il-kumpens – tissodisfa l-kriterji kollha msemmija hawn fuq. Madankollu, essenzjalment, il-Ġermanja kienet kapaċi tneħħi dawn id-dubji permezz ta’ għadd ta’ proposti ta’ emendi.

    Valutazzjoni

    (50)

    Bħala parti mill-investigazzjoni, il-Kummissjoni vvalutat il-portafoll bl-appoġġ ta’ esperti interni tal-Kummissjoni u ta’ esperti esterni. Il-valur ekonomiku reali tal-portafoll ABS huwa ta’ EUR [14-15-il] biljun u konsegwentement huwa inqas mill-valur iddikjarat minn LBBW b’EUR [1-2] biljun/i. Min-naħa l-oħra, il-valur ekonomiku reali tal-portafoll Sealink kien korrett. Konsegwentament, ġew ikkonfermati d-dubji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi eliġibbli.

    (51)

    Matul l-eżaminazzjoni ta’ diversi miżuri ta’ salvataġġ tal-assi, ġew proposti metodi varji lill-Kummissjoni, li l-banek ikkonċernati jużaw biex jikkalkolaw il-valur ekonomiku reali ta’ portafoll. Fil-każ ta’ prodotti ta’ kreditu strutturati, possibbiltà waħda (dik magħżula minn LBBW) tikkonsisti mis-suġġettar tas-suppożizzjonijiet rigward ir-riskju tal-kontropartijiet, il-korrelazzjonijiet u t-telf mis-self għall-assi sottostanti għal test ta’ stress.

    (52)

    Matul l-eżaminazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk is-suppożizzjonijiet kinux prudenti biżżejjed, il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fuq każijiet oħrajn, b’mod partikolari fuq il-portafoll Sealink ta’ LBBW u fuq studji li saru minn partijiet terzi. Fit-twettiq ta’ dan, intużaw suppożizzjonijiet differenti skont il-klassi tal-assi. Sabiex tistabbilixxi kif dawn is-suppożizzjonijiet jistgħu jaffettwaw il-portafoll ABS, il-Kummissjoni talbet lill-esperti ta’ LBBW biex jevalwaw kampjun każwali peżat skont id-daqs b’40 pożizzjoni u l-akbar ħames pożizzjonijiet għal darb’oħra fuq il-bażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet.

    (53)

    Minħabba l-istruttura kaskata tat-tranches ta’ kreditu strutturati, l-użu tas-suppożizzjonijiet tat-test ta’ stress ipproduċa effetti differenti ħafna. Fil-każ ta’ xi klassijiet ta’ assi, bħal self mhux konformi fir-Renju Unit, it-tranches tal-portafoll kienu partikolarment robusti. Il-valur ekonomiku reali tagħhom konsegwentement wasal qrib ħafna tar-rata tas-suq, anki fil-każ ta’ suppożizzjonijiet prudenti tar-rati tas-suq, għalkemm il-valur tagħhom fis-suq ġeneralment ikun aktar baxx mill-valur nominali. Is-sitwazzjoni kienet pjuttost differenti bil-porzjonijiet ta’ xi Titoli Kummerċjali Appoġġjati b’Ipoteka u Obbligi Kummerċjali b’Ipoteka. B’dawn il-klassijiet ta’ assi, l-akbar diskrepanzi ma kinux biss bejn iż-żewġ portafolli ta’ LBBW, iżda wkoll fir-rigward ta’ każijiet oħrajn. F’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-kampjun każwali fuq il-bażi ta’ dawn is-suppożizzjonijiet ġodda u prudenti pproduċiet differenza ta’ EUR 143 miljun għal kampjun każwali b’valur nominali totali ta’ EUR 1 559 miljun, meta mqabbel mal-prezz miksub mill-esperti ta’ LBBW li jużaw il-mudell tal-‘każ tal-linja bażi’ tagħhom.

    (54)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-effetti potenzjali fuq il-portafoll kollu permezz ta’ estrapolazzjoni. Meta għamlet dan, hija kkunsidrat numru ta’ aspetti kwalitattivi tal-kampjun każwali, bil-għan li tevita kwalunkwe tisħiħ sproporzjonat ta’ ċerti effetti. Skont il-kalkoli, it-telf mistenni se jkun bejn EUR 2.9 biljuni u EUR 4.3 biljuni skont il-metodu ta’ estrapolazzjoni u l-fattur ta’ korrezzjoni.

    (55)

    Meta ma tqisx ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-portafoll li jistgħu jħallu effetti negattivi mhux iġġustifikati fil-livell tal-portafoll, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li bl-aktar valutazzjoni bbilanċjata, it-telf mistenni għall-portafoll kollu kien ta’ EUR [3-4] biljuni. Konsegwentement, il-valur ekonomiku reali huwa stmat għal EUR [14-15-il] biljun, jiġifieri EUR [1-2] biljun/i inqas milli stabbilit fin-notifika.

    Qsim tal-piżijiet

    (56)

    Skont il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, il-banek għandhom kemm jista’ jkun possibbli jħallsu huma stess l-ispejjeż assoċjati mal-assi indeboliti. Għalhekk l-assi għandhom jiġu ttrasferiti bi prezz li jkun jikkorrespondi għall-valur ekonomiku reali jew li jkun taħtu. Għal dan il-għan, għandu l-ewwel isir tnaqqis fil-valur għall-valur ekonomiku reali jew, f’każ ta’ garanzija, għandha tiġi nkluża klawżola ta’ ‘L-Ewwel Telf’, li tistabbilixxi li l-ewwel telf li għandu jagħmel tajjeb għalih il-bank benefiċjarju jikkorrespondi għad-differenza li teżisti bejn il-valur imniżżel fil-kotba u l-valur ekonomiku reali.

    (57)

    Fil-każ attwali ta’ għajnuna mill-Istat, il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi twettqet mingħajr tnaqqis fil-valur preċedenti għall-valur ekonomiku reali tal-portafoll ABS. Madankollu, bil-għan li jiżgura l-qsim tal-piżijiet mitlub, LBBW wiegħed li jagħmel l-Ewwel Telf li jkopri t-telf inizjali mill-portafoll tal-garanzija li jammonta għal total ta’ EUR 1.9 biljuni; sadanittant, dan l-ammont tniżżel b’mod sħiħ.

    (58)

    Bħala riżultat tal-korrezzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-valur ekonomiku reali tal-portafoll ABS, li naqqsitu għal EUR [1-2] biljun/i inqas milli kien fil-valutazzjoni oriġinali mill-bank, it-telf antiċipat fil-portafoll ABS ma għadux ikkumpensat bil-quddiem permezz ta’ tnaqqis fil-valur jew b’telf inizjali għoli biżżejjed. Għal din ir-raġuni, sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-miżuri mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat skont il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti, għandu jsir tnaqqis addizzjonali fil-valur nominali li jqis il-waqgħa fil-valur ekonomiku reali jew, fil-każ ta’ garanzija għall-assi, għandha ssir korrezzjoni tal-‘valur tat-trasferiment’ (jiġifieri żieda fil-punt tar-rabta) fil-valur ekonomiku reali. Tali tnaqqis fil-valur ma jkunx possibbli f’dan il-każ għal raġunijiet ta’ kontabbiltà mingħajr ma tinbidel l-istruttura tat-tranżazzjoni, minħabba li t-titoli strutturati huma mħarsa minn telf potenzjali permezz tal-miżura ta’ salvataġġ tal-assi.

    (59)

    Konsegwentement, il-valur tat-trasferiment huwa ogħla mill-valur ekonomiku reali. Fil-każ ta’ suppożizzjoni ta’ riskju ogħla mill-valur ekonomiku reali, il-kriterju stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti tal-qsim sħiħ tal-piżijiet ex ante ma jkunx jista’ jiġi ssodisfat. Għaldaqstant, l-element ta’ għajnuna fil-miżura ta’ salvataġġ tal-assi huwa korrispondentement akbar u jista’ jiġi approvat biss jekk il-miżura tkun akkumpanjata mill-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet li jippermettu l-irkupru ta’ din l-għajnuna addizzjonali fi stadju aktar tard (pereżempju permezz ta’ mekkaniżmu msejjaħ ‘claw-back’) jew b’ristrutturar estensiv (cf. il-paragrafu 41 u s-sezzjoni 5.2 tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti).

    (60)

    B’mekkaniżmu ‘claw-back’, il-bank benefiċjarju normalment iħallas mill-ġdid il-vantaġġ li jirriżulta mis-suppożizzjoni ogħla tar-riskju fi stadju aktar tard, jiġifieri jkollu jħallas mill-ġdid l-ammont sħiħ assigurat mill-garanzija li taqbeż il-valur ekonomiku reali. Jekk l-ebda rkupru sħiħ (claw-back) ma huwa possibbli, għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ kumpens estensivi.

    (61)

    Fil-każ ta’ garanzija, l-irkupru jista’ jinkiseb permezz ta’ kumpens xieraq għall-ammont li jaqbeż il-valur ekonomiku reali. Fil-każ attwali, kumpens ta’ 10 % p.a. jitħallas għall-garanzija ta’ EUR 1,5 biljuni. Dan il-kumpens ikopri kemm il-vantaġġ li jirriżulta mis-salvataġġ tal-kapital għall-ammont iggarantit ta’ EUR 1,5 biljuni (rata ta’ kumpens attwali ta’ 6,25 %) u ż-żieda bi 3,75 % (li tirriżulta f’ammont globali ta’ EUR 56,25 miljun p.a.). (18)

    (62)

    Mal-ewwel daqqa t’għajn din iż-żieda tista’ tidher baxxa. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li – kif ġie rrimarkat diġà – f’każ ta’ telf fil-ġejjieni, il-garanzija mill-Istat issir effettiva biss jekk l-ewwel telf ta’ EUR 1.9 biljuni jkun ġie utilizzat għal kollox. Għaldaqstant, mhuwiex probabbli li l-garanzija tittieħed qabel ma l-Istat ta’ Baden-Württemberg bħala garanti tal-għajnuna mill-Istat ikun ifforma riservi sostanzjali għal tali pagamenti mill-miżati mħallsa minn LBBW. (19) Minħabba li mhuwiex ċar meta se jseħħ it-telf potenzjali stabbilit mill-Kummissjoni, jista’ jkun li l-ħlasijiet tad-drittijiet jkunu biżżejjed sabiex ikopru t-telf kollu li jista’ jirriżulta. Iż-żieda fil-kumpens konsegwentement tikkontribwixxi għat-tneħħija tad-dubji oriġinali tal-Kummissjoni rigward il-qsim tal-piżijiet. Barra minn hekk, l-iskala u l-firxa tar-ristrutturar li għandu jitwettaq mill-bank u l-miżuri ta’ kumpens għandhom jikkumpensaw biżżejjed għal kwalunkwe nuqqas fl-irkupru preskritt. Id-dubji tal-Kummissjoni rigward il-qsim xieraq tal-piżijiet jistgħu jitneħħew f’dan il-punt.

    (63)

    Minħabba li l-valur ekonomiku reali tal-portafoll Sealink kien ikkonfermat, ma hemm bżonn ta’ ebda aġġustament għal din il-parti tal-arranġament.

    Kumpens

    (64)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-kumpens imħallas mill-bank benefiċjarju jqis ir-riskju tat-telf fil-ġejjieni li jaqbeż ir-riskju mfisser fil-valur ekonomiku reali skont il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti. Il-kumpens ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ rata tal-imgħax, li kienet tintuża bħala bażi għal rikapitalizzazzjoni korrispondenti, fejn l-effett ta’ salvataġġ tal-kapital ta’ ekwità ntuża bħala miżura skont il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti.

    (65)

    Madankollu, fid-dawl tal-effett ta’ salvataġġ tal-kapital ta’ ekwità, il-kumpens għandu jitnaqqas b’0,75 % għal 6,25 % p.a. Mill-inqas 50 % tal-kapital regolatorju ta’ ekwità għandu jikkonsisti minn kapital fil-livell 1. Skont id-dispożizzjonijiet legali attwali (20) il-kapital fil-livell 2 ma għandux jaqbeż il-100 % tal-kapital fil-livell 1. Dan ifisser li l-kapital ta’ ekwità jista’ jikkonsisti f’50 % tal-kapital fil-livell 1 u 50 % tal-kapital fil-livell 2 sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji. Billi skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2008 dwar il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, teżisti differenza ta’ 1,5 % bejn il-prezz tal-kapital fil-livell 1 u tal-kapital fil-livell 2, tnaqqis ta’ 150 punt bażi huwa xieraq. (21) Jekk skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, kumpens ta’ 7 % jista’ jitqies bħala wieħed xieraq għall-kapital fil-livell 1 mingħajr il-provvista ta’ likwidità, il-kapital fil-livell 2 għandu mbagħad jiġi kkumpensat b’rata ta’ 5,5 %. Il-medja taż-żewġ rati hija ta’ 6,25 %.

    (66)

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ fuq, LBBW għandu jħallas effett ta’ salvataġġ ta’ kapital ta’ EUR 4 476 biljun b’rata ta’ 6,25 % p.a., li tikkorrespondi għal ammont ta’ EUR 279,75 miljun p.a. Flimkien mal-ammont ta’ rkupru ta’ EUR 56,24 miljun, dan jipproduċi ammont ta’ kumpens ta’ EUR 336 miljun p.a. li, fid-dawl tal-aspetti spjegati hawn fuq, huwa proporzjonat.

    5.2.3   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar mas-suq intern

    (67)

    Il-Kummissjoni għandha teżamina l-kontinwazzjoni tal-miżuri attwali kollha ta’ salvataġġ bħala għajnuna għar-ristrutturar. L-eżaminazzjoni ta’ jekk l-għajnuna għar-ristrutturar hijiex kompatibbli mas-suq intern titwettaq fl-isfond tal-kriżi finanzjarja fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Ristrutturar. Għalkemm fid-deċiżjonijiet preċedenti saret referenza għal-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà, (22) fil-paragrafu 49 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Kummissjoni kkjarifikat li l-għajnuna kollha li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni fi jew qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 se tiġi eżaminata bħala għajnuna għal ristrutturar għal banek fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar aktar milli l-Linji Gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà.

    (68)

    Fir-rigward tal-ħtieġa u l-firxa ta’ ristrutturar, mhuwiex stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar taħt liema kundizzjonijiet bank jista’ jissottometti pjan ta’ ristrutturar, iżda ssir referenza għal komunikazzjonijiet preċedenti li jikkonċernaw dan. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li LBBW jeħtieġ ristrutturar komprensiv minħabba li l-għajnuna ppreveniet l-għeluq tal-bank mill-awtorità ta’ sorveljanza bankarja u kollox ma’ kollox kienet tikkorrespondi għal aktar minn 2 % tal-assi indeboliti totali tal-bank. Din il-fehma hija konformi mal-paragrafu 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar u mal-paragrafu 55 tal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti.

    (69)

    Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, fil-pjan ta’ ristrutturar għandu l-ewwel jiġi spjegat li l-proċess tar-ristrutturar, li għalih huwa soġġett il-bank benefiċjarju, huwa addattat sabiex jiġi żgurat ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul. It-tieni, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun limitat għall-minimu assolutament neċessarju u kemm il-benefiċjarju kif ukoll l-azzjonisti tiegħu għandhom jipparteċipaw kemm jista’ jkun possibbli fir-ristrutturar bil-fondi tagħhom stess. Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jillimitaw it-tfixkil tal-kompetizzjoni li jirriżulta bħala riżultat tal-fatt li l-poter tal-benefiċjarju fis-suq huwa appoġġjat artifiċjalment u wkoll sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni ta’ settur bankarju kompetittiv. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu kkjarifikati l-mistoqsijiet relatati ma’ kwistjonijiet proċedurali u ta’ monitoraġġ.

    Restawr tal-vijabbiltà fit-tul

    (70)

    F’evalwazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar skont il-liġi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tiżgura li l-bank ikun f’pożizzjoni li jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tiegħu mingħajr ebda għajnuna mill-Istat (sezzjoni 2 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar).

    (71)

    Skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-vijabbiltà fit-tul tiġi żgurata jekk il-bank ristrutturat ikun kapaċi jikkompeti fis-suq għall-kapital fuq il-merti tiegħu stess b’konformità mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti. Dan jinvolvi li l-bank ikun kapaċi jkopri l-ispejjeż kollha tiegħu u jipprovdi redditu xieraq fuq l-ekwità, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-profil tar-riskju tal-bank. Il-vijabbiltà fit-tul tirrikjedi wkoll li kwalunkwe għajnuna li tasal mingħand l-Istat għandha jew tiġi mifdija matul iż-żmien, kif antiċipat fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna, jew inkella titħallas skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq, biex b’hekk jiġi żgurat li titwaqqaf kwalunkwe forma ta’ għajnuna mill-Istat addizzjonali. Ir-restawr tal-vijabbiltà għandu fuq kollox jinkiseb permezz ta’ miżuri interni u fuq il-bażi ta’ pjan ta’ ristrutturar kredibbli. Barra minn hekk, il-pjan ta’ ristrutturar għandu jidentifika l-kawżi tad-diffikultajiet tal-bank u d-dgħjufijiet tal-bank stess, filwaqt li jiddeskrivi kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti jirrimedjaw il-problemi bażiċi tal-bank. Ir-ristrutturar jeħtieġ l-irtirar mill-attivitajiet li jibqgħu strutturalment jagħmlu t-telf fuq perjodu ta’ żmien medju.

    (72)

    L-ewwelnett, ir-ristrutturar mibdi minn LBBW fuq il-bażi tal-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat mill-Ġermanja jidher li huwa xieraq sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà ta’ LBBW. Fil-pjan ta’ ristrutturar, huwa stmat li għas-sena 2013 ikun hemm relazzjoni kapitali fil-livell 1 ta’ [9-11] % u redditu fuq l-ekwità ta’ [10-12] %. Dawn il-figuri – anki taħt kundizzjonijiet ta’ stress estremi – se jkunu ferm ogħla mil-livell regolatorju u jikkorrespondu għall-aspettattivi tas-suq ta’ bank bil-profil ta’ riskju ta’ LBBW. Skont il-pjan ta’ ristrutturar, LBBW se jkun kapaċi jkopri l-ispejjeż kollha tiegħu u jibda jħallas lura l-għajnuna mill-Istat fl-2013. Barra minn hekk, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ xi problemi potenzjali ta’ finanzjament. Il-likwidità ta’ LBBW uriet li kienet stabbli matul il-kriżi u l-bank għad għandu riservi ta’ likwidità suffiċjenti. Il-finanzjament futur u l-ispejjeż finanzjarji ġew eżaminati.

    (73)

    Anki bl-applikazzjoni tax-xenarju pessimistiku ta’ LBBW, il-bank ma jkun jeħtieġ ebda għajnuna oħra, il-proporzjon tal-kapital fil-livell 1 mhuwiex se jinżel taħt is-7,0 % matul ir-ristrutturar u l-proporzjon tal-kapital fil-livell 1 se jkun [9-10] % fl-2013, iżda l-qligħ fuq l-ekwità se jkun biss [6-7] %. Anki li kieku l-ispejjeż tar-riskju u l-assi indeboliti kellhom ikomplu jitilgħu, il-bank xorta waħda jkollu jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji għal riżorsi kapitali.

    (74)

    Il-mudell kummerċjali rivedut ta’ LBBW huwa fattur deċiżiv sabiex jiġi żgurat li r-restawr tal-vijabbiltà ikun realistiku. LBBW għandu jinqeleb f’bank kummerċjali b’fokus ċar fuq l-SMEs Ġermaniżi u klijenti privati, li jagħmel numru ta’ prodotti finanzjarji korporattivi u prodotti bankarji ta’ investiment magħżula disponibbli għal uħud mill-klijenti tiegħu (klijenti korporattivi u banek tat-tfaddil). Huwa joffri prodotti tajbin li jintużaw minn firxa wiesgħa ta’ klijenti (dawn jinkludu relazzjonijiet bankarji ta’ ħafna snin). Dan għandu jifforma bażi tajba għal negozju bankarju kummerċjali b’saħħtu, filwaqt li t-tranżazzjonijiet opportunistiċi mmexxija mis-swieq kapitali għandhom b’dan il-mod jitnaqqsu.

    (75)

    Il-Kummissjoni eżaminat il-kredibbiltà tal-pjan ta’ ristrutturar fuq il-bażi tar-riżultati kummerċjali ta’ LBBW u r-rapporti aġġornati ta’ LBBW (inklużi riżultati fis-sistema ta’ informazzjoni tal-ġestjoni u rapporti dwar il-ġestjoni tar-riskji). Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju li twettqu mill-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti b’konformità mad-direttivi Ewropej dettaljati u fuq rapporti minn aġenziji tal-klassifikazzjoni. L-ippjanar u s-suppożizzjonijiet bażi ġew investigati għall-kompatibbiltà tagħhom mal-previżjonijiet ekonomiċi l-aktar riċenti u ma’ xenarji li kienet irreferiet għalihom ukoll il-Kummissjoni f’każijiet oħrajn ta’ għajnuna.

    (76)

    Il-pjan ta’ ristrutturar jikkunsidra l-informazzjoni dettaljata li hija disponibbli bħalissa u jieħu f’kunsiderazzjoni l-fatt li l-previżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp fil-ġejjieni jistgħu jsiru biss sa ċertu punt limitat. Is-suppożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp ulterjuri tar-riskji, ir-riżultati u l-bażi tal-kapital jidhru li huma pessimistiċi biżżejjed. Ir-riskji li jirriżultaw mill-ktieb tas-self kbir u relattivament ikkonċentrat – jiġifieri l-akbar riskji wara r-riskju b’rabta mal-investiment f’titoli strutturati – kienu limitati mill-miżura ta’ salvataġġ tal-assi u konsegwentement ġew ittrattati b’mod xieraq. Għar-riskji li jifdal li jirriżultaw minn titoli oħrajn u r-riskji tal-ktieb tas-self, LBBW qiegħed ibassar żieda ċara fil-ġestjoni tar-riskji għall-2009, anki meta mqabbla mal-2008. Mill-2010 ‘il quddiem, l-ispejjeż tar-riskji se jonqsu u għandu jinkiseb livell normali sal-2013. Madankollu, huwa preżunt li anki taħt kundizzjonijiet standardizzati, l-ispejjeż tar-riskji ta’ LBBW se jibqgħu għoljin id-doppju tal-ġestjoni tar-riskji preċedenti u se jikkorrespondu għall-ispejjeż tar-riskji tal-pari tiegħu.

    (77)

    Barra minn hekk, il-pjan ta’ ristrutturar ma jassumi ebda rkupru rapidu, iżda pjuttost żieda konsiderevoli fir-riskji u telf mis-self. Il-pjan ta’ ristrutturar iqis dawn l-aspetti kemm permezz ta’ ġestjoni tar-riskji ogħla kif ukoll b’rekwiżiti ta’ kapital regolatorju ogħla minħabba l-migrazzjoni tar-riskji u telf ogħla fuq ir-riżultati. Dan huwa r-riżultat tal-kalkoli konġunti tal-uffiċċji ta’ LBBW għas-self u l-ġestjoni tar-riskji u konsegwentement huwa r-riżultat ta’ taħlita ta’ approċċ ibbażat fuq mudell u l-estimi tal-esperti. Filwaqt li jirriżulta rkupru aktar baxx mill-mudelli u, kuntrarju għall-estimi tal-esperti, hija preżunta probabbiltà akbar ta’ telf, l-esperti huma tal-fehma li t-telf huwa stmat li huwa baxx wisq fil-mudelli. Il-figuri taż-żewġ naħat kienu aġġustati bix-xieraq. Barra minn hekk, kemm il-paraguni storiċi kif ukoll il-paragun tal-parametri tal-pjan attwali juru grad għoli ta’ konsistenza mal-indikaturi ekonomiċi esterni u juru wkoll li l-effetti ta’ tnaqqis fl-attività ekonomika tqiesu fil-pjan.

    (78)

    Mill-pjan ta’ ristrutturar jista’ jidher ukoll li l-ispejjeż tar-riskji għal negozju ġdid u self se jkunu konsiderevolment aktar baxxi minn issa, minħabba li r-riskji jistgħu jitnaqqsu b’mod konsiderevoli permezz tar-ristrutturar, filwaqt li l-kwalità tal-kreditu fin-negozju prinċipali se tkun aħjar. Għalhekk, mhux se jsiru aktar investimenti fit-titoli strutturati. Il-portafolli li jkun fihom l-akbar riskju kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ salvataġġ tal-assi li jistgħu jitqiesu bħala suffiċjenti skont ir-riżultati tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, mhuwiex mistenni li jiġi ġġenerat aktar telf f’dan ir-rigward. Madankollu, LBBW qiegħed jistenna żieda konsiderevoli fl-ispejjeż tar-riskji għall-fażi tar-ristrutturar, fejn huwa preżunt li dawn l-ispejjeż se jkunu ogħla mill-ġestjoni tar-riskji attwali. L-aspettattivi rigward l-iżvilupp tar-riskji ta’ krediti huma kawti.

    (79)

    Filwaqt li t-tbassir għat-telf huwa konservattiv, il-probabbiltà tat-telf – b’mod partikolari għal negozju korporattiv – hija stmata li tkun inqas minn kif evalwat mill-Kummissjoni. Madankollu, LBBW kien kapaċi juri li l-aspettattivi tat-telf huma ferm ogħla mill-informazzjoni storika (għall-aħħar riċessjoni fil-Ġermanja) u jikkorrespondu għal dawk ta’ banek oħrajn bl-istess grupp ta’ klijenti. Barra minn hekk, il-bank għamel enfasi fuq is-saħħa finanzjarja ta’ dawn il-klijenti korporattivi meta mqabbla ma’ kumpaniji oħrajn fl-Ewropa u għamel enfasi wkoll fuq il-vantaġġi dovuti għar-relazzjonijiet korporattivi b’saħħithom illi għandu. Barra minn hekk, huwa wera li l-aspettattivi tat-telf għal dan is-segment tas-suq partikolarment importanti għar-riskju ta’ kreditu globali ta’ LBBW jikkorrespondu għal dawk tal-pari tiegħu.

    (80)

    Teżisti xi inċertezza rigward l-iżvilupp tar-riskji fis-suq, għalkemm l-investiment fit-titoli strutturati ma għadux aktar ta’ importanza bħala wieħed mill-akbar xprunaturi tar-riskji. Barra minn hekk, in-negozju għalih innifsu jitnaqqas b’mod konsiderevoli u l-qasam tas-saldu tat-titoli se jiġi dirett lejn il-ġestjoni tal-assi u n-negozju ffokat fuq il-klijenti. Minbarra dan, il-firxa ta’ prodotti kkummerċjalizzati se titnaqqas u l-kumplessità tagħhom se tiġi ristretta. Għaldaqstant, fil-pjan ta’ ristrutturar, ir-riskji tas-suq jiġu kkunsidrati kif dovut.

    (81)

    Aspett ieħor importanti huwa l-iżviluppi fl-ispejjeż. Għalhekk, LBBW jassumi li huwa se jkun kapaċi jiffranka 25 % fl-ispejjeż amministrattivi tiegħu. Minħabba li l-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi tnaqqis fl-impjiegi ta’ madwar 20 % u tnaqqis fl-istruttura, fl-oqsma kummerċjali u fil-prodotti kummerċjali, dawn il-proġezzjonijiet huma kredibbli.

    (82)

    Minkejja tnaqqis sinifikanti fl-assi u fl-attivitajiet kummerċjali, LBBW qiegħed jistenna biss tnaqqis żgħir fid-dħul meta mqabbel ma’ qabel. Filwaqt li l-assi indeboliti se jitnaqqsu b’madwar 30 %, huwa preżunt li fl-2009 jinkiseb 87 % tad-dħul. Il-kompożizzjoni tad-dħul se tinbidel minħabba li d-dħul min-negozju ma’ klijenti korporattivi għandu jżid fl-importanza. Filwaqt li huwa preżunt ukoll li l-qasam kummerċjali tas-swieq finanzjarji tal-bank se jkompli jipproduċi l-qligħ, għandu jkun hemm dħul mid-drittijiet minflok dħul min-negozju għalih innifsu. Kollox ma’ kollox, mistennija sitwazzjoni ta’ qligħ aktar stabbli li tkun inqas dipendenti fuq il-varjazzjoni tal-prezzijiet tas-suq.

    (83)

    It-tieni, sabiex ikun addattat biex jirrestawra l-profittabbiltà tal-bank skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-pjan ta’ ristrutturar għandu jidentifika l-kawżi tad-diffikultajiet tal-bank u d-dgħjufijiet proprji tal-bank u jiddeskrivi kif il-miżuri ta’ ristrutturar proposti jirrimedjaw il-problemi bażiċi tal-bank. Hija l-fehma tal-Kummissjoni li dan huwa l-każ minħabba li l-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi l-ħruġ tal-bank min-negozju tas-sostituzzjoni ta’ krediti sproporzjonalment estensiv, u LBBW se jnaqqas l-attivitajiet tiegħu fis-suq tal-kapital kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambitu kif ukoll mal-kumplessità, u se jnaqqas in-negozju barrani tiegħu bil-għan li jikkonċentra fuq il-kompetenzi ewlenin tiegħu, li jinsabu primarjament fin-negozju tal-klijenti privati u f’negozju ma’ klijenti żgħar u ta’ daqs medju fis-swieq reġjonali.

    (84)

    Id-dgħjufijiet eżistenti u potenzjali fl-istruttura tal-governanza korporattiva għandhom ikunu wkoll is-suġġett tal-pjan ta’ ristrutturar. Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi bidliet fundamentali fl-istatus legali u l-governanza korporattiva, bir-riżultat li LBBW se jkun inqas suġġett għal influwenza mhux xierqa mill-azzjonisti u, kollox ma’ kollox, se tiġi żgurata governanza korporattiva aħjar.

    (85)

    Il-miżuri li qegħdin jiġu implimentati se jiżguraw li LBBW ma jkunx differenti mill-kompetituri tiegħu la fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, fil-politika kummerċjali u fil-proċeduri interni tiegħu, u lanqas fir-rigward tal-irwol u l-kompożizzjoni tal-korpi korporattivi tiegħu. Hemm salvagwardji suffiċjenti biex jipprevjenu li d-deċiżjonijiet kummerċjali jiġu stabbiliti b’kunsiderazzjonijiet mhux kummerċjali. Barra minn hekk, il-kwalità tal-governanza korporattiva se titjieb b’mod konsiderevoli. Minbarra dan, l-irwoli tal-korpi varji (laqgħa tas-sidien, il-Bord ta’ Sorveljanza u l-Bord tad-Diretturi Maniġerjali) huma separati minn xulxin b’mod aktar ċar u b’mod aktar konsistenti; il-Bord ta’ Sorveljanza se jikseb il-professjonaliżmu permezz tal-inklużjoni ta’ esperti indipendenti f’bordijiet ta’ sorveljanza u bl-introduzzjoni ta’ testijiet tal-kapaċità għall-membri kollha.

    (86)

    Għalhekk, il-bank u l-azzjonisti tiegħu qablu fuq qafas ta’ governanza korporattiva li jikkorrespondi b’mod sħiħ għar-rekwiżiti mqiegħda fuq impriżi privati u li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Governanza Korporattiva (volontarju). Barra minn hekk, l-applikazzjoni stretta tal-prinċipji tal-ġestjoni tan-negozju se tiġi introdotta fl-Att tal-Landesbank Baden-Württemberg u fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ LBBW.

    (87)

    Il-laqgħa tas-sidien attwali hija sors potenzjali ta’ influwenza mhux xierqa bil-poteri estensivi tagħha u bħalissa qiegħda tinqeleb f’laqgħa tas-sidien jew laqgħa ġenerali annwali mingħajr ambitu sabiex tiġi eżerċitata l-influwenza. Hija prevista separazzjoni aktar ċara bejn il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-ġestjoni korporattiva u l-Bord ta’ Sorveljanza. Skont il-Kodiċi Ġermaniż tal-Governanza Korporattiva, terz tal-Bord ta’ Sorveljanza għandu jkun magħmul minn membri indipendenti. Il-kriterji tal-adattabilità introdotti mill-Awtorità Federali Ġermaniża ta’ Sorveljanza Finanzjarja (Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin)) li huma maħsuba biex jiżguraw li l-membri maħturin ġodda tal-bordijiet ta’ sorveljanza jkollhom minimu ta’ kompetenza, se japplikaw għall-membri kollha. Matul ir-ristrutturar, membru indipendenti se jassumi l-kompiti tal-president tal-Bord ta’ Sorveljanza. Il-Kumitat għall-Verifika u l-Kumitat għar-Riskju huma konformi mal-prinċipji tal-aħjar governanza għall-banek u jinkludu kriterji ta’ adattabilità aktar stretti. Sabiex jipprovdi xi finalità lil dawn il-bidliet fil-governanza korporattiva, LBBW se jinqeleb minn entità pubblika għal kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata.

    (88)

    Barra minn hekk, il-kunċetti u l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskji qegħdin jinbidlu u diġà bdew jinbidlu sabiex ikompli jitnaqqas in-numru ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu suppożizzjoni ta’ riskju, li iżda mhumiex qegħdin jittieħdu skont prinċipji purament kummerċjali. Safejn ikun possibbli, dawn il-miżuri se jiżguraw li l-aspetti tal-governanza korporattiva ma jipperikolawx il-vijabbiltà futura tal-bank.

    (89)

    Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza li LBBW se jkompli s-segmenti tan-negozju li jibqgħu strutturalment fi żbilanċ fit-terminu medju jew li jesponu lill-bank għal riskji li ma jikkorrespondux għall-kwalità tal-ġestjoni tar-riskji tiegħu jew għar-riżorsi kapitali tiegħu. In-negozju tas-sostituzzjoni ta’ krediti ngħalaq kompletament, il-portafolli eżistenti qegħdin jiġu xolti, il-kummerċ akkont proprju tiegħu għandu jitnaqqas b’mod konsiderevoli, u r-riskju tal-krediti – b’mod partikolari r-riskju tal-konċentrazzjoni fis-segmenti ewlenin tan-negozju ta’ LBBW – se jkun soġġett għal reviżjoni aktar stretta u huwa wkoll għandu jitnaqqas b’mod konsiderevoli. Kollox ma’ kollox, il-profili tar-riskju u l-qligħ ta’ LBBW se jsiru aktar trasparenti u sempliċi.

    (90)

    LBBW tgħallem il-lezzjonijiet tiegħu mill-kriżi u għamel numru ta’ bidliet fl-istrateġija kummerċjali u l-ġestjoni tar-riskji tiegħu, li għandhom jagħmluh inqas suxxettibbli fil-ġejjieni. Dawn jinkludu l-iffokar fuq segmenti tan-negozju fejn għandu kompetenza partikolari u ħafna snin ta’ relazzjonijiet ta’ kreditu u t-tnaqqis tar-riskju ta’ konċentrazzjoni.

    (91)

    Meta jiġi kkunsidrat fit-totalità tiegħu, il-pjan ta’ ristrutturar ta’ LBBW għaldaqstant jitqies bħala xieraq għar-restawr tal-vijabbiltà fit-tul tal-bank.

    Kontribuzzjoni proprja mill-bank benefiċjarju

    (92)

    Skont is-sezzjoni 3 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u għandha tiġi pprovduta kontribuzzjoni proprja xierqa għall-ispejjeż tar-ristrutturar. Mill-pjan ta’ ristrutturar, jista’ jidher li LBBW jipprevedi qsim xieraq tal-piżijiet skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, bir-riżultat li jiġi evitat kwalunkwe periklu morali.

    (93)

    Il-pjan ta’ ristrutturar ma jinkludi ebda element li jista’ jwassal għas-suppożizzjoni li l-għajnuna taqbeż il-kopertura tal-ispejjeż meħtieġa għar-restawr tal-vijabbiltà. L-għajnuna li ngħatat hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li fil-każ tal-linja bażi, LBBW għandu salvagwardji kapitali suffiċjenti u, f’xenarju mhux favorevoli, ikun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti kapitali regolatorji. LBBW ma rċeviex aktar kapital.

    (94)

    Barra minn hekk, minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi u l-projbizzjoni fuq l-akkwisti mwiegħda mill-Ġermanja, huwa eskluż li r-riżorsi tal-Istat jintużaw għall-akkwist ta’ ishma tal-kumpaniji jew ta’ investiment ġdid.

    (95)

    Kif previst fil-paragrafu 24 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, LBBW jerfa’ parti mill-ispejjeż tar-ristrutturar tiegħu billi jħallas kumpens xieraq għall-injezzjoni tal-kapital u l-miżura ta’ salvataġġ tal-assi.

    (96)

    Barra minn hekk, LBBW qiegħed jagħmel kontribuzzjoni lejn ir-ristrutturar permezz ta’ bejgħ estensiv (inkluż il-bejgħ ta’ unitajiet li huma importanti għall-mudell kummerċjali tiegħu).

    (97)

    Billi l-azzjonisti injettaw kapital fil-bank bi pro rata għall-ishma rispettivi tagħhom, il-piżijiet huma għallinqas imqassmin b’mod aktar ġust fost il-gruppi ta’ azzjonisti.

    (98)

    Minħabba l-projbizzjoni fuq ir-riservi ta’ approprijazzjoni għall-għoti ta’ kupuni għall-istrumenti fil-livelli 1 u 2, is-sidien tal-kapital fi grad aktar baxx qegħdin jikkontribwixxu wkoll għar-ristrutturar ta’ LBBW. Skont il-paragrafu 26 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, bank ma għandux juża l-għajnuna mill-Istat biex iħallas il-kumpens għal riżorsi proprji jekk ma jkunx hemm biżżejjed qligħ. Il-Ġermanja impenjat ruħha li l-istrumenti finanzjarji jingħataw biss fit-tliet snin li ġejjin jekk ma tkun meħtieġa ebda approprijazzjoni ta’ riservi għal dan. Għaldaqstant, huwa żgurat li l-kumpens għar-riżorsi proprji se jsir biss f’każ ta’ qligħ suffiċjenti u li ma se tintuża ebda għajnuna mill-Istat għal ħlasijiet lill-azzjonisti.

    Miżuri biex jiġi evitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni

    (99)

    Skont is-sezzjoni 4 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-miżuri biex jiġi evitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna mill-Istat għandhom rwol importanti, minħabba li huma meħtieġa għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe kontinwazzjoni ta’ tfixkil kompetittiv li kien ikkawżat minn teħid ta’ riskji eċċessivi u mudelli kummerċjali mhux sostenibbli. Miżuri bħal dawn għandhom jitfasslu għall-problemi speċifiċi tas-swieq li fihom ikun attiv il-bank benefiċjarju wara r-ristrutturar. It-tip u n-natura ta’ dawn il-miżuri huma ffokati fuq żewġ kriterji: l-ewwelnett, skont il-livell tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi skont liema tkun ingħatat l-għajnuna u, it-tieni, skont il-karatteristiċi tas-suq jew swieq fejn ikun attiv il-bank benefiċjarju.

    (100)

    Skont il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Kummissjoni tevalwa l-livell tal-għajnuna u t-tfixkil tal-kompetizzjoni li jirriżulta billi tqis l-ammont tal-għajnuna kemm b’mod assolut kif ukoll fir-rigward tal-assi indeboliti tal-bank. F’dan il-każ, l-għajnuna tammonta għal EUR 14,8 biljuni u tinkludi rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 5 biljuni u EUR 9,8 biljuni ta’ għajnuna fil-forma ta’ salvataġġ ta’ kapital. L-ammont tal-għajnuna wara t-tlestija tal-miżuri jammonta għal aktar minn 9 % tal-assi indeboliti. L-ekwivalenti tal-kapital tal-miżuri jammonta għal [40-50] % tar-riżorsi proprji ta’ LBBW (skont is-sitwazzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2009). Minħabba li l-bank benefiċjarju konsegwentement irċieva livell għoli ta’ għajnuna, hemm bżonn ta’ miżuri estensivi sabiex jillimitaw kwalunkwe tfixkil tal-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna statali.

    (101)

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ambitu u l-firxa tal-miżuri biex jillimitaw it-tfixkil tal-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna statali, għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-iskala tal-kontribuzzjoni proprja tal-bank benefiċjarju u l-qsim tal-piżijiet. Fid-dawl tas-sejba msemmija fuq, li l-kontribuzzjoni proprja tiegħu u l-qsim tal-piżijiet kienu xierqa, ma hemmx bżonn ta’ miżuri estensivi addizzjonali. Sabiex tillimita kull tfixkil tal-kompetizzjoni, il-Ġermanja impenjat ruħha kemm li tieħu miżuri strutturali kif ukoll li tikkonforma ma’ numru ta’ obbligi fl-imġiba.

    (102)

    Bħala parti mill-miżuri strutturati, LBBW se jnaqqas il-karta tal-bilanċ tiegħu b’total ta’ 41 % meta mqabbla mal-karta tal-bilanċ kif kienet fil-31 ta’ Diċembru 2008 permezz tat-tnaqqis ta’ attivitajiet mhux strateġiċi u l-bejgħ tal-ishma. L-assi indeboliti eżistenti se jitnaqqsu b’[40-60] %.

    (103)

    Huwa previst li numru kbir ta’ kumpaniji sussidjarji fil-pajjiż u barra l-pajjiż jinbiegħu flimkien mal-bejgħ ta’ ishma f’kumpaniji bi sjieda kondiviża ma’ istituzzjonijiet pubbliċi li joffru krediti fil-Ġermanja u li huma importanti ħafna għall-koperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ krediti. LBBW qabel mat-tnaqqis konsiderevoli fil-portafoll ta’ investimenti tiegħu. Il-bejgħ jinvolvi, inter alia, l-unika kumpanija ta’ LBBW li tista’ toħroġ […] fi […], unitajiet li jagħmlu parti min-negozju ewlieni ta’ LBBW (jiġifieri l-ishma fil-kumpaniji tal-grupp finanzjarju ‘S’) u s-sussidjarji Ewropej ta’ LBBW […] u LBBW tal-Lussemburgu, li jservi lill-klijenti Ġermaniżi ewlenin barra s-suq Ġermaniż. Il-Ġermanja impenjat ruħha li LBBW jiżgura li l-valur tal-unitajiet li jridu jinbiegħu ma jiġux affettwati mill-fatt li l-klijenti jew il-persunal jitħajru jitilqu minn dawn l-unitajiet. Il-ġestjoni xierqa tal-bejgħ se tiġi mmonitorjata b’mod sħiħ u ċċekkjata fid-dettall minn espert ikkwalifikat bix-xieraq (fiduċjarju). Il-bejgħ għandu jsir sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Inkella, ikollu jinħatar fiduċjarju ta’ ċessjoni li jkun responsabbli għall-ġestjoni tal-bejgħ […].

    (104)

    Parti konsiderevoli minn dan it-tnaqqis tirriżulta mill-abbandun tan-negozju tas-sostituzzjoni ta’ krediti.

    (105)

    Miżuri addizzjonali li jeliminaw kwalunkwe oġġezzjoni taħt il-liġi tal-kompetizzjoni rigward il-karatteristiċi tas-swieq li fihom se jkun attiv il-bank benefiċjarju wara r-ristrutturar (cf. paragrafu 32 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar) mhumiex meħtieġa. Dan huwa ġġustifikat mill-preżenza baxxa fis-suq tal-bank ristrutturat. Fil-prinċipju, LBBW għandu preżenza b’saħħitha fis-suq fir-reġjun ewlieni tiegħu ta’ Baden-Württemberg biss. L-importanza sistemika tiegħu ma tinsabx fil-pożizzjoni b’saħħitha tiegħu bħala fornitur ta’ krediti domestiċi, iżda hija ġustifikata mill-interkonnessjoni tiegħu ma’ banek u investituri istituzzjonali oħrajn. Għal din ir-raġuni, ma hemm bżonn ta’ ebda miżura addizzjonali sabiex jiġi żgurat u rrestawrat suq kompetittiv. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li huwa pożittiv li LBBW jipprevedi wkoll bejgħ fis-swieq ewlenin tiegħu. It-tnaqqis ippjanat fl-oqsma kummerċjali ewlenin għandu jiftaħ aktar opportunitajiet ta’ negozju għal kompetituri fir-reġjuni ewlenin u jista’ jitqies bħala element ulterjuri fir-ristrutturar komprensiv.

    (106)

    Minbarra dawn il-miżuri strutturali estensivi, LBBW wiegħed li jikkonforma ma’ numru ta’ obbligi fl-imġiba. Dawn l-impenji jmorru ‘l hinn mis-sempliċi obbligu li jitwarrab il-marketing aggressiv. Il-Ġermanja impenjat ruħha li fis-swieq ewlenin tagħha, jiġifieri fl-SMEs Ġermaniżi u fin-negozju tal-klijenti privati fil-Ġermanja, LBBW ma għandux joffri kundizzjonijiet aktar favorevoli mill-kundizzjonijiet l-aktar favorevoli tal-aktar għaxar kompetituri importanti tiegħu mis-sehem fis-suq għal tliet snin. Għalhekk, LBBW ma għandux ikun kapaċi joffri termini aħjar mill-kompetituri tiegħu li ma jkunu rċevew ebda għajnuna mill-Istat.

    (107)

    Barra minn hekk, LBBW qabel ma’ projbizzjoni fuq akkwisti skont liema l-bank ma jista’ jikseb ebda impriża kompetittiva. Dan jipprevjeni t-tkabbir inorganiku iffinanzjat minn għajnuna ta’ LBBW. Minbarra dan, l-impenn li jitfittex qligħ b’żewġ ċifri fuq l-ekwità u li se jintużaw rati ta’ imgħax ta’ referenza li ma jinvolvu ebda tfixkil tal-kompetizzjoni minħabba r-responsabbiltajiet tal-garanti għal negozju ġdid, ifisser li r-riskju u l-probabbiltà tal-kompetizzjoni, fuq il-prezz aktar milli fuq il-prestazzjoni, ma’ banek kompetittivi li ma rċevew ebda għajnuna statali, se jitnaqqsu.

    (108)

    Barra minn hekk, se tiġi żgurata trasparenza akbar permezz ta’ struttura korporattiva ġdida fejn is-segment tan-negozju li għandu jiġi stralċjat ikun separat b’mod ċar mill-oqsma kummerċjali ewlenin u permezz ta’ ridifferenzazzjoni u separazzjoni tad-diversi segmenti tan-negozju. Permezz ta’ tnaqqis konsiderevoli fin-negozju tas-suq kapitali, se jkun hemm inqas opportunitajiet ta’ ħabi ta’ kwalunkwe riżultat operattiv mhux sodisfaċenti fin-negozju ta’ krediti, bir-riżultat li titjieb id-dixxiplina tas-suq u jitnaqqas it-tfixkil potenzjali tal-kompetizzjoni.

    (109)

    Fid-dawl ta’ din il-ġabra ta’ miżuri, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li ttieħdu biżżejjed prekawzjonijiet sabiex jillimitaw kwalunkwe tfixkil tal-kompetizzjoni, minkejja l-livell għoli ta’ għajnuna għal LBBW.

    5.2.4   Implimentazzjoni u monitoraġġ

    (110)

    Skont is-sezzjoni 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, il-Kummissjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod regolari b’rapporti dettaljati sabiex tkun tista’ tinvestiga jekk il-pjan ta’ ristrutturar ikunx qiegħed jiġi implimentat kif suppost. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-approvazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Sabiex teżamina jekk il-pjan ta’ ristrutturar huwiex qiegħed jiġi implimentat kif suppost, il-Ġermanja se taħtar fiduċjarju responsabbli mill-monitoraġġ u tissottometti rapport ta’ progress kull sena. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat f’Mejju 2010. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar huwa żgurat.

    (111)

    Hija l-prattika tal-Kummissjoni li tagħti ċ-ċans lil Stat Membru sabiex jaġġusta l-impenji f’każ ta’ ċirkostanzi straordinarji. (23) Jekk ikun iġġustifikat oġġettivament, il-Kummissjoni għaldaqstant taqbel, fuq it-talba tal-Ġermanja, li jingħataw estensjonijiet fl-iskadenzi għall-implimentazzjoni jew l-annullament u/jew is-sostituzzjoni ta’ miżuri individwali jew tal-miżuri kollha li impenjat ruħha għalihom.

    6.   KONKLUŻJONI

    (112)

    Fid-dawl tal-modifiki magħmula mill-Ġermanja fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ salvataġġ tal-assi hija konformi mal-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti u konsegwentement, skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, hija kompatibbli mas-suq intern. L-oġġezzjonijiet skont il-liġi tal-kompetizzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tat-30 ta’ Ġunju 2009 tneħħew b’din il-miżura modifikata.

    (113)

    It-tieninett, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ ristrutturar huma xierqa sabiex tinkiseb lura l-vijabbiltà fit-tul ta’ LBBW, li jiżguraw qsim suffiċjenti tal-piżijiet u li huma xierqa u adegwati sabiex jagħmlu tajjeb għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Il-pjan ta’ ristrutturar sottomess għal LBBW jissodisfa l-kriterji tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, bir-riżultat li l-miżuri ta’ ristrutturar jistgħu jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE. L-injezzjoni tal-kapital u l-garanziji, kif previst fil-pjan ta’ ristrutturar, jistgħu għalhekk jiġu approvati,

    ADOTTAT ID-DEĊIŻJONI LI ĠEJJA:

    Artikolu 1

    Il-miżura ta’ salvataġġ tal-assi mill-Istat ta’ Baden-Württemberg favur il-Landesbank Baden-Württemberg għaż-żewġ portafolli ta’ titoli strutturati indeboliti tirrappreżenta għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    L-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 2

    L-għajnuna għar-ristrutturar li ngħatat lil-Landesbank Baden-Württemberg mill-azzjonisti tiegħu tal-Istat tirrappreżenta għajnuna fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    L-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-impenji fl-anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFEU; iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFEU għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

    (2)  ĠU C 248, 16.10.2009, p. 9.

    (3)  ĠU C 248, 16.10.2009, p. 9.

    (4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1.

    (*)  Informazzjoni kunfidenzjali, murija wkoll għalhekk […] hawn taħt.

    (5)  Ara d-deċiżjoni tal-ftuħ għad-dettalji.

    (6)  Il-Ġermanja tafferma li LBBW, skont l-esperti tagħha fil-Każ Stress, se jkollu bżonn jikkalkula biss madwar [30-40] % tat-telf totali mbassar fil-ħames snin li ġejjin. Skont il-Ġermanja, sal-2020 se jiġġarrbu biss EUR [1-2] biljun/i tat-telf imbassar (jiġifieri inqas mill-Ewwel Telf stabbilit li jlaħħaq EUR 1.9 biljuni).

    (7)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ C 9/08 tal-4 ta’ Ġunju 2008, Sachsen LB (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 34). Ara wkoll in-nota 4 f’qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (8)  Bħala każ ta’ ċessjoni partikolarment kbira, il-Ġermanja ssemmi l-bejgħ ta’ LBBW Securities LLC (broker/dealer), […] u LRI Invest SA. LBBW Securities LLC hija membru tal-US National Association of Securities Dealers u għandha liċenzja hemmhekk għal bejgħ ta’ ekwità u allokazzjonijiet privati. Hija l-kumpanija sussidjarja waħdanija ta’ LBBW li toffri tali servizzi lill-klijenti ta’ LBBW. […] hija l-uniku fornitur ta’ […] fi LBBW. LRI Invest SA tamministra fondi ta’ investiment, inklużi fondi li l-ishma tagħhom jappartjenu parzjalment għal klijenti bankarji privati ta’ BW Bank (għal valur ta’ EUR […]). Barra minn hekk, LRI Invest SA hija l-unika kumpanija ta’ LBBW li tista’ toħroġ […] fi […].

    (9)  Xi bejgħ ieħor jikkonċerna direttament in-negozju ewlieni ma’ klijenti kummerċjali ta’ SME’s Ġermaniżi, klijenti privati u klijenti istituzzjonali, għalhekk nistgħu nsemmgħu pereżempju lill-kumpaniji sussidjarji Ewropej ta’ LBBW […] u LBBW Lussemburgu, li primarjament joffru servizzi lil klijenti Ġermaniżi fis-swieq ewlenin ta’ LBBW f’attivitajiet barra mis-suq domestiku.

    (10)  ĠU L 177, 20.6.2006, p. 1. Emendata mid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, espożizzjonijiet kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 97).

    (11)  Sors: Ittra mill-Ġermanja tat-3 ta’ Diċembru 2009.

    (12)  ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

    (13)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

    (14)  ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.

    (15)  ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1

    (16)  ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

    (17)  Din il-Komunikazzjoni ntużat għall-ewwel darba fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 fil-Każ C 9/09 dwar l-għajnuna statali, Dexia (għadha ma ġietx ippubblikata).

    (18)  L-irkupru saħansitra ma jiġix affettwat minn terminazzjoni unilaterali sakemm il-garanzija titnaqqas għal ammont ta’ inqas minn EUR 1,5 biljuni. F’dan il-każ, kull telf ulterjuri għandu jitħallas minn LBBW.

    (19)  Ara b’mod partikolari n-nota ta’qiegħ il-paġna Nru 4.

    (20)  Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u t-tkomplija tan-negozju f’istituzzjonijiet ta’ kreditu (imfassla mill-ġdid), (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201).

    (21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Lulju 2009 fil-każ N 314/09 dwar l-għajnuna mill-Istat, Skema Ġermaniża ta’ salvataġġ tal-assi (ĠU C 199, 25.8.2009, p. 3).

    (22)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. Dan issir referenza għalih espressament fil-paragrafu 42 tal-Komunikazzjoni Bankarja ta’ Ottubru 2008.

    (23)  Ara id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ C 10/2008, IKB, (ĠU L 278, 23.10.2009, p. 32).


    ANNESS

    Impenji mill-Ġermanja

    Il-Ġermanja wegħdet li LBBW se jimplimenta l-pjan ta’ ristrutturar u li għaddiet l-impenji li ġejjin (fir-rigward tat-tnaqqis fil-karta tal-bilanċ, assi indeboliti u bejgħ) u obbligi fl-imġiba:

    “Il-Gvern Federali Ġermaniż u LBBW b’hekk jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-miżuri li ġejjin sabiex jirristrutturaw il-LBBW:

    3.

    LBBW se jnaqqas l-assi tiegħu fl-2008 (total fil-karta tal-bilanċ ta’ madwar EUR 448 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2008) b’madwar EUR 182 biljun, jiġifieri madwar 41 %. Madwar EUR [125-135] biljun minnhom għandhom jinkisbu sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    4.

    LBBW se inaqqas l-assi indeboliti tiegħu fl-2008 (madwar EUR 178 biljun fil-31 ta’ Diċembru 2008) b’madwar EUR [80-100] biljun, jiġifieri madwar [40-60] %. Madwar EUR [60-80] biljun minnhom għandhom jinkisbu sal-31 ta’ Diċembru 2013.

    5.

    LBBW se jbigħ, bl-aħjar mod possibbli, dawn il-pussessi li ġejjin, jekk dawn ikunu għadhom ma nbigħux, sa mhux aktar tard miż-żminijiet indikati. Meta jagħmel dan, l-elementi prinċipali li jiddeterminaw il-valur tal-volum attwali tan-negozju tal-pussessi jinżammu sal-bejgħ u jinbiegħu.

    a.

    Sachsen DV Betriebs- und Servicegesellschaft mbH (mibjugħa f’Awwissu 09)

    b.

    quirin bank AG (mibjugħ f’Settembru 09)

    c.

    DekaBank Deutsche Girozentrale (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    d.

    Lasssarus Handels GmbH (il-bejgħ/likwidazzjoni previst/a sal-aħħar ta’ […])

    e.

    LBBW Securities LLC (broker/dealer) (il-bejgħ/għeluq previst sal-aħħar ta’ […])

    f.

    LBBW Luxemburg SA (il-bejgħ ta’ […] previst sal-aħħar ta’ […], likwidazzjoni ta’ […])

    g.

    LRI Invest SA (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    h.

    LBBW Asset Management (l-Irlanda plc (il-bejgħ/għeluq previst sal-aħħar ta’ […])

    i.

    LBS Landesbausparkasse Baden-Württemberg […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    j.

    SV Sparkassen Versicherung Holding AG (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    k.

    LBBW Immobilien GmbH (housing stock) (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    l.

    […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    m.

    […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […])

    n.

    […] (il-bejgħ previst sal-aħħar ta’ […]).

    6.

    Il-bejgħ ta’ wieħed mill-pussessi msemmija fil-paragrafu 5 jista’ jiġi pospost b’[…] xhur, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, jekk LBBW juri li l-prezz li jinkiseb mit-tranżazzjoni jkun aktar baxx mill-valur imniżżel fil-kontijiet individwali magħmula minn LBBW skont il-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż jew jipproduċi telf fil-kontijiet tal-grupp skont l-istandards ta’ kontabilità tal-IFRS.

    7.

    L-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-impenji fil-paragrafu 5 se tiġi ssorveljata u mmonitorjata fid-dettall minn espert ikkwalifikat biżżejjed (fiduċjarju), preferibbilment awditur. Il-fiduċjarju se jiċċekkja wkoll li l-prezz tax-xiri jiġi stabbilit skont il-kriterji tan-negozju. Fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, LBBW għandu jinnomina fiduċjarju indipendenti xieraq lill-Kummissjoni. Il-fiduċjarju għandu jinħatar biss bil-kunsens tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ titlob spjegazzjonijiet u kjarifiki mill-espert. L-ispejjeż tal-espert għandhom jitħallsu minn LBBW.

    8.

    Jekk waħda mill-kumpaniji assoċjati msemmija fil-paragrafu 5 ma tkunx inbiegħet sad-data speċifikata, anki wara li jintużaw il-possibbiltajiet ta’ estensjoni kollha disponibbli, il-Kummissjoni tista’ mbagħad tistabbilixxi, f’deċiżjoni separata, li l-kumpanija assoċjata rispettiva tinbigħ minn fiduċjarju taċ-ċessjoni. L-ispejjeż tal-fiduċjarju taċ-ċessjoni għandhom jitħallsu minn LBBW.

    9.

    LBBW se jagħlaq l-uffiċċji ta’ rappreżentanza li ġejjin mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010:

    a.

    Barċellona

    b.

    Madrid

    ċ.

    Pariġi

    d.

    Amsterdam

    e.

    Milan

    f.

    Budapest

    g.

    Varsavja

    h.

    Praga

    Il-fergħat f’Londra, New York, Singapor u Tokyo se jiċkienu fid-daqs tagħhom b’mod sinifikanti.

    Il-Gvern Federali Ġermaniż u LBBW iwiegħdu li LBBW se josserva dawn l-obbligi fl-imġiba:

    10.

    Matul l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, LBBW sejjer, sal-31 ta’ Diċembru 2012, imantni biss il-kapital subordinat jew jevita biss il-parteċipazzjoni fit-telf tal-kapital subordinat safejn ikun obbligat li jagħmel dan mingħajr il-ħruġ ta’ riservi skont is-sezzjoni 340 et seq. HGB (Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż).

    11.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2012, LBBW ma huwa se jwettaq ebda xiri ta’ istituzzjonijiet finanzjarji f’kompetizzjoni ma’ LBBW. Tranżazzjonijiet oħrajn ta’ ishma, li għandhom jiġu allokati lin-negozju tal-klijenti oriġinali bħala parti mill-mudell kummerċjali ta’ LBBW, se jibqgħu possibbli jekk ma jkunux jaffettwaw il-vijabbiltà tal-bank.

    12.

    LBBW se jgħin f’konsolidazzjoni ġenerali tal-Landesbanks skont il-prinċipji ekonomiċi u l-mudell kummerċjali ġdid ta’ LBBW. Jekk jiġu kkunsidrati inkorporazzjonijiet ta’ Landesbanks individwali minn LBBW, LBBW jiġi ggwidat mill-ħtieġa li jiżgura l-vijabilità fit-tul tal-istituzzjoni inkorporata u l-abbiltà sostenibbli tiegħu li jagħmel self xieraq fl-ekonomija reali. Kwalunkwe xiri/inkorporazzjoni bħala parti minn konsolidazzjoni possibbli tal-Landesbanks se jkun jeħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

    13.

    Fis-swieq li fihom għandu sehem sinifikanti fis-suq, jiġifieri fin-negozju tal-klijenti privati u l-SME’s Ġermaniżi, sal-31 ta’ Diċembru 2012, LBBW mhuwiex se joffri prezzijiet aktar favorevoli mill-prezzijiet l-aktar vantaġġjużi tal-aktar 10 kompetituri importanti tiegħu (skont is-sehem fis-suq).

    14.

    LBBW mhuwiex se juża l-għoti ta’ din l-għajnuna jew kwalunkwe vantaġġ fuq il-kompetituri li jirriżulta mill-għajnuna, għal skopijiet ta’ reklamar.

    15.

    Fis-self u l-investiment kapitali tiegħu, LBBW se jikkunsidra r-rekwiżiti ta’ krediti tan-negozju, b’mod speċjali intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi joffri termini tas-suq aċċettati b’mod ġenerali li huma xierqa għal skopijiet regolatorji u bankarji.

    16.

    Barra minn hekk, LBBW se jirrevedi l-iskemi interni ta’ inċentivi tiegħu u se jieħu passi biex jiżgura li dawn ma jinkoraġġux it-teħid ta’ riskji mhux raġonevoli, ikunu mmirati lejn miri sostenibbli u fit-tul, u jkunu trasparenti.

    17.

    LBBW se jkompli jestendi l-monitoraġġ u s-superviżjoni tar-riskji. Matul dan il-proċess, huwa se jissepara n-negozju kollu tas-sostituzzjoni ta’ krediti mill-oqsma kummerċjali ewlenin tal-bank u jassenjah lil Taqsima ta’ Ristrutturar Intern ( IRU ) separata kemm mil-lat organizzattiv kif ukoll mil-lat funzjonali. Din it-taqsima se tiżgura l-preżentazzjoni, ir-rappurtaġġ u l-kontroll separati tal-attivitajiet li għandhom jitnaqqsu.

    18.

    LBBW se jirrapporta fuq in-negozju tal-banek tat-tfaddil mill-31 ta’ Diċembru 2010 ‘il quddiem.

    19.

    LBBW se jsegwi politika kummerċjali prudenti u b’saħħitha mmirata lejn is-sostenibbiltà.

    20.

    LBBW ma huwa se jisfrutta ebda vantaġġ ta’ likwidità bħala riżultat tal-eliġibbiltà tal-BĊE tal-istruttura tal-garanzija.

    21.

    Fil-bidu LBBW se jħallas dritt annwali ta’ 6,25 % fuq l-effett inizjali ta’ salvataġġ tal-kapital retrospettivament għaż-żmien tal-għoti tal-garanzija. Dan se jitnaqqas bi proporzjon ma’ tnaqqis fid-daqs disponibbli tal-garanzija. LBBW se jħallas kumpens annwali addizzjonali ta’ 3,75 % fuq il-parti tal-garanzija għall-portafoll ta’ prodotti assigurati, li mhuwiex se jaqbeż EUR 1,5 biljuni. Fi kliem ieħor, LBBW se jħallas dan il-kumpens addizzjonali b’mod sħiħ sakemm l-ammont garantit involut fil-portafoll ikun għadu għallinqas ta’ EUR 1,5 biljuni; jekk l-ammont tal-garanzija jaqa’ taħt EUR 1.5 biljuni, ikun irid jitħallas biss kumpens ta’ 3,75 % fuq l-ammont pendenti tal-garanzija.

    Impenji li jikkonċernaw il-governanza korporattiva:

    22.

    Il-Bord Amministrattiv attwali se jiġi ffurmat mill-ġdid f’Bord ta’ Sorveljanza indipendenti skont il-mudell fil-Kodiċi tal-Governanza Korporattiva.

    a.

    Il-funzjonijiet ta’ sorveljanza u monitoraġġ se jkunu kkonċentrati esklussivament fil-Bord ta’ Sorveljanza u mhux aktar kondiviżi bejn żewġ korpi (il-laqgħa tas-sidien u l-Bord Amministrattiv). Ir-riservi normali ta’ approvazzjoni tal-Bord ta’ Sorveljanza se japplikaw għal transazzjonijiet ta’ importanza fundamentali.

    b.

    Il-Bord tad-Diretturi Maniġerjali ta’ LBBW se jkun indipendenti fil-ġestjoni operattiva tiegħu ta’ kuljum u se jkun obbligat biss lejn il-kumpanija. L-istruzzjonijiet, kemm jekk mingħand il-Bord ta’ Sorveljanza kif ukoll mil-laqgħat tas-sidien jew mil-laqgħat ġenerali annwali, huma esklużi.

    c.

    Il-laqgħa tas-sidien attwali se tinbidel f’laqgħa ġenerali attwali jew tas-sidien. Il-poteri tagħha se jkunu kkonċentrati fuq il-kompiti tipiċi ta’ laqgħa ġenerali annwali skont il-liġi tal-kumpanija (pereżempju t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-użu tal-profitti, il-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali, deċiżjonijiet ta’ stralċ, eċċ).

    d.

    Il-membri kollha tal-Bord ta’ Sorveljanza għandu jkollhom il-kwalifiki stipulati fl-aħħar verżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali/sezzjoni 36(3)(1) tal-Att Bankarju [Gesetz über das Kreditwesen]. Il-membri jkunu kwalifikati kif xieraq jekk ikunu affidabbli u jkollhom il-kompetenzi meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjoni ta’ sorveljanza u biex jevalwaw u jimmonitorjaw il-kummerċ li jwettaq LBBW.

    e.

    In-numru ta’ membri tal-Bord ta’ Sorveljanza se jitnaqqas għal 21.

    f.

    Nofs is-siġġijiet għall-azzjonisti se jittieħdu minn esperti esterni.

    g.

    Matul il-fażi tar-ristrutturar, jiġifieri bl-introduzzjoni tal-aspetti ta’ governanza sat-tlestija tal-bidla fil-forma legali skont il-paragrafu 24 (hawn taħt) fl-2013, membru tal-Bord ta’ Sorveljanza se jassumi l-presidenza tal-Bord ta’ Sorveljanza skont il-paragrafu 22(f) (fuq). Sussegwentement, il-ħatra se ssir skont il-proċedura stabbilita fil-liġi Ġermaniża jew Ewropea dwar il-kumpaniji.

    23.

    Kumitati

    a.

    Kumitat għar-Riskju

    Il-Kumitat għall-Kreditu attwali se jinbidel f’Kumitat għar-Riskju tradizzjonali, li mhux biss għandu japprova deċiżjonijiet dwar self, iżda għandu jivolvi ruħu wkoll b’mod intensiv fuq kwistjonijiet ġenerali ta’ ġestjoni tar-riskji. Il-presidenza se tittieħed minn membru tal-Bord ta’ Sorveljanza b’kompetenzi bankarji xierqa.

    b.

    Kumitat għall-Verifika

    Il-Kumitat għall-Verifika għandu jitmexxa minn membru tal-Bord ta’ Sorveljanza b’kompetenza partikolari fil-kontabilità bankarja.

    c.

    Kumitat li Jippresjedi (Kumitat għall-Persunal u n-Nominazzjonijiet)

    Se jiġi stabbilit Kumitat li Jippresjedi għal kwistjonijiet relatati mal-persunal. Ir-rappreżentanti tal-azzjonisti ta’ dan il-kumitat se jifformaw ukoll il-Kumitat għan-Nominazzjonijiet, li jippreżenta kandidati xierqa għall-Bord ta’ Sorveljanza fil-laqgħa tas-sidien jew il-laqgħa ġenerali annwali.

    24.

    Bidla fil-forma legali: L-aspetti ta’ governanza ewlenin kollha ta’ SE jew kumpanija pubblika b’responsabbiltà pubblika (deskritti fil-paragrafi 22 u 23) għandhom jiġu introdotti immedjatament u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. LBBW għandu jinbidel f’SE jew f’kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, meta, wara l-istadju tal-introduzzjoni tal-aspetti ta’ governanza sal-aħħar tal-2010, l-addattamenti legali skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għall-bidla fil-forma legali se jitħejjew b’tali mod li dan ikun konkluż sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013.

    25.

    Ġestjoni skont il-kriterji kummerċjali

    a.

    Ġenerali

    Għandu jiġi indikat b’mod ċar fl-Att tal-Landesbank Baden-Württemberg [Gesetz über die Landesbank Baden-Württemberg] li l-attivitajiet kummerċjali tal-Landesbank għandhom jitwettqu skont il-prinċipji tan-negozju, u l-kompiti li għalihom huwa responsabbli Landesbank għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

    b.

    Speċifika għan-negozju

    Se jiġi żgurat li n-negozju l-ġdid jiġi kkalkolat fuq il-bażi tar-rati ta’ imgħax ta’ referenza li ma jinkludu ebda distorsjoni kkawżata mir-responsabbiltajiet tal-garanti.

    c.

    Relazzjoni mal-azzjonisti

    Il-prinċipju ‘arms-length’, li huwa tipiku bejn korporazzjoni u l-proprjetarji tagħha, għandu jkun applikabbli fir-rigward tal-azzjonisti. L-assi jistgħu jiġu distribwiti biss lill-proprjetarji fil-forma ta’ profitti u qligħ mil-likwidazzjoni.

    26.

    Mira li jinkiseb qligħ normali fuq l-ekwità: Skont il-pjan ta’ ristrutturar fuq perjodu medju (jiġifieri wara l-konklużjoni tar-ristrutturar fl-2013) u saħansitra fil-ġejjieni, LBBW se jimmira li jikseb redditu fuq l-ekwità ta’ mill-inqas [10-12] % qabel it-taxxa b’riżorsi kapitali xierqa għall-profil tar-riskju.

    Impenji oħrajn:

    27.

    Kull sena sal-2013 inklussivament, il-Ġermanja għandha tibgħat rapport dwar il-progress lill-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jinkludi reviżjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar u dettalji tal-bejgħ kollu tal-ishma u l-għeluq ta’ kumpaniji sussidjarji, dipartimenti u postijiet skont din id-Deċiżjoni. Ir-rapport għandu juri d-data tal-bejgħ jew l-għeluq, il-valur imniżżel fil-kotba fil-31 ta’ Diċembru 2008, il-prezz tal-bejgħ u l-qligħ jew it-telf kollu b’konnessjoni mal-bejgħ jew l-għeluq. Ir-rapport għandu jintbagħat kull sena fi żmien xahar mill-approvazzjoni tal-kontijiet annwali ta’ LBBW mill-Bord Amministrattiv ta’ LBBW (jew bord ta’ sorveljanza), iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju (1).



    Top