Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 32010D0330

2010/330/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/330/PESK tal- 14 ta’ Ġunju 2010 dwar il-Missjoni Integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX-IRAQ

ĠU L 149, 15.6.2010, σ. 12 έως 15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Νομικό καθεστώς του εγγράφου Δεν ισχύει πλέον, Ημερομηνία λήξης ισχύος: 31/12/2013: Η πράξη αυτή έχει τροποποιηθεί. Τρέχουσα ενοποιημένη έκδοση: 01/07/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/330/oj

15.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/330/PESK

tal-14 ta’ Ġunju 2010

dwar il-Missjoni Integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX-IRAQ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Marzu 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK dwar il-Missjoni Integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX (1). Dik l-Azzjoni Konġunta, kif sussegwentement emendata u estiża, skadiet fit-30 ta' Ġunju 2009.

(2)

Fl-24 ta' Marzu 2009, sar qbil fil-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) li l-EUJUST LEX għandha tiġi estiża għal 12-il xahar ieħor sat-30 ta' Ġunju 2010. Waqt li tkompli bil-ħidma prinċipali tagħha, matul dan il-perijodu l-EUJUST LEX għandha tmexxi fażi pilota li tinkludi attivitajiet fl-Iraq.

(3)

Fil-21 ta' Mejju 2010, il-KPS qabel li l-EUJUST LEX-IRAQ għandha tiġi estiża għal 24 xahar ieħor sat-30 ta' Ġunju 2012. Matul dan il-perijodu l-EUJUST LEX-IRAQ għandha tressaq b'mod progressiv l-attivitajiet u l-istrutturi rilevanti tagħha lejn l-Iraq, b'fokus fuq it-taħriġ speċjalizzat, waqt li żżomm l-attivitajiet barra u lil hinn mill-pajjiż.

(4)

Il-mandat tal-Missjoni qiegħed jitwettaq f'kuntest ta' sigurtà li jista' jiddeterjora u jkun ta' ħsara għall-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(5)

L-istruttura ta' kmand u kontroll tal-Missjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Missjoni

1.   Il-Missjoni Integrata tal-Unjoni Ewropea tal-Istat tad-Dritt għall-Iraq stabbilita mill-Azzjoni Konġunta 2005/190/PESK (“EUJUST LEX-IRAQ” jew il-“Missjoni”) għandha titkompla mill-1 ta' Lulju 2010.

2.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha topera skont l-objettivi u d-disposizzjonijiet l-oħrajn kif jinsabu fil-mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat tal-Missjoni

1.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha tkompli tindirizza l-ħtiġijiet fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina billi tipprovdi taħriġ għall-uffiċjali ta' livell għoli u medju fit-tmexxija għolja u fl-investigazzjoni kriminali. Dan it-taħriġ għandu jkollu l-għan li jtejjeb il-kapaċità, il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni tal-komponenti differenti tas-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina.

2.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha tippromwovi kollaborazzjoni eqreb bejn l-atturi differenti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina u ssaħħaħ il-kapaċità ta' tmexxija tal-uffiċjali għoljin u ta' potenzjal għoli primarjament mill-pulizija, mill-ġudikatura u mill-ħabs u ttejjeb il-kapaċità u l-proċeduri fl-investigazzjoni kriminali b'rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

3.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha, fejn il-kondizzjonijiet tas-sigurtà u r-riżorsi jkunu jippermettu, tkompli tipprovdi attivitajiet strateġiċi ta' gwida u konsulenza abbażi tal-ħtiġijiet Iraqqini vverifikati u b'kont meħud ta' preżenza internazzjonali oħra u l-valur miżjud tal-Unjoni f'dan il-qasam.

4.   L-attivitajiet ta' taħriġ għandhom isiru fl-Iraq u fir-reġjun kif ukoll fl-Unjoni. L-EUJUST LEX-IRAQ għandha jkollha uffiċċji fi Brussell, f'Bagdad, inkluża antenna f'Basra bi tħejjija għall-ftuħ possibbli ta' uffiċċju suġġett għal deċiżjoni opportuna għal dan l-għan. L-EUJUST LEX-IRAQ għandha jkollha uffiċċju wkoll f'Erbil (Reġjun tal-Kurdistan). B’kont meħud tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fl-Iraq matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-mandat ġdid, il-Kap tal-Missjoni u l-biċċa l-kbira tal-persunal tiegħu għandhom imorru minn Brussell għall-Iraq u jiġu stazzjonati f'Bagdad hekk kif is-sitwazzjoni tkun tippermetti hekk.

5.   B’kont meħud tal-iżviluppi ulterjuri fil-kondizzjonijiet tas-sigurtà fl-Iraq u tal-eżiti tal-attivitajiet tal-Missjoni fl-Iraq, il-Kunsill għandu jeżamina r-riżultati tal-mandat il-ġdid u għandu jiddeċiedi dwar il-futur tal-Missjoni wara t-30 ta' Ġunju 2012.

6.   Għandha tiġi żviluppata, matul il-Missjoni, sħubija strateġika u teknika effettiva mal-kontrapartijiet Iraqqini, partikolarment fir-rigward tat-tfassil tal-kurrikuli matul il-fażi ta' ppjanar. L-attivitajiet tal-EUJUST LEX-IRAQ għandhom iżommu rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-popolazzjoni Iraqqina, abbażi tal-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-parteċipanti għandhom ikomplu jkunu jistgħu jattendu attivitajiet rilevanti fil-pajjiż, irrispettivament minn fejn dawn isiru. Għandha tkun ukoll meħtieġa koordinazzjoni għas-selezzjoni, l-ivvettjar, l-evalwazzjoni, is-segwitu u l-koordinazzjoni tal-persunal li jattendi għat-taħriġ bl-għan ta' approprjazzjoni kontinwata mill-Iraqqini. Għandu jkun hemm ukoll ħtieġa għal koordinazzjoni mill-qrib matul il-fażijiet tal-ippjanar u l-implimentazzjoni bejn l-EUJUST LEX-IRAQ u l-Istati Membri li jipprovdu t-taħriġ. Din għandha tinkludi l-involviment tal-missjonijiet diplomatiċi rilevanti tal-Istati Membri fl-Iraq u kollegament ma' dawk l-Istati Membri b'esperjenza attwali fl-għoti ta' taħriġ rilevanti għall-Missjoni.

7.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha tkun indipendenti u distinta, iżda għandha tkun komplementari u ġġib valur miżjud għall-isforzi tal-Gvern tal-Iraq u tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari dawk tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Istati Uniti tal-Amerika. Hija għandha tiżviluppa wkoll sinerġiji ma' attivitajiet rilevanti tal-Komunità u l-Istati Membri. F'dan il-kuntest, l-EUJUST LEX-IRAQ għandha żżomm kuntatt mal-awtoritajiet Iraqqini rilevanti, u għandha tapprofondixxi l-kollaborazzjoni u tevita d-duplikazzjoni ma' atturi internazzjonali li diġà jkunu qed joperaw fil-pajjiż kif ukoll mal-Istati Membri li fil-preżent qed imexxu proġetti ta’ taħriġ fl-Iraq.

Artikolu 3

Struttura

L-EUJUST LEX-IRAQ għandha jkollha l-uffiċċji tagħha fi Brussell u fl-Iraq u għandha, fil-prinċipju, tkun strutturata kif ġej:

(a)

il-Kap tal-Missjoni;

(b)

uffiċċju ta' koordinazzjoni fi Brussell;

(c)

uffiċċju f'Bagdad b'antenna f'Basra;

(d)

uffiċċju f'Erbil (Reġjun tal-Kurdistan);

(e)

faċilitajiet ta' taħriġ, ħarrieġa u esperti pprovduti mill-Istati Membri u kkoordinati mill-EUJUST LEX-IRAQ.

Dawn l-elementi għandhom ikunu żviluppati fil-Kunċett tal-Operazzjonijiet (CONOPS) u fil-Pjan Operattiv (OPLAN).

Artikolu 4

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUJUST LEX-IRAQ.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUJUST LEX-IRAQ fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livel strateġiku, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat b'mod xieraq.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-Missjoni fuq il-post.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati li jibagħtuhom kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni, anke lill-uffiċċju ta' koordinazzjoni fi Brussell, lill-uffiċċji f'Erbil u f'Bagdad, u lill-antenna f'Basra, għat-tmexxija effettiva tal-EUJUST LEX-IRAQ, billi jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, skont l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan l-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità, nazzjonali jew tal-Unjoni, konċernata.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUJUST LEX-IRAQ u għandu jiżgura viżibbiltà adatta tal-Missjoni.

Artikolu 6

Persunal

1.   In-numri u l-kompetenzi tal-persunal tal-EUJUST LEX-IRAQ għandhom ikunu konsistenti mal-mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2 u mal-istruttura stabbilita fl-Artikolu 3.

2.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

3.   Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-UE għandha terfa’ l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal issekondat minnha, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances per diem applikabbli kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

4.   Persunal internazzjonali u persunal lokali jista' wkoll jiġi reklutat mill-EUJUST LEX-IRAQ, kif meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal issekondat mill-Istati Membri.

5.   Il-persunal kollu għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (2).

Artikolu 7

Status tal-persunal

1.   Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal tal-EUJUST LEX-IRAQ, inklużi fejn adatt il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel tal-EUJUST LEX-IRAQ għandhom jiġu maqbula skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.   L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Union li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-Union in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

Artikolu 8

Linja ta' Kmand

1.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

2.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUJUST LEX-IRAQ.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, huwa l-kmandant tal-EUJUST LEX-IRAQ fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUJUST LEX-IRAQ fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 9

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan l-għan, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

2.   Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat li jiġu emandati l-CONOPS u l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

3.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

4.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari, u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 10

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni adatta u effettiva tagħhom għall-EUJUST LEX-IRAQ skont l-Artikoli 4 u 8 u f'koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà tal-Missjoni u sabiex jiżgura konformità ma' rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-Missjoni, skont il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ta' sostenn tiegħu.

3.   Għall-elementi tal-Missjoni li għandhom jitwettqu fl-Istati Membri, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà tal-parteċipanti u tal-ħarrieġa fit-territorju tiegħu.

4.   Għall-uffiċċju ta' koordinazzjoni fi Brussell, il-miżuri meħtieġa u adatti għandhom ikunu organizzati mill-Uffiċċju ta' Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti.

5.   Jekk it-taħriġ iseħħ fi Stat terz, l-Unjoni, bl-involviment tal-Istati Membri kkonċernati, għandha titlob lill-awtoritajiet tal-Istat terz biex jagħmlu l-arranġementi adatti rigward is-sigurtà tal-parteċipanti u tal-ħarrieġa jew l-esperti fit-territorju tiegħu.

6.   L-EUJUST LEX-IRAQ għandha jkollha Uffiċjal tas-Sigurtà għall-Missjoni li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonsulta mal-KPS dwar kwistjonijiet ta' sigurtà li jaffettwaw l-iskjerament tal-Missjoni kif immexxi mir-RGħ.

8.   Il-membri, il-ħarrieġa u l-esperti tal-EUJUST LEX-IRAQ għandhom jieħdu taħriġ obbligatorju fis-sigurtà organizzat mill-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-SĠK u, meta jkun adatt, jagħmlu eżamijiet mediċi qabel kwalunkwe skjerament jew ivvjaġġar lejn l-Iraq.

9.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jipprovdu lill-EUJUST LEX-IRAQ, b'mod partikolari l-uffiċċji fl-Iraq, il-persunal, il-ħarrieġa u l-esperti li jivvjaġġaw lejn l-Iraq u fl-Iraq, b'akkomodazzjoni sikura, korazza tal-persuna u protezzjoni stretta u rekwiżiti oħra tas-sigurtà, kif adatt, fl-Iraq. Għal dan l-għan, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti xierqa mal-Istati Membri, jew ma' awtoritajiet lokali skont il-ħtieġa.

Artikolu 11

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-infiq relatat mal-Missjoni bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011 għandu jkun ta' EUR 17 500 000.

2.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

3.   L-infiq kollu għandu jiġi amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta' sigurtà fl-Iraq, is-servizzi f'Bagdad u f'Basra għandhom ikunu pprovduti permezz tal-kuntratti li għamlu r-Renju Unit, Stati Membri oħra fejn adatt jew permezz ta' arranġamenti konklużi bejn l-awtoritajiet Iraqqini u l-kumpanniji li jipprovdu dawn is-servizzi u joħorġu fatturi għalihom. Il-baġit tal-EUJUST LEX-IRAQ għandu jkopri dan l-infiq. Ir-Renju Unit jew kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, b'konsultazzjoni mal-Kap tal-Missjoni, għandu jirrapporta lill-Kunsill b'informazzjoni adegwata dwar dan l-infiq.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b'mod sħiħ lil, u jkun issorveljat mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

6.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti operattivi tal-EUJUST LEX-IRAQ, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir.

7.   L-infiq għandu jkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

8.   It-tagħmir u l-provvisti għall-Uffiċju ta' Koordinazzjoni fi Brussell għandhom jinxtraw u jinkrew f'isem l-Unjoni.

Artikolu 12

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u għall-qafas istituzzjonali uniku tagħha, l-Istati kandidati u Stati terzi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUJUST LEX-IRAQ fuq il-bażi li huma jsostnu l-ispejjeż sabiex jibagħtu lill-esperti tal-pulizija u/jew il-persunal ċivili ssekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-allowances, il-kopertura medika, l-assigurazzjoni għal riskju għoli u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-Iraq, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tmexxija tal-EUJUST LEX-IRAQ kif adatt.

2.   Il-Kunsill hawnhekk jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.

3.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu lill-EUJUST LEX-IRAQ għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Missjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-Missjoni.

4.   Il-KPS għandhu jieħu azzjoni adatta fir-rigward ta' arranġamenti ta' parteċipazzjoni u għandu, jekk meħtieġ, jippreżenta proposta lill-Kunsill, inkluż dwar il-possibbiltà ta' parteċipazzjoni finanzjarja jew kontributi mhux finanzjarji minn Stati terzi.

5.   Arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehimiet skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Meta l-Unjoni u Stat terz jkunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz fl-operazzjonijiet tal-UE ta’ maniġġar tal-kriżijiet, id-disposizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din il-Missjoni.

Artikolu 13

Koordinazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-UE fl-Iraq sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-Iraq.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet l-oħra tal-UE.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera ma’ atturi internazzjonali l-oħra preżenti fil-pajjiż, partikolarment in-NU.

Artikolu 14

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

Ir-RGħ huwa awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istat ospitanti u lin-NU, kif adatt u skont il-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” maħluqa għall-għanijiet tal-Missjoni, skont ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill. Għal dan l-għan għandhom jitfasslu arranġamenti lokali.

Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-Unjoni relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-Missjoni koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (3).

Artikolu 15

Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUJUST LEX-IRAQ.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2010 sat-30 ta' Ġunju 2012.

Magħmul fil-Luxembourgu, l-14 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 62, 9.3.2005, p. 37.

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Επάνω