Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2008C0500

    Deċiżjoni tal-awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA Nru 500/08/COL tas- 16 ta’ Lulju 2008 li, għall-ħamsa u sittin darba, temenda r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat bl-introduzzjoni ta’ kapitolu ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent

    ĠU L 144, 10.6.2010, p. 1–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/500(2)/oj

    10.6.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 144/1


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 500/08/COL

    tas-16 ta’ Lulju 2008

    li, għall-ħamsa u sittin darba, temenda r-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat bl-introduzzjoni ta’ kapitolu ġdid dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1),

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), b’mod partikolari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2)(b) tiegħu,

    BILLI skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti, l-Awtorità għandha tibda tattwa d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat,

    BILLI skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti, l-Awtorità għandha toħroġ avviżi jew linji gwida dwar kwistjonijiet ittrattati fil-Ftehim ŻEE, jekk dan il-Ftehim jew il-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti jipprovdu hekk espressament jew jekk l-Awtorità jidhrilha li dan huwa meħtieġ,

    BILLI skont l-Artikolu 1 tal-Parti 1 tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti (4), l-Awtorità għandha żżomm taħt skrutinju kontinwu s-sistemi kollha ta’ għajnuna eżistenti fl-Istati EFTA u għandha tipproponi kwalunkwe miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv jew il-funzjonament tal-Ftehim ŻEE,

    WAQT li tfakkar dwar ir-Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam tal-Għajnuna mill-Istat adottati fid-19 ta’ Jannar 1994 mill-Awtorità (5),

    BILLI, fit-23 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Kummisssjoni tal-KE) adottat Komunikazzjoni dwar linji gwida tal-Komunità Ewropea għall-għajnuna mill-Istat favur il-ħarsien tal-ambjent (6),

    BILLI din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea,

    BILLI għandha tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli taż-ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha,

    BILLI, skont il-punt II taħt l-intestatura “ĠENERALI” fi tmiem l-Anness XV għall-Ftehim ŻEE, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tadotta atti li jikkorrispondu għal dawk adottati mill-Kummissjoni Ewropea,

    WARA li kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea,

    WAQT li tfakkar li, permezz ta’ ittra mibgħuta fit-30 ta’ Ġunju 2008, l-Awtorità kienet stiednet lill-Istati tal-EFTA jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar dan is-suġġett,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati bl-introduzzjoni ta’ kapitolu ġdid dwar għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent. Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-kapitolu eżistenti dwar il-ħarsien tal-ambjent għandu jitħassar.

    Artikolu 3

    Il-verżjoni Ingliża biss hi awtentika.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2008.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,

    Per SANDERUD

    President

    Kristján A. STEFÁNSSON

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

    (2)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ŻEE”.

    (3)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti”.

    (4)  Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll 3”.

    (5)  Il-linji gwida għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1). Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-19.12.2007. Minn hawn ’il quddiem dawn jissejħu l-Linji Gwida Għall-Għajnuna mill-Istat. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida Għall-Għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fuq il-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/guidelines/

    (6)  Ippubblikati fil-ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.


    ANNESS

    Il-kapitolu li ġej huwa miżjud mal-Linji Gwida tal-Għajnuna mill-Istat:

    GĦAJNUNA MILL-ISTAT GĦALL-ĦARSIEN TAL-AMBJENT  (1)

    1.   Introduzzjoni

    1.

    Fl-1994, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (‘l-Awtorità’) adottat linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent. Fl-2001, l-Awtorità adottat linji gwida ġodda (ĠU L 21, 24.1.2002 p. 32, is-Suppliment Nru 6 taż-ŻEE) li inizjalment baqgħu fis-seħħ sal-aħħar tal-2007 imma mbagħad kienu ġew estiżi sakemm iddaħħlu linji gwida ġodda.

    2.

    L-għanijiet tal-politika ambjentali għandhom jitqiesu meta tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-settur ambjentali, b’mod partikolari bil-għan li jitkabbar il-progress fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, ara l-Artikoli 73-75 u d-disa’ premessa tal-Preambolu għall-Ftehim ŻEE. Għaldaqstant, il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika ambjentali mhumiex reċiprokament antagonistiċi, imma jeħtieġ li r-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, partikolarment biex jiżdied il-progress fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli.

    1.1.   Il-politika tal-għajnuna mill-Istat u l-politika ta’ enerġija għall-Ewropa

    3.

    Il-Kummissjoni Ewropea adottat linji gwida ġodda tal-Komunità Ewropea għall-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent. Il-linji gwida Komunitarji jikkostitwixxu strumenti għall-implimentazzjoni ta’ (i) il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-2007 li eżiġew li jittieħdu azzjonijiet biex tiġi żviluppata Politika tal-Enerġija integrata u sostenibbli għall-Ewropa; u (ii) il-‘Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija’ li jifforma parti mill-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa.

    Il-Kunsill Ewropew iddikjara, fost affarijiet oħra li: ‘Minħabba li l-produzzjoni tal-enerġija u l-użu tagħha huma s-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jeħtieġ li, biex jinkiseb dan il-għan, jiġi adottat approċċ integrat lejn il-politika tal-klima u l-enerġija. Din l-integrazzjoni għandha sseħħ permezz ta’ sostenn reċiproku. Għal dan l-iskop, il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa (EPE) għandha timmira biex jinkisbu dawn it-tliet għanijiet, filwaqt li jiġu rrispettati l-għażla ta’ kombinazzjoni tal-enerġija li jagħmlu l-Istati Membri u s-sovranità li dawn igawdu fejn għandhom x’jaqsmu s-sorsi primarji tal-enerġija u bbażat fuq spirtu ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri:

    it-tisħiħ ta’ sigurtà tal-provvista,

    l-iżgurar tal-kompetittività bejn l-ekonomiji Ewropej u d-disponibbiltà ta’ enerġija ekonomikament aċċessibbli,

    il-promozzjoni ta’ sostenibbiltà ambjentali u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.’

    Il-Kunsill Ewropew appoġġja wkoll Pjan ta’ Azzjoni komprensiv għall-Enerġija għall-perjodu 2007-2009 u stieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta, fost ħwejjeġ oħra, għal reviżjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent.

    4.

    L-Istati EFTA introduċew ħafna miżuri biex isaħħu l-ħarsien tal-ambjent. Qegħdin jingħaqdu fl-iskema ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-Komunità u, inter alia, wiegħdu b’rieda qawwija u fuq bażi indipendenti li sal-2012 jiksbu ċertu tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont il-Protokoll ta’ Kjoto. Barra minn hekk, għaddejjin negozjati taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima bil-għan li jiġu ffissati miri ulterjuri taħt il-Protokoll ta’ Kjoto.

    1.2.   Il-politika tal-għajnuna mill-Istat u l-ħarsien tal-ambjent

    5.

    Kultant, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu strumenti effettivi għall-ilħuq ta’ għanijiet ta’ interess komuni, u mertu ta’ hekk, titwettaq korrezzjoni tan-nuqqasijiet tas-suq, filwaqt li jittejjeb il-funzjonament tas-swieq u titkabbar il-kompetittività. Il-‘Pjan ta’ Azzjoni fis-Settur tal-Għajnuna mill-Istat: Inqas għajnuna mill-Istat b’miri aħjar: itinerarju għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005-2009’ (2) jispjega kif l-għajnuna mill-Istat tista’ twassal għall-mira lejn il-ħarsien tal-ambjent li tista’ tipprovdi opportunitajiet għall-innovazzjoni, toħloq swieq ġodda u tkabbar il-kompetittività permezz ta’ effiċjenza tar-riżorsi u opportunitajiet ġodda għall-investiment. Billi l-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent huma msejsa fuq il-‘Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat’ dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll meta l-Awtorità twettaq valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE.

    L-isfond tal-politika għal-linji gwida attwali jinkludi wkoll id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni Komunitarju għall-Ambjent (3) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ is-‘Sitt Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent’), inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-Artikolu 3, il-punt 7(d) tal-Protokoll 31, u jidentifika oqsma ta’ prijorità għal azzjonijiet favur il-ħarsien tal-ambjent (4).

    6.

    L-għan primarju tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent huwa li jiġi żgurat li l-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jirriżultaw f’livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla minn dak li jintlaħaq mingħajr l-għajnuna u li jiġi żgurat ukoll li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jikkontrobilanċjaw l-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni, bil-konsiderazzjoni tal-prinċipju ‘min iniġġes iħallas’ (minn hawn ’il quddiem ‘PPP’) stabbilit bl-Artikolu 73 tal-Ftehim ŻEE.

    7.

    L-attivitajiet ekonomiċi jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent mhux l-anqas minħabba t-tniġġis. F’ċerti każi, meta ma jsirx intervent governattiv, l-impriżi jistgħu jsibu mezz biex jevitaw li jbatu l-ispiża kollha huma għall-ħsara ambjentali maħluqa mill-attivitajiet tagħhom. B’riżultat ta’ dan, is-suq ma jirnexxilux jalloka r-riżorsi b’mod effiċjenti minħabba li l-effetti esterni (negattivi) tal-produzzjoni ma jitqisux mill-produttur, imma, minflok, tbatihom is-soċjetà in ġenerali.

    8.

    Skont il-PPP, dawn l-esternalitajiet negattivi jistgħu jiġu ġestiti billi jiġi żgurat li min iniġġes iħallas għat-tinġis li jkun għamel, u dan jimplika internalizzazzjoni sħiħa tal-ispiża ambjentali minn min iniġġes. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-ispejjeż privati (li tagħmel tajjeb għalihom l-impriża kkonċernata) jirriflettu l-ispejjeż soċjali veri tal-attività ekonomika. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni sħiħa tal-PPP tista’ twassal għal korrezzjoni tan-nuqqas tas-suq. Il-PPP jista’ jiġi implimentat jew bl-iffissar ta’ standards ambjentali obbligatorji jew permezz ta’ strumenti bbażati fuq is-suq. (5) Uħud mill-istrumenti bbażati fuq is-suq jistgħu jinvolvu l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-impriżi kollha jew lil uħud minnhom li huma soġġetti għal dawn l-istrumenti.

    9.

    Għalkemm attwalment jeżistu limiti għall-applikazzjoni tal-PPP, dan il-falliment fir-regolamentazzjoni m’għandux iżomm lill-Istati EFTA milli jimponu rekwiżiti għall-ħarsien tal-ambjent li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti Komunitarji (6) u milli jnaqqsu l-esternalitajiet negattivi sal-livell l-aktar baxx possibbli.

    10.

    Sabiex jogħla l-livell ta’ ħarsien ambjentali, l-Istati EFTA jistgħu jagħżlu li jużaw għajnuna mill-Istat biex joħolqu inċentivi fuq livell individwali (fuq il-livell tal-impriża) biex jinkiseb livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla minn dak li jeżiġu l-istandards Komunitarji jew biex isaħħu l-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji. Jistgħu wkoll jistabbilixxu standards nazzjonali jew tassazzjoni ambjentali f’livell ogħla minn dak li teżiġi l-leġiżlazzjoni Komunitarja jew jistgħu jużaw it-tassazzjoni ambjentali biex jimplimentaw il-PPP b’mod unilaterali fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja.

    Skont il-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna għall-ħarsien ambjentali, għajnuna lil impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Bl-istess mod, għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi Komunitarji armonizzati jew eżenzjoni minnhom, tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni sakemm jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet. Ċerta leġiżlazzjoni li tistabbilixxi dawn l-istandards Komunitarji tista’ ma tkunx inkorporata fil-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa taqa’, bħala tali, barra mill-portata tal-Ftehim ŻEE. Madankollu, bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat u ta’ kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (‘iż-ŻEE’), l-Awtorità għandha tapplika, b’mod ġenerali, l-istess punti ta’ referenza bħal dawk tal-linji gwida Komunitarji fejn tidħol il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ambjentali mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni leġiżlattiva partikolari tal-Istati EFTA. Dan jimplika li l-linji gwida preżenti jagħmlu referenza għal standards Komunitarji rilevanti u għal miżuri Komunitarji ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa meta dawn ġew adottati. L-Awtorità tenfasizza li dawn ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni Komunitarja ma jimplikawx li l-Istati EFTA huma obbligati li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja meta din il-leġiżlazzjoni ma tkunx ġiet implimentata fil-Ftehim ŻEE. (7) Ir-referenzi jservu biss bħala bażi għall-valutazzjojni tal-kompatibbiltà tal-miżuri tal-għajnuna mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3) tal-Ftehim.

    11.

    L-Awtorità jidhrilha li jeħtieġ li ssir reviżjoni tal-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali sabiex jintlaħqu għanijiet simili għal dawk stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, partikolarment biex jiġu żgurati għajnuna b’mira aktar preċiża, analiżi ekonomika aħjar u proċeduri aktar effettivi. Barra dan, l-Awtorità hija tal-fehma li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati żviluppi fil-politika ambjentali u t-teknoloġiji ambjentali u li għandhom jiġu aġġustati r-regoli fid-dawl tal-esperjenza miksuba.

    12.

    L-Awtorità ser tapplika dawn il-Linji Gwida għall-ivvalutar tal-għajnuna ambjentali u b’hekk tkabbar iċ-ċertezza legali u ssaħħaħ it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha. Primarjament, l-għajnuna għall-ħarsien ambjentali se tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE. Dawn il-Linji Gwida jissostitwixxu l-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali li kienu daħlu fis-seħħ fl-2001. (8)

    13.

    Il-linji gwida jingħataw għal żewġ tipi ta’ valutazzjonijiet: valutazzjoni standard għal miżuri li jinvolvu għajnuna taħt ċertu limitu jew għajnuna mogħtija lil impjanti b’kapaċità ta’ produzzjoni taħt ċertu limitu (il-Kapitolu 3) u valutazzjoni ddettaljata ta’ miżuri li jinvolvu għajnuna ‘l fuq minn dak il-limitu jew għajnuna mogħtija lil impjanti b’kapaċità ta’ produzzjoni ‘l fuq minn dak il-limitu u kif ukoll għal għajnuna mogħtija lil impjanti ġodda li jipproduċu enerġija li tiġġedded fejn l-ammont tal-għajnuna huwa bbażat fuq kalkolu tal-ispejjeż esterni evitati (il-Kapitolu 5).

    14.

    Dawn il-Linji Gwida għandhom jiġu applikati għall-miżuri kollha nnotifikati lill-Awtorità (jew għaliex il-miżura mhijiex koperta minn regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija (‘BER’) jew BER jimponi obbligu biex l-għajnuna tiġi nnotifikata individwalment, jew għaliex l-Istat EFTA kkonċernat jiddeċiedi li jinnotifika miżura li fil-prinċipju tista’ tiġi eżentata taħt BER), u kif ukoll għall-valutazzjoni tal-għajnuna kollha mhux innotifikata wara l-adozzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida.

    1.3.   It-test tal-ibbilanċjar u l-applikazzjoni tiegħu fl-għajnuna għall-ħarsien ambjentali

    1.3.1.   Għajnuna anqas u mmirata aħjar, test tal-ibbilanċjar għall-evalwazzjoni tal-għajnuna

    15.

    Fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ħabbret li, ‘fejn rilevanti, se ssaħħaħ l-istrateġija ekonomika tagħha għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat.’

    16.

    Fl-ivvalutar dwar jekk miżura ta’ għajnuna tistax titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità tibbilanċja l-impatt pożittiv tal-miżura tal-għajnuna għall-ilħuq ta’ għan ta’ interess komuni kontra l-effetti sekondarji negattivi potenzjali tagħha, bħalma huma t-tfixkil fil-kummerċ u l-kompetizzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, li jibni fuq prattika eżistenti, ifformalizza dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar f’dak li ġie msejjaħ ‘test tal-ibbilanċjar’. (9) Dan jaħdem fi tliet stadji; l-ewwel żewġ passi jindirizzaw l-effetti pożittivi tal-għajnuna mill-Istat u t-tielet jindirizza l-effetti negattivi u l-ibbilanċjar li jirriżulta tal-effetti pożittivi u negattivi. It-test tal-ibbilanċjar huwa strutturat kif ġej:

    (1)

    Il-miżura tal-għajnuna hija mmirata lejn għan ta’ interess komuni li huwa definit sewwa? (per eżempju, it-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol, il-koeżjoni, l-ambjent, is-sigurtà tal-enerġija). Fil-kuntest ta’ dawn il-Linji Gwida, l-għan ta’ interess komuni rilevanti huwa l-ħarsien ambjentali.

    (2)

    L-għajnuna hija mfassla tajjeb biżżejjed biex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni? Fi kliem ieħor, l-għajnuna proposta tindirizza n-nuqqas tas-suq jew għan ieħor?

    (a)

    l-għajnuna mill-Istat hija strument politiku xieraq?

    (b)

    jeżisti effett ta’ inċentivazzjoni? Jiġifieri, l-għajnuna tibdel l-imġiba tal-impriżi?

    (c)

    il-miżura ta’ għajnuna hija proporzjonali? Jiġifieri, l-istess bidla fl-imġiba tista’ tinkiseb b’inqas għajnuna?

    (3)

    It-tfixkil fil-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ huma limitati, sabiex il-bilanċ globali jkun pożittiv?

    17.

    Dan it-test tal-ibbilanċjar huwa applikabbli għat-tfassil ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-valutazzjoni tal-każijiet.

    1.3.2.   L-għan ta’ interess komuni indirizzat mil-Linji Gwida

    18.

    Id-disa’ premessa tal-Preambolu għall-Ftehim ŻEE tispeċifika d-determinazzjoni tal-Istati EFTA biex jippreservaw, jipproteġu u jtejbu l-kwalità tal-ambjent u tistipula li l-iżvilupp sostenibbli huwa wieħed mill-għanijiet tagħhom. Il-promozzjoni tal-ħarsien ambjentali hija għalhekk għan importanti ta’ interess komuni. Barra minn hekk, l-Artikolu 73(2) tal-Ftehim ŻEE jsemmi l-ħtieġa tal-integrazzjoni tal-ħarsien ambjentali mal-elementi politiċi l-oħra tal-Istati EFTA u jiddikjara li l-politika ambjentali għandha tissejjes fuq il-prinċipji ta’ prevenzjoni, bir-rettifikazzjoni tat-tniġġis (10) f’ras il-għajn, u li ‘min iniġġes irid iħallas’.

    19.

    Dawn il-linji gwida jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat sabiex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet tas-suq li jwasslu għal livell subottimu tal-ħarsien ambjentali.

    20.

    L-aktar nuqqas komuni tas-suq fil-qasam tal-ħarsien ambjentali huwa marbut ma’ esternalitajiet negattivi. L-impriżi li jaġixxu fl-interess tagħhom stess ma għandhomx inċentiv biex jikkunsidraw l-esternalitajiet negattivi li jirriżultaw mill-produzzjoni la meta jiddeċiedu fuq teknoloġija ta’ produzzjoni partikolari, u lanqas meta jiddeċiedu dwar il-livell ta’ produzzjoni. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż tal-produzzjoni li tbati l-impriża huma inqas mill-ispejjeż li tbati s-soċjetà. Għaldaqstant, l-impriżi ma għandhomx inċentiva biex inaqqsu l-livell tat-tniġġis tagħhom jew biex jieħdu miżuri individwali biex iħarsu l-ambjent.

    21.

    Il-gvernijiet li jiffaċċjaw dan in-nuqqas tas-suq għandhom tendenza li jużaw ir-regolamentazzjoni sabiex jiżguraw li tittieħed responsabbiltà għall-esternalitajiet negattivi li huma riżultat tal-produzzjoni. Bl-introduzzjoni ta’ standards, tassazzjoni, strumenti ekonomiċi u regolamentazzjoni oħra, l-impriżi li jipproduċu t-tniġġis ikollhom, skont il-PPP, iħallsu għad-dannu tat-tniġġis li tkun ħallset għalih is-soċjetà. L-internalizzazzjoni ta’ dawn l-esternalitajiet negattivi konsegwentament iżżid l-ispejjeż privati li jitħallsu minn dawn l-impriżi, u għalhekk taffettwa d-dħul tagħhom b’mod negattiv. Barra minn hekk, ladarba l-ħolqien tat-tniġġis mhux mifrux b’mod uniformi fost l-industriji u l-impriżi, l-ispejjeż ta’ kwalunkwe regolament li jħares l-ambjent għandhom tendenza li jkunu ddifferenzjati, mhux biss bejn l-impriżi, iżda wkoll bejn l-Istati taż-ŻEE. Barra minn hekk, l-Istati EFTA jista’ jkun li għandhom apprezzament differenti tal-ħtieġa għall-introduzzjoni ta’ miri ambjentali għoljin.

    22.

    Fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji u ta’ strumenti bbażati fuq is-suq li jirriflettu b’mod intier il-livell tal-PPP (falliment tar-regolamentazzjoni), l-Istati EFTA għalhekk jistgħu jiddeċiedu li jsegwu, b’mod unilaterali, livell ogħla ta’ ħarsien tal-ambjent. Dan jista’ mbagħad joħloq spejjeż addizzjonali għall-impriżi attivi fit-territorju tagħhom. Għal din ir-raġuni, flimkien mar-regolamentazzjoni, l-Istati EFTA jistgħu jużaw għajnuna mill-Istat bħala inċentiva pożittiva biex jintlaħqu livelli ogħla ta’ ħarsien ambjentali. Dan jistgħu jwettquh b’żewġ modi:

    inċentivi individwali pożittivi biex jitnaqqas it-tniġġis u impatti negattivi oħra fuq l-ambjent: L-ewwel nett, l-Istati EFTA jistgħu joħolqu inċentivi pożittivi fuq bażi individwali (fuq il-livell tal-impriża) li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji (11). F’dan il-każ, il-benefiċjarju tal-għajnuna jnaqqas it-tniġġis għaliex ikun qiegħed jirċievi għajnuna biex ibiddel imġibtu, u mhux għaliex ikollu jħallas għall-ispejjeż ta’ dan it-tniġġis. L-għan tal-għajnuna mill-Istat f’dan il-kuntest huwa li jiġi indirizzat direttament in-nuqqas tas-suq marbut mal-effetti negattivi tat-tniġġis;

    inċentivi pożittivi biex tiddaħħal regolamentazzjoni ambjentali nazzjonali li tmur lil hinn mill-istandards Komunitarji: It-tieni nett, l-Istati EFTA jistgħu jimponu regolamentazzjoni nazzjonali li tmur lil hinn mill-istandards Komunitarji. Madankollu, dan jista’ jwassal għal spejjeż addizzjonali għal ċerti impriżi, u għalhekk il-kundizzjonijiet kompetittivi tagħhom jisfaw affettwati. Barra minn hekk, jista’ jagħti l-każ li dawn l-ispejjeż ma jirrappreżentawx l-istess piż għall-impriżi kollha meta jitqiesu d-daqs tagħhom, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq, it-teknoloġija u speċifiċitajiet oħrajn. F’dan il-każ, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun meħtieġa biex jitħaffef il-piż minn fuq spallejn l-impriżi l-aktar milquta u b’hekk l-Istati EFTA jkunu jistgħu jadottaw regolamentazzjoni ambjentali nazzjonali li tkun aktar stretta mill-istandards Komunitarji.

    1.3.3.   Strument xieraq

    23.

    Jeżisti rwol għal intervent governattiv sabiex jiġi żgurat ħarsien ambjentali aktar adegwat. Ir-regolamentazzjoni u l-istrumenti bbażati fuq is-suq huma l-aktar strumenti importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali. Strumenti moderati, bħall-ekotikkettjar volontarju, u t-tixrid ta’ teknoloġiji li jħarsu l-ambjent jista’ jkollhom rwol importanti. Madankollu, anke jekk is-sejba tat-taħlita ideali ta’ strumenti ta’ politika tista’ tkun ikkumplikata, il-preżenza ta’ nuqqasijiet tas-suq jew għanijiet politiċi ma jiġġustifikawx l-użu tal-għajnuna mill-Istat b’mod awtomatiku.

    24.

    Skont il-PPP, min iniġġes għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-tniġġis li jikkawża, inklużi l-ispejjeż indiretti li tbati s-soċjetà. Għal dan l-għan, ir-regolamentazzjoni ambjentali tista’ tkun strument utli sabiex jiżdied il-piż fuq min iniġġes. Il-ħarsien tal-PPP jiżgura, fit-teorija, li n-nuqqas tas-suq marbut ma’ esternalitajiet negattivi jiġi aġġustat. Konsegwentement, kieku l-PPP kellu jkun implimentat bis-sħiħ, ma jkunx meħtieġ intervent governattiv ulterjuri sabiex jiżgura riżultat effiċjenti fis-suq. Il-PPP jibqa’ r-regola ewlenija u l-għajnuna mill-Istat hija fil-fatt it-tieni l-aħjar għażla. L-użu tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-PPP jtaffi l-piż tal-ħlas tal-ispejjeż tat-tniġġis minn fuq dahar min iniġġes. Għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat tista’ ma tkunx strument xieraq f’każijiet bħal dawn.

    25.

    Madankollu, partikolarment minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa tal-PPP, il-livell eżistenti ta’ ħarsien ambjentali huwa spiss meqjus bħala wieħed mhux sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    l-ewwel nett, l-ispiża preċiża tat-tniġġis mhux faċli li tiġi ddeterminata. Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għas-soċjetà għat-tipi kollha ta’ produzzjoni huwa teknikament kumpless, u xi kultant jista’ jkun ineffiċjenti li jitqies il-fatt li produtturi differenti għandhom livelli differenti ta’ tniġġis jekk l-ispejjeż amministrattivi assoċjati jkunu għoljin ħafna. Sensittivitajiet differenti għall-bidliet fil-prezzijiet tal-konsumatur (elastiċità tal-prezzijiet) għandhom rwol ukoll. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-ispiża tat-tniġġis tista’ tvarja fost l-individwi u s-soċjetajiet, skont l-għażliet tas-soċjetà f’dak li jirrigwarda, pereżempju, l-effett ta’ politiki attwali fuq ġenerazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, xi spejjeż huma diffiċli li jiġu mfissra b’ċertezza f’termini monetarji, bħal għomor iqsar jew il-ħsara ambjentali. Għalhekk dejjem ser ikun hemm livell ta’ inċertezza involut fil-kalkolu tal-ispejjeż tat-tniġġis.

    (b)

    it-tieni, iż-żieda f’daqqa fil-prezz ta’ sensiela ta’ prodotti (industrijali) sabiex tkun internalizzata n-nefqa tat-tniġġis tista’ toħloq xokk estern u ġġib tfixkil fl-ekonomija. Il-gvernijiet jistgħu għalhekk iqisu bħala aktar xieraq li jkun hemm progress moderat lejn l-integrazzjoni tal-ispiża sħiħa tat-tniġġis f’ċerti proċessi ta’ produzzjoni.

    26.

    Fil-kuntest ta’ livell mhux sodisfaċenti ta’ ħarsien ambjentali, għalkemm ma ssolvix il-problemi kollha hawn fuq imsemmija, l-għajnuna mill-Istat tista’ tipprovdi inċentivi pożittivi lill-impriżi sabiex iwettqu attivitajiet jew jagħmlu investimenti li m’humiex obbligatori u li inkella ma jsirux minn kumpaniji li jfittxu li jagħmlu profitt. Barra minn hekk, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun strument xieraq biex, filwaqt li tħaffef il-piż minn fuq spallejn l-impriżi l-iktar milqutin mir-regolament, tippermetti lill-Istati Membri jadottaw regolamentazzjoni ambjentali nazzjonali aktar rigoruża minn dik Komunitarja b’garanzija li r-regolament ikun attwat.

    1.3.4.   Effett ta’ inċentiva u neċessità tal-għajnuna

    27.

    L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali għandha twassal lill-benefiċjarju tal-għajnuna biex jibdel imġibtu sabiex il-livell ta’ ħarsien ambjentali jkun ogħla milli kien ikun kieku l-għajnuna ma ngħatatx. Madakollu, investimenti li jgħollu l-livell ta’ ħarsien ambjentali jistgħu fl-istess ħin iżidu d-dħul (12) u/jew inaqqsu l-ispejjeż (13) u għalhekk jistgħu, minnhom infushom, ikunu ekonomikament attraenti. Għalhekk, jeħtieġ li jkun ivverifikat li l-investiment ikkonċernat ma kienx isir mingħajr għajnuna mill-Istat.

    28.

    L-għan huwa li jiġi żgurat li l-impriżi ma kinux jinvolvu rwieħhom, mingħajr l-għajnuna, fl-istess attività minħabba l-benefiċċji intrinsiċi tagħha. L-effett tal-inċentivazzjoni huwa identifikat permezz ta’ analiżi kontrofattwali, bit-tqabbil tal-livelli tal-attività intiża bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna. L-identifikazzjoni korretta tax-xenarju kontrofattwali hija kruċjali sabiex ikun stabbilit jekk l-għajnuna mill-Istat għandhiex effett ta’ inċentivazzjoni jew le. Hija essenzjali wkoll għall-kalkolu tal-investiment jew l-ispejjeż tal-produzzjoni addizzjonali mġarrba biex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla.

    29.

    Jista’ jkun meħtieġ investiment biex jintlaħqu l-istandards obbligatorji Komunitarji. Ladarba fi kwalunkwe każ il-kumpanija jkollha tkun konformi ma’ dawn l-istandards, l-għajnuna mill-Istat sabiex jintlaħqu l-istandards obbligatorji Komunitarji li diġà huma fis-seħħ ma tistax tkun iġġustifikata.

    1.3.5.   Proporzjonalità tal-għajnuna

    30.

    L-għajnuna titqies bħala proporzjonali biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb b’inqas għajnuna. Barra minn hekk, il-proporzjonalità tista’ tkun marbuta wkoll mal-grad ta’ selettività ta’ miżura partikolari.

    31.

    B’mod partikolari, l-ammont ta’ għajnuna jrid ikun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jinkiseb il-ħarsien ambjentali mfittex. Għalhekk, l-ispejjeż eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment huma bbażati fuq l-idea ta’ spiża addizzjonali (netta) meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali. Dan il-kunċett jimplika li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ għajnuna li tista’ tingħata, il-benefiċċji ekonomiċi kollha li l-investiment jagħti lill-kumpaniji għandhom, bħala prinċipju, jitnaqqsu mill-ispejjeż addizzjonali ta’ investiment.

    32.

    Madankollu, huwa diffiċli li jiġu kkalkulati l-benefiċċji ekonomiċi kollha li kumpanija tieħu minn investiment addizzjonali. Pereżempju, skont il-metodolġija għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli stipulati fil-punti 80 sa 84, il-benefiċċji operattivi m’humiex ikkunsidrati ‘l fuq minn ċertu perjodu inizjali wara l-investiment. Bl-istess mod, ċerti tipi ta’ benefiċċji li mhux dejjem jitkejlu faċilment - bħall-‘immaġni favur l-ambjent’ imsaħħa minn investiment ambjentali - anqas mhuma kkunsidrati f’dan il-kunstest. Konsegwentement, sabiex l-għajnuna tkun proporzjonata, l-Awtorità hi tal-fehma li l-ammont ta’ għajnuna għandu normalment ikun inqas mill-ispejjeż eliġibbli tal-investiment, ara l-Anness. Huwa biss fil-każi fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta’ sejħa għall-offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji - sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna tkun limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb il-benefiċċju ambjentali - li l-għajnuna tista’ tilħaq 100 % tal-ispiża eliġibbli tal-investiment. Dan minħabba li f’dawn iċ-ċirkostanzi wieħed jista’ jassumi li l-offerti rispettivi jirriflettu l-benefiċċji possibbli kollha li jistgħu joħorġu mill-investiment addizzjonali.

    33.

    Barra minn hekk, għal ċerti miżuri, mhuwiex possibbli li jiġi kkalkulat l-ammont ta’ għajnuna fuq il-bażi tal-ispejjeż addizzjonali; dan huwa l-każ ta’ għajnuna fil-forma ta’ eżenzjonijiet jew tnaqqis fiskali ambjentali, u għajnuna fil-forma ta’ skemi ta’ permessi negozjabbli. F’dawn il-każi, il-proporzjonalità għandha tiġi żgurata permezz ta’ kundizzjonijiet u kriterji għall-għoti tal-eżenzjonijiet u t-tnaqqis li jiggarantixxu li l-benefiċjarju ma jirċevix vantaġġi eċċessivi, u li s-selettività tal-miżura tkun limitata għal minimu strett.

    34.

    L-ispiża tal-kisba ta’ ħarsien ambjentali ta’ spiss tkun ogħla għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju f’termini relattivi f’paragun mad-daqs tal-attività tagħhom. Barra minn hekk, l-abbiltà tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju biex iġorru l-piż ta’ dawn l-ispejjeż hija ħafna drabi ristretta minn imperfezzjonijiet tas-suq kapitali. Għal din ir-raġuni, u minħabba r-riskju mnaqqas ta’ tfixkil serju tal-kompetizzjoni meta l-benefiċjarji jkunu impriżi żgħar u ta’ daqs medju, jista’ jkun iġġustifikat bonus għal impriżi bħal dawn fil-każ ta’ xi tipi ta’ għajnuna.

    35.

    Barra minn hekk, l-Istati EFTA huma mħeġġa biex jiżguraw l-effikaċja tan-nefqa fl-ilħuq tal-benefiċċji ambjentali, pereżempju billi jagħżlu miżuri li għalihom l-ispejjeż esterni evitati jkunu sinifikattivi fir-rigward tal-ammont ta’ għajnuna. Madankollu, ladarba ma hemm l-ebda rabta diretta bejn l-ispejjeż esterni evitati u n-nefqa sostnuta mill-impriża, l-ispejjeż esterni evitati għandhom jintużaw bħala bażi biex ikunu stabbiliti ammonti ta’ għajnuna mill-Istat f’każijiet eċċezzjonali biss. Normalment, biex ikun żgurat inċentiv xieraq għall-impriża biex din tibdel l-imġiba tagħha, l-ammont ta’ għajnuna għandu għalhekk ikun marbut direttament man-nefqa sostnuta mill-impriża.

    1.3.6.   L-effetti negattivi tal-għajnuna ambjentali għandhom ikunu limitati sabiex il-bilanċ globali jkun wieħed pożittiv

    36.

    Jekk l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet ambjentali tkun immirata tajjeb sabiex tibbilanċja biss l-ispejjeż addizzjonali attwali marbuta ma’ livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali, ir-riskju li l-għajnuna tfixkel il-kompetizzjoni b’mod eċċessiv ikun normalment pjuttost limitat. Konsegwentement, huwa essenzjali li l-miżuri ta’ għajnuna ambjentali mill-istat ikunu mmirati sewwa. F’każijiet fejn l-għajnuna mhijiex meħtieġa jew proporzjonata biex tikseb l-għan maħsub tagħha, hija tfixkel il-kompetizzjoni. Dan, b’mod partikolari, jista’ jkun il-każ jekk l-għajnuna twassal għal:

    (a)

    iż-żamma fil-wiċċ ta’ ditti ineffiċjenti

    (b)

    id-distorsjoni ta’ inċentivi dinamiċi/il-qtugħ barra (crowding out);

    (c)

    il-ħolqien ta’ poter fis-suq jew prattiċi ta’ esklużjoni;

    (d)

    it-tibdil artifiċjali tal-kurrenti kummerċjali jew il-post tal-produzzjoni.

    37.

    F’ċerti każi, l-għan tal-miżura huwa li jsir intervent fil-funzjonament tas-suq bil-għan li l-miżura tiffavorixxi, għall-benefiċċju globali tal-ambjent, ċerti produzzjonijiet li jirrispettaw lill-ambjent a skapitu ta’ oħrajn li jniġġsu iktar. Bħala riżultat ta’ miżuri bħal dawn, il-produtturi tal-prodotti kkonċernati li jirrispettaw lill-ambjent aktar minn oħrajn ikunu jistgħu jtejbu l-pożizzjonijiet tagħhom fis-suq meta mqabbla ma’ kompetituri li joffru prodotti li jirrispettaw lill-ambjent inqas minnhom. F’każijiet bħal dawn, l-Awtorità tikkunsidra l-effett ambjentali globali tal-miżura meta tħares lejn l-impatt negattiv tagħha fuq il-pożizzjoni fis-suq, u għalhekk tal-profitti, ta’ kumpaniji li ma jirċevux għajnuna. Anqas ma jkun l-effett ambjentali mistenni tal-miżura kkonċernata, aktar ikun importanti l-ivverifikar tal-effett tagħha fuq ishma fis-suq u profitti tal-prodotti li jikkompetu.

    1.4.   Implimentazzjoni tat-test tal-ibbilanċjar: suppożizzjonijiet legali u ħtieġa ta’ valutazzjoni aktar dettaljata

    38.

    Bla ħsara għall-Artikoli 4 sa 7 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti’), is-suppożizzjonijiet legali applikati mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jiddifferixxu skont it-tip ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat ikkomunikata.

    39.

    Fil-Kapitolu 3 ta’ dawn il-Linji Gwida, l-Awtorità identifikat sensiela ta’ miżuri li fir-rigward tagħhom jidhrilha a priori li għajnuna mill-Istat tindirizza nuqqas tas-suq li jkun qed ifixkel il-ħarsien ambjentali jew ittejjeb il-livell ta’ ħarsien ambjentali. L-Awtorità tistabbilixxi wkoll sensiela ta’ kundizzjonijiet u parametri, li huma maħsuba biex jiżguraw li l-għajnuna mill-Istat attwalement ikollha effett ta’ inċentivazzjoni, hija proporzjonata u jkollha impatt negattiv limitat fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. Il-Kapitolu 3 għalhekk jinkludi parametri fir-rigward tal-attività megħjuna, l-intensitajiet tal-għajnuna u l-kundizzjonijiet marbuta mal-kompatibbiltà.

    40.

    Madankollu, għal ammonti ta’ għajnuna ‘l fuq minn ċerti limiti kif ukoll għal ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali, minħabba riskji akbar ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. L-iskrutinju addizzjonali ġeneralment ikun jikkonsisti f’analiżi fattwali ulterjuri u aktar dettaljata tal-miżura skont il-Kapitolu Error! Reference source not found. Dawn il-miżuri jkunu ddikjarati kompatibbli jekk it-test tal-ibbilanċjar skont il-Kapitolu Error! Reference source not found. jirriżulta f’valutazzjoni globali pożittiva. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi l-ebda kriterju ta’ kompatibbiltà ma għandu jkun preżunt bħala ssodisfat fil-bidu nett. L-eżenzjonijiet mit-taxxa u t-tnaqqis fit-taxxi ambjentali jkunu suġġetti biss għall-valutazzjoni stabbilita fil-Kapitolu 4 (14).

    41.

    Bħala riżultat ta’ din il-valutazzjoni ddettaljata, l-Awtorità tista’ tapprova l-għajnuna, tiddikjaraha inkompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jew tieħu deċiżjoni ta’ kompatibbiltà suġġett għal kundizzjonijiet.

    1.5.   Raġunijiet għall-miżuri speċifiċi koperti minn dawn il-Linji Gwida

    42.

    L-Awtorità identifikat sensiela ta’ miżuri li għalihom l-għajnuna mill-Istat tista’, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, tkun kompatibbli mal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

    1.5.1.   Għajnuna għal impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji

    43.

    Din ix-xorta ta’ għajnuna tipprovdi inċentivi individwali lill-kumpaniji sabiex jiksbu ħarsien ambjentali ogħla. Normalment, impriża ma jkollhiex inċentiv sabiex tmur lil hinn minn standards obbligatorji jekk l-ispiża biex tagħmel dan taqbeż il-benefiċċju għall-impriża. F’każijiet bħal dawn tista’ tingħata għajnuna mill-Istat biex jingħata inċentiv lill-impriżi biex itejbu l-ħarsien ambjentali. Skont l-għan Komunitarju biex l-ekoinnovazzjoni tiġi sostnuta, jista’ jiġi aċċettat trattament aktar favorevoli għal proġetti ta’ ekoinnovazzjoni li jindirizzaw il-falliment doppju tas-suq marbut ma’ riskji ogħla ta’ innovazzjoni, flimkien mal-aspett ambjentali tal-proġett. Għalhekk, l-għajnuna għall-ekoinnovazzjoni għandha l-għan li tħaffef it-tixrid fis-suq ta’ ekoinnovazzjonijiet.

    1.5.2.   Għajnuna għax-xiri ta’ mezzi ġodda tat-trasport li huma ta’ livell ogħla mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji

    44.

    It-trasport huwa responsabbli għal parti kbira mill-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra (bejn wieħed u ieħor 30 %) kif ukoll għat-tniġġis lokali bit-trab, partiċellari, NOx u SOx. Għaldaqstant, huwa importanti li tiġi pprovduta inċentiva biex jinstabu modi nodfa ta’ trasport, kemm sabiex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima kif ukoll sabiex jitnaqqas it-tniġġis lokali, b’mod partikolari fl-ibliet. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li jiġi stimulat l-akkwist ta’ mezzi ta’ trasport nodfa (inklużi bastimenti ‘nodfa’).

    1.5.3.   Għajnuna għal adattament bikri tal-istandards Komunitarji ġejjiena

    45.

    Dawn il-Linji Gwida ma jawtorizzawx għajnuna biex tassisti lill-impriżi jikkonformaw ma’ standards Komunitarji diġà fis-seħħ, għaliex għajnuna bħal din ma twassalx għal livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali. Madankollu, l-għajnuna mill-Istat tista’ tiżgura l-implimentazzjoni b’ritmu mgħaġġel ħafna ta’ standards Komunitarji adottati riċentement li għadhom mhumiex fis-seħħ u b’hekk dawn jikkontribwixxu għat-tnaqqis tat-tniġġis b’pass aktar mgħaġġel milli kien ikun il-każ kieku l-għajnuna kellha ma tingħatax. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-għajnuna mill-Istat tista’ għalhekk toħloq inċentivi individwali għall-impriżi biex jikkontrobilanċjaw l-effetti tal-esternalitajiet negattivi marbuta mat-tniġġis.

    1.5.4.   Għajnuna għal studji ambjentali

    46.

    L-għajnuna lill-kumpaniji għal studji dwar investimenti mmirati biex jinkiseb livell ta’ ħarsien ambjentali li jmur lil hinn mill-istandards Komunitarji jew biex jogħla l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji, kif ukoll studji dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, tindirizza n-nuqqas tas-suq marbut ma’ informazzjoni asimetrika. Spiss l-impriżi jissottovalutaw il-possibbiltajiet u l-benefiċċji marbuta mal-iffrankar tal-enerġija u l-enerġija li tiġġedded u dan iwassal għal sottoinvestiment.

    1.5.5.   Għajnuna għall-iffrankar tal-enerġija

    47.

    Din ix-xorta ta’ għajnuna tindirizza n-nuqqas tas-suq marbut ma’ esternalitajiet negattivi billi toħloq inċentivi individwali sabiex jintlaħqu miri ambjentali għall-iffrankar tal-enerġija u għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet tal-gass serra. L-għajnuna mill-Istat tista’ tkun xierqa meta l-investimenti li jirriżultaw mill-iffrankar tal-enerġija ma jkunux obbligatorji skont l-istandards Komunitarji applikabbli, u meta ma jkunux vijabbli, jiġifieri meta l-ispiża tal-iffrankar tal-enerġija tkun ogħla mill-benefiċċju ekonomiku privat relatat. Fil-każ tal-SMEs, jista’ jkun meħtieġ appoġġ aktar favorevoli sabiex jitqies il-fatt li l-SMEs spiss jagħmlu stima baxxa tal-benefiċċji marbuta mal-iffrankar tal-enerġija fuq meded twal ta’ żmien, u dan iwassal għal investiment baxx f’miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija

    1.5.6.   Għajnuna għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu

    48.

    Din ix-xorta ta’ għajnuna tindirizza n-nuqqas tas-suq marbut ma’ esternalitajiet negattivi billi toħloq inċentivi individwali sabiex tkabbar is-sehem ta’ riżorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-produzzjoni totali ta’ enerġija. Aktar użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu huwa mistenni li jkollu rwol importanti fl-ilħuq tal-miri għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-għajnuna mill-Istat tista’ tkun iġġustifikata jekk l-ispiża tal-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded tkun ogħla mill-ispiża ta’ produzzjoni bbażata fuq sorsi li ma jirrispettawx daqstant lill-ambjent u jekk ma jkun hemm l-ebda standard Komunitarju obbligatorju dwar is-sehem ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu għall-impriżi individwali. L-ispiża għalja tal-produzzjoni ta’ ċerti tipi ta’ enerġija li tiġġedded ma tippermettix lill-impriżi li jżommu prezzijiet kompetittivi fis-suq u b’hekk jinħoloq ostaklu għall-aċċess fis-suq tal-enerġija li tiġġedded. Madankollu, minħabba żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet ambjentali li qed tikber bil-mod il-mod (li tirriżulta, pereżempju, mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/1/KE tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (15), il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u l-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet), id-differenza fil-prezz uriet tendenza ta’ tnaqqis fl-aħħar snin, biex b’hekk naqset il-ħtieġa tal-għajnuna.

    49.

    Barra minn hekk, il-promozzjoni tal-bijokarburanti (16) għandha tkun ta’ benefiċċju kemm għas-sigurtà tal-provvista kif ukoll għall-politika dwar it-tibdil tal-klima b’mod sostenibbli. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun strument xieraq biss għal dawk l-użi ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu meta l-benefiċċju ambjentali u s-sostenibbiltà jkunu evidenti. B’mod iktar partikolari, il-bijokarburanti li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 15 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu (17) ma għandhomx jitqiesu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat. Meta jkunu qed ifasslu s-sistemi ta’ appoġġ tagħhom, l-Istati EFTA jistgħu jħeġġu l-użu ta’ bijokarburanti li jagħtu vantaġġi addizzjonali - inkluż il-vantaġġi ta’ diversifikazzjoni offruti minn bijokarburanti prodotti mill-iskart, ir-residwi, il-materjal ta’ oriġini ċellulosika u linjo-ċellulosika - billi jikkunsidraw kif xieraq l-ispejjeż differenti tal-produzzjoni tal-enerġija minn bijokarburanti tradizzjonali fuq naħa waħda u ta’ dawk il-bijokarburanti li jagħtu vantaġġi addizzjonali fuq in-naħa l-oħra.

    50.

    F’dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija mill-ilma ta’ min jinnota li l-impatt ambjentali tagħhom jista’ jkun doppju. F’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ livell baxx, dawn l-installazzjonijiet jipprovdu ħafna potenzjal. Għalhekk, jista’ jkollhom rwol importanti fit-taħlita globali ta’ enerġija. Min-naħa l-oħra, installazzjonijiet ta’ dan it-tip għandhom ukoll impatt negattiv, pereżempju fuq is-sistemi tal-ilma u l-bijodiversità. (18).

    1.5.7.   Għajnuna għall-koġenerazzjoni u għajnuna għat-tisħin distrettwali (DH)

    51.

    Dawn it-tipi ta’ għajnuna jindirizzaw in-nuqqas tas-suq marbut ma’ esternalitajiet negattivi billi joħolqu inċentivi individwali sabiex jintlaħqu miri ambjentali fil-qasam tal-iffrankar tal-enerġija. Il-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku (‘CHP’) huwa l-mod l-iktar effiċjenti ta’ produzzjoni ta’ elettriku u sħana fl-istess ħin. Bil-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana flimkien, tinħela inqas enerġija fil-produzzjoni. L-importanza tas-CHP fl-istrateġija tal-enerġija tal-UE ġiet enfasizzata bl-adozzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (19). Tista’ wkoll issir referenza għall-kapitolu dwar il-koġenerazzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija: Nutilizzaw il-Potenzjal (20). Dan id-dokument jindika wkoll il-potenzjal tas-sħana mill-iskart, pereżempju minn industrija jew utilitajiet, għal applikazzjonijiet utli, pereżempju fit-tisħin distrettwali (minn hawn ’il quddiem ‘DH’). Barra minn hekk, id-DH jista’ jkollu effiċjenza ta’ enerġija ogħla mit-tisħin individwali u jista’ jipprovdi titjib sinifikanti fil-kwalità tal-arja urbana. Għalhekk, jekk kemm-il darba jintwera li d-DH iniġġes inqas u huwa aktar effiċjenti fil-proċess ta’ ġenerazzjoni u fid-distribuzzjoni tas-sħana iżda jiswa aktar mit-tisħin individwali, l-għajnuna mill-Istat tista’ tingħata bil-ħsieb li tagħti inċentivi sabiex jinkisbu miri ambjentali. Madankollu, bħal fil-każ tal-enerġiji li jiġġeddu, l-internalizzazzjoni progressiva tal-esternalitajiet ambjentali fl-ispejjeż ta’ teknoloġiji oħra jistgħu jkunu mistennija li jnaqqsu l-ħtieġa tal-għajnuna billi jwasslu għal konverġenza gradwali ta’ dawn l-ispejjeż ma’ dawk tas-CHP u d-DH.

    1.5.8.   Għajnuna għall-ġestjoni tal-iskart

    52.

    Din ix-xorta ta’ għajnuna tfittex li tagħti inċentivi individwali sabiex jintlaħqu miri ambjentali marbuta mal-ġestjoni tal-iskart (21). Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Komunitarju għall-Ambjent (22) jidentifika l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart bħala waħda mill-erba’ prijoritajiet ewlenin. L-għan ewlieni tagħha huwa li tifred il-ħolqien tal-iskart mill-attività ekonomika, biex b’hekk it-tkabbir fl-UE ma jwassalx għal aktar u aktar skart. F’dan il-kuntest, l-għajnuna mill-Istat tista’ tingħata lill-produttur tal-iskart (taħt it-Taqsima 3.1.1) kif ukoll lill-impriżi li jiġġestixxu jew jirriċiklaw l-iskart iġġenerat minn impriżi oħra (taħt it-Taqsima 3.1.9). Madankollu, l-effetti pożittivi fuq l-ambjent għandhom jiġu assigurati, il-PPP ma għandux jinqabeż u ma għandux ikun hemm distorsjoni għall-operazzjoni normali tas-swieq ta’ materjali sekondarji.

    1.5.9.   Għajnuna għar-riabilitazzjoni ta’ siti kontaminati

    53.

    Din ix-xorta ta’ għajnuna hija maħsuba biex toħloq inċentiv individwali sabiex jagħmel tajjeb għall-effetti ta’ esternalitajiet negattivi, fejn ma jkunx possibbli li min iniġġes jiġi identifikat u mġiegħel iħallas biex isewwi l-ħsara ambjentali li jkun ikkawża. F’każijiet bħal dawn, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun iġġustifikata jekk l-ispiża tar-riabilitazzjoni tkun ogħla miż-żieda li tirriżulta fil-valur tas-sit.

    1.5.10.   L-għajnuna għar-rilokazzjoni tal-impriżi

    54.

    Dan it-tip ta’ investiment għandu l-għan li joħloq inċentivi individwali sabiex jitnaqqsu esternalitajiet negattivi permezz tar-rilokazzjoni ta’ impriżi li joħolqu tniġġis kbir lejn żoni fejn tali tniġġis jagħmel inqas ħsara, fi kliem ieħor, inqas spejjeż esterni. F’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, dawn il-Linji Gwida jintroduċu l-possibbiltà tal-għoti ta’ għajnuna għar-rilokazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ riskju kbir skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (23) (minn hawn ’il quddiem id-‘Direttiva Seveso II’) (24). Inċidenti fl-imgħoddi wrew li l-lokazzjoni ta’ stabbiliment kopert mid-Direttiva Seveso II hija ta’ importanza kruċjali kemm f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni kif ukoll fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ inċidenti fuq il-persuni u l-ambjent. L-għajnuna mill-Istat tista’ għalhekk tkun iġġustifikata jekk ir-rilokazzjoni ssir għal raġunijiet ambjentali. Biex jiġi żgurat li l-għajnuna li tingħata għal rikolazzjoni ma tintużax għal skopijiet oħra, hija meħtieġa deċiżjoni amministrativa jew legali ta’ awtorità pubblika kompetenti jew ftehim bejn l-awtorità pubblika kompetenti u l-impriżi għar-rilokazzjoni tal-kumpanija. L-ispejjeż eliġibbli għandhom jirriflettu kwalunkwe żvantaġġ li tista’ ssofri l-kumpanija minħabba riallokazzjoni.

    1.5.11.   Għajnuna involuta fl-iskemi ta’ permessi negozjabbli

    55.

    L-iskemi ta’ permessi negozjabbli jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat permezz ta’ diversi modi, pereżempju, meta l-Istati EFTA jagħtu permessi u benefiċċji b’valur li jkun inqas minn dak tas-suq u dan ikun imputabbli lill-Istati EFTA. Din ix-xorta ta’ għajnuna tista’ tintuża biex tikkumpensa indirettament għall-esternalitajiet negattivi billi jitħalla d-dħul ta’ strumenti bbażati fuq is-suq li jkollhom għanijiet ambjentali. Jekk l-ammont globali ta’ permessi mogħtija mill-Istat Membru jkun inqas mill-ħtiġijiet globali mistennija tal-impriżi, l-effett globali fuq il-livell ta’ ħarsien tal-ambjent ikun pożittiv. Fuq il-livell individwali ta’ kull impriża, jekk il-konċessjonijiet mogħtija ma jkoprux it-totalità tal-ħtiġijiet mistennija tal-impriża, din għandha jew tnaqqas it-tniġġis tagħha (u b’hekk tikkontribwixxi għat-titjib tal-livell ta’ ħarsien ambjentali) jew tixtri konċessjonijiet supplimentari fis-suq u b’hekk tħallas korrispettiv għat-tniġġis tagħha. Sabiex ikun limitat it-tfixkil tal-kompetizzjoni, ma tista’ tkun iġġustifikata l-ebda allokazzjoni żejda ta’ konċessjonijiet u għandu jkun hemm dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati ostakli mhux dovuti għad-dħul.

    56.

    Il-kriterji stipulati fil-punt 54 huma l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ sitwazzjonijiet li jirriżultaw fil-perjodu ta’ skambju li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012. F’dak li jirrigwarda sitwazzjonijiet li jirriżultaw mill-perjodu ta’ skambju wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-miżuri skont jekk ikunux kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonali.

    1.5.12.   Għajnuna f’forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali

    57.

    It-tnaqqis fi u eżenzjonijiet minn taxxi ambjentali li jikkonċernaw ċerti setturi jew kategoriji ta’ impriżi jistgħu jagħmlu fattibbli l-adozzjoni ta’ taxxi ogħla għal impriżi oħra biex b’hekk ir-riżultat ikun titjib globali fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż u jinħolqu iktar inċentivi għal titjib fil-ħarsien ambjentali. Għalhekk, din ix-xorta ta’ għajnuna tista’ tkun meħtieġa biex tindirizza indirettament esternalitajiet negattivi billi tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni jew iż-żamma ta’ tassazzjoni ambjentali nazzjonali relattivament għolja. Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, irid jiġi ppruvat li l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis huma meħtieġa għall-kategoriji kollha ssuġġeriti ta’ benefiċjarji u li huma proporzjonali fid-daqs. Wieħed jassumi li dan huwa l-każ jekk il-benefiċjarji jħallsu mill-inqas il-minimu tal-livell ta’ taxxa Komunitarja stipulat mid-Direttiva applikabbli, jekk ikun hemm (25). Inkella, il-ħtieġa tiddependi fuq il-firxa tal-impatt tat-taxxa nazzjonali fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni kif ukoll fuq il-possibbiltà li t-taxxa titħallas mill-konsumaturi u tnaqqas il-marġni tal-profitti. Il-proporzjonalità tiddependi minn kemm il-benefiċjarji jistgħu jnaqqsu iktar il-konsum jew l-emissjonijiet, iħallsu parti mit-taxxa nazzjonali jew jidħlu fi ftehim ambjentali għat-tnaqqis tat-tniġġis (26).

    2.   Ambitu ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

    2.1.   Ambitu tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida

    58.

    Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u għandhom jiġu applikati skont linji oħra ta’ politika taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat u dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ŻEE u l-leġiżlazzjoni adottata skont il-Ftehim ŻEE (27).

    59.

    Dawn il-Linji Gwida japplikaw għal għajnuna (28) għas-sostenn tal-ħarsien ambjentali fis-setturi kollha rregolati mill-Ftehim ŻEE. Japplikaw ukoll għal dawk is-setturi li huma soġġetti għal regoli speċifiċi taż-ŻEE dwar l-għajnuna mill-Istat (ipproċessar ta’ azzar, bini ta’ bastimenti, vetturi bil-mutur, fibri sintetiċi, trasport u faħam) sakemm tali regoli speċifiċi ma jipprovdux mod ieħor.

    60.

    Id-disinn u l-manifattura ta’ prodotti li jħarsu l-ambjent, magni jew mezzi ta’ trasport bil-għan li jitħaddmu b’inqas riżorsi naturali u l-azzjoni meħuda fl-impjanti jew unitajiet oħra ta’ produzzjoni bl-għan li tittejjeb is-sigurezza u l-iġjene m’humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida.

    61.

    Il-kummerċ fi prodotti agrikoli, prodotti ta’ ħut u prodotti oħra tal-baħar jaqa’, fil-parti l-kbira tiegħu, barra l-ambitu tal-Ftehim ŻEE (29). Billi l-Awtorità ma għandhiex il-kompetenza li teżamina l-miżuri tal-għajnuna għall-ħarsien ambjentali li fuq dan il-bażi jaqgħu barra l-ambitu tal-Ftehim ŻEE, dawn il-miżuri mhumiex koperti minn dawn il-Linji Gwida.

    62.

    Il-finanzjament ta’ miżuri ta’ ħarsien ambjentali li jirrigwardaw l-infrastruttura tat-trasport bl-ajru, bl-art, bil-ferrovija, bil-kanali tal-ilma interni u t-trasport marrittimu, inkluż kwalunkwe proġett ta’ interess komuni kif iddefinit fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar il-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ trasport trans-Ewropew (30), m’huwiex kopert minn dawn il-linji gwida.

    63.

    L-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam ambjentali hi soġġetta għar-regoli stabbiliti fil-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità għall-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (31). Madankollu, l-istadju tat-tifrix fis-suq tal-ekoinnovazzjoni (l-akkwist ta’ assi tal-ekoinnovazzjoni) huwa kopert minn dawn il-Linji Gwida.

    64.

    Il-karatteristiċi tal-għajnuna għall-attivitajiet ta’ taħriġ ambjentali ma jiġġustifikawx regoli separati minn dawk dwar attivitajiet ta’ taħriġ b’mod ġenerali, u għalhekk l-Awtorità għandha teżamina tali għajnuna skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (32).

    65.

    Is-servizzi ta’ konsultazzjoni għandhom rwol importanti fl-għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju sabiex jagħmlu progress fil-ħarsien ambjentali. B’mod partikolari, jistgħu jintużaw sabiex isiru ekovalutazzjonijiet jew biex issir evalwazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi għall-impriża minn investiment li jħares l-ambjent u b’hekk jingħata inċentiv lill-SMEs li jassumu dan it-tip ta’ investiment li jsostni l-ħarsien ambjentali. Għajnuna lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju għal servizzi ta’ pariri/konsultazzjoni fil-qasam ambjentali tista’ tingħata taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (33).

    66.

    Dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għal spejjeż mhux rekuperabbli (stranded costs) kif iddefinit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta ma’ spejjeż mhux rekuperabbli (34).

    67.

    Barra minn hekk, safejn id-dispożizzjonijiet relatati mal-iffrankar tal-enerġija stipulati fit-Taqsima 3.1.5 m’humiex applikabbli, dawn il-Linji Gwida ma japplikawx għall-għajnuna mill-Istat għal investiment fl-infrastruttura marbuta mat-tisħin distrettwali li għandu jkun evalwat skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

    68.

    F’xi Stati EFTA, il-kumpaniji jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi ambjentali u, fl-istess ħin, jipparteċipaw fi skemi ta’ permessi ta’ skambju. L-Awtorità għad ma għandhiex esperjenza biżżejjed fl-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà tat-tnaqqis ta’ taxxi ambjentali f’sitwazzjonijiet bħal dawn. B’konsegwenza, għadu kmieni biex il-Kummissjoni tipprovdi gwida ġenerali dwar dan. Minflok, l-evalwazzjoni f’dawn il-każi, sakemm dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, issir fuq il-bażi tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE.

    69.

    Fl-aħħar nett, uħud mill-mezzi li jsostnu l-impjanti ta’ enerġija mill-karburanti fossili jew installazzjonijiet industrijali oħra attrezzati għall-iżolament tas-CO2, faċilitajiet ta’ trasport u ħżin, jew elementi individwali ta’ din il-katina għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju, previsti mill-Istati Membri, jistgħu jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat iżda, meta jitqies in-nuqqas ta’ esperjenza, huwa kmieni wisq biex jiġu stipulati linji gwida għall-awtorizzazzjoni ta’ tali għajnuna. Trid titqies l-importanza strateġika ta’ din it-teknoloġija għaż-ŻEE f’termini ta’ sigurtà tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Għandu wkoll jissemmal-għan Komunitarju għal medda twila ta’ żmien biex il-bdil fil-klima jkun limitat għal 2 °C ogħla mil-livelli pre-industrijali u jissemma’ wkoll l-appoġġ iddikjarat tal-Kummissjoni għall-kostruzzjoni ta’ impjanti ta’ dimostrazzjoni fuq skala industrijali sal-2015 (35), sakemm dawn ikunu siguri għall-ambjent u jkunu jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ambjent. Fuq din il-bażi, l-Awtorità għandu jkollha attitudni ġeneralment pożittiva lejn l-għajnuna mill-Istat għal dan it-tip ta’ proġetti. Il-proġetti jistgħu jiġu evalwati skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, jew ikunu eliġibbli bħala proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim u punt 147 ta’ dawn il-Linji Gwida.

    2.2.   Definizzjonijiet

    70.

    Għall-fini ta’ dawn il-Linji Gwida għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    ‘ħarsien ambjentali’ tfisser kwalunkwe azzjoni mfassla sabiex tiġi rrimedjata jew titwaqqaf ħsara lil ambjenti fiżiċi jew riżorsi naturali mwettqa bl-attivitajiet proprji ta’ benefiċjarju, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tali ħsara jew twassal għal użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi naturali, inklużi miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (36);

    (2)

    ‘miżura għall-iffrankar tal-enerġija’ tfisser kwalunkwe azzjoni li tippermetti lill-impriżi jnaqqsu l-ammont ta’ enerġija użata partikolarment fiċ-ċiklu ta’ produzzjoni tagħhom;

    (3)

    ‘standard Komunitarju’ tfisser

    (i)

    standard Komunitarju obbligatorju li jistabbilixxi l-livelli li għandhom jintlaħqu minn impriżi individwali f’termini ambjentali (37), jew

    (ii)

    l-obbligu skont id-Direttiva 2008/1/KE (38) biex tintuża l-aqwa teknika disponibbli kif stipulat fl-aktar informazzjoni riċenti ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(2) ta’ din id-Direttiva;

    (4)

    ‘ekoinnovazzjoni’ tfisser il-forom kollha ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni li jirriżultaw fi jew li huma intiżi għal titjib tal-ħarsien ambjentali b’mod sinifikanti. L-ekoinnovazzjoni tinkludi proċessi ġodda ta’ produzzjoni, prodotti jew servizzi ġodda, u metodi ġodda ta’ ġestjoni u negozju, li l-użu jew l-implimentazzjoni tagħhom x’aktarx jimpedixxu jew inaqqsu b’mod sostanzjali r-riskji għall-ambjent, it-tniġġis u impatti negattivi oħra tal-użu ta’ riżorsi, tul iċ-ċiklu ta’ attivitajiet relatati.

    Dawn li ġejjin mhumiex meqjusin bħala innovazzjonijiet:

    (i)

    tibdil jew titjib żgħar;

    (ii)

    żieda fil-produzzjoni jew ħiliet ta’ servizzi permezz ta’ żieda ta’ sistemi loġistiċi jew ta’ produzzjoni li huma simili ħafna għal dawk li diġà qed jintużaw;

    (iii)

    tibdil fil-prattiki ta’ negozju, organizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol jew relazzjonijiet esterni li huma bbażati fuq metodi ta’ organizzazzjoni li diġà qegħdin jintużaw fl-impriża;

    (iv)

    tibdil fl-istrateġija ta’ ġestjoni;

    (v)

    amalgamazzjonijiet u akkwisti;

    (vi)

    waqfa mill-użu ta’ proċess;

    (vii)

    sempliċi sostituzzjoni jew estensjoni tal-kapital;

    (viii)

    tibdil li jirriżulta purament minn tibdil fil-prezzijiet tal-fatturi ta’ produzzjoni, l-adattament ta’ prodott għall-klijentela, it-tibdil regolari staġjonali u tibdil ċikliku ieħor;

    (ix)

    il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġodda jew imtejba ħafna;

    (5)

    ‘sorsi ta’enerġija li jiġġeddu’ tfisser is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu non-fossili li ġejjin: l-enerġija mir-riħ, mix-xemx, l-enerġija ġeotermali, enerġija mill-mewġ u mill-moviment tal-ibħra, l-enerġija mill-installazzjonijiet idroelettriċi, enerġija mnissla mill-bijomassi, mill-gassijiet tal-miżbliet, mill-gassijiet jew il-bijogassijiet tal-impjanti tat-trattament tad-dranaġġ;

    (6)

    ‘bijomassa’ tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u tal-annimali), il-forestrija u l-industriji li għandhon x’jaqsmu magħha, u kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart industrijali u muniċipali;

    (7)

    ‘bijokarburanti’ tfisser il-karburant likwidu jew gassuż tat-trasport, prodott mill-bijomassa;

    (8)

    ‘bijokarburanti sostenibbli’ tfisser bijokarburanti li jissodisfaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 15 tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu (39);

    (9)

    ‘enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu’ tfisser l-enerġija prodotta minn impjanti li jużaw biss sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu kif ukoll il-proporzjon, f’termini ta’ valur kalorifiku tal-enerġija, prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu f’impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta’ enerġija konvenzjonali;

    (10)

    ‘koġenerazzjoni’ tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termali u enerġija elettrika u/jew mekkanika;

    (11)

    ‘koġenerazzjonji b’effiċjenza għolja’ tfisser koġenerazzjoni li tissodisfa l-kriterji tal-Anness III għad-Direttiva 2004/8/KE u li tissodisfa l-valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE tal-21 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza għall-produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

    (12)

    ‘tisħin distrettwali’ tfisser il-provvista ta’ sħana fil-forma ta’ fwar jew ilma sħun minn sors ċenrali ta’ produzzjoni permezz ta’ sistema ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni lejn diversi immobbli għal finijiet ta’ tisħin;

    (13)

    ‘tisħin distrettwali b’effiċjenza fl-użu tal-enerġija’ tfisser tisħin distrettwali li fir-rigward tal-ġenerazzjoni jew jissodisfa l-kriterji għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja jew, fil-każ ta’ bojlers ta’ tisħin biss, jissodisfa l-valuri ta’ referenza għall-produzzjoni tas-sħana separata kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2007/74/KE;

    (14)

    ‘taxxa ambjentali’ tfisser taxxa li l-bażi taxxabbli speċifika għaliha jkollha effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li tfittex li tintaxxa ċerti attivitajiet, prodotti jew servizzi sabiex l-ispejjeż ambjentali jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-prezz tagħhom u/jew sabiex il-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw aktar lill-ambjent;

    (15)

    ‘livell minimu Komunitarju ta’ taxxa’ tfisser il-livell minimu ta’ tassazzjoni previst fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għall-prodotti tal-enerġija u l-elettriku, il-livell minimu Komunitarju ta’ taxxa għandu jitqies bħala l-livell minimu ta’ tassazzjoni stipulat fl-Anness 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (41);

    (16)

    ‘impriżi żgħar u ta’ daqs medju’ (minn hawn ’il quddiem ‘SMEs’), ‘impriżi żgħar’ u ‘impriżi ta’ daqs medju’ (jew ‘impriżi’) tfisser dawk l-impriżi li huma skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 jew kwalunkwe regolament li jissostitwixxih (42);

    (17)

    ‘intrapriżi kbar’ u ‘impriżi kbar’ tfisser impriżi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

    (18)

    ‘għajnuna’ tfisser kwalunkwe miżura li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE;

    (19)

    ‘intensità tal-għajnuna’ tfisser l-ammont tal-għajnuna gross espressa bħala perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli. Iċ-ċifri kollha użati għandhom jiġu rreġistrati qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi dritt ieħor. Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra li ma tkunx għotja, l-ammont tal-għajnuna jrid ikun l-ekwivalenti f’għotja tal-għajnuna. Għajnuna li titħallas f’diversi pagamenti għandha tiġi kkalkulata fil-valur tagħha fi żmien l-għotja. Ir-rata ta’ imgħax li għandha tiġi applikata għal skopijiet ta’ skont u għall-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna f’self b’rata ta’ imgħax baxxa trid tkun ir-rata ta’ referenza applikata fi żmien l-għotja. L-intensità tal-għajnuna hija kkalkulata għal kull benefiċjarju;

    (20)

    ‘benefiċċji (profitti) operattivi’ tfisser, partikolarment u għall-fini tal-ikkalkolar tal-ispejjeż eliġibbli, l-ekonomija tal-ispejjeż jew il-produzzjoni anċillari addizzjonali direttament marbuta mal-investiment addizzjonali għall-ħarsien ambjentali u, fejn applikabbli, il-benefiċċji li jiżdiedu minn miżuri oħra ta’ sostenn kemm jekk ikunu għajnuna mill-Istat kif ukoll jekk le (għajnuna operattiva li tingħata għall-istess spejjeż eliġibbli, tariffi ta’ alimentazzjoni jew miżuri oħra ta’ sostenn). B’kuntrast għal dan, il-profitti li jirriżultaw mill-bejgħ mill-impriża ta’ awtorizzazzjonijiet skambjabbli taħt is-Sistema Ewropea għall-Iskambju ma jistgħux jitqiesu bħala benefiċċji operattivi;

    (21)

    ‘spejjeż operattivi’ tfisser, b’mod partikolari u għall-finijiet tal-ikkalkular tal-ispejjeż eliġibbli, l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni li jirriżultaw mill-investiment barrani għall-ħarsien tal-ambjent;

    (22)

    ‘assi tanġibbli’ tfisser, għall-finijiet tal-ikkalkular tal-ispejjeż eliġibbli, investimenti f’art li huma strettament meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, investimenti fil-bini, fl-impjanti u fit-tagħmir maħsuba sabiex inaqqsu jew jeliminaw it-tniġġis u l-inkonvenjenzi, u investimenti biex jiġu adottati metodi ta’ produzzjoni bil-għan li jitħares l-ambjent;

    (23)

    ‘assi intanġibbli’ tfisser, għall-finijiet tal-ikkalkular tal-ispejjeż eliġibbli, infiq fuq it-trasferiment tat-teknoloġija permezz tal-akkwist ta’ liċenzji ta’ sfruttament jew ta’ konoxxenzi tekniċi kemm jekk soġġetti għal privattiva u kif ukoll jekk mhumiex, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    l-ass intanġibbli jrid jitqies bħala assi li jitlef il-valur,

    (ii)

    irid jinxtara taħt termini tas-suq, mingħand impriża li fiha l-akkwirent ma jkollu l-ebda setgħa ta’ kontroll dirett jew indirett,

    (iii)

    irid jiġi inkluż fl-assi tal-impriża, u jibqa’ fl-istabbiliment tal-benefiċjarju tal-għajnuna u jintuża hemmhekk għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin. Din il-kundizzjoni ma tapplikax jekk dan l-ass intanġibbli jkun teknikament skadut. Jekk jinbiegħ matul dawn il-ħames snin, id-dħul mill-bejgħ irid jitnaqqas mill-ispejjeż eliġibbli u l-ammont sħiħ tal-għajnuna jew parti minnu jridu, fejn hu xieraq, jitħallsu lura;

    (24)

    ‘internalizzazzjoni tal-ispejjeż’ tfisser il-prinċipju li l-ispejjeż kollha assoċjati mal-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu inklużi fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impriżi li jwettqu t-tniġġis;

    (25)

    ‘il-prinċipju “min iniġġes iħallas” ’ tfisser li l-ispejjeż tal-miżuri meħuda biex ikun indirizzat it-tniġġis għandhom jitħallsu minn min iniġġes, minbarra meta l-persuna responsabbli għat-tniġġis ma tkunx tista’ tiġi identifikata jew ma tkunx tista’ tinstab responsabbli skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali jew ma tkunx tista’ tiġi mġiegħla terfa’ l-ispejjeż tar-riabilitazzjoni. F’dan il-kuntest, it-tniġġis jitqies bħala l-ħsara kkawżata minn min iniġġes billi b’mod dirett jew indirett ikun għamel ħsara lill-ambjent, jew billi jkun ħoloq kundizzjonijiet li jwasslu għal din il-ħsara (43), lill-ambjent fiżiku ta’ madwarna jew lir-riżorsi naturali;

    (26)

    ‘min iniġġes’ tfisser xi ħadd li direttament jew indirettament jikkawża ħsara lill-ambjent jew joħloq kundizzjonijiet li jwasslu għal din il-ħsara (44);

    (27)

    ‘sit ikkontaminat’ tfisser fejn ikun hemm preżenza kkonfermata, ikkawżata mill-bniedem, ta’ sustanzi perikolużi ta’ livell tali li dawn is-sustanzi jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent meta jitqies l-użu attwali u l-użu ġejjieni approvat tal-art ikkonċernata.

    3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 61(3) tal-ftehim Żee

    3.1.   Kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE

    71.

    L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent hija kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE jekk, fuq il-bażi tat-test tal-ibbilanċjar, twassal għal żieda fl-attivitajiet favur il-ħarsien ambjentali mingħajr ma taffettwa negattivament il-kundizzjonijiet kummerċjali sa limitu kuntrarju għall-interess komuni. F’dan il-kuntest, it-tul ta’ żmien li għandhom jieħdu l-iskemi tal-għajnuna għandu jkun suġġett għal skadenzi raġonevoli, bla ħsara għall-possibbiltà li Stat tal-EFTA jinnotifika mill-ġdid miżura wara li tkun għaddiet l-iskadenza ffissata b’deċiżjoni tal-Awtorità. L-Istati tal-EFTA jistgħu jsostnu notifikazzjonijiet ta’ miżuri ta’ għajnuna permezz ta’ evalwazzjonijiet rigorużi ta’ miżuri ta’ għajnuna simili tal-imgħoddi li jipprovdu xhieda tal-effett ta’ inċentivazzjoni tal-għajnuna.

    72.

    Jista’ jinstab li l-miżuri deskritti fil-punti 73 sa 146 jkunu kompatibbli skont l-Artikolu 61(3)(c).

    3.1.1.   Għajnuna lil impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji  (45)

    73.

    Għajnuna għall-investimenti li permezz tagħha l-impriżi jkunu jistgħu jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji għall-ħarsien tal-ambjent jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji għandha titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 74 sa 84 u t-Taqsima 3.2 jiġu ssodisfati.

    74.

    L-investiment megħjun irid jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-investiment jippermetti lill-benefiċjarju jgħolli l-livell tal-ħarsien ambjentali li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu billi jmur lil hinn mill-istandards Komunitarji applikabbli, indipendentament mill-eżistenza ta’ standards nazzjonali obbligatorji li jkunu aktar rigorużi mill-istandard Komunitarju, jew

    (b)

    l-investiment jippermetti lill-benefiċjarju jgħolli l-livell tal-ħarsien ambjentali li jirriżulta mill-attivitajiet tiegħu fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji.

    75.

    L-għajnuna ma tistax tingħata meta t-titjib iwassal lill-impriżi għal konformità ma’ standards Komunitarji li jkunu diġà adottati imma ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ (46).

    Intensità tal-għajnuna

    76.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-50 % tal-ispejjeż tal-investiment eliġibbli kif iddefiniti fil-punti 80 sa 84.

    77.

    Meta l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta’ sejħa għall-offerti li jkun ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji, li effettivament ikun ifisser garanzija li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu meħtieġ biex jinkiseb il-benefiċċju ambjentali, l-intensità tal-għajnuna tista’ tammonta għal 100 % tal-ispejjeż tal-investiment eliġibbli kif iddefiniti fil-punti 80 sa 84. Dan il-proċess ta’ sejħa għall-offerti jrid ikun non-diskriminatorju u jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta’ għadd suffiċjenti ta’ impriżi. Barra dan, il-baġit marbut mal-proċess ta’ sejħa għall-offerti jrid jikkostitwixxi limitazzjoni vinkolanti fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu l-għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna trid tingħata fuq il-bażi tal-offerta inizjali sottomessa mill-offerent, biex b’hekk ikunu esklużi negozjati sussegwenti.

    78.

    Meta l-investiment jirrigwarda l-ksib ta’ assi ekoinnovattiv jew it-tnedija ta’ proġett ekoinnovattiv, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali, sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    l-ass jew il-proġett ekoinnovattivi jridu jkunu ġodda jew imtejba sostanzjalment meta mqabbla mal-aħħar u l-aħjar fl-industrija tagħhom fiż-ŻEE. L-Istati EFTA jistgħu, pereżempju, juru l-karattru innovattiv, billi jipprovdu deskrizzjoni ddettaljata tal-innovazzjoni u l-kundizzjonijiet tas-suq għall-introduzzjoni u d-distribuzzjoni tagħha, filwaqt li jqabbluha mal-aħħar u l-aħjar proċessi u teknika organizzattiva ġeneralment użati minn impriżi oħra fl-istess settur industrijali;

    (b)

    il-benefiċċju ambjentali mistenni jrid ikun ferm ogħla mit-titjib li jirriżulta mill-evoluzzjoni ġenerali tal-livell teknoloġiku li jikkaratterizza attivitajiet komparabbli (47);

    (c)

    il-karattru innovattiv ta’ dawn l-assi jew proġetti jinvolvi ċertu livell ta’ riskju teknoloġiku, kummerċjali jew finanzjarju, li huwa ogħla mir-riskju ġeneralment assoċjat mal-assi u l-proġetti non-innovattivi komparabbli. L-Istat EFTA jista’ jipprovdi xhieda tal-eżistenza ta’ dan ir-riskju, pereżempju, fit-termini ta’: l-ispejjeż marbuta mal-fatturat tal-impriża, iż-żmien meħtieġ għall-iżvilupp, il-benefiċċji mistennija mill-ekoinnovazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu l-ispejjeż jew il-probabbiltà ta’ falliment.

    79.

    Meta l-għajnuna għall-investiment lill-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji tingħata lill-SMEs, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għall-impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għall-impriżi ż-żgħar, kif stabbilit fit-Tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għall-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji

    ħlief għall-ekoinnovazzjoni

    Intensità tal-għajnuna għall-impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji

    fis-settur tal-ekoinnovazzjoni

    Impriżi żgħar

    70  %

    80  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    60  %

    70  %

    Impriżi kbar

    50  %

    60  %

    Kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli - metodoloġija

    80.

    L-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu limitati għall-ispejjeż supplimentari tal-investiment meħtieġa biex jinkiseb livell ogħla ta’ ħarsien ambjentali minn dak li jeżiġu l-istandards Komunitarji u għandhom jiġu kkalkulati f’żewġ stadji. L-ewwel, l-ispejjeż tal-investiment marbuta direttament mal-ħarsien ambjentali għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ referenza għas-sitwazzjoni kontrafattwali, meta dan ikun xieraq. It-tieni, il-profitti operattivi għandhom jitnaqqsu u l-ispejjeż operattivi għandhom jiġu miżjuda.

    81.

    Identifikazzjoni tal-parti tal-investiment marbut direttament mal-ħarsien ambjentali:

    (a)

    jekk l-ispejjeż tal-investiment favur il-ħarsien ambjentali jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod faċli fl-intern tal-ispiża totali tal-investiment, l-ispejjeż eliġibbli jikkorrispondu sewwasew ma’ dik l-ispiża marbuta mal-ħarsien ambjentali (48);

    (b)

    fil-każi l-oħra kollha, l-ispejjeż supplimentari tal-investiment iridu jiġu stabbiliti billi l-investiment jitqabbel mas-sitwazzjoni kontrafattwali fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat. Il-kontrafattwali korretta hija l-ispiża ta’ investiment teknikament komparabbli li tipprovdi livell inferjuri ta’ ħarsien ambjentali (li jikkorrispondi għal standards Komunitarji obbligatorji, jekk dawn ikunu jeżistu) u li tkun tista’ tinkiseb b’mod kredibbli mingħajr l-għajnuna (‘investiment ta’ referenza’). Investiment paragunabbli mill-perspettiva teknika huwa investiment bl-istess kapaċità ta’ produzzjoni u bil-karatteristiċi tekniċi l-oħrajn kollha (ħlief dawk b’rabta diretta mal-investiment supplimentari għall-ħarsien ambjentali). Barra minn hekk, dan l-investiment ta’ referenza jrid, minn perspettiva kummerċjali, ikun alternattiva kredibbli għall-investiment li qed jiġi vvalutat.

    82.

    Identifikazzjoni tal-ispejjeż/il-benefiċċji operattivi: sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan il-kapitolu, l-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati netti minn kwalunkwe profitt operattiv u spejjeż operattivi marbuta mal-investiment supplimentari għall-ħarsien ambjentali u li jkunu ġew iġġenerati matul l-ewwel ħames snin tal-ħajja tal-investiment ikkonċernat. Dan ifisser li dawn il-profitti operattivi jrid jitnaqqsu u dawn l-ispejjeż operattivi jridu jintgħaddu mal-ispejjeż tal-investiment supplimentari.

    83.

    L-investiment eliġibbli jista’ jieħu l-forma ta’ investiment f’assi tanġibbli u/jew f’assi intanġibbli.

    84.

    Fil-każ ta’ investimenti li l-mira tagħhom hija li jinkiseb livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla mill-istandards Komunitarji, is-sitwazzjoni kontrofattwali għandha tintgħażel kif ġej:

    (a)

    meta l-impriża tkun qed tadatta għal standards nazzjonali adottati fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji, l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż tal-investiment addizzjonali meħtieġa biex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien ambjentali li jeżiġu l-istandards nazzjonali;

    (b)

    meta l-impriża tkun qiegħda tadatta għal, jew tkun qed tmur lil hinn mill-istandards nazzjonali li jkunu aktar rigorużi mill-istandards Komunitarji rilevanti jew qiegħda tmur lil hinn mill-istandards Komunitarji, l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż tal-investiment addizzjonali meħtieġa biex jinkiseb livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla mil-livell li jeżiġu l-istandards Komunitarji. L-ispejjeż tal-investimenti meħtieġa biex jintlaħaq il-livell ta’ ħarsien li jeżiġu l-istandards Komunitarji mhumiex eliġibbli;

    (c)

    meta ma jkun jeżisti ebda standard, l-ispejjeż eliġibbli jkunu jikkonsistu fl-ispejjeż tal-investiment meħtieġa biex jinkiseb livell ta’ ħarsien ambjentali ogħla minn dak li l-impriża jew l-impriżi kkonċernati setgħu jiksbu fin-nuqqas ta’ kwalunkwe għajnuna ambjentali.

    3.1.2.   Għajnuna għall-akkwist ta’ mezzi ġodda ta’ trasport li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji

    85.

    Ir-regoli ġenerali stabbiliti fil-punti 73 sa 84 japplikaw għal għajnuna lil impriżi li l-intenzjoni tagħhom hija li jitejbu l-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji fis-settur tat-trasport. B’deroga mill-punt 75, l-għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi ġodda għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bil-baħar u minn mogħdijiet navigabbli interni li jikkonformaw mal-istandards Komunitarji adottati hija awtorizzata, sakemm l-akkwist tal-vetturi jsir qabel ma jidħlu fis-seħħ l-istandards Komunitarji l-ġodda u sakemm dawn, ladarba obbligatorji, ma japplikawx b’mod retroattiv għal vetturi diġà mixtrija.

    86.

    Fil-każi ta’ operazzjonijiet ta’ attrezzar ta’ vetturi diġà fiċ-ċirkulazzjoni bil-għan li jitħares l-ambjent fis-settur tat-trasport, l-ispejjeż eliġibbli jkunu l-ispejjeż netti addizzjonali totali skont il-metodu tal-ikkalkular tal-ispejjeż eliġibbli stabbilit fil-punti 80 sa 84 jekk il-mezzi ta’ trasport eżistenti jiġu aġġornati għall-istandards ambjentali li ma kinux għadhom fis-seħħ fid-data meta dawn il-mezzi kienu saru operattivi jew jekk dawn il-mezzi ma jkunux soġġetti għal kwalunkwe standard ambjentali.

    3.1.3.   Għajnuna għall-adozzjoni bikrija ta’ standards Komunitarji ġejjiena

    87.

    L-għajnuna biex tintlaħaq konformità mal-istandards Komunitarji ġodda li jgħollu l-livell tal-ħarsien ambjentali li għadhom mhumiex fis-seħħ, għandha titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE sakemm l-istandards Komunitarji jkunu ġew adottati, u sakemm l-investiment ikun ġie implimentat u ffinalizzat mill-inqas sena qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandard.

    Intensità tal-għajnuna

    88.

    L-intensitajiet massimi ta’ għajnuna għandhom ikunu 25 % għall-impriżi ż-żgħar, 20 % għall-impriżi ta’ daqs medju u 15 % għall-impriżi l-kbar jekk l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jitwettqu iktar minn tliet snin qabel id-data obbligatorja tat-traspożizzjoni jew id-data tad-dħul fis-seħħ. L-intensità tal-għajnuna għandha tkun 20 % għall-impriżi ż-żgħar, 15 % għall-impriżi ta’ daqs medju u 10 % għall-impriżi l-kbar jekk l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jitwettqu bejn sena u tliet snin qabel id-data obbligatorja tat-traspożizzjoni jew id-data tad-dħul fis-seħħ.

     

    Intensità tal-għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji meta l-implimentazzjoni u l-finalizzazzjoni jseħħu:

    Iktar minn tliet snin qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandard

    Bejn sena u tliet snin qabel id-dħul fis-seħħ tal-istandard

    Impriżi żgħar

    25  %

    20  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    20  %

    15  %

    Impriżi kbar

    15  %

    10  %

    Spejjeż eliġibbli

    89.

    L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali tal-investiment meħtieġa biex jinkiseb il-livell ta’ ħarsien ambjentali li jeżiġi l-istandard Komunitarju meta mqabbel mal-livell eżistenti ta’ ħarsien ambjentali meħtieġ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-istandard.

    90.

    L-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati bħala nett ta’ kwalunkwe benefiċċju u spiża operattiva marbuta mal-investiment addizzjonali u li tirriżulta matul l-ewwel ħames snin ħajja ta’ dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81, 82 u 83.

    3.1.4.   Għajnuna għal studji ambjentali

    91.

    Għajnuna lil kumpaniji għal studji b’rabta diretta ma’ investimenti għall-fini ta’ lħuq ta’ standards skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.1.1, u ta’ ksib ta’ ffrankar tal-enerġija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.1.5 ta’ produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.1.6, għandha tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu jkunu ssodisfati. Dan għandu japplika wkoll f’każi fejn, wara r-riżultati ta’ studju preparatorju, l-investiment li jkun qed jiġi eżaminat ma jitwettaqx.

    92.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-50 % tal-ispejjeż tal-istudju.

    93.

    Meta l-istudju jsir f’isem SME, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għall-impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għall-impriżi ż-żgħar, kif inhu stipulat fit-Tabella.

     

    Studji ambjentali

    Impriżi żgħar

    70  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    60  %

    Impriżi kbar

    50  %

    3.1.5.   Għajnuna għall-iffrankar tal-enerġija

    94.

    Għajnuna għall-investiment u/jew għajnuna operattiva li jippermettu lill-impriżi jiksbu ffrankar tal-enerġija għandhom jiġu kkunsidrati kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, sakemm jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

    3.1.5.1.   Għajnuna għall-investiment

    Intensità tal-għajnuna

    95.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż is-60 % tal-ispejjeż tal-investiment eliġibbli.

    96.

    Fejn l-għajnuna għall-investiment għall-iffrankar tal-enerġija tingħata lill-SMEs, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għall-impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għall-impriżi ż-żgħar, kif jidher fit-Tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għall-iffrankar tal-enerġija

    Impriżi żgħar

    80  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    70  %

    Impriżi kbar

    60  %

    97.

    Fejn l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta’ sejħa għall-offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb l-iffrankar massimu ta’ enerġija, l-intensità tal-għajnuna tista’ tilħaq sa 100 % tal-ispiża eliġibbli għall-investiment kif iddefinit fil-punt 98. Dan il-proċess ta’ sejħa għall-offerti jrid ikun non-diskriminatorju u jrid jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta’ għadd suffiċjenti ta’ impriżi. Barra minn hekk, il-baġit marbut mal-proċess tas-sejħa għall-offerti jrid ikun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna trid tingħata fuq il-bażi tal-offerta inizjali sottomessa mill-offerent, u b’hekk ikunu esklużi negozjati sussegwenti.

    Spejjeż eliġibbli

    98.

    L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu limitati għall-ispejjeż addizzjonali tal-investiment meħtieġa biex jinkiseb iffrankar tal-enerġija f’livell ogħla mil-livell li jeżiġu l-istandards Komunitarji.

    Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu josserva r-regoli li ġejjin:

    (a)

    il-parti tal-investiment marbuta direttament mal-iffrankar tal-enerġija trid tiġi identifikata skont ir-regoli stabbiliti fil-punti 81 u 83 ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (b)

    il-livell ta’ ffrankar tal-enerġija ogħla mill-istandards Komunitarji għandu jiġi identifikat skont ir-regoli stabbili fil-punt 84 ta’ dawn il-Linji Gwida;

    (c)

    identifikazzjoni tal-profitti u l-ispejjeż operattivi: l-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati nett ta’ kwalunkwe profitt u spiża operattiva marbuta mal-investiment supplimentari għall-iffrankar tal-enerġija u li jinqalgħu matul l-ewwel tliet snin ħajja ta’ dan l-investiment fil-każ tal-SMEs, u l-ewwel erba’ snin fil-każ ta’ impriżi kbar li mhumiex parti mis-Sistema Ewropea ta’ Skambju tad-Drittijiet tal-Emissjonijiet CO2. Għall-impriżi l-kbar, dan il-perjodu jista’ jitnaqqas għall-ewwel tliet snin ħajja ta’ dan l-investiment meta t-tnaqqis fiż-żmien ta’ dan l-investiment jista’ jiġi pprovat li ma jaqbiżx it-tliet snin.

    3.1.5.2.   Għajnuna operattiva

    99.

    L-għajnuna operattiva għall-iffrankar tal-enerġija għandha tingħata biss jekk dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    l-għajnuna tkun limitata għall-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali netti ta’ produzzjoni li jirriżultaw mill-investiment, waqt li jitqiesu l-benefiċċji li jirriżultaw mill-iffrankar tal-enerġija (49). Fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna operattiva, kwalunkwe għajnuna għall-investiment mogħtija lill-impriża kkonċernata fir-rigward tal-impjant il-ġdid trid titnaqqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni;

    (b)

    l-għajnuna tkun suġġetta għal tul ta’ żmien limitat għal ħames snin.

    100.

    Fil-każ ta’ għajnuna li tonqos gradwalment, l-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-ispejjeż addizzjonali fl-ewwel sena iżda trid tkun naqset b’mod lineari sa żero sal-aħħar tal-ħames sena. Fil-każ ta’ għajnuna li ma tonqosx gradwalment, l-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-50 % tal-ispejjeż addizzjonali.

    3.1.6.   Għajnuna għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu

    101.

    L-investiment għall-ambjent u l-għajnuna operattiva għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu għandhom jitqiesu bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, jekk il-kundizzjonijiet fil-punti 102 sa 111 jiġu ssodisfati. L-għajnuna mill-Istat tista’ tkun iġġustifikata jekk ma jkunx hemm standards Komunitarji obbligatorji li jippreskrivu l-kwota ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu għal impriżi individwali. L-għajnuna għall-investiment u/jew l-għajnuna operattiva għall-produzzjoni tal-bijokarburanti huma awtorizzati biss fil-każ ta’ bijokarburanti sostenibbli.

    3.1.6.1.   Għajnuna għall-investiment

    Intensità tal-għajnuna

    102.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż is-60 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

    103.

    Meta l-għajnuna għall-investiment għas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu tingħata lill-SMEs, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għall-impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għall-impriżi ż-żgħar, kif jidher fit-Tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għal sorsi ta’ għajnuna li jiġġeddu

    Impriżi żgħar

    80  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    70  %

    Impriżi kbar

    60  %

    104.

    Meta l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta’ sejħa għall-offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ għall-provvista ta’ enerġija li tiġġedded, l-intensità tal-għajnuna tista’ tilħaq sa 100 % tal-ispiża eliġibbli għall-investiment kif iddefinit fil-punti 105 sa 106. Dan il-proċess ta’ sejħa għall-offerti jrid ikun non-diskriminatorju u jrid jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta’ għadd suffiċjenti ta’ impriżi. Barra minn hekk, il-baġit marbut mal-proċess ta’ sejħa għall-offerti jrid ikun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna trid tingħata fuq il-bażi tal-offerta inizjali sottomessa mill-offerent, u b’hekk ikunu esklużi negozjati sussegwenti.

    Spejjeż eliġibbli

    105.

    Għall-enerġija li tiġġedded, l-ispejjeż ta’ investiment eliġibbli jridu jkunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali tal-investiment imħallsa mill-benefiċjarju meta mqabbla ma’ impjant tal-enerġija konvenzjonali jew ma’ sistema ta’ tisħin konvenzjonali bl-istess kapaċità f’termini ta’ produzzjoni effettiva tal-enerġija.

    106.

    L-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati nett ta’ kwalunkwe profitt u spiża operattiva marbutin mal-investiment addizzjonali għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin ħajja ta’ dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81, 82 u 83.

    3.1.6.2.   Għajnuna operattiva

    107.

    L-għajnuna operattiva għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded tista’ tkun iġġustifikata biex tkopri d-differenza bejn l-ispiża tal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u l-prezz tas-suq tal-forma tal-enerġija kkonċernata. Dan japplika għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded għall-iskopijiet tal-bejgħ sussegwenti tagħha fis-suq u kif ukoll għall-iskopijiet ta’ konsum proprju tal-impriża.

    108.

    L-Istati EFTA jistgħu jagħtu għajnuna għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu kif ġej:

    109.

    Għażla 1

    (a)

    L-Istati EFTA jistgħu jagħtu għajnuna operattiva biex jikkumpensaw għad-differenza bejn l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded, inkluż it-telf fil-valur ta’ investimenti addizzjonali għall-ħarsien tal-ambjent, u l-prezz tas-suq tal-forma tal-enerġija kkonċernata. L-għajnuna operattiva tista’ mbagħad tingħata sa meta jkun hemm deprezzament sħiħ tal-impjant skont ir-regoli normali tal-kontabilità. Kwalunkwe enerġija oħra prodotta mill-impjant ma tikkwalifika għall-ebda għajnuna. Madankollu, l-għajnuna tista’ tkopri wkoll rendiment normali fuq il-kapital.

    (b)

    Meta l-għajnuna tingħata skont il-punt (a), kwalunkwe għajnuna għall-investiment mogħtija lill-impriża kkonċernata fir-rigward tal-impjant il-ġdid trid titnaqqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni meta jkun qed jiġi kkalkulat l-ammont tal-għajnuna operattiva. Meta jinnotifikaw skemi tal-għajnuna lill-Awtorità, l-Istati EFTA jridu jiddikjaraw preċiżament il-mekkaniżmi ta’ sostenn u b’mod partikolari l-metodi tal-ikkalkular tal-ammont ta’ għajnuna.

    (c)

    Kuntrarjament għall-parti l-kbira tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, il-bijomassa titlob spejjeż relattivament baxxi tal-investiment, iżda spejjeż operattivi ogħla. L-Awtorità għandha, għalhekk, tiffavorixxi għajnuna operattiva għall-produzzjoni ta’ enerġija li tiġġedded mill-bijomassa li taqbeż l-ammont ta’ investiment fejn l-Istati EFTA jkunu jistgħu juru li l-ispejjeż totali mħallsa mill-impriżi wara d-deprezzament tal-impjant ikunu xorta waħda ogħla mill-prezzijiet fis-suq tal-enerġija.

    110.

    Għażla 2

    (a)

    L-Istati EFTA jistgħu wkoll jipprovdu sostenn għall-enerġija li tiġġedded billi jużaw il-mekkaniżmi tas-suq bħalma huma ċertifikati ħodor jew sejħiet għall-offerti. Dawn il-mekkaniżmi tas-suq jippermettu lill-produtturi kollha tal-enerġija li tiġġedded li jibbenefikaw indirettement minn talba ggarantita għall-enerġija tagħhom bi prezz li jkun ogħla mill-prezz tas-suq għall-enerġija konvenzjonali. Il-prezz ta’ dawn iċ-ċertifikati ħodor ma jkunx iffissat minn qabel iżda jkun jiddependi fuq il-provvista u d-domanda.

    (b)

    Meta l-mekkaniżmi tas-suq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn jistgħu jiġu awtorizzati mill-Awtorità jekk l-Istati EFTA jkunu jistgħu juru li huwa essenzjali li jkun hemm sostenn biex tiġi żgurata l-vijabbiltà tas-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu kkonċernati, u li dan is-sostenn ma jirriżultax globalment f’kumpens żejjed u ma jiddiswadix lill-produtturi tal-enerġija li tiġġedded milli jsiru aktar kompetittivi. Il-Kummissjoni tawtorizza biss dawn is-sistemi ta’ għajnuna għal perjodu massimu ta’ għaxar snin.

    111.

    Għażla 3

    Barra minn hekk, l-Istati EFTA jistgħu jagħtu l-għajnuna operattiva skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt 100.

    3.1.7.   Għajnuna għall-koġenerazzjoni

    112.

    L-investiment ambjentali u l-għajnuna operattiva għall-koġenerazzjoni għandhom jitqiesu bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, sakemm l-unità tal-koġenerazzjoni tissodisfa d-definizzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja stabbilita fil-punt 70(11), u sakemm, fejn għandha x’taqsam l-għajnuna għall-investiment:

    (a)

    unità ġdida ta’ koġenerazzjoni tippermetti li jinkiseb, globalment, iffrankar ta’ enerġija primarja meta mqabbel mal-produzzjoni separata kif iddefinit mid-Direttiva 2004/8/KE (50), u d-Deċiżjoni 2007/74/KE;

    (b)

    it-titjib f’unità ta’ koġenerazzjoni eżistenti jew il-konverżjoni ta’ unità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija eżistenti f’unità ta’ koġenerazzjoni jwasslu għal iffrankar ta’ enerġija primarja f’paragun mas-sitwazzjoni oriġinali.

    113.

    Għal għajnuna operattiva, koġenerazzjoni eżistenti trid tissodisfa kemm id-definizzjoni ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja kif stipulat fil-punt 70(11) kif ukoll ir-rekwiżit li jrid ikun hemm iffrankar globali ta’ enerġija f’paragun mal-produzzjoni separata kif iddefinit mid-Direttiva 2004/8/KE (51) u d-Deċiżjoni 2007/74/KE.

    3.1.7.1.   Għajnuna għall-investiment

    Intensità tal-għajnuna

    114.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż is-60 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

    115.

    Meta l-għajnuna għall-investiment għall-koġenerazzjoni tingħata lill-SMEs, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għall-impriżi ż-żgħar, kif jidher fit-tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja

    Impriżi żgħar

    80  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    70  %

    Impriżi kbar

    60  %

    116.

    Meta l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta’ sejħa għall-offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb iffrankar massimu ta’ enerġija, l-għajnuna tista’ tilħaq 100 % tal-ispiża eliġibbli għall-investiment kif iddefinit fil-punti 117 u 118. Proċess ta’ sejħa għall-offerti ta’ dan it-tip irid ikun non-diskriminatorju u jrid jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta’ għadd suffiċjenti ta’ kumpaniji. Barra minn hekk, il-baġit marbut mal-proċess ta’ sejħa għall-offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi tal-offerta inizjali sottomessa mill-offerent, u b’hekk ikunu esklużi negozjati sussegwenti.

    Spejjeż eliġibbli

    117.

    L-ispejjeż eliġibbli jridu jkunu limitati għall-ispejjeż tal-investiment addizzjonali meħtieġa għall-istabbiliment ta’ impjant ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja meta mqabbla mal-investiment ta’ referenza.

    118.

    L-ispejjeż eliġibbli jridu jiġu kkalkulati bħala nett ta’ kwalunkwe profitt u spiża operattiva marbutin mal-investiment addizzjonali u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin ħajja ta’ dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81 sa 83.

    3.1.7.2.   Għajnuna operattiva

    119.

    Għajnuna operattiva għall-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja tista’ tingħata skont ir-regoli tal-għajnuna operattiva għal enerġija li tiġġedded stabbiliti fit-Taqsima 3.1.6.2:

    (a)

    lil impriżi li jiddistribwixxu l-enerġija elettrika u s-sħana lill-pubbliku fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ din l-enerġija elettrika jew is-sħana jaqbżu l-prezz tas-suq. Id-deċiżjoni dwar jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa għandha tqis l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-enerġija elettrika jew is-sħana;

    (b)

    għall-użu industrijali tal-produzzjoni kkombinata tal-enerġija elettrika u s-sħana fejn jista’ jiġi ppruvat li l-ispiża tal-produzzjoni ta’ unità waħda ta’ enerġija bl-użu ta’ dik it-teknika taqbeż il-prezz tas-suq ta’ unità waħda ta’ enerġija konvenzjonali. L-ispiża tal-produzzjoni tista’ tinkludi d-dħul normali fuq il-kapitali tal-impjant, iżda l-benefiċċji kollha tal-impjant f’termini ta’ produzzjoni tas-sħana jridu jiġu mnaqqsa mill-ispejjeż tal-produzzjoni.

    3.1.8.   Għajnuna għal tisħin distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija

    120.

    L-għajnuna għall-investiment ambjentali f’installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali (52) li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandha tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, sakemm din twassal għal iffrankar tal-enerġija primarja u sakemm l-installazzjoni tat-tisħin distrettwali benefiċjarja tkun tissodisfa d-definizzjoni ta’ tisħin distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija kif stipulat fil-punt 70(13) u li:

    (a)

    l-operazzjoni konġunta tal-ġenerazzjoni tas-sħana (kif ukoll tal-elettriku fil-każ ta’ koġenerazzjoni) kif ukoll id-distribuzzjoni tas-sħana jwasslu għal iffrankar tal-enerġija primarja; jew

    (b)

    l-investiment ikun maħsub għall-użu u d-distribuzzjoni tas-sħana mill-iskart għall-finijiet ta’ tisħin distrettwali.

    Intensità tal-għajnuna

    121.

    L-intensità tal-għajnuna għal installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali ma tridx taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment. Jekk l-għajnuna tkun maħsuba unikament għall-parti produttiva tal-installazzjoni tat-tisħin distrettwali, l-installazzjonijiet tat-tisħin distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jużaw sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu jew koġenerazzjoni għandhom ikunu koperti mir-regoli stabbiliti fit-Taqsimiet 3.1.6 u 3.1.7 rispettivament.

    122.

    Meta l-għajnuna għall-investiment għat-tisħin distrettwali li jkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija tingħata lill-SMEs, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għal impriżi żgħar, kif stipulat f’din it-Tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għal tisħin distrettwali effiċjenti bl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija konvenzjonali

    Impriżi żgħar

    70  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    60  %

    Impriżi kbar

    50  %

    123.

    Meta l-għajnuna għall-investiment tingħata fi proċess ta’ sejħa għall-offerti ġenwinament kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u non-diskriminatorji sabiex ikun żgurat effettivament li l-għajnuna hija limitata għall-ammont minimu meħtieġ biex jinkiseb iffrankar massimu ta’ enerġija, l-għajnuna tista’ tilħaq 100 % tal-ispiża eliġibbli tal-investiment kif iddefinit fil-punti 124 u 125. Proċess ta’ sejħa għall-offerti ta’ dan it-tip irid ikun non-diskriminatorju u jrid jipprovdi għall-parteċipazzjoni ta’ għadd suffiċjenti ta’ kumpaniji. Barra minn hekk, il-baġit marbut mal-proċess ta’ sejħa għall-offerti għandu jkun restrizzjoni li torbot fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna. Fl-aħħar nett, l-għajnuna għandha tingħata fuq il-bażi tal-offerta inizjali sottomessa mill-offerent, u b’hekk ikunu esklużi negozjati sussegwenti.

    Spejjez eliġibbli

    124.

    L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali tal-investiment meħtieġa sabiex isir investiment li jwassal għal tisħin distrettwali li jkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’paragun mal-investiment ta’ riferiment.

    125.

    L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu kkalkulati bħala nett ta’ kwalunkwe profitt u spiża operattiva marbutin mal-investiment addizzjonali u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin ħajja ta’ dan l-investiment, kif stipulat fil-punti 81 sa 83.

    3.1.9.   Għajnuna għall-ġestjoni tal-iskart

    126.

    L-għajnuna għall-investiment ambjentali għall-ġestjoni tal-iskart ta’ impriżi oħra, inklużi attivitajiet ta’ riutilizzazzjoni, riċiklaġġ u rkupru, għandha tkun meqjusa bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE, sakemm din il-ġestjoni tkun skont il-klassifikazzjoni ġerarkika tal-prinċipji tal-ġestjoni tal-iskart (53) u tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 127.

    127.

    L-għajnuna għall-investiment għall-ġestjoni tal-iskart għandha tingħata biss jekk kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun issodisfata:

    (a)

    l-investiment huwa maħsub sabiex inaqqas it-tniġġis maħluq minn impriżi oħra (‘min iniġġes’) u ma jestendix għal tniġġis maħluq mill-benefiċjarju tal-għajnuna;

    (b)

    l-għajnuna ma teżentax b’mod indirett lil min iniġġes mill-piżijiet li għandhom jinġarru minnu skont il-liġi Komunitarja, jew minn piż li għandu jitqies bħala spiża normali azjendali għal min iniġġes;

    (c)

    l-investiment għandu jmur lil hinn minn ‘dak li huwa l-aktar avvanzat’ (54) jew juża teknoloġiji konvenzjonali b’mod innovattiv;

    (d)

    altrimenti, il-materjal ittrattat jitneħħa, jew jiġi ttrattat b’mod li jirrispetta inqas lill-ambjent;

    (e)

    l-investiment ma jillimitax ruħu għal żieda fid-domanda ta’ riċiklaġġ tal-materjal mingħajr ma jżid il-ġbir ta’ dak il-materjal.

    Intensità tal-għajnuna

    128.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-investiment.

    129.

    Meta l-għajnuna għall-investiment għall-ġestjoni tal-iskart tingħata lill-SMEs, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għal impriżi żgħar, kif muri fit-Tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għall-ġestjoni tal-iskart

    Impriżi żgħar

    70  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    60  %

    Impriżi kbar

    50  %

    Spejjeż eliġibbli

    130.

    L-ispejjeż eliġibbli għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż addizzjonali tal-investiment meħtieġa sabiex isir investiment li jwassal għall-ġestjoni tal-iskart u li huma mħallsa mill-benefiċjarju meta mqabbla mal-investiment ta’ riferiment, jiġifieri, il-produzzjoni konvenzjonali li ma tinvolvix il-ġestjoni tal-iskart bl-istess kapaċità. L-ispiża ta’ tali investiment ta’ riferiment għandha titnaqqas mill-ispiża eliġibbli

    131.

    L-ispejjeż eliġibbli għandhom jiġu kkalkulati bħala nett ta’ kwalunkwe profitt u spiża operattiva marbuta mal-investiment addizzjonali għall-ġestjoni tal-iskart u li jirriżultaw matul l-ewwel ħames snin ħajja ta’ dan l-investiment (55), kif stipulat fil-punti 81 sa 83.

    3.1.10.   Għajnuna għar-riabilitazzjoni ta’ siti kontaminati

    132.

    Għajnuna għall-investiment lil impriżi li jsewwu l-ħsara ambjentali billi jirriabilitaw siti kontaminati għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE (56) sakemm din twassal għal titjib fil-ħarsien ambjentali. Il-ħsara ambjentali kkonċernata tkopri ħsara fil-kwalità tal-ħamrija jew tal-ilma tal-wiċċ jew ta’ taħt il-wiċċ tal-art.

    Meta min iniġġes ikun identifikabbli b’mod ċar, din il-persuna għandha tiffinanzja r-riabilitazzjoni skont il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, u l-ebda għajnuna mill-Istat ma tista’ tingħata. F’dan il-kuntest, it-terminu ‘min iniġġes’, jirreferi għall-persuna responsabbli taħt il-liġi applikabbli f’kull Stat EFTA, mingħajr ħsara għall-adozzjoni ta’ regoli Komunitarji f’dan il-qasam.

    Meta l-persuna responsabbli għat-tniġġis ma tiġix identifikata jew ma tkunx tista’ tagħmel tajjeb għall-ispiża, il-persuna responsabbli għax-xogħol tista’ tirċievi l-għajnuna.

    Intensità tal-għajnuna

    133.

    L-għajnuna għar-riabilitazzjoni ta’ siti kontaminati tista’ tammonta sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli.

    Taħt l-ebda ċirkostanza l-ammont totali ta’ għajnuna ma għandu jaqbeż l-ispiża attwali minfuqa mill-impriża.

    Spejjeż eliġibbli

    134.

    L-ispejjeż eliġibbli huma ekwivalenti għall-ispiża tax-xogħol ta’ riabilitazzjoni li minnha trid titnaqqas iż-żieda fil-valur tal-art. L-ispejjeż kollha li tagħmel impriża biex tirrimedja s-sit tagħha, kemm jekk din l-ispiża tista’ tidher bħala assi fiss fil-karta tal-bilanċ tagħha kif ukoll jekk le, jikkwalifikaw bħala investiment eliġibbli fil-każ ta’ rimedjazzjoni ta’ siti mniġġsa.

    3.1.11.   Għajnuna għar-rilokazzjoni tal-impriżi

    135.

    L-għajnuna għall-investiment għar-rilokazzjoni tal-impriżi lejn siti ġodda għal raġunijiet ta’ ħarsien ambjentali għandha titqies bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    il-bidla fil-post trid tkun iddettata minn raġunijiet ta’ ħarsien jew prevenzjoni tal-ambjent u teħtieġ li tkun ġiet ordnata b’deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ awtorità pubblika kompetenti jew miftiehma mill-impriża mal-awtorità pubblika kompetenti;

    (b)

    l-impriża trid tikkonforma mal-istandards ambjentali l-aktar stretti applikabbli fir-reġjun il-ġdid fejn se tiġi rilokata

    136.

    Il-benefiċjarju jista’ jkun:

    (a)

    impriża stabbilita f’żona urbana jew f’żona speċjali ta’ konservazzjoni li hija magħduda bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-flora u l-fawna (57), li tkun, b’mod legali, qed twettaq (jiġifieri, tkun konformi mar-rekwiżiti legali kollha inklużi l-istandards ambjentali kollha applikabbli għaliha) attività li toħloq tniġġis ewlieni u trid, minħabba l-lok fejn tinsab, tiċċaqlaq mill-post fejn tkun stabbilita lejn żona aktar xierqa; jew

    (b)

    stabbiliment jew installazzjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva Seveso II (58).

    Intensità tal-għajnuna

    137.

    L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli. L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied b’għaxar punti perċentwali għal impriżi ta’ daqs medju u b’għoxrin punt perċentwali għal impriżi żgħar, kif muri fit-Tabella.

     

    Intensità tal-għajnuna għar-riallokazzjoni

    Impriżi żgħar

    70  %

    Impriżi ta’ daqs medju

    60  %

    Impriżi kbar

    50  %

    Spejjeż eliġibbli

    138.

    Sabiex jiġi ffissat l-ammont ta’ spejjeż eliġibbli fil-każ ta’ għajnuna għar-riallokazzjoni, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tikkunsidra, b’mod partikolari:

    (a)

    il-vantaġġi li ġejjin:

    (i)

    id-dħul mill-bejgħ jew il-kiri tal-impjant jew l-art abbandunata;

    (ii)

    il-kumpens imħallas fil-każ ta’ esproprijazzjoni;

    (iii)

    kwalunkwe benefiċċju ieħor marbut mat-trasferiment tal-impjant, partikolarment benefiċċji li jirriżultaw minn titjib, fl-okkażjoni tat-trasferiment, fit-teknoloġija użata u benefiċċji ta’ kontabilità assoċjati ma’ użu aħjar tal-impjant;

    (iv)

    investimenti marbuta ma’ kwalunkwe żieda fil-kapaċità.

    (b)

    l-ispejjeż li ġejjin:

    (i)

    l-ispejjeż marbuta max-xiri ta’ art jew il-kostruzzjoni jew xiri ta’ impjant ġdid bl-istess kapaċità tal-impjant imwarrab;

    (ii)

    kwalunkwe penali imposta fuq l-impriża minħabba li tkun waqqfet il-kuntratt tal-kiri tal-art jew bini, jekk id-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li tkun ordnat ir-rilokazzjoni twassal għat-terminazzjoni bikrija ta’ dan il-kuntratt.

    3.1.12.   Għajnuna marbuta ma’ iskemi ta’ permessi negozjabbli

    139.

    Skemi ta’ permessi negozjabbli jistgħu jinvolvu għajnuna mill-Istat f’diversi modi, pereżempju, meta permessi u benefiċċji jingħataw għal prezz li jkun inqas mill-valur tas-suq tagħhom u dan ikun imputabbli lill-Istati EFTA.

    140.

    Għajnuna mill-Istat marbuta ma’ permessi negozjabbli tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE, sakemm il-kundizzjonijiet fil-punti (a) sa (d) ta’ dan il-punt u l-punt 141 ikunu ssodisfati. B’deroga, il-punt 141 ma japplikax għall-perjodu ta’ negozju li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2012 għall-iskemi ta’ permessi negozjabbli skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (59), (‘l-Iskema Ewropea għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ Emissjoni’):

    (a)

    l-iskema ta’ permessi negozjabbli trid tkun stabbilita b’mod tali li tirreġistra l-ilħuq ta’ għanijiet ambjentali lil hinn minn dawk maħsuba li għandhom jintlaħqu fuq il-bażi ta’ standards Komunitarji li huma obbligatorji għall-impriżi kkonċernati;

    (b)

    l-allokazzjoni trid issir b’mod trasparenti, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u ta’ sorsi ta’ dejta tal-ogħla kwalità disponibbli, u l-ammont totali ta’ permessi jew benefiċċji negozzjabbli mogħtija lil kull impriża għal prezz li jkun taħt il-valur tas-suq tagħhom ma jridx ikun ogħla mill-ħtiġijiet mistennija tagħha kif stmati għal sitwazzjoni mingħajr sistema ta’ skambju;

    (c)

    il-metodoloġija tal-allokazzjoni ma għandhiex tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti setturi, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat mil-loġika ambjentali tas-sistema nfisha jew fejn tali regoli jkunu meħtieġa għal konsistenza ma’ linji oħra ta’ politika ambjentali;

    (d)

    b’mod partikolari, bħala prinċipju, parteċipanti ġodda ma għandhomx jirċievu permessi jew benefiċċji b’kundizzjonijiet iktar favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi eżistenti li huma attivi fl-istess swieq. L-għoti ta’ allokazzjonijiet ogħla lil installazzjonijiet eżistenti f’paragun ma’ parteċipanti ġodda ma għandux iwassal għal ostakli żejda għad-dħul fis-suq.

    141.

    L-Awtorità għandha tevalwa l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ għajnuna mill-Istat marbuta ma’ skema ta’ permessi negozjabbli skont il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    l-għażla tal-benefiċjarji għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti u, bħala prinċipju, l-għajnuna għandha tingħata bl-istess mod lill-kompetituri kollha fl-istess settur/suq rilevanti jekk ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali simili;

    (b)

    irkant integrali jwassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull settur jew kategorija ta’ benefiċjarji individwali;

    (c)

    iż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma tistax tingħadda lill-klijenti mingħajr ma jirriżulta tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. Din l-analiżi tista’ ssir fuq il-bażi ta’ stimi ta’, inter alia, l-elastiċità tal-prezz tal-prodott fis-settur ikkonċernat. Dawn l-istimi għandhom isiru fl-ambitu tas-suq ġeografiku rilevanti. Sabiex jiġi evalwat jekk iż-żieda fl-ispejjeż mill-iskema ta’ permessi negozjabbli tistax tingħadda lill-konsumaturi, jistgħu jintużaw stimi ta’ bejgħ mitluf kif ukoll l-impatt fuq il-profittabbiltà tal-kumpanija;

    (d)

    mhux possibbli għal impriżi individwali fis-settur li jnaqqsu l-livelli ta’ emissjonijiet sabiex il-prezz taċ-ċertifikati jkun sostenibbli. Huwa possibbli li tingħata prova tal-irriduċibbiltà tal-livelli ta’ konsum bl-użu tal-livelli ta’ emissjoni miksuba permezz tat-teknika l-aktar vantaġġjuża fiż-ŻEE bħala punt ta’ referenza. L-impriżi kollha li jużaw it-teknika l-aktar vantaġġjuża jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn għotja ekwivalenti għaż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni b’riżultat tal-iskema ta’ permessi negozjabbli billi jibbenefikaw mit-teknika l-aktar vantaġġjuża u li mhux possibbli li din tingħadda lill-konsumatur. L-impriżi bl-agħar riżultati ambjentali jibbenefikaw minn għotjiet iktar baxxi, proporzjonali mal-prestazzjoni ambjentali tagħha.

    3.2.   Effett ta’ inċentiv u ħtieġa ta’ għajnuna

    142.

    L-għajnuna mill-Istat irid ikollha effett ta’ inċentiv. Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali trid tirriżulta f’tibdil ta’ mġiba min-naħa tal-benefiċjarju sabiex il-livell ta’ ħarsien ambjentali jogħla.

    143.

    L-Awtorità tqis li l-għajnuna ma tippreżentax effett ta’ inċentiv għall-benefiċjarju f’dawk il-każi kollha li fihom il-proġett ikun diġà beda qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali.

    144.

    Jekk il-proġett megħjun ikun għadu ma bediex qabel ma tkun saret l-applikazzjoni għall-għajnuna, l-effett ta’ inċentiv jitqies bħala milħuq awtomatikament għall-kategoriji kollha ta’ għajnuna mogħtija lil SME, ħlief f’każi fejn l-għajnuna trid tiġi evalwata skont il-valutazzjoni ddettaljata fil-Kapitolu 5.

    145.

    Għall-proġetti l-oħra kollha megħjuna, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha titlob li l-effett ta’ inċentiv jintwera mill-Istat EFTA li jagħmel in-notifika.

    146.

    Sabiex jintwera l-effett ta’ inċentiv, l-Istat EFTA kkonċernat irid jagħti prova li mingħajr l-għajnuna, jiġifieri fis-sitwazzjoni kontrofattwali, ma kinitx tintgħażel l-alternattiva li l-aktar li tirrispetta lill-ambjent. Għal dan il-għan, l-Istat EFTA kkonċernat irid jipprovdi informazzjoni li turi:

    (a)

    li s-sitwazzjoni kontrofattwali hija kredibbli;

    (b)

    li l-ispejjeż eliġibbli ġew ikkalkulati skont il-metodoloġija stipulata fil-punti 81, 82 u 83, u kif ukoll

    (c)

    li l-investiment ma kienx ikun profittabbli biżżejjed mingħajr għajnuna filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-benefiċċji assoċjati mal-investiment mingħajr għajnuna, inkluż il-valur ta’ permessi negozjabbli li jistgħu jkun disponibbli għall-impriża kkonċernata bħala segwitu tal-investiment ekoloġiku.

    3.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE

    147.

    L-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess komuni Ewropew li huma prijorità ambjentali tista’ titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

    (a)

    il-proposta tal-għajnuna tikkonċerna proġett li huwa speċifiku u definit b’mod ċar fejn għandhom x’jaqsmu t-termini tal-implimentazzjoni tiegħu inklużi l-parteċipanti tiegħu, l-għanijiet tiegħu u l-effetti u l-mezzi biex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-Awtorità tista’ wkoll tikkunsidra li grupp ta’ proġetti jista’ jikkostitwixxi proġett wieħed;

    (b)

    il-proġett irid ikun fl-interess komuni Ewropew: il-proġett irid jikkontribwixxi b’mod konkret, eżemplari u identifikabbli għall-interess taż-ŻEE fis-settur tal-ħarsien ambjentali, pereżempju billi jkun ta’ importanza kbira għall-istrateġija ambjentali taż-ŻEE jew l-Unjoni Ewropea. Il-vantaġġ miksub mill-għan tal-proġett ma jridx ikun limitat għall-Istat EFTA jew l-Istati EFTA li jimplimentah jew jimplimentawh, imma jrid ikun estiż għaż-ŻEE kollha kemm hi. Il-proġett irid jippreżenta kontribuzzjoni sostantiva għall-għanijiet taż-ŻEE jew tal-Komunità. Il-fatt li l-proġett jitwettaq minn impriżi fi Stati ŻEE differenti mhux biżżejjed;

    (c)

    l-għajnuna tkun meħtieġa u tippreżenta inċentiv għat-twettiq tal-proġett, li għandu jinvolvi livell għoli ta’ riskju;

    (d)

    il-proġett ikun ta’ importanza kbira fir-rigward tad-daqs tiegħu: għandu jkun ta’ daqs sostanzjali u jipproduċi effetti ambjentali sostanzjali.

    148.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa tali proġetti, l-interess komuni Ewropew għandu jintwera f’termini prattiċi: pereżempju, għandu jintwera li l-proġett jippermetti li jsir progress sinifikanti lejn l-ilħuq ta’ għanijiet ambjentali speċifiċi taż-ŻEE jew tal-Komunità.

    149.

    L-Awtorità għandha tikkunsidra proġetti nnotifikati b’mod aktar favorevoli jekk dawn ikunu jinkludu kontribuzzjoni sinifikanti għall-proġett min-naħa proprja tal-benefiċjarju. Bl-istess mod, għandha tikkunsidra b’mod aktar favorevoli l-proġetti nnotifikati li jinvolvu lil impriżi minn għadd konsiderevoli ta’ Stati EFTA.

    150.

    Meta l-għajnuna titqies bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità tista’ tawtorizza perċentwal ta’ għajnuna ogħla minn dak li inkella jkun stabbilit minn dawn il-Linji Gwida.

    4.   Għajnuna f’forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet fiskali ambjentali

    151.

    L-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis jew ta’ eżenzjonijiet fiskali ambjentali għandha tiġi kkunsidrata kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE sakemm din l-għajnuna ġġib titjib, almenu b’mod indirett, fil-livell tal-ħarsien ambjentali u sakemm it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet fiskali ma jimminawx l-għan ġenerali segwit.

    152.

    Sabiex jiġu approvati skont l-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE, tnaqqis jew eżenzjonijiet fiskali fejn għandhom x’jaqsmu taxxi li jikkorrispondu għal taxxi li ġew armonizzati fil-Komunità, b’mod partikolari dawk armonizzati permezz tad-Direttiva 2003/96/KE, iridu jkunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti u jkunu konformi mal-limiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fiha (60).

    153.

    Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet fiskali fejn għandhom x’jaqsmu taxxi li jikkorrispondu għal taxxi ambjentali li ġew armonizzati fil-Komunità għandha titqies bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE għal perjodu ta’ 10 snin, sakemm il-benefiċjarji jħallsu mill-inqas il-livell ta’ taxxa li jikkorrispondi għal-livell minimu ta’ taxxa Komunitarja ffissat mid-Direttiva applikabbli rilevanti (61).

    154.

    Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali jew eżenzjonijiet minn dawn it-taxxi ħlief għal dawk imsemmija fil-punt 153 (62) hija meqjusa bħala kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE għal perjodu ta’ 10 snin, sakemm il-kundizzjonijiet iffissati fil-punti 155 sa 159 ikunu ssodisfati.

    155.

    Fl-analiżi ta’ skemi ta’ taxxa li jinkludu elementi ta’ għajnuna mill-Istat fl-għamla ta’ tnaqqis fi jew eżenzjonijiet minn din ix-xorta ta’ taxxa, il-Kummissjoni għandha tanalizza b’mod partikolari l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna u l-effetti tagħha fil-livell tas-setturi ekonomiċi involuti.

    156.

    Għal dan il-għan, l-Awtorità għandha tibbaża fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati EFTA. L-informazzjoni għandha tinkludi, minn naħa, is-settur(i) rispettiv(i) jew il-kategoriji ta’ benefiċjarji koperti mill-eżenzjonijiet/tnaqqis u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ewlenin f’kull settur ikkonċernat u kif it-tassazzjoni tista’ tikkontribwixxi għall-ħarsien ambjentali. Is-setturi eżentati jridu jkunu deskritti b’mod ċar u għandha tingħata lista tal-ikbar benefiċjarji f’kull settur (b’kunsiderazzjoni b’mod speċjali tal-profitt, l-ishma fis-suq u d-daqs tal-bażi tat-taxxa). Għal kull settur, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar it-teknika l-aktar vantaġġjuża fi ħdan iż-ŻEE f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ħsara ambjentali li t-taxxa timmira għalih.

    157.

    Barra minn hekk, għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali jew ta’ eżenzjoni minn dawn it-taxxi, għandha tkun meħtieġa u proporzjonali.

    158.

    L-Awtorità għandha tikkunsidra l-għajnuna bħala meħtieġa jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    l-għażla tal-benefiċjarji trid tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, u, fil-prinċipju, l-għajnuna trid tingħata bl-istess mod lill-kompetituri kollha fl-istess settur/suq rilevanti (63) jekk ikunu f’sitwazzjoni fattwali simili;

    (b)

    it-taxxa ambjentali mingħajr tnaqqis trid twassal għal żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull settur jew kategorija ta’ benefiċjarji individwali (64);

    (c)

    iż-żieda sostanzjali fl-ispejjeż tal-produzzjoni ma tistax tingħadda lill-klijenti mingħajr ma jirriżulta tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu stimi ta’, inter alia, l-elastiċità tal-prezz tal-prodott fis-settur ikkonċernat fis-suq ġeografiku rilevanti (65) kif ukoll stimi ta’ bejgħ mitluf u/jew profitti mnaqqsa għall-kumpaniji fis-settur jew kategorija kkonċernati.

    159.

    L-Awtorità għandha tikkunsidra l-għajnuna bħala proporzjonali jekk tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-iskema għandha tistipula kriterji li jiżguraw li kull benefiċjarju individwali jħallas proporzjon tal-livell tat-taxxa nazzjonali li hija ekwivalent bejn wieħed u ieħor għall-prestazzjoni ambjentali ta’ kull benefiċjarju individwali meta mqabbla mal-prestazzjoni marbuta mat-teknika l-aktar vantaġġjuża fi ħdan iż-ŻEE. Skont l-iskema tal-għajnuna, kwalunkwe impriża li tagħmel użu mit-teknika l-aktar vantaġġjuża tista’ tibbenefika, tal-aktar, minn tnaqqis li jkun jikkorrispondi għaż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni minħabba t-taxxa, bl-użu tat-teknika l-aktar vantaġġjuża, u li ma tistax tingħadda lill-klijenti. Il-kumpaniji bl-agħar riżultati ambjentali għandhom jibbenefikaw minn inqas għajnuna skont proporzjon ibbażat fuq il-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

    (b)

    il-benefiċjarji tal-għajnuna jħallsu mill-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali, sakemm ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata rata iktar baxxa minħabba tfixkil limitat tal-kompetizzjoni;

    (c)

    it-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet huma soġġetti għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Istati EFTA u l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi benefiċjarji li fihom l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jimpenjaw ruħhom biex jilħqu l-għanijiet tal-ħarsien ambjentali li jkollhom l-istess effett daqs li kieku l-punt (a) jew (b) jew il-livell minimu ta’ taxxa Komunitarja kellhom jiġu applikati. Dawn il-ftehimiet jew impenji jistgħu jkunu marbuta ma’, fost affarijiet oħra, tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, tnaqqis fl-emissjonijiet jew kwalunkwe miżura ambjentali oħra u jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    il-kontenut tal-ftehimiet irid jiġi nnegozjat minn kull Stat EFTA u jrid jispeċifika b’mod partikolari x’inhuma l-għanijiet u jiffissa skeda ta’ skadenzi biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;

    (ii)

    l-Istati EFTA jridu jiżguraw li jitwettaq monitoraġġ indipendenti (66) u f’waqtu tal-impenji konklużi f’dawn il-ftehimiet.

    (iii)

    dawn il-ftehimiet iridu jkunu riveduti perjodikament fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u żviluppi oħrajn u jridu jistipulaw arranġamenti effettivi ta’ penali li jkunu applikabbli jekk l-impenji ma jintlaħqux.

    5.   Kumpatibbiltà ta’ għajnuna soġġetta għal valutazzjoni ddettaljata

    5.1.   Miżuri soġġetti għal valutazzjoni ddettaljata

    160.

    Sabiex jippermettu lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni aktar dettaljata ta’ kwalunkwe ammont sostanzjali ta’ għajnuna mogħtija taħt skemi awtorizzati u tiddeċiedi jekk tali għajnuna hijiex kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, l-Istati EFTA jridu jinnotifikawha bil-quddiem bi kwalunkwe każ individwali ta’ għajnuna ta’ investiment jew operattiva mogħtija taħt skema awtorizzata jew individwalment meta l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin (67):

    (a)   għal miżuri koperti minn BER (l-applikazzjoni ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija): il-każijiet kollha nnotifikati lill-Awtorità b’osservanza ta’ obbligu ta’ notifika individwali tal-għajnuna kif preskritt fil-BER;

    (b)   għal miżuri individwali koperti minn dawn il-Linji Gwida (68) : il-każi kollha li ġejjin:

    (i)   għajnuna għall-investiment: meta l-ammont ta’ għajnuna jaqbeż is-EUR 7,5 miljun għal impriża waħda (anke jekk parti minn skema approvata ta’ għajnuna);

    (ii)   għajnuna operattiva għall-iffrankar tal-enerġija: meta l-ammont ta’ għajnuna jaqbeż il-EUR 5 miljun għal kull impriża għal ħames snin;

    (iii)   għajnuna operattiva għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika li tiġġedded u/jew għall-produzzjoni kkombinata ta’ sħana li tiġġedded: meta l-għajnuna tingħata għal installazzjonijiet ta’ elettriku li jiġġedded f’siti fejn il-kapaċità riżultanti tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika li tiġġedded taqbeż il-125 MW;

    (iv)   għajnuna operattiva għall-produzzjoni tal-bijokarburanti: meta l-għajnuna tingħata lil installazzjoni għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti f’siti fejn il-produzzjoni riżultanti taqbeż il-150 000 t kull sena;

    (v)   għajnuna operattiva għall-koġenerazzjoni: meta l-għajnuna tingħata lil installazzjoni ta’ koġenerazzjoni b’kapaċità riżultanti tal-elettriku tal-koġenerazzjoni li taqbeż il-200 MW. L-għajnuna għall-produzzjoni ta’ sħana mill-koġenerazzjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ notifika bbażata fuq il-kapaċità tal-enerġija elettrika.

    161.

    L-Istati EFTA jistgħu jagħtu għajnuna operattiva lil impjanti ġodda li jipproduċu enerġija li tiġġedded fuq il-bażi ta’ kalkolu tal-ispejjeż esterni evitati. Fejn jintuża dan il-metodu biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ għajnuna, il-miżura trid tiġi nnotifikata u tkun soġġetta għal evalwazzjoni ddettaljata, indipendentement mil-livelli fil-punt 160(b)(iii). L-ispejjeż esterni evitati jirrappreżentaw kwantifikazzjoni monetarja tal-ħsara soċjoambjentali addizzjonali li s-soċjetà jkollha ġġarrab kieku l-istess kwantità ta’ enerġija kellha tiġi prodotta minn impjant ta’ produzzjoni li jaħdem b’forom konvenzjonali tal-enerġija. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tad-differenza bejn, minn naħa, l-ispejjeż esterni ġġenerati u mhux imħallsa mill-produtturi tal-enerġija li tiġġedded u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż esterni ġġenerati u mhux imħallsa mill-produtturi ta’ enerġija li ma tiġġeddidx. Sabiex iwettaq dawn il-kalkoli, l-Istat EFTA jkollu juża metodu ta’ kalkolu li huwa rikonoxxut fuq livell internazzjonali u li jkun ġie vvalidat mill-Awtorità. Ikollu jforni, fost affarijiet oħra, analiżi komparattiva motivata u kkwantifikata tal-ispejjeż, flimkien ma’ evalwazzjoni tal-ispejjeż esterni ta’ produtturi tal-enerġija konkorrenti, sabiex juri li l-għajnuna tikkompensa ġenwinament għall-ispejjeż esterni evitati.

    162.

    Fi kwalunkwe każ, l-ammont ta’ għajnuna mogħti lill-produtturi li jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna li jirriżulta mill-għażla 1 stabbilita fil-punt 109 għal għajnuna operattiva għal sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, irid jiġi investit mill-ġdid mid-ditti f’sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu skont it-Taqsima 3.1.6.1.

    163.

    Sakemm l-Istati EFTA jiżguraw kooperazzjoni sħiħa u jipprovdu informazzjoni xierqa u f’waqtha, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħmel l-almu tagħha kollu biex twettaq l-investigazzjoni b’mod opportun. L-Istati EFTA huma mistiedna jipprovdu l-elementi kollha li huma jqisu bħala utli għall-evalwazzjoni tal-każ. L-Istati EFTA jistgħu, b’mod partikolari, joqogħdu fuq evalwazzjonijiet ta’ skemi jew miżuri ta’ għajnuna mill-Istat tal-imgħoddi, valutazzjonijiet tal-impatt imwettqa mill-awtorità li tagħti l-għajnuna u studji oħra marbuta mal-ħarsien ambjentali.

    164.

    L-evalwazzjoni ddettaljata hija evalwazzjoni proporzjonali, skont il-potenzjal ta’ distorsjoni tal-każ. Għaldaqstant, il-fatt ta’ twettiq ta’ evalwazzjoni ddettaljata ma jfissirx neċessarjament li għandu jkun hemm il-ħtieġa li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, għalkemm dan jista’ jkun il-każ għal ċerti miżuri.

    5.2.   Kriterji għall-evalwazzjoni ekonomika ta’ każi individwali

    165.

    L-evalwazzjoni ddettaljata għandha titwettaq fuq il-bażi tal-elementi pożittivi u negattivi speċifikati fit-Taqsimiet 5.2.1 u 5.2.2 li għandhom jiġu applikati b’mod addizzjonali għall-kriterji stipulati fil-Kapitolu 3. Fi kwalunkwe każ, l-intensitajiet tal-għajnuna stipulati ma jridux jinqabżu. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ddettaljata għandha titwettaq fuq il-bażi tal-elementi speċifiċi pożittivi u negattivi, meta jkunu relevanti għat-tip jew il-forma ta’ għajnuna.

    5.2.1.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

    166.

    Il-fatt li l-għajnuna twassal lill-impriżi sabiex ifittxu ħarsien ambjentali li inkella ma kinux se jfittxu, jikkostitwixxi l-element pożittiv ewlieni li għandu jitqies meta tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

    5.2.1.1.   Eżistenza ta’ nuqqas tas-suq

    167.

    B’mod ġenerali, l-Awtorità m’hijiex se titfa’ dubji fuq jekk jeżistux esternalitajiet negattivi marbuta ma’ ċerti tipi ta’ mġiba jew dwar l-użu ta’ ċerti prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Madankollu, l-Awtorità għandha tivverifika jekk għajnuna mill-Istat tkunx immirata lejn dan il-falliment fis-suq minħabba l-impatt sostanzjali fuq il-ħarsien ambjentali li jista’ jkollha. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tagħti attenzjoni partikolari lill-kontribuzzjoni mistennija tal-miżura ta’ ħarsien ambjentali (f’termini kwantifikabbli) u l-livell ta’ ħarsien ambjentali mmirat, meta mqabbla mal-istandards Komunitarji eżistenti u/jew l-istandards fi Stati EFTA oħra.

    168.

    L-Awtorità għandha teżamina wkoll il-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw għajnuna għall-adattament għall-istandards nazzjonali li jkunu ogħla mill-istandards Komunitarji. L-Awtorità għandha tqis b’mod partikolari n-natura, it-tip u l-post tal-kompetituri ewlenin tal-benefiċjarju tal-għajnuna, l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-istandards nazzjonali (jew skemi ta’ permessi negozjabbli) għall-benefiċjarju tal-għajnuna li kieku ma tingħata l-ebda għajnuna, u l-ispejjeż komparattivi tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards għall-kompetituri ewlenin tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

    5.2.1.2.   Strument xieraq

    169.

    Sejjer jingħata kas jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex strument xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ħarsien ambjentali jew le, meta jiġi kkunsidrat li strumenti oħra li joħolqu inqas distorsjoni jistgħu jiksbu l-istess riżultati u li l-għajnuna mill-Istat tista’ tikkostitwixxi ksur tal-PPP.

    170.

    Fl-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà, l-Awtorità għandha tqis b’mod partikolari kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt tal-miżura proposta li l-Istat EFTA seta’ għamel, inklużi kunsiderazzjonijiet ta’ użu ta’ għażliet politiċi ħlief għal għajnuna mill-Istat, u tqis ukoll provi li l-PPP jkun se jiġi rrispettat.

    5.2.1.3.   Effett ta’ inċentiv u ħtieġa tal-għajnuna

    171.

    L-għajnuna mill-Istat irid dejjem ikollha effett ta’ inċentiv, meta tingħata għal raġunijiet ambjentali, jiġifieri jrid ikollha r-riżultat li l-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu sabiex jiżdied il-livell tal-ħarsien ambjentali. L-għajnuna ma tistax titqies meħtieġa biss minħabba li jiżdied il-livell tal-ħarsien ambjentali. Normalment, il-vantaġġi ta’ investimenti jew metodi ta’ produzzjoni ġodda mhumiex limitati għall-effetti ambjentali tagħhom.

    172.

    Flimkien mal-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali deskritt fil-Kapitolu 3, fl-analiżi tagħha, l-Awtorità għandha tqis l-elementi li ġejjin:

    (a)   sitwazzjoni kontrafattwali: għandha tingħata prova dwar l-azzjoni(jiet) speċifika jew speċifiċi li ma kinux jitwettqu mill-impriża kieku ma ngħatatx l-għajnuna, pereżempju, investiment ġdid, proċess ta’ produzzjoni iktar ekoloġiku u/jew prodott ġdid li jkollu aktar rispett lejn l-ambjent;

    (b)   effett ambjentali mistenni marbut mal-bidla fl-imġiba: mill-inqas wieħed minn dawn l-elementi jrid ikun preżenti:

    (i)   żieda fil-livell ta’ ħarsien ambjentali: tnaqqis ta’ tip speċifiku ta’ tniġġis li ma kienx isir kieku l-għajnuna ma ngħatatx;

    (ii)   żieda fil-ħeffa tal-implimentazzjoni ta’ standards futuri: tnaqqis fit-tniġġis imwettaq fil-ħin antiċipat grazzi għall-għajnuna;

    (c)   vantaġġi għall-produzzjoni: jekk l-investiment iġib vantaġġi oħra marbuta mal-investiment f’termini ta’ żieda fil-kapaċità, il-produttività, it-tnaqqis fl-ispejjeż u żieda fil-livell ta’ kwalità, l-effett ta’ inċentiv ikun normalment aktar baxx. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk matul il-ħajja tal-investiment il-benefiċċji jkunu sostanzjali, possibbilment sal-punt li l-ispejjeż ambjentali addizzjonali jkunu jistgħu jiġu rkuprati saħansitra mingħajr għajnuna;

    (d)   kundizzjonijiet tas-suq: f’ċerti swieq, b’mod partikolari minħabba l-immaġni tal-prodott u t-tikkettjar tal-metodi ta’ produzzjoni, jista’ jkun hemm pressjoni kompetittiva biex jinżamm livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent. Jekk tkun teżisti xhieda li l-livell ta’ ħarsien ambjentali li jirriżulta mill-għajnuna huwa ogħla mill-imġiba normali fis-suq, huwa iktar probabbli li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv;

    (e)   standards obbligatorji possibbli għall-ġejjieni: jekk ikun hemm negozjati fil-livell Komunitarju li jdaħħlu standards obbligatorji ġodda jew ogħla li l-miżura kkonċernata tfittex li tilħaq, l-effett tal-inċentiv tal-għajnuna jkun normalment aktar baxx;

    (f)   livell ta’ riskju: jekk ikun hemm riskju partikolari li l-investiment ikun inqas produttiv milli mistenni, l-effett tal-inċentiv ta’ għajnuna jkun normalment ogħla;

    (g)   livell ta’ profittabbiltà: jekk il-livell ta’ profittabilità tal-azzjoni mfittxa jkun negattiv matul il-medda ta’ żmien li fih l-investiment ikun deprezzat fl-intier tiegħu jew l-għajnuna operattiva tkun maħsuba li tidħol fis-seħħ, meta jitqiesu l-vantaġġi u r-riskji kollha identifikati f’dan il-paragrafu, l-għajnuna għandha normalment ikollha effett ta’ inċentiv.

    173.

    Meta l-impriża tkun qiegħda tadatta għal standard nazzjonali ogħla mill-istandards tal-Komunità jew tkun adottatu fin-nuqqas ta’ standards tal-Komunità, l-Awtorità għandha tivverifika jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jkunx intlaqat sostanzjalment f’termini ta’ żieda fil-prezzijiet u jekk ikunx f’qagħda li jerfal-ispejjeż assoċjati mal-implimentazzjoni immedjata ta’ standards nazzjonali.

    5.2.1.4.   Proporzjonalità tal-għajnuna

    174.

    L-Istat EFTA għandu jressaq provi li l-għajnuna hija meħtieġa, li l-ammont qed jinżamm għal-livell minimu u li l-proċess ta’ għażla huwa proporzjonali. Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità għandha tikkonsidra l-elementi li ġejjin:

    (a)   kalkolu preċiż tal-ispejjeż eliġibbli: prova li l-ispejjeż eliġibbli huma verament limitati għall-ispejjeż addizzjonali neċessarji biex jinkiseb il-livell ta’ ħarsien ambjentali;

    (b)   proċess tal-għażla: il-proċess tal-għażla għandu jsir b’mod mhux diskriminatorju, b’mod trasparenti u miftuħ, mingħajr ma jeskludi bla ħtieġa lil kumpaniji li jistgħu jikkompetu bi proġetti sabiex jindirizzaw l-istess għan ambjentali. Il-proċess tal-għażla għandu jwassal għall-għażla ta’ benefiċjarji li jistgħu jindirizzaw l-għan ambjentali bl-użu tal-inqas ammont ta’ għajnuna jew bl-aktar mod effiċjenti ta’ nfiq;

    (c)   għajnuna miżmuma sal-livell minimu: prova li l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx it-telf mistenni fil-profittabilità inkluż redditu normali maż-żmien li fih l-investiment jiġi deprezzat.

    5.2.2.   Analiżi tat-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-kummerċ

    175.

    Fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, l-Awtorità għandha tiffoka l-analiżi tagħha tat-tfixkil tal-kompetizzjoni fuq l-impatt prevedibbli li għandha l-għajnuna ambjentali fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq ta’ prodotti li jkunu affettwati (69).

    176.

    Jekk l-għajnuna tkun proporzjonali, jiġifieri jekk fil-kalkolu tal-investiment addizzjonali jew l-ispejjeż operattivi jkunu tqiesu l-vantaġġi kollha għall-impriża, l-impatt negattiv tal-għajnuna jkun x’aktarx limitat. Madankollu, kif imsemmi fit-Taqsima 1.3.6 anke meta l-għajnuna tkun neċessarja u proporzjonali biex l-impriża speċifika tkun tista’ żżid il-ħarsien ambjentali, l-għajnuna tista’ tirriżulta f’tibdil fl-imġiba tal-benefiċjarju b’riżultat ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni. Impriża li tfittex li tagħmel profitt, normalment iżżid il-livell ta’ ħarsien ambjentali lil hinn mill-ħtiġijiet obbligatorji biss jekk jitqies li dan se jirriżulta, tal-inqas b’mod marġinali, f’xi xorta ta’ vantaġġ għall-impriża.

    177.

    Bħala punt inizjali, l-Awtorità għandha tevalwa l-probabbiltà li l-benefiċjarju jkun jista’ jżid jew iżomm il-bejgħ bħala riżultat tal-għajnuna. B’mod partikolari, l-Awtorità għandha tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

    (a)   tnaqqis fi jew kumpens għall-ispejjeż ta’ unità ta’ produzzjoni: jekk it-tagħmir il-ġdid (70) iwassal għal tnaqqis fl-ispejjeż għal kull unità prodotta meta mqabbla mas-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna jew jekk l-għajnuna tikkumpensa parti mill-ispejjeż operattivi, huwa probabbli li l-benefiċjarju jżid il-bejgħ;

    (b)   proċess ta’ produzzjoni iktar favur l-ambjent: jekk il-benefiċjarju jikseb proċess ta’ produzzjoni iktar ekoloġiku u jekk, permezz ta’ tikkettjar jew dehra jkun possibbli li jiġi ddifferenzjat il-prodott għall-konsumaturi fuq il-bażi tal-livell ta’ ħarsien ambjentali, huwa probabbli li l-benefiċjarju jista’ jżid il-bejgħ. Iktar ma tkun kbira l-preferenza tal-konsumatur għal karatteristiċi ta’ prodotti ambjentali, aktar ikun kbir it-tfixkil tal-kompetizzjoni;

    (c)   prodott ġdid: jekk il-benefiċjarju jikseb prodott ġdid jew ta’ kwalità ogħla huwa probabbli li jżid il-bejgħ tiegħu u possibbilment jiggwadanja vantaġġ bħala ‘prekursur’. Iktar ma tkun kbira l-preferenza tal-konsumatur għall-karatteristiċi ambjentali tal-prodott, iktar ikun kbir it-tfixkil tal-kompetizzjoni.

    5.2.2.1.   Inċentivi dinamiċi/il-qtugħ barra (crowding out)

    178.

    L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tista’ tintuża b’mod strateġiku biex tippromwovi teknoloġiji innovattivi favur l-ambjent bil-għan li tagħti lill-produtturi domestiċi vantaġġ bħala ‘prekursuri’. B’konsegwenza, l-għajnuna tista’ tfixkel l-inċentivi dinamiċi u taqta’ barra l-investimenti fit-teknoloġija speċifika fi Stati EFTA oħra u twassal għall-konċentrazzjoni ta’ din it-teknoloġija fi Stat EFTA wieħed. Iktar ma l-effett ikun għoli iktar il-kompetituri jnaqqsu l-isforz innovattiv tagħhom f’paragun mal-kontrofattwali ta’ mingħajr għajnuna.

    179.

    Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità għandha tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

    (a)   ammont ta’ għajnuna: iktar ma jkun għoli l-ammont tal-għajnuna, iktar tkun kbira l-probabbiltà li parti minnha tista’ tintuża biex ikun hemm tfixkil tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk l-ammont ta’ għajnuna jkun għoli f’paragun mad-daqs tal-attività ġenerali tal-benefiċjarju;

    (b)   frekwenza tal-għajnuna: jekk impriża tirċievi għajnuna b’mod ripetittiv, il-probabbiltà ta’ distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi tkun akbar;

    (c)   tul taż-żmien tal-għajnuna: jekk l-għajnuna operattiva tingħata għal perjodu twil ta’ żmien, il-probabbiltà li tkun imfixkla l-kompetizzjoni tkun akbar;

    (d)   tnaqqis gradwali tal-għajnuna: jekk l-għajnuna operattiva titnaqqas maż-żmien, l-impriża jkollha inċentiv sabiex ittejjeb l-effiċjenza tagħha u għalhekk id-distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi tonqos biż-żmien;

    (e)   prontezza għall-konformità mal-istandards tal-ġejjieni: jekk l-għajnuna tippermetti lill-impriża kkonċernata tissodisfa l-istandards Komunitarji ġodda mistennija li jkunu adottati fil-futur prevedibbli, l-investiment megħjun għandu jnaqqas l-ispejjeż tal-investimenti li l-impriża kien ikollha tagħmel fi kwalunkwe każ;

    (f)   livell tal-istandards regolatorji f’rabta mal-għanijiet ambjentali: aktar ma l-livell tal-ħtiġijiet obbligatorji jkun baxx, aktar ikun għoli r-riskju li l-għajnuna biex wieħed imur lil hinn mill-ħtiġijiet obbligatorji ma tkunx meħtieġa, u jinqatgħu barra l-investimenti jew inkella l-għajnuna tintuża b’mod li tinħoloq distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi;

    (g)   riskju ta’ sussidji trażversali: fejn l-impriża tkun qiegħda tipproduċi firxa wiesgħa ta’ prodotti jew tipproduċi l-istess prodott billi tuża proċess konvenzjonali u proċess li jħares l-ambjent, ir-riskju ta’ sussidju trażversali jkun ogħla;

    (h)   newtralità teknoloġika: fejn miżura tiffoka fuq teknoloġija waħda biss, ir-riskju ta’ distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi jkun ogħla;

    (i)   innovazzjoni kompetittiva: meta l-kompetituri barranin jiżviluppaw teknoloġiji kompetittivi (kompetizzjoni ta’ innovazzjoni), ikbar tkun il-probabbiltà ta’ distorsjoni tal-inċentivi dinamiċi.

    5.2.2.2.   Iż-żamma fil-wiċċ ta’ ditti ineffiċjenti

    180.

    L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tista’ tkun iġġustifikata bħala mekkaniżmu tranżitorju fit-triq lejn allokazzjoni sħiħa ta’ esternalitajiet negattivi ambjentali. Din l-għajnuna ma għandhiex tintuża biex tipprovdi sostenn mhux meħtieġ lil impriżi li ma jkunux f’qagħda li jadattaw għal standards u teknoloġiji li jħarsu aktar lill-ambjent minħabba l-livelli baxxi ta’ effiċjenza tagħhom. Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità għandha tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

    (a)   tip ta’ benefiċjarji: meta l-benefiċjarju jkollu livell ta’ produttività relattivament baxx u jkun f’qagħda finanzjarja ħażina, ikun aktar probabbli li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żamma tal-impriża fis-suq b’mod artifiċjali;

    (b)   kapaċità żejda fis-settur indirizzat mill-għajnuna: f’setturi fejn ikun hemm kapaċità żejda, ikun ogħla r-riskju li l-għajnuna għall-investiment issostni l-kapaċità żejda filwaqt li tippreżerva strutturi ineffiċjenti tas-suq;

    (c)   imġiba normali fis-settur indirizzat mill-għajnuna: jekk impriżi oħra fis-settur ikunu laħqu l-istess livell ta’ ħarsien ambjentali mingħajr għajnuna, ikun aktar probabbli li l-għajnuna sservi sabiex iżżomm strutturi ta’ kumpaniji ineffiċjenti fis-suq. Għalhekk, iktar ma tkun dgħajfa x-xhieda li l-PPP huwa rispettat mill-benefiċjarju u ikbar ma jkun il-perċentwal ta’ spejjeż ambjentali esterni internalizzati mill-kompetituri tal-benefiċjarji, iktar ikun sinifikanti t-tfixkil tal-kompetizzjoni;

    (d)   importanza relattiva tal-għajnuna: akbar ma jkunu t-tnaqqis jew il-kumpens fejn għandhom x’jaqsmu l-ispejjeż ta’ produzzjoni varjabbli akbar ikun it-tfixkil tal-kompetizzjoni;

    (e)   proċess tal-għażla: jekk il-proċess tal-għażla jsir b’mod non-diskriminatorju, trasparenti u miftuħ inqas ikun probabbli li l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żamma artifiċjali tal-impriza fis-suq. Iktar ma tkun mifruxa (f’termini ta’ kopertura rilevanti tas-suq) u kompetittiva (f’termini ta’ irkant jew sejħa għall-offerti) l-allokazzjoni ta’ sussidju, inqas ikun it-tfixkil tal-kompetizzjoni;

    (f)   selettività: jekk il-miżura li taħtha tingħata l-għajnuna tkopri għadd ta’ benefiċjarji potenzjali relattivament għoli, jekk tkopri l-impriżi kollha fis-suq relevanti u jekk ma teskludix kumpaniji li jistgħu jindirizzaw l-istess għan ambjentali anqas ikun probabbli li l-għajnuna żżomm kumpaniji ineffiċjenti fis-suq.

    5.2.2.3.   Saħħa fis-suq/imġiba diskriminatorja

    181.

    Għajnuna għal ħarsien ambjentali li tingħata lil benefiċjarju tista’ tintuża biex biha l-benefiċjarju jissaħħaħ jew iżomm is-saħħa tiegħu fis-suq tal-prodott konċernat. L-Awtorità tevalwa s-saħħa fis-suq tal-benefiċjarju konċernat qabel ma tingħata l-għajnuna, u l-bidla tas-saħħa fis-suq li tista’ tkun mistennija bħala riżultat tal-għajnuna. Għajnuna għal ħarsien ambjentali mogħtija lil benefiċjarju b’saħħa sostanzjali fis-suq tista’ tintuża minn dan il-benefiċjarju sabiex isaħħaħ jew iżomm is-saħħa tiegħu fis-suq, billi jiddiferenzja iżjed il-prodotti tiegħu jew jelimina lir-rivali tiegħu. Ftit huwa possibbli li l-Awtorità tidentifika kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni marbuta mas-saħħa fis-suq fejn kull benefiċjarju tal-għajnuna għandu sehem fis-suq ta’ inqas minn 25 % u fi swieq li jkollhom konċentrazzjoni tas-suq bl-Indiċi Herfindahl-Hirschman ta’ anqas minn 2 000.

    182.

    Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità għandha tikkunsidra dawn l-elementi li ġejjin:

    (a)   saħħa tas-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna u struttura tas-suq: fejn il-benefiċjarju jkun diġa jiddomina s-suq affettwat, (71) il-miżura tal-għajnuna tista’ ssaħħaħ din id-dominanza billi ddgħajjef iżjed ir-restrizzjoni kompetittiva li jistgħu jużaw il-kompetituri fuq l-impriża benefiċjarja;

    (b)   dħul ġdid: fejn l-għajnuna tkun tirrigwarda swieq ta’ prodotti jew teknoloġiji li jikkompetu ma’ prodotti fejn il-benefiċjarju tal-għajnuna jkun operatur eżistenti b’saħħa fis-suq, l-għajnuna tista’ tintuża strateġikament biex twaqqaf dħul ġdid. Għalhekk, jekk l-għajnuna ma tkunx disponibbli għal applikanti ġodda, ir-riskju ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni jkun ogħla;

    (c)   differenzjazzjoni tal-prodott u diskriminazzjoni fil-prezz: l-għajnuna jista’ jkollha l-effett negattiv li tiffaċilita d-differenzazzjoni tal-prodott u d-diskriminazzjoni fil-prezz mill-benefiċjarju tal-għajnuna, għad-dannu tal-konsumaturi;

    (d)   poter tax-xerrej: fejn hemm xerrejja b’saħħithom fis-suq, huwa inqas probabbli li benefiċjarju ta’ għajnuna bis-saħħa fis-suq jista’ jżid il-prezzijiet f’dak li jirrigwarda x-xerrejja b’saħħithom. Għalhekk, iktar ma tkun qawwija s-saħħa tax-xerrej inqas ikun probabbli li din l-għajnuna tagħmel ħsara lill-konsumaturi.

    5.2.2.4.   Effetti fuq il-kummerċ u l-lokal

    183.

    L-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali jista’ jkollha r-riżultat li xi territorji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tal-produzzjoni aktar favorevoli, partikolarment minħabba spejjeż ta’ produzzjoni komparattivament aktar baxxi b’riżultat tal-għajnuna, jew minħabba standards ogħla ta’ produzzjoni miksuba permezz tal-għajnuna. Dan jista’ jkollu r-riżultat li kumpaniji jmorru joperaw fit-territorji megħjuna, jew li jkun hemm spostament tal-kummerċ lejn iż-żona megħjuna.

    184.

    B’konsegwenza, l-għajnuna tikkawża ċ-ċaqliq tal-profitti lejn l-Istat EFTA fis-suq tal-prodott ikkonċernat mill-għajnuna kif ukoll lejn swieq tal-fatturi ta’ produzzjoni (input markets).

    185.

    Fl-analiżi tagħha, l-Awtorità għandha tikkunsidra jekk teżistix xhieda li l-benefiċjarju kienx qies lokalitajiet oħra għall-investiment tiegħu, f’liema każ ikun aktar probabbli li l-għajnuna tfixkel il-kompetizzjoni b’mod sinifikanti.

    5.2.3.   Ibbilanċjar u deċiżjoni

    186.

    Fil-kuntest ta’ dawn l-elementi pożittivi u negattivi, il-Kummissjoni għandha twieżen l-effetti tal-miżura u tiddetermina jekk id-distorsjonijiet li jirriżultaw ifixklux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Idealment, l-effetti pożittivi u l-effetti negattivi għandhom jitfissru bl-użu tal-istess dejta ta’ referenza (pereżempju, l-ispiża esterna evitata kontra t-telf tal-profitti tal-kompetitur espressi f’unità monetarja).

    187.

    Ġeneralment, aktar ma jkun għoli l-benefiċċju ambjentali u aktar ma jkun stabbilit b’mod ċar li l-ammont tal-għajnuna huwa limitat għall-ammont minimu meħtieġ, aktar ikun probabbli li jingħata apprezzament pożittiv. Min-naħa l-oħra, aktar ma tkun kbira l-indikazzjoni li t-tfixkil tal-kompetizzjoni mill-għajnuna se jkun sinifikanti, anqas huwa probabbli apprezzament pożittiv. Jekk l-effetti pożittivi mistennija jkunu mifruxa u d-distorsjonijiet x’aktarx ikunu aktar sinifikanti, l-apprezzament ikun jiddependi fuq il-firxa li fuqha l-effetti pożittivi jkunu kkunsidrati li jegħlbu l-effetti negattivi.

    188.

    L-Awtorità ma tista’ tqajjem ebda oġġezzjoni għall-miżura ta’ għajnuna nnotifikata mingħajr ma tibda proċedura formali ta’ investigazzjoni jew, wara proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 6 tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura b’deċiżjoni skont l-Artikolu 7 ta’ dak il-Protokoll. Fil-każ li tieħu deċiżjoni soġġetta għal kundizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 7(4) tal-Protokoll imsemmi, hija tista’, pereżempju, tikkunsidra li tapplika l-kundizzjonijiet li ġejjin, li għandhom inaqqsu d-distorsjonijiet jew l-effetti fuq il-kummerċ li jirriżultaw u li b’hekk tinkiseb il-proporzjonalità:

    (a)

    intensitajiet tal-għajnuna aktar baxxi mill-intensitajiet massimi permessi fil- Kapitolu 3;

    (b)

    separazzjoni tal-kontijiet sabiex ikun evitat is-sussidju trażversali minn suq għall-ieħor, meta l-benefiċjarju jkun attiv f’aktar minn suq wieħed;

    (c)

    rekwiżiti addizzjonali li jridu jiġu ssodisfati biex jittejjeb l-effett ambjentali tal-miżura;

    (d)

    l-ebda diskriminazzjoni kontra benefiċjarji potenzjali oħra (selettività mnaqqsa).

    6.   Kombinazzjonijiet ta’ għajnuniet

    189.

    L-ammonti massimi ta’ għajnuna stabbiliti b’dawn il-Linji Gwida għandhom japplikaw indipendentement minn jekk is-sostenn għall-proġett megħjun huwiex iffinanzjat kompletament minn riżorsi tal-Istat jew huwiex parzjalment iffinanzjat mill-Komunità.

    190.

    L-għajnuna awtorizzata skont dawn il-Linji Gwida ma tistax tiġi kkombinata ma’ għajnuniet oħra mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE jew ma’ forom oħra ta’ finanzjament Komunitarju jekk dawn l-għajnuniet flimkien jipproduċu intensità ta’ għajnuna ogħla minn dik stabbilita f’dawn il-Linji Gwida. Madankollu, fejn in-nefqa eliġibbli għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali tkun eliġibbli fl-intier jew f’parti minnha għal għajnuna għal għanijiet oħra, il-porzjon komuni jkun soġġett għall-massimu tal-għajnuna l-aktar favorevoli taħt ir-regoli applikabbli.

    191.

    L-għajnuna għall-ħarsien ambjentali ma tistax tiġi kkombinata ma’ għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk dawn l-għajnuniet ikkombinati jirriżultaw f’intensità ta’ għajnuna ogħla minn dik stabbilita f’dawk il-Linji Gwida.

    7.   Dispożizzjonijiet finali

    7.1.   Irrappurtar annwali

    192.

    Il-Protokoll 3 għall-Ftehim tas-Sorveljanza u tal-Qorti u d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim tas-Sorveljanza u tal-Qorti jeżiġi li l-Istati EFTA jissottomettu rapporti annwali lill-Awtorità.

    193.

    Lil hinn mir-rekwiżiti stipulati f’dawk id-dispożizzjonijiet, ir-rapporti annwali għall-miżuri ta’ għajnuna ambjentali għandu jkollhom, għal kull skema approvata, it-tagħrif li ġej, fir-rigward ta’ impriżi kbar:

    l-ismijiet tal-benefiċjarji,

    l-ammont ta’ għajnuna mogħtija lil kull benefiċjarju,

    l-intensità tal-għajnuna,

    deskrizzjoni tal-għan tal-miżura u ta’ x’tip ta’ ħarsien ambjentali huwa maħsub li l-miżura tinċentiva,

    is-setturi ta’ attività fejn se jitwettqu l-proġetti megħjuna;

    spjegazzjoni ta’ kif l-effett ta’ inċentivazzjoni ġie rrispettat, partikolarment bl-użu tal-indikaturi u l-kriterji msemmija fil-Kapitolu 5.

    194.

    Fil-każ ta’ eżenzjonijiet jew tnaqqis fiskali, l-Istat EFTA jrid jipprovdi biss it-test(i) leġiżlattiv(i) u/jew regolatorju/regolatorji li jistabbilixxi jew jistabbilixxu l-għajnuna u dettalji dwar il-kategoriji tal-impriżi li jibbenefikaw mit-tnaqqis jew l-eżenzjonijiet fiskali u s-setturi tal-ekonomija li huma l-aktar affettwati minn dawn l-eżenzjonijiet/tnaqqis fiskali.

    195.

    Ir-rapporti annwali jiġu ppubblikati fis-sit tal-Awtorità fuq l-Internet.

    7.2.   Trasparenza

    196.

    L-Awtorità tqis li huma meħtieġa miżuri ulterjuri sabiex itejbu t-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat fiż-ŻEE. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-Istati EFTA, l-operaturi ekonomiċi, il-partijiet interessati u l-Awtorità stess ikollhom aċċess faċli għat-test sħiħ tal-iskemi kolla ta’ għajnuna ambjentali applikabbli

    197.

    Dan jista’ jinkiseb faċilment permezz tat-twaqqif ta’ siti tal-Internet konnessi. Għal din ir-raġuni, meta teżamina l-iskemi tal-għajnuna ambjentali, l-Awtorità għandha titlob b’mod sistematiku lill-Istat EFTA kkonċernat biex jippubblika fuq l-Internet it-test sħiħ tal-iskemi finali kollha tal-għajnuna u biex jikkomunika l-indirizz tal-Internet tal-pubblikazzjoni lill-Awtorità. L-iskema ma għandhiex tkun applikata qabel ma l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq l-Internet.

    7.3.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

    198.

    L-Istati EFTA għandhom jiżguraw li jinżammu reġistri ddettaljati dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-miżuri ambjentali kollha. Tali reġistri, li għandu jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun stabbilit li l-ispejjeż eliġibbli u l-intensità massima ta’ għajnuna permissibbli jkunu ġew osservati, għandhom jinżammu għal għaxar snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna u għandhom jiġu pprovduti lill-Awtorità meta titlobhom.

    199.

    L-Awtorità għandha titlob lill-Istati EFTA biex jipprovdu din l-informazzjoni biex twettaq evalwazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida erba’ snin wara li jiġu ppubblikati (72).

    7.4.   Miżuri xierqa

    200.

    B’dan, l-Awtorità qiegħda tipproponi lill-Istati EFTA, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(1) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u tal-Qorti, il-miżuri xierqa li ġejjin dwar l-iskemi rispettivi ta’ għajnuna ambjentali eżistenti tagħhom:

    il-każijiet kollha nnotifikati lill-Awtorità b’osservanza ta’ obbligu ta’ notifika individwali tal-għajnuna kif preskritt fil-BER;

    (i)

    l-Istati EFTA għandhom jemendaw, fejn meħtieġ, l-iskemi li jikkonċernaw għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis jew eżenzjonijiet fiskali fejn għandhom x’jaqsmu taxxi li jikkorrispondu mat-taxxi koperti mid-Direttiva 2003/96/KE qabel il-31 ta’ Diċembru 2012;

    (ii)

    il-limiti l-ġodda msemmija fil-punt 160 għal proġetti individwali għandhom japplikaw mill-ewwel jum wara li l-Kulleġġ ikun adotta dawn il-Linji Gwida;

    (iii)

    l-obbligu li jiġu pprovduti rapporti annwali iktar dettaljati għandu japplika għal għajnuna mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna eżistenti mill-1 ta’ Jannar 2009

    201.

    L-Istati EFTA huma mistiedna jagħtu l-approvazzjoni espliċita u bla kundizzjoni tagħhom għal dawn il-miżuri xierqa proposti fi żmien xahar mill-irċevuta tal-miżuri. F’każ li ma tingħatax tweġiba, l-Awtorità għandha tassumi li l-Istat EFTA kkonċernat ma jkunx qabel mal-miżuri proposti.

    7.5.   Applikazzjoni, validità u reviżjoni

    202.

    Dawn il-Linji Gwida għandhom japplikaw mill-jum tal-adozzjoni tagħhom u għandhom jissostitwixxu l-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għall-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali tat-23 ta’ Mejju 2001 (73).

    203.

    Dawn il-Linji Gwida għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2014. Wara konsultazzjoni mal-Istati EFTA, l-Awtorità tista’ temendahom qabel dik id-data fuq il-bażi ta’ politika ta’ kompetizzjoni jew ambjentali importanti jew sabiex jitqiesu elementi politiċi oħra jew impenji internazzjonali. Dawn l-emendi jistgħu, b’mod partikolari, jkunu meħtieġa fid-dawl ta’ ftehimiet internazzjonali ġejjiena fis-settur tal-bidla fil-klima u tal-leġiżlazzjoni Ewropea ġejjiena dwar il-bidla fil-klima. L-Awtorità għandha tikkunsidra l-evalwazzjoni prevista (fi żmien erba’ snin) tal-Linji Gwida mill-Kummissjoni ibbażata fuq informazzjoni fattwali u r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa msejsa speċjalment fuq dejta pprovduta mill-Istati taż-ŻEE.

    204.

    L-Awtorità għandha tapplika dawn il-Linji Gwida għall-proġetti kollha ta’ għajnuna nnotifikati li fir-rigward tagħhom hija tkun mitluba tieħu deċiżjoni wara li l-Linji Gwida jkunu ġew adottati, anke meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. Dan jgħodd ukoll għal għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskemi ta’ għajnuna approvati u nnotifikati lill-Awtorità skont l-obbligu biex għajnuna individwali ta’ dan it-tip tiġi nnotifikata.

    205.

    Skont il-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għar-regoli applikabbli għall-ivvalutar ta’ għajnuna mill-Istat illegali, l-Awtorità għandha tapplika, fil-każ ta’ għajnuna mhux innotifikata:

    (a)

    dawn il-Linji Gwida, jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara l-adozzjoni tagħhom;

    (b)

    il-linji gwida applikabbli fil-mument meta kienet ingħatat l-għajnuna, fil-każijiet l-oħrajn kollha.

    ANNESS

    Tabella li turi l-intensitajiet tal-għajnuniet għall-investiment bħala parti mill-ispejjeż eliġibbli

     

    Impriża żgħira

    Impriża ta’ daqs medju

    Impriża kbira

    Għajnuna lil impriżi li jmorru lil hinn mill-istandards Komunitarji jew li jgħollu l-livell tal-ħarsien tal-ambjent fin-nuqqas ta’ standards Komunitarji

    70  %

    60  %

    50  %

    80 % jekk ekoinnovazzjoni

    70 % jekk ekoinnovazzjoni

    60 % jekk ekoinnovazzjoni

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    Għajnuna għal studji ambjentali

    70  %

    60  %

    50  %

    Għajnuna għal adattament bikri għall-istandards Komunitarji ġejjiena

     

     

     

    aktar minn 3 snin

    25  %

    20  %

    15  %

    bejn sena u 3 snin

    20  %

    15  %

    10  %

    qabel id-dħul fis-seħħ

     

     

     

    Għajnuna għall-ġestjoni tal-iskart

    70  %

    60  %

    50  %

    Għajnuna għal enerġiji li jiġġeddu

    80  %

    70  %

    60  %

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    Għajnuna għall-iffrankar tal-enerġija

    Għajnuna għall- installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni

    80  %

    70  %

    60  %

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    Għajnuna għal tisħin distrettwali bl-użu ta’ enerġija konvenzjonali

    70  %

    60  %

    50  %

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    100 % jekk proċess ta’ sejħa għall-offerti

    Għajnuna għar-riabilitazzjoni ta’ siti kontaminati

    100  %

    100  %

    100  %

    Għajnuna għar-rilokazzjoni tal-impriżi

    70  %

    60  %

    50  %


    (1)  Dawn il-linji gwida jikkorrispondu mal-linji gwida tal-Komunità Ewropea għall-għajnuna mill-Istat favur il-ħarsien tal-ambjent li kienu ġew adottati fit-23 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

    (2)  COM(2005) 107 finali.

    (3)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    (4)  L-oqsma ta’ prijorità huma: il-bidla fil-klima, in-natura u l-bijodiversità, l-ambjent u s-saħħa u r-riżorsi naturali u l-iskart. Is-saħħa mhijiex koperta minn dawn il-linji gwida.

    (5)  F’dak li jirrigwarda lil dawn tal-aħħar irreferi għall-Green Paper dwar l-istrumenti bbażati fuq is-suq għall-ambjent u għanijiet ta’ politika relatati, 28 ta’ Marzu 2007, COM(2007) 140 finali.

    (6)  Meta dawn ir-rekwiżiti jew standards ikunu inkorporati fil-Ftehim ŻEE, isiru standards ŻEE.

    (7)  Pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51) ma ġietx implimentata mill-Istati EFTA.

    (8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (9)  Ara l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat, paragrafi 11 u 20, kif elaborat f’aktar dettall fil-Komunikazzjoni dwar l-innovazzjoni (COM(2005) 436 finali 21.9.2005).

    (10)  Dan jista’ jinkludi attivitajiet bħar-rilaxx ta’ tniġġis kimiku fl-ambjent, jew, pereżempju, attività li fiżikament tibdel l-ambjent akwatiku, u b’hekk jinħoloq tfikxil fl-ekosistemi jew attivitajiet li jkollhom impatt negattiv fuq l-istatus tar-riżorsi tal-ilma.

    (11)  Kif imsemmi aktar ’il fuq, meta dawn l-istandards ikunu inkorporati fil-Fteim ŻEE, isiru standards taż-ŻEE.

    (12)  Produzzjoni li tirrispetta aktar lill-ambjent tista’ tirriżulta, pereżempju, f’possibbiltajiet akbar għar-riċiklaġġ tal-iskart, u b’hekk jista’ jiġi ġġenerat dħul addizzjonali. Jista’ wkoll ikun possibbli li jogħla l-prezz u jiżdied il-bejgħ ta’ prodotti li jitqiesu bħala li jirrispettaw lill-ambjent iktar minn oħrajn u għal din ir-raġuni jkunu jappellaw aktar lill-konsumaturi.

    (13)  Produzzjoni li tirrispetta lill-ambjent tista’, b’mod partikolari, tikkontribwixxi għal nuqqas fil-konsum ta’ enerġija u materja prima.

    (14)  Għajnuna mogħtija fil-forma ta’ għajnuna fiskali skont il-Kapitolu 3 għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni ddetaljata jekk jinqabżu l-limiti tal-Kapitolu 5.

    (15)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 8. Din id-Direttiva hija kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996, li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt (f) tal-Anness XX.

    (16)  Ara r-Rapport ta’ Progress dwar il-Bijokarburanti COM(2006) 845 finali, maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea.

    (17)  COM(2008) 19 finali. Wara li d-Direttiva tkun ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, l-Awtorità tapplika l-kriterji ta’ sostenibbiltà fit-test finali.

    (18)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1). B’mod partikolari, l-Artikolu 4(7) jistabbilixxi kriterji marbuta mal-awtorizzazzjoni ta’ modifiki ta’ entitajiet responsabbli mill-ilma. Id-Direttiva 2000/60/KE u d-Deċiżjoni 2455/2001/KE huma inkorporati fil-Ftehim ŻEE fil-punt 13(c)(a) tal-Anness XX.

    (19)  ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50, inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 24 tal-Anness IV.

    (20)  COM(2006) 545 finali.

    (21)  Il-ġestjoni tal-iskart tinkludi l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru.

    (22)  Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent huwa inkorporat fil-Ftehim ŻEE permezz tal-Protokoll 31, l-Artikolu 3, il-punt 7(d).

    (23)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

    (24)  Id-Direttiva ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 23(a) tal-Anness XX.

    (25)  Ara l-punt 10 aktar ’il fuq.

    (26)  Il-Kummissjoni tista’ tagħmel rivalutazzjoni tal-approċċ lejn din ix-xorta ta’ għajnuna meta ssir reviżjoni tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (27)  Ara l-punt 10 aktar ’il fuq.

    (28)  Dawn il-linji gwida ma jiddiskutux il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li huwa dderivat mill-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-EFTA u l-Qrati tal-Komunitajiet Ewropej.

    (29)  Ara l-Artikolu 8(3) tal-Ftehim ŻEE.

    (30)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1, inkorporati fil-Ftehim ŻEE fl-Anness XIII.

    (31)  Ir-regoli proċedurali u sostantivi fis-settur tal-għajnuna mill-Istat - il-Linji Gwida għall-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Parti 1 tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u Qorti, adottat u maħruġ mill-Awtorità fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikat fil-ĠU L 231, 3.9.94, p. 1, is-Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.94, p. 1 (il-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat). Il-parti tal-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat li tittratta dwar ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għadha mhix ippubblikata imma hija disponibbli fuq il-websajt tal-Awtorità: www.eftasurv.int

    (32)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20, inkorporat fil-Ftehim ŻEE fl-Anness XV. Ir-regolament il-ġdid japplika meta jiġi adottat ir-regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija li jkopri l-għajununa għat-taħriġ.

    (33)  ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33, inkorporat fil-Ftehim ŻEE fl-Anness XV. Ir-regolament il-ġdid japplika meta jiġi adottat ir-regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija li jkopri l-għajnuna lill-SMEs.

    (34)  ĠU L 139, 25.5.2006, is-Suppliment taż-ŻEE Nru 25, 25.5.2006.

    (35)  Ara l-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tal-bijossidju tal-karbonju COM(2008) 18 finali.

    (36)  Ara, b’mod partikolari, is-Sitt Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent, inkorporat fil-Ftehim ŻEE permezz tal-Protokoll 31, l-Artikolu 3, il-punt 7(d).

    (37)  Konsegwentement, l-istandards jew il-miri ffissati fuq il-livell Komunitarju li jorbtu fuq il-livell nazzjonali imma mhux għal impriżi individwali mhumiex meqjusa bħala ‘standards Komunitarji’. Meta standards Komunitarji jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE, dawn isiru standards taż-ŻEE.

    (38)  Kif imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, id-Direttiva 2008/1/KE hija kodifikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996, li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 1(f) tal-Anness XX.

    (39)  COM(2008) 19 finali. Wara li d-Direttiva tkun ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-kriterji ta’ sostenibbiltà fit-test finali jibdew japplikaw.

    (40)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 183, inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 24 tal-Anness IV.

    (41)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

    (42)  Ir-Regolament huwa inkorporat fil-Ftehim ŻEE fl-Anness XV.

    (43)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1975 dwar l-allokazzjoni tal-ispiża u l-intervent mill-awtoritajiet pubbliċi fi kwistjonijiet marbuta mal-ambjent (ĠU L 194, 25.7.1975, p. 1), inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 33 tal-Anness X.

    (44)  Ara in-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.

    (45)  Qed issir referenza għall-punt 10.

    (46)  Madankollu, huwa possibbli li, taħt il-kundizzjonijiet żviluppati fit-Taqsimiet 3.1.3 u 3.1.2, tingħata għajnuna għall-adattament bikri għall-istandards ġejjiena u għall-akkwist ta’ vetturi tat-trasport ġodda.

    (47)  Meta ssir il-valutazzjoni tal-punt 78(b), jekk jistgħu jintużaw parametri kwantitattivi biex l-attivitajiet ekoinnovattivi jitqabblu ma’ attivitajiet standard non-innovattivi, ‘ogħla b’mod sinifikanti’ tfisser li t-titjib marġinali mistenni mill-attivitajiet ekoinnovattivi, f’termini ta’ riskju ambjentali jew tniġġis, jew effiċjenza mtejba fl-enerġija jew ir-riżorsi, għandu jkun mill-inqas darbtejn ogħla mit-titjib marġinali mistenni mill-evoluzzjoni ġenerali ta’ attivitajiet non-innovattivi komparabbli.

    Meta l-approċċ propost ma jkunx xieraq għal każ partikolari, jew jekk ma jkunx possibbli li jsir paragun kwantitattiv, il-fajl tal-applikazzjoni għall-għajnuna mill-Istat għandu jinkludi deskrizzjoni ddettaljata tal-metodu użat għall-valutazzjoni tal-kriterju, waqt li jiġi assigurat standard komparabbli għal dak tal-metodu propost.

    (48)  Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fejn proċess ta’ produzzjoni eżistenti jiġi mmodernizzat u fejn il-komponenti speċifiċi li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali jkunu jistgħu jiġu identifikati.

    (49)  Il-kunċett tal-ispejjeż tal-produzzjoni jrid jinftiehem bħala li dawn l-ispejjeż huma netti minn kwalunkwe għajnuna imma jinkludu livell normali ta’ profitt.

    (50)  Id-Direttiva ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 24 tal-Anness IV.

    (51)  Ara in-nota ta’ qiegħ il-paġna 50.

    (52)  Ħlief għall-infrastrutturi fis-settur tat-tisħin distrettwali, li l-finanzjament tagħhom ma jaqax fil-portata tal-Linji Gwida preżenti imma li għandhom jiġu vvalutati biss taħt l-Artikolu 61(3)(c).

    (53)  Il-klassifika mogħtija fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-Istrateġija tal-Komunità għall-ġestjoni tal-iskart (COM(96) 399 finali, 30.7.1996). F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ġestjoni tal-iskart hija prijorità fl-għanijiet tal-Komunità sabiex jitnaqqsu r-riskji għall-ambjent. Il-kunċett ta’ trattament tal-iskart irid jiġi analizzat minn tliet aspetti: l-utilizzazzjoni mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru. Skart li l-produzzjoni tiegħu tkun inevitabbli għandu jiġi ttrattat u eliminat mingħajr periklu. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-Istrateġija Tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart (COM(2005) 666), il-Kummissjoni sostniet l-impenn tagħha lejn dawn il-prinċipji u tħalli spazju għal miżuri konkreti favur il-promozzjoni tal-prevenzjoni u r-riċiklaġġ, bħall-ekodisinn tal-proċessi u l-prodotti jew inċentivi sabiex l-SME’s jimplimentaw dispożizzjonijiet ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis, u reċiklaġġ.

    (54)  It-terminu ‘Dak li hu l-aktar avvanzat’ għandu jfisser proċess li fih l-użu ta’ prodott ta’ skart għall-manifattura ta’ prodott aħħari jkun prattika normali u ekonomikament profittabbli. Fejn ikun xieraq, il-kunċett ‘dak li hu l-aktar avvanzat’ irid jiġi interpretat mill-perspettiva tat-teknoloġija u s-suq komuni taż-ŻEE.

    (55)  Jekk l-investimenti jkunu jirrigwardaw biss il-ħarsien ambjentali mingħajr ebda benefiċċji ekonomiċi oħra, ma jkun applikat ebda tnaqqis addizzjonali fid-determinazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli.

    (56)  Xogħol ta’ rimedjazzjoni mwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fuq l-art tagħhom stess mhux, bħala tali, soġġett għall-Artikolu 87 tat-Trattat. Problemi tal-għajnuna mill-Istat jistgħu, madankollu, jirriżultaw jekk l-art tinbiegħ wara r-rimedjazzjoni bi prezz li jkun inqas mill-valur tagħha fis-suq. F’każ bħal dan, jibqgħu applikabbli l-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat għall-elementi ta’ għajnuna mill-Istat marbuta mal-bejgħ ta’ art u bini min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (ĠU L 137, 8.6.2000, is-Suppliment ŻEE Nru 26).

    (57)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

    (58)  Id-Direttiva ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 23(a) tal-Anness X.

    (59)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32. Id-Direttiva ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE fil-punt 21(a)(1) tal-Anness XX.

    (60)  Il-kundizzjoni li t-tnaqqis/eżenzjonijiet iridu jkunu kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti hija kundizzjoni li tapplika biss għall-għanijiet ta’ valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mal-linji gwida preżenti. F’dan ir-rigward ara wkoll il-punt 10 hawn fuq.

    (61)  Ara l-punt 70 (15).

    (62)  Pereżempju, it-tnaqqis fi jew eżenzjonijiet minn taxxi li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew li huma taħt il-livell minimu ta’ taxxa tal-Komunità.

    (63)  Kif iddefinit fl-Avviż tal-Awtorità dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-fini tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-ambitu taż-ŻEE, ĠU L 200, 16.7.1998, p. 48 u s-Suppliment ŻEE tal-ĠU 28, 16.7.1998, p. 3.

    (64)  Fejn għandhom x’jaqsmu l-prodotti tal-enerġija u l-elettriku, ‘impriżi b’konsum qawwi ta’ enerġija’ kif iddefinit fl-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE għandhom jitqiesu bħala li jissodisfaw dan il-kriterju sakemm dik id-dispożizzjoni tibqa’ fis-seħħ.

    (65)  Kif iddefinit fl-Avviż tal-Awtorità dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-fini tal-liġi tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE, ĠU L 200, 16.7.1998, p. 48 u s- Suppliment taż-ŻEE tal-ĠU 28, 16.7.1998, p. 3.

    (66)  Huwa irrelevanti għal dawn l-għanijiet jekk il-monitoraġġ jitwettaqx minn entità pubblika inkella privata.

    (67)  Ir-regola tapplika wkoll jekk il-benefiċjarju individwali jibbenefika fl-istess ħin minn eżenzjoni jew tnaqqis fiskali evalwati skont il-Kapitolu 4.

    (68)  L-eżenzjonijiet u t-tnaqqis fiskali ambjentali li jaqgħu taħt il-Kapitolu 4 ta’ dawn il-linji gwida mhux se jkunu soġġetti għal evalwazzjoni dettaljata. Madankollu, għajnuna mogħtija fil-forma ta’ għajnuna fiskali skont il-Kapitolu 3 tkun soġġetta għal valutazzjoni ddettaljata jekk jinqabżu l-limiti msemmija f’dan il-punt.

    (69)  Għadd ta’ swieq jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt tal-għajnuna jista’ ma jkunx limitat għas-suq li jikkorrispondi għall-attività megħjuna, iżda jista’ jestendi għal swieq oħra li huma marbuta ma’ dawk is-swieq jew għaliex ikunu f’fażi anterjuri (upstream), posterjuri (downstream) jew kumplimentari, jew għaliex il-benefiċjarju jkun diġà preżenti jew se jkun preżenti fihom fil-futur qrib.

    (70)  Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali jista’ ma jkoprix il-benefiċċji operattivi kollha, minħabba li l-benefiċċji ma jitnaqqsux matul il-ħajja tal-investiment. Barra minn hekk, ċerti tipi ta’ benefiċċji, pereżempju dawk marbuta ma’ żieda fil-produttività u żieda fil-produzzjoni b’ħiliet li jibqgħu l-istess, jista’ jagħti l-każ li jkun diffiċi li jiġu kkunsidrati.

    (71)  Għadd ta’ swieq jistgħu jiġu affettwati mill-għajnuna, minħabba li l-impatt tal-għajnuna jista’ ma jkunx limitat għas-suq li jikkorrispondi għall-attività megħjuna, iżda jista’ jestendi għal swieq oħra li huma marbuta ma’ dawk is-swieq jew għaliex ikunu f’fażi anterjuri (upstream), posterjuri (downstream) jew kumplimentari, jew għaliex il-benefiċjarju jkun diġà preżenti jew se jkun preżenti fihom fil-futur qrib.

    (72)  F’dan il-proċess, jista’ jkun li l-Istati EFTA jkunu jridu jgħinu lill-Kummissjoni billi jipprovdu l-evalwazzjoni ex post tagħhom tal-iskemi u l-miżuri individwali.

    (73)  ĠU L 21, 24.1.2002, is-Suppliment taż-ŻEE Nru 6.


    Top