Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0214

    2010/214/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ April 2010 dwar l-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew ikunu disponibbli mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2227)

    ĠU L 92, 13.4.2010, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/214/oj

    13.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 92/10


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ April 2010

    dwar l-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju maħsuba biex jitqassmu jew ikunu disponibbli mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 2227)

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    (2010/214/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mill-Gvern tar-Repubblika Taljana tas-17 ta’ April 2009 u l-4 ta’ Jannar 2010 fejn jitlob importazzjoni bla dazju ta’ oġġetti li jitqassmu jew li jkunu disponibbli mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana.

    Billi:

    (1)

    Terremot huwa diżastru skont it-tifsira tal-Kapitolu XVII C tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009; għalhekk hemm raġuni għall-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 74 sa 80 ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Sabiex il-Kummissjoni tkun infurmata kif xieraq dwar l-użu magħmul tal-oġġetti ammessi bla dazju, il-Gvern tar-Repubblika Taljana jrid jikkomunika l-miżuri meħuda biex jipprevjenu dawn l-oġġetti milli jiġu użati b’mod differenti mill-użu stabbilit.

    (3)

    Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata wkoll dwar il-punt u n-natura tal-importazzjoni.

    (4)

    L-Istati Membri l-oħra ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-oġġetti impurtati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn entitajiet tal-Istat jew organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet Taljani kompetenti li għandhom jitqassmu minnhom mingħajr ħlas lill-vittmi tat-terremot li seħħ f’April 2009 fir-Repubblika Taljana, jew li jkunu disponibbli mingħajr ħlas filwaqt li jibqgħu l-proprjetà tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati, għandhom ikunu ammessi bla dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009.

    2.   L-oġġetti impurtati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa minn aġenziji ta’ assistenza sabiex jilħqu l-ħtiġijiet tagħhom matul il-perjodu tal-attività tagħhom għandhom ukoll ikunu ammessi bla dazju.

    Artikolu 2

    Il-Gvern tar-Repubblika Taljana għandu jikkomunika lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010 il-lista tal-organizzazzjonijiet approvati msemmija fl-Artikolu 1(1).

    Artikolu 3

    Il-Gvern tar-Repubblika Taljana għandu jinforma bis-sħiħ lill-Kummissjoni, mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti varji ammessi bla dazju taħt l-Artikolu 1, skont kategorija wiesgħa ta’ prodotti.

    Artikolu 4

    Il-Gvern tar-Repubblika Taljana għandu jinforma lill-Kummissjoni mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010 dwar il-miżuri li qed tieħu biex tiżgura li hemm konformità mal-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009.

    Artikolu 5

    L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-importazzjonijiet magħmula wara s-6 ta’ April 2009 u mhux wara l-31 ta’ Mejju 2010.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.


    Top