Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0052

    2010/52/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Jannar 2010 dwar il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni għal programm għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u prodotti għall-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut għall-2010 (notifikata bid-dokument numru C(2010) 320)

    ĠU L 26, 30.1.2010, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/52(1)/oj

    30.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 26/26


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-27 ta’ Jannar 2010

    dwar il-kontribut finanzjarju tal-Unjoni għal programm għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u prodotti għall-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut għall-2010

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 320)

    (It-test bil-Franċiż biss hu awtentiku)

    (2010/52/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod tal-Unjoni (1) u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/609/KE tal-10 ta’ Settembru 2007 dwar it-tifsira tal-miżuri eliġibbli għall-finanzjament tal-Komunità fil-programmi għall-kontroll ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti u prodotti tal-pjanti f’dipartimenti Franċiżi barra mill-pajjiż, fl-Azores u Madeira (2) tiddefinixxi l-miżuri eliġibbli għall-kontribut finanzjarju tal-Unjoni għall-programmi għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut, fl-Ażores u fil-Madeira.

    (2)

    L-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw programm lill-Kummissjoni għall-2010 li jistipula l-miżuri tas-saħħa tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut. Dan il-programm jispeċifika l-għanijiet li jridu jinkisbu, ir-riżultati mistennija, il-miżuri li jridu jiġu mwettqa, id-dewmien tagħhom u l-ispiża tagħhom bil-ħsieb tal-possibilità ta’ kontribut finanzjarju Komunitarju. Il-miżuri stipulati f’dak il-programm jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2007/609/KE. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li ntlaħqu r-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 247/2006.

    (3)

    Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni (3), il-miżuri tas-saħħa tal-pjanti għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Garanzija Agrikola. Għall-fini tal-kontroll finanzjarju ta’ dawk il-miżuri, l-Artikoli 9, 36 u 37 ta’ dak ir- Regolament għandhom japplikaw.

    (4)

    Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 fir-rigward tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit generali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jiġi ppreċedut minn deċiżjoni ta’ finanzjar adottata mill-istituzzjoni jew l-awtoritajiet li għaliha jkunu ġew iddelegati l-poteri, filwaqt li jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

    (5)

    Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjar għan-nefqa provduta fit-talbiet ta’ kofinanzjar ippreżentati mill-Istati Membri.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kontribut finanzjarju tal-Unjoni lil Franza għall-programm uffiċjali għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u l-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti Franċiżi lil hinn mix-xtut għall-2010, kif speċifikat fil-Parti A tal-Anness, huwa approvat.

    Għandu jkun limitat għal 60 % tal-ispiża eliġibbli totali, kif speċifikat fil-Parti B tal-Anness, b’massimu ta’ EUR 240 000 (eskluża l-VAT).

    Artikolu 2

    1.   Għandhom jiġu mħallsa EUR 100 000 bil-quddiem fi żmien 60 jum minn wara li tasal talba ta’ ħlas minn Franza.

    2.   Il-bilanċ tal-kontribut finanzjarju għandu jitħallas sakemm ikun intbagħat rapport finali ta’ implimentazzjoni dwar il-programm lill-Kummissjoni f’forma elettronika sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2011.

    Dan ir-rapport għandu jkun fih:

    (a)

    valutazzjoni teknika konċiża tal-programm sħiħ, inkluż il-grad ta’ kisba tal-għanijiet fiżiċi u kwalitattivi u l-progress miksub, u evalwazzjoni tal-impatt immedjat fitosanitarju u ekonomiku, kif ukoll

    (b)

    dikjarazzjoni tal-ispiża finanzjarja li tindika n-nefqa proprja mqassma skont is-sottoprogramm u l-miżura.

    3.   Fir-rigward tat-tqassim indikattiv tal-baġit speċifikat fil-Parti B tal-Anness, Franza tista’ taġġusta l-finanzjament bejn il-miżuri differenti fl-istess sottoprogramm f’limitu ta’ 15 % tal-kontribut tal-Unjoni għal dan is-sottoprogramm, sakemm l-ammont totali tal-ispejjeż eliġibbli skedati fil-programm ma jinqabiżx u li b’hekk l-għanijiet ewlenin tal-programm ma jiġux kompromessi.

    Hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bi kwalunkwe aġġustament li jsir.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 242, 15.9.2007, p. 20.

    (3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


    ANNESS

    PROGRAMM U TQASSIM INDIKATTIV TAL-BAĠIT GĦALL-2010

    PARTI A

    Programm

    Il-programm għandu jikkonsisti f’erba’ sottoprogrammi:

    (1)

    sottoprogramm interdipartimentali:

    Miżura 1: żvilupp ta’ metodi ta’ detezzjoni għal organiżmi li jagħmlu l-ħsara bbażati fuq reazzjoni katina ta’ polymerase (PCR)

    (2)

    sottoprogramm għad-dipartiment ta’ Martinique:

    Miżura 2: stħarriġiet fitosanitarji u taħriġ ta’ bdiewa tal-imxietel

    (3)

    sottoprogramm għad-dipartiment ta’ Guyane:

    Miżura 3: tmexxija ta’ sistema agrikola fitosanitarja ta’ twissija għall-produzzjoni tar-ross;

    (4)

    sottoprogramm għad-dipartiment ta’ Guadeloupe:

    (a)

    Miżura 4.1: tmexxija ta’ netwerk ta’ stħarriġ għall-ferminelli;

    (b)

    Miżura 4.2: stħarriġiet fitosanitarji fil-produzzjoni tat-tadam;

    (c)

    Miżura 4.3: tmexxija tar-riskju tal-introduzzjoni ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara mill-attività turistika.

    PARTI B

    Tqassim indikattiv tal-baġit b’indikazzjoni tar-riżultati varji mistennija

    (F’EURO)

    Sottoprogrammi

    Riżultati

    (S: forniment ta’ servizzi, R: riċerka jew xogħol ta’ studju)

    Spejjeż eliġibbli

    Kontribut finanzjarju

    Kontribut finanzjarju massimu tal-Unjoni

    Sottoprogramm inter-DOM

     

    Mżura 1

    Metodu ta’ PCR kwantitattiv (R)

    120 000

    48 000

    72 000

    Subtotal

    120 000

    48 000

    72 000

    Martinique

     

    Miżura 2

    Stħarriġiet fitosanitarji u taħriġ ta’ bdiewa tal-imxietel (S)

    110 000

    44 000

    66 000

    Subtotal

    110 000

    44 000

    66 000

    Guyane

     

    Mżura 3

    Tmexxija ta’ sistema fitosanitarja agrikola ta’ twissija (S)

    119 500

    47 800

    71 700

    Subtotal

    119 500

    47 800

    71 700

    Guadeloupe

     

    Miżura 4.1

    Tmexxija ta’ netwerk ta’ stħarriġ għall-ferminelli (S)

    15 500

    6 200

    9 300

    Miżura 4.2

    stħarriġiet fitosanitarji fil-produzzjoni tat-tadam (S)

    20 000

    8 000

    12 000

    Miżura 4.3

    Azzjonijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku dwar ir-riskji ta’ introduzzjoni ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara (S)

    15 000

    6 000

    9 000

    Subtotal

    50 500

    20 200

    30 300

    Total

    400 000

    160 000

    240 000


    Top