EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2008C0356

Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 356/08/COL tal- 11 ta’ Ġunju 2008 dwar l-iskema ta’ rifużjoni tat-taxxa li tintuża abbord bastimenti fir-Reġistru Ordinarju tat-Tbaħħir Norveġiż (NOR) (in-Norveġja)

ĠU L 295, 12.11.2009, p. 14–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/356(2)/oj

12.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/14


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 356/08/COL

tal-11 ta’ Ġunju 2008

dwar l-iskema ta’ rifużjoni tat-taxxa li tintuża abbord bastimenti fir-Reġistru Ordinarju tat-Tbaħħir Norveġiż (NOR) (in-Norveġja)

L-AWTORITA TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (1)

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ewropea Ekonomika (2), u partikolarment l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati EFTA dwar il-Ħolqien ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (3), b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(3) tal-Parti I u l-Artikolu 4(3) tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u Qorti,

Wara li kkunsidrat il-Linji Gwida tal-Awtorità (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 ŻEE, u b’mod partikolari l-Kapitolu dwar l-għajnuna għat-trasport bil-baħar,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u Qorti (5),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 280/06/COL (6) u Nru 412/06/COL (7),

Billi:

I.   FATTI

1.   Proċedura

Bl-ittra tat-23 ta’ Frar 2007, (Dok. Nru 411169), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw, skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim ta’ Sorveljanza u Qorti, emenda għall-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara impjegati abbord bastimenti tal-passiġġieri fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR).

Bl-ittra ddatata s-7 ta’ Marzu (Dok. Nru 412343), l-Awtorità talbet għal aktar informazzjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi wieġbu għat-talba għal aktar informazzjoni bl-ittra ddatata t-22 ta’ April 2008 (Dok. Nru 474517).

2.   Deskrizzjoni tal-miżuri proposti

2.1.   Titolu tal-iskema ta’ għajnuna

Din l-aħħar notifika temenda l-portata tal-applikazzjoni tal-iskema msejħa “L-iskema ta’ rifużjoni fiskali għall-baħħara impjejati abbord bastimenti fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR) u r-Reġistru għat-Tbaħħir Internazzjonali Norveġiż (NIS) (8) kif oriġinarjament awtorizzat mill-Awtorità bid-Deċiżjoni Nru 280/06/COL u emendata bid-Deċiżjoni Nru 412/06/COL (9).

2.2.   Għan tal-iskema tal-għajnuna

Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, l-għanijiet ewlenin għall-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara huma li jiġi ssalvagwarjat u jiżdied l-impjieg għall-baħħara Norveġiżi u l-baħħara taż-ŻEE, li jiġi assigurat ir-reklutaġġ u l-għoti ta’ taħriġ ikkwalifikat lill-baħħara u li tittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpaniji li jimpjegaw lil dawn il-baħħara. Fl-istess ħin, l-iskema għandha għan strateġiku usa’ għall-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-għarfien u għat-titjib fis-sigurtà fl-industriji tal-baħar in ġenerali.

L-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara tinvolvi t-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem f’isem il-baħħar li jkun qed jiġi rimburżat (skema hekk imsejħa “paga netta”). L-awtoritajiet Norveġiżi jipproponu li jestendu l-iskema għall-bastimenti tal-passiġġieri li jkopru d-distanza bejn Bergen u Kirkenes esposti għall-kompetizzjoni u rreġistrati fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR).

L-awtoritajiet Norveġiżi kkalkulaw li t-tibdil fl-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara abbord il-bastimenti fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR) se jaffettwa lil madwar 750 baħħar.

2.3.   Bażi legali nazzjonali għall-miżura tal-għajnuna

Il-bażi legali għall-iskema emendata hija l-baġit fiskali Budsjett-innst.S.nr. 8 (2006-2007) u d-Deċiżjoni baġitarja Nru 197 meħuda mill-Parlament Norveġiż fit-12 ta’ Diċembru 2006, Budgsjett-innst. S. nr. 13 (2006-2007), jf St.prp.nr. 1 (2006-2007) Bevilgninger på statsbudsjettet 2007.

Id-Deċiżjoni baġitarja Nru 197 hija implimentata bir-Regolament tal-21 ta’ Diċembru 2005, numru 1720 (Forskrift om forvaltning av tilskudd til sysselsetting av sjøfolk), li għandu jiġi emendat f’dan is-sens. L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li l-linji gwida implimentattivi għall-iskema għandhom jiġu emendati f’konformità mat-tibdil propost fl-iskema.

2.4.   Eliġibbiltà

L-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara tapplika għall-ekwipaġġ abbord bastimenti rreġistrati fir-Reġistru Ordinarju tat-Tbaħħir Norveġiż (NOR) ta’ mill-inqas 100 tunnellata grossa (GT) li huma użati għat-trasport marittimu. It-tibdil innotifikat fl-iskema approvata jestendi l-kopertura tagħha għall-ekwipaġġ abbord il-bastimenti tal-passiġġieri li jkopru d-distanza Bergen-Kirkenes. L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li dan, effettivament, ifisser li qed issir referenza għall-hekk imsejħa “bastimenti Hurtigrute”.

L-awtoritajiet Norveġiżi ma nnotifikaw l-ebda tibdil ieħor fl-iskema tar-rifużjoni fiskali kif approvata mill-Awtorità bid-Deċiżjonijiet Nru 280/06/COL u Nru 412/06/COL. Għalhekk, is-sidien tal-bastimenti li jikkwalifikaw għall-benefiċċju se jirċievu l-għotjiet għall-baħħara li:

(a)

għall-finijiet fiskali huma residenti fin-Norveġja jew fi Stat ŻEE ieħor jew huma ċittadini ta’ Stat ŻEE;

(b)

huma soġġetti għall-ħlas fin-Norveġja tat-taxxa fuq id-dħul waqt li huma abbord; u

(ċ)

huma eliġibbli għat-tnaqqis fit-taxxa għall-baħħara skont it-Taqsima 6-61 tal-Att dwar it-Taxxi; kif ukoll

(d)

li l-pagi tagħhom huma rrappurtati lill-Assigurazzjoni tal-Pensjoni Nazzjonali għall-Iskema tal-Baħħara jew huma ddokumentati separatament.

2.5.   Baġit u tul ta’ żmien

L-emenda għall-iskema tar-rifużjoni fiskali ġiet innotifikata bħala li kellha tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2007 (10). L-iskema tar-rifużjoni fiskali hi soġġetta għad-deċiżjoni baġitarja annwali tal-Parlament Norveġiż. B’hekk, l-iskema hija limitata għas-sena fiskali. Titkompliex jew le jiddependi mill-approprjazzjoni baġitarja tas-sena fiskali li jkun imiss. L-awtoritajiet Norveġiżi indikaw li, fil-prinċipju, l-iskema mhix iffissata għal perjodu ta’ żmien speċifiku imma jekk tkun għadha topera tiġi nnotifikata mill-ġdid fi żmien għaxar snin.

L-approprjazzjoni tal-baġit għas-sena fiskali 2007 li tikkorrispondi għall-emenda nnotifikata tammonta għal NOK 30 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 3,6 miljun) (11). Il-baġit annwali tal-iskema għall-2007 huwa stmat għal NOK 90 miljun (madwar EUR 10,94 miljun).

3.   Osservazzjonijiet mill-awtoritajiet Norveġiżi, inklużi emendi għan-notifikazzjoni

Fl-ittra tagħhom iddatata t-22 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw il-fehma tagħhom li l-kuntratt kummerċjali mal-kumpanija Hurtigruten ASA fir-rigward tax-xiri tal-kapaċità tat-trasport għad-distanza Bergen-Kirkenes ma jinkludi l-ebda element ta’ għajnuna mill-istat. L-awtoritajiet Norveġiżi huma għalhekk tal-fehma li l-għajnuna mogħtija skont l-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara ma’ tiġix ikkumbinata ma’ għajnuna li titħallas minn skemi oħra lokali, reġjonali, nazzjonali jew Komunitarji biex tkopri l-istess spejjeż u b’hekk ma jkunx hemm kumpens żejjed.

II.   VALUTAZZJONI

1.   Il-preżenza ta’ għajnuna mill-istat

L-Artikolu 61(1) jaqra kif ġej:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna, tkun f’liema forma tkun, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati tal-EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal tfixkil jew theddida ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjanament ta’ dan il-Ftehim.”

Fid-Deċiżjoni Nru 280/06/COL, l-Awtorità vvalutat l-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara, li, f’dak iż-żmien, kienet tkopri laneċ joperaw f’kummerċ barrani, bastimenti li joperaw barra l-kosta u bastimenti tal-provvisti. F’dik id-Deċiżjoni, l-Awtorità sostniet li l-iskema kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-istat kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-Awtorità għall-Għajnuna mill-Istat għat-Trasport bil-Baħar (12). L-Awtorità vvalutat ukoll żewġ emendi għall-iskema nnotifikata fid-Deċiżjoni Nru 412/06/COL u kkonkludiet li l-iskema kif emendata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-istat kompatibbli, għal darb’oħra fuq il-bażi tal-Linji Gwida Marittimi.

B’segwitu għal dan, l-Awtorità għandha tivvaluta jekk l-emenda proposta fin-notifika attwali tibdilx il-konklużjoni preċedenti li skontha l-iskema tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(1) ŻEE.

1.1.   Preżenza ta’ riżorsi statali

Il-miżura tal-għajnuna trid tingħata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Billi r-rifużjoni tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul u tas-sigurtà soċjali se jibqgħu jiġu ffinanzjati mill-allokazzjonijiet baġitarji, dan il-kriterju huwa ssodisfat.

1.2.   Vantaġġ għal ċerti impriżi jew għall-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti

Ir-rifużjoni tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali tikkumpensa lis-sidien tal-bastimenti għall-ispejjeż li normalment joħorġu mill-baġit tagħhom u għaldaqstant tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċjarji tal-iskema. Is-sostenn jikkostitwixxi wkoll miżura selettiva minħabba li hu indirizzat biss għas-settur marittimu u s-sidien ta’ ċerti bastimenti f’dan is-settur. L-emenda nnotifikata ma tibdilx din is-sitwazzjoni; fil-fatt, hija sempliċement testendi l-applikazzjoni tal-iskema tar-rifużjoni fiskali għal tip ta’ bastiment ulterjuri u, attwalment, tirrigwarda biss iż-żieda ta’ kumpanija waħda, Hurtigruten ASA.

1.3.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn Partijiet Kontraenti

Is-sidien tal-bastimenti li jibbenefikaw mill-iskema, inkluża l-kumpanija li għaliha l-iskema hi estiża bħala riżultat tan-notifika attwali, iwettqu attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ sidien ta’ bastimenti/kumpaniji minn pajjiżi oħra taż-ŻEE u s-sostenn li jirċievu jsaħħilhom il-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Is-sostenn għalhekk ifixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

1.4.   Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet preċedenti, l-Awtorità tikkonkludi li l-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara, u b’mod partikolari l-emenda nnotifikata għaliha, jikkostitwixxu għajnuna mill-istat fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(1) taż-ŻEE.

2.   Rekwiżiti proċedurali

Skont l-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar Sorveljanza u Qorti, “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tiġi infurmata, fi żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ tissottometti l-kummenti tagħha, dwar kwalunkwe pjan ta’ għoti jew ta’ tibdil fl-għajnuna (…). L-Istat ikkonċernat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti minnu qabel ma dik il-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali”.

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw l-estensjoni tal-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara bħala applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2007. Madankollu, l-awtoritajiet Norveġiżi stqarrew li mhuma se jsiru l-ebda ħlasijiet sakemm l-Awtorità tasal għal deċiżjoni dwar il-każ. Jidher li ma sar ebda ħlas. Għaldaqstant, l-Awtorità jidhrilha li l-awtoritajiet Norveġiżi osservaw l-obbligu ta’ notifika u l-klawżola sospensiva.

3.   Kumpatibbiltà tal-għajnuna

L-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li għajnuna tista’ titqies kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE jekk l-għan tagħha jkun li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, sakemm din l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti sa limitu kuntrarju għall-interess komuni. Għajnuna favur is-settur marittimu trid tiġi eżaminata b’mod partikolari fil-kuntest tal-Linji Gwidi Marittimi.

B’segwitu ta’ dan, l-Awtorità tivvaluta jekk l-estensjoni nnotifikata tal-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara biex tkopri l-ekwipaġġ abbord il-bastimenti tal-passiġġieri li jkopru d-distanza Bergen-Kikenes hijiex tali li temenda l-valutazzjoni ta’ kompatibbiltà mwettqa mill-Awtorità bid-Deċiżjonijiet Nru 280/06/COL u Nru 412/06/COL.

3.1.   Applikazzjoni għal attivitajiet ta’ trasport bil-baħar

Id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida Marittimi huma applikabbli għall-attivitajiet tat-“trasport bil-baħar”. Id-definizzjoni ta’ attivitajiet ta’ trasport bil-baħar għall-fini ta’ dawn il-linji gwida tikkorrispondi għal dik mogħtija fir-Regolament (KEE) Nru 4055/86 (13), inkorporat fil-Ftehim ŻEE bħala l-punt 53 tal-Anness XIII għall-Ftehim ŻEE u fir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 (14) inkorporat bħala l-punt 53a fl-Anness XIII għall-Ftehim ŻEE (15). Għalhekk, it-trasport bil-baħar jirreferi għat-“trasport ta’ oġġetti u persuni bil-baħar”.

L-emenda għall-iskeda testendiha għall-ekwipaġġ abbord il-bastimenti tal-passiġġieri li jkopru d-distanza Bergen-Kirkenes irreġistrati fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR) u li huma esposti għall-kompetizzjoni. Sakemm dawn il-bastimenti jwettqu attivitajiet ta’ trasport bil-baħar fl-ambitu tat-tifsira tal-Linji Gwida Marittimi, ikunu eliġibbli għall-għajnuna taħt l-iskema emendata tar-rifużjoni fiskali.

3.2.   Konformità mal-għanijiet tal-linji gwida marittimi

Il-Linji Gwida Marittimi stipulaw li jistgħu jiddaħħlu skemi ta’ għajnuna bħala sostenn għall-interess marittimu taż-ŻEE fit-twettiq ta’ għanijiet ġenerali bħalma huma:

it-titjib fis-sigurezza, l-effiċjenza u r-rispett lejn l-ambjent tat-trasport bil-baħar,

it-tħeġġiġ għall-kitba jew il-kitba mill-ġdid tal-bastimenti fir-reġistri tal-Istati Membri,

il-kontribuzzjoni għall-konsolidament tal-industriji tal-baħar stabbiliti fl-Istati taż-ŻEE u għaż-żamma ta’ flotta globalment kompetittiva fis-swieq dinjija,

il-konservazzjoni u t-titjib tal-għarfien marittimu kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-impjieg għall-baħħara Ewropej, u

il-kontribuzzjoni għall-promozzjoni ta’ servizzi ġodda fil-qasam ta’ trasport bil-baħar għal distanzi qosra.

Kif innutat fid-Deċiżjonijiet preċedenti dwar l-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara, wieħed mill-għanijiet iddikjarati min-Norveġja hu ż-żamma tar-rwol tagħha bħala l-pajjiż fuq quddiem nett fis-settur marittimu. Dan il-għan hu msejjes, fost affarijiet oħra, fuq l-importanza fundamentali ta’ din l-industrija għall-bosta komunitajiet ta’ fuq il-kosta.

F’dan il-kuntest, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi, il-kriterju tal-kundizzjonijiet li jippermettu kompetizzjoni aktar ġusta ma’ bastimenti li jtajru bnadar ta’ konvenjenza (u ma’ Stati oħra taż-ŻEE) jidher li hu l-aħjar soluzzjoni. L-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara tfittex li tippromwovi l-interessi marittimi tan-Norveġja, bil-għan li jsir titjib fis-sigurezza, l-effiċjenza u r-rispett lejn l-ambjent tat-trasport bil-baħar, li jitħeġġu l-kitba jew il-kitba mill-ġdid tal-bastimenti fir-Reġistru tat-Tbaħħir Norveġiż (NOR), li ssir kontribuzzjoni għall-konsolidament tal-industriji tal-baħar Norveġiżi filwaqt li tinżamm flotta globalment kompetittiva fis-swieq dinjija u li jkun hemm konservazzjoni u titjib tal-għarfien marittimu kif ukoll protezzjoni u promozzjoni tal-impjieg għall-baħħara taż-ŻEE. L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li l-estensjoni tal-iskema ta’ paga netta lill-bastimenti li jkopru d-distanza Bergen-Kirkenes tkompli tippromwovi dawn l-għanijiet. Bejn wieħed u ieħor din l-espansjoni se taffettwa lil 750 baħħar.

L-Awtorità jidhrilha li l-awtoritajiet Norveġiżi ġġustifikaw biżżejjed il-konformità tat-tibdil propost fl-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara mal-għanijiet ġenerali tal-Linji Gwida Marittimi.

3.3.   Għajnuna mogħtija fil-forma ta’ tnaqqis fl-ispejjeż marbuta max-xogħol

Il-Linji Gwida Marittimi jipprovdu li għajnuna fil-forma ta’ tħaffif fil-piż ta’ spejjeż marbuta max-xogħol fir-rigward tal-baħħara taż-ŻEE għandha tkun awtorizzata, sakemm dawn il-baħħara jkunu impjegati abbord bastimenti rreġistrati fi Stat taż-ŻEE. Il-Linji Gwida Marittimi jippermettu li għajnuna bħal din tkun eżenzjoni mill-kontribuzzjoni sa limitu massimu ta’ 100 %. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex jiġi ssalvagwardjat l-impjieg fiż-ŻEE, kemm abbord kif ukoll fuq l-art, jiġi ppreżervat u żviluppat l-għarfien marittimu fiż-ŻEE u tittejjeb is-sigurezza. Fejn għandhom x’jaqsmu l-ispejjeż marbuta max-xogħol, it-Taqsima 3.2(2) tal-Linji Gwida tipprovdi li l-azzjonijiet li ġejjin immirati lejn l-ispejjeż marbuta max-xogħol għandhom ikunu awtorizzati għat-trasport marittimu fiż-ŻEE:

rati ta’ kontribuzzjonijiet imnaqqsa għall-ħarsien soċjali tal-baħħara taż-ŻEE impjegati abbord bastimenti rreġistrati fi Stat taż-ŻEE,

rati ta’ taxxa fuq id-dħul imnaqqsa għall-baħħara taż-ŻEE abbord bastimenti rreġistrati fi Stat taż-ŻEE.

Għall-fini ta’ dak ta’ hawn fuq, id-definizzjoni ta’ “baħħara taż-ŻEE” hi:

ċittadini tal-Istati taż-ŻEE fil-każ ta’ baħħara li jaħdmu abbord bastimenti (inklużi l-laneċ ro-ro) li jipprovdu servizzi regolari ta’ trasport għall-passiġġieri bejn portijiet taż-ŻEE,

il-baħħara kollha suġġetti għall-ħlas tat-taxxa u/jew il-kontribuzzjonijiet soċjali fi Stat taż-ŻEE, fil-każi l-oħra kollha.

L-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara tikkonċerna r-rifużjoni ta’ kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul u tas-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem f’isem il-baħħara. Skont l-iskema kif approvata bid-Deċiżjonijiet Nru 280/06/COL u Nru 412/06/COL, is-sidien tal-bastimenti li jikkwalifikaw jirċievu għotjiet intiżi għall-baħħara li, għal fini fiskali, huma residenti fin-Norveġja jew fi Stat ieħor taż-ŻEE jew huma ċittadini ta’ Stat taż-ŻEE, li huma soġġetti għall-ħlas tat-taxxa fin-Norveġja fuq dħul li qalgħu abbord, u li għandhom id-dritt għat-tnaqqis fit-taxxa għall-baħħara skont it-Taqsima 6-61 tal-Att dwar it-Taxxa, u li l-pagi tagħhom huma rrappurtati lill-Iskema tal-Assigurazzjoni Nazzjonali tal-Pensjoni tal-Baħħara jew li jkunu ddokumentati separatament. L-ebda emenda ma ġiet innotifikata f’dan is-sens. Għaldaqstant, l-Awtorità jidhrilha li l-baħħara koperti mill-emenda għandhom jaqgħu fl-ambitu tal-kategoriji previsti fil-Linji Gwida.

3.4.   Limitu massimu

It-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida Marittimi tawtorizza t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet għall-ħarsien soċjali tal-baħħara taż-ŻEE u rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq id-dħul. Skont it-Taqsima 11 tal-Linji Gwida Marittimi, jista’ jingħata tnaqqis sa limitu ta’ 100 %, jiġifieri, tnaqqis fit-tassazzjoni u ħlasijiet soċjali sal-livell żero. Skont in-notifika oriġinali tal-iskema, ir-rifużjoni tal-ħlasijiet qatt ma tista’ taqbeż l-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali attwalment imħallsa. Billi l-ebda emendi ma ġew innotifikati f’dan ir-rigward, l-Awtorità jidhrilha li l-ħlas lura tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li kellu jsir bħala riżultat tal-emenda nnotifikata se jkompli jkun konformi mal-Linji Gwida Marittimi.

3.5.   Kombinazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna

Skont it-Taqsima 11 tal-Linji Gwida Marittimi, tnaqqis sal-livell żero fit-taxxa u l-ħlasijiet soċjali hu l-livell massimu ta’ għajnuna li jista’ jiġi awtorizzat. Sistemi ta’ għajnuna oħrajn ma jistgħu jipprovdu ebda benefiċċju akbar minn dan. L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li għajnuna taħt l-iskema tar-rimborż fiskali għall-baħħara ma tistax tiġi kkombinata ma’ għajnuna mogħtija fi skemi oħra lokali, reġjonali, nazzjonali jew Komunitarji biex ikopru l-istess spejjeż eliġibbli.

3.6.   Konklużjoni

Fuq il-bażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, l-Awtorità hi tal-fehma li t-tibdil innotifikat fl-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara, li testendi l-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul u s-sigurtà soċjali mħallsa minn min jimpjega ekwipaġġ abbord il-bastimenti tal-passiġġieri li jkopru d-distanza Bergen-Kirkenes esposti għall-kompetizzjoni u rreġistrati fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż, huwa kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 61(3)(c) ŻEE moqri flimkien mal-Linji Gwida Marittimi. Għalhekk, l-Awtorità ddeċidiet li ma tqajjem ebda oġġezzjoni għall-emenda nnotifikata.

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra li huma obbligati jipprovdu rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema kif stipulat fl-Artikolu 21 tal-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar Sorveljanza u Qorti flimkien mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 195/04/COL. L-awtoritajiet Norveġiżi huma mitluba jippreżentaw lill-Awtorità mill-aktar fis possibbli t-testi leġiżlattivi u amministrattivi kollha li jimplimentaw it-tibdil fl-iskemi tal-għajnuna kif imsemmi hawn fuq fil-każi fejn dan jkunx għadu seħħ.

Kif stabbilit fit-Taqsima 12 tal-Linji Gwida Marittimi, l-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra li fejn għandhom x’jaqsmu l-iskemi ta’ għajnuna kollha li jaqgħu fil-portata tal-Linji Gwida Marittimi, l-Istati EFTA għandhom jikkomunikaw lill-Awtorità valutazzjoni tal-effetti tagħhom matul is-sitt sena ta’ implimentazzjoni tagħhom.

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra wkoll li kwalunkwe pjan għal tibdil f’din l-iskeda jrid jiġi nnotifikat lill-Awtorità.

L-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara kif approvata bid-Deċiżjonijiet Nru 280/06/COL u Nru 412/06/COL ġiet innotifikata sal-1 ta’ Jannar 2016. In-notifika attwali tindika li l-iskema tar-rifużjoni fiskali fil-prinċipju mhix iffissata għal perjodu ta’ żmien speċifiku imma jekk tkun għadha topera għandha tiġi nnotifikata mill-ġdid fi żmien għaxar snin. L-awtoritajiet Norveġiżi ma ġġustifikawx għaliex l-emenda nnotifikata għandu jkollha ħajja itwal mill-iskema kif ġiet innotifikata oriġinarjament u għaldaqstant l-Awtorità tikkonkludi li huwa xieraq li l-aħħar tibdil li sar fl-iskeda jiskadi fl-istess data. L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi għall-fatt li l-Linji Gwida Marittimi li taħthom l-iskema tar-rifużjoni fiskali ġiet approvata, għandhom jiġu rriveduti fl-2011. F’każ li r-regoli tal-Linji Gwida Marittimi jinbidlu, dan jista’ jkollu effett fuq l-iskema ta’ għajnuna eżistenti kollha taħt il-Linji Gwida, inkluż it-tibdil fl-iskema awtorizzat b’din id-deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet għat-tibdil innotifikat fl-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara impjegati abbord il-bastimenti fir-Reġistri għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR), li jestendi l-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem ekwipaġġ abbord bastimenti tal-passiġġieri li jkopru d-distanza bejn Bergen u Kirkenes li huma esposti għall-kompetizzjoni u rreġistrati fuq ir-reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż.

L-iskema emendata hi kompatibbli mal-Artikolu 61(3)(c) ŻEE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 3

It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

Kurt JAEGER

Membru tal-Kulleġġ

Kristján A. STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(2)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim taż-ŻEE”.

(3)  Minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar Sorveljanza u Qorti”.

(4)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar Sorveljanza u Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 32, 3.9.1994, p. 1. Il-Linji Gwida ġew emendati l-aħħar fid-19 ta’ Diċembru 2007. Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Linji Gwida għall-Għajnuna mill-Istat”.

(5)  ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37.

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 280/06/COL tal-4 ta’ Ottubru 2006 dwar it-tibdil fl-iskemi għar-rifużjoni tat-taxxa lis-sidien tal-bastimenti għall-baħħara impjegati abbord bastimenti fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR) u r-Reġistru għat-Tbaħħir Internazzjonali Norveġiż (NIS), ippubblikata fil-ĠU C 143, 28.6.2007, p. 5, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 30, 28.6.2007, p. 6. It-test sħiħ tad-deċiżjoni jinsab fil-paġna web tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/stateaidregistry/

(7)  Id-Deċiżjoni Nru 412/06/COL tad-19 ta’ Diċembru 2006 dwar it-tibdil fl-iskemi għar-rifużjoni tat-taxxa għall-baħħara impjegati abbord bastimenti fir-Reġistru għat-Tbaħħir Ordinarju Norveġiż (NOR), ippubblikata fil-ĠU C 111, 17.5.2007, p. 20, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 23, 17.5.2007, p. 2. It-test sħiħ tad-deċiżjoni jinsab fil-paġna web tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/stateaidregistry/

(8)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-iskema tar-rifużjoni fiskali għall-baħħara”.

(9)  Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 6 u 7.

(10)  Il-kumpaniji eliġibbli taħt din l-iskema, kull xahrejn għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-perjodu tax-xahrejn preċedenti. Normalment, ir-rifużjoni titħallas fi żmien xahrejn.

(11)  Ir-rata tal-kambju NOK/EUR għall-2007 hi 8,2224, kif ippubblikata fil-websajt tal-Awtorità.

(12)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Linji Gwida Marittimi”.

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi għat-trasport bil-baħar bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, 31.12.1986, p. 1).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi lit-trasport marittimu fl-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, tat-12.12.1992, p. 7).

(15)  Il-punt imdaħħal bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Nru 70/97 (ĠU L 30, 5.2.1998, p. 42 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 5,5.2.1998, p. 175), bi dħul fis-seħħ mill-1.8.1998.


Top