EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0830

2009/830/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Novembru 2009 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE taċ-Ċilì, il-Kolombja u l-Ġappun (notifikata bid-dokument numru C(2009) 8590) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 295, 12.11.2009, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/830/oj

12.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Novembru 2009

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE fir-rigward tal-istatus tal-BSE taċ-Ċilì, il-Kolombja u l-Ġappun

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 8590)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/830/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs) fl-annimali. Għal dan l-għan, l-istatus tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom (“pajjiżi jew reġjuni”) għandu jiġi ddeterminat permezz ta’ klassifikazzjoni f’waħda minn tliet kategoriji skont ir-riskju tal-BSE involut, jiġifieri riskju ta’ BSE negliġibbli, riskju ta’ BSE kkontrollat u riskju ta’ BSE mhux determinat.

(2)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE tad-29 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta’ Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (2) telenka l-pajjiżi jew ir-reġjuni skont l-istatus ta’ riskju ta’ BSE tagħhom.

(3)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) għandha rwol ewlieni fil-kategorizzazzjoni ta’ pajjiżi jew reġjuni skont ir-riskju tagħhom tal-BSE. Il-lista fl-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE tikkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru XXI - Ir-Rikonoxximent tal-Istatus tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Membri - adottata mill-OIE f’Mejju 2008 fir-rigward tal-istatus tal-BSE tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

(4)

Id-Deċiżjoni 2007/453/KE bħalissa telenka l-Finlandja u l-Iżvezja bħala pajjiżi li għandhom riskju negliġibbli ta’ BSE u l-Istati Membri l-oħra kollha bħala pajjiżi li għandhom riskju kkontrollat ta’ BSE. Din telenka wkoll l-istatus tal-BSE ta’ pajjiżi terzi. F’Mejju 2009, l-OIE adottat ir-Riżoluzzjoni Nru XXII - Ir-Rikonoxximent tal-Istatus ta’ Riskju tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina tal-Membri. Dik ir-Riżoluzzjoni rrikonoxxiet liċ-Ċilì bħala pajjiż li għandu riskju negliġibbli ta’ BSE u l-Kolombja u l-Ġappun bħala pajjiżi li għandhom riskju kkontrollat ta’ BSE. Il-lista fid-Deċiżjoni 2007/453/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata sabiex issir konformi ma’ dik ir-Riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Madankollu, sakemm ikun hemm konklużjoni finali tal-OIE dwar l-istatus ta’ riskju tal-BSE tal-Istati Membri kollha u b’kunsiderazzjoni tal-miżuri armonizzati stretti ta’ protezzjoni mill-BSE applikati fil-Komunità, fil-preżent ma għandhom isiru l-ebda bidliet fir-rigward tal-istatus tal-BSE rikonoxxut tal-Istati Membri.

(5)

Id-Deċiżjoni 2007/453/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/453/KE huwa mibdul bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84.


ANNESS

‘LISTA TA’ PAJJIŻI JEW REĠJUNI

A.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju negliġibbli ta’ BSE

Stati Membri

Il-Finlandja

L-Iżvezja

Pajjiżi tal-EFTA

L-Iżlanda

In-Norveġja

Pajjiżi terzi

L-Arġentina

L-Awstralja

Iċ-Ċilì

New Zealand

Il-Paragwaj

Singapor

L-Urugwaj

B.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju kkontrollat ta’ BSE

Stati Membri

Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit

Pajjiżi tal-EFTA

Il-Liechtenstein

L-Iżvizzera

Pajjiżi terzi

Il-Brażil

Il-Kanada

Il-Kolombja

Il-Ġappun

Il-Messiku

It-Tajwan

L-Istati Uniti

C.   Pajjiżi jew reġjuni b’riskju mhux determinat ta’ BSE

Il-pajjiżi jew reġjuni li mhumiex elenkati fil-punti A jew B ta’ dan l-Anness.’


Top