Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0698

2009/698/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta’ Settembru 2009 li ttemm proċedimenti kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless li joriġinaw mill-Belarus, mit-Turkija u mill-Ukraina

ĠU L 237, 9.9.2009, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/698/oj

9.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta’ Settembru 2009

li ttemm proċedimenti kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless li joriġinaw mill-Belarus, mit-Turkija u mill-Ukraina

(2009/698/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikulari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu tal-proċediment

(1)

Fit-13 ta' Novembru 2008, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tat bidu permezz ta' nota ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2) (“in-nota ta' bidu”), għal proċediment kontra d-dumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fil-Komunità ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless (“profil vojt minn ġewwa”) li joriġinaw mill-Belarus, mit-Turkija u mill-Ukraina (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

Il-proċediment kontra d-dumping inbeda wara li fid-29 ta’ Settembru 2008 tressaq ilment mill-Kumitat għad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Iwweldjati tal-Unjoni Ewropea (“il-kwerelant”), f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali Komunitarja ta’ profili vojta minn ġewwa. L-ilment kien jinkludi evidenza prima facie tal-eżistenza ta' dumping ta’ profili vojta minn ġewwa li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati u ta' ħsara materjali li rriżultat minnu, u din l-evidenza tqieset biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċediment.

1.2.   Il-partijiet ikkonċernati u ż-żjarat ta’ verifika

(3)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-kwerelant, lill-produtturi Komunitarji magħrufa kollha, lill-importaturi/kummerċjanti u lill-utenti magħrufa bħala kkonċernati, lill-produtturi esportaturi u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u lill-produtturi magħrufa ta' prodott simili fil-pajjiż analogu previst (l-Istati Uniti tal-Amerika) bil-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu. Il-partijiet interessati kollha li talbu dan, u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta.

(4)

Sabiex il-produtturi esportaturi fil-Belarus ikollhom l-opportunità jressqu talba gћal trattament individwali (“TI”), jekk ikunu jixtiequ dan, il-Kummissjoni bagћtet il-formoli xierqa lill-produtturi esportaturi magћrufa li huma kkonċernati kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Belarus. Żewġ gruppi ta' kumpaniji fil-Belarus talbu TI skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(5)

Minħabba n-numru apparentement kbir ta' produtturi esportaturi fit-Turkija u fl-Ukraina, produtturi u importaturi Komunitarji involuti f'din l-investigazzjoni, kien previst it-teħid ta' kampjuni fl-avviż ta' bidu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ jew le u, jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi fit-Turkija u fl-Ukraina, il-produtturi Komunitarji, u l-importaturi u r-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom intalbu jippreżentaw lilhom infushom u jipprovdu, kif speċifikat fl-avviż ta' bidu, tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom marbuta mal-prodott ikkonċernat fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni tal-avviż ta' bidu.

(6)

Għat-Turkija, minn 13-il kumpanija jew gruppi ta' kumpaniji li rrispondew għall-mistoqsijiet tal-kampjun, ġie magħżul kampjun ta' erba’ kumpaniji jew gruppi ta' kumpaniji. Madankollu, waħda mill-kumpaniji fil-kampjun ma pprovdietx informazzjoni dwar l-eżistenza ta' żewġ produtturi relatati fit-Turkija fl-eżerċizzju ta' teħid ta' kampjuni u minflok infurmat b'dan fi stadju aktar tard. Xorta waħda, iż-żewġ kumpaniji relatati ngħataw opportunità ulterjuri li jibgħatu risposta sħiħa għall-kwestjonarju. Madankollu, l-informazzjoni mibgħuta mill-kumpaniji relatati ma kinitx kompluta b'tali mod li kien impossibbli wieħed jagħmel kalkolu ta' dumping. Konsegwentement, il-kumpanija kienet eskluża mill-kampjun. Produttur Tork ieħor ma kienx inkluż fil-kampjun oriġinali iżda talab eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u bagħat kwestjonarju fil-limiti ta' żmien stipulati. Dan kien wara inkluż fil-kampjun. F’termini ta’ volum ta’ esportazzjonijiet l-erba’ kumpaniji li ttieħdu għall-kampjun jirrappreżentaw 63 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ profili vojta minn ġewwa mit-Turkija lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma ressqu ebda oġġezzjoni.

(7)

Fir-rigward tal-Ukraina, żewġ gruppi ta' kumpaniji Ukraini u kumpanija terza rrispondew għall-mistoqsijiet tal-kampjun u indikaw ix-xewqa tagħhom li jikkoperaw fl-investigazzjoni. L-esportazzjonijiet ta' dawn il-kumpaniji lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni, ammontaw għal madwar 30 % tal-importazzjonijiet ta' profili vojta minn ġewwa mill-Ukraina kif rappurtat fid-dejtabejż tal-Eurostat. Fid-dawl tan-numru limitat ta' kumpaniji li qegħdin jikkooperaw, kien deċiż li tliet produtturi esportaturi li qegħdin jikkooperaw ikunu investigati bis-sħiħ u li, konsegwentement, it-teħid ta' kampjuni ma jkunx applikat.

(8)

Fir-rigward tal-importaturi tal-profili vojta minn ġewwa, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi kollha magħrufa biex jipprovdu informazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Billi tmien importaturi offrew li jikkooperaw, it-teħid ta' kampjuni ma kienx applikat.

(9)

Fir-rigward tal-produtturi Komunitarji, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intagħżel kampjun fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-produtturi Komunitarji ta' profili vojta minn ġewwa fil-Komunità, li jista’ jkun investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Abbażi tal-informazzjoni rċevuta mill-produtturi fil-Komunità, il-Kummissjoni għażlet erba’ gruppi ta' kumpaniji li għandhom l-akbar volum ta' produzzjoni u bejgħ fil-Komunità. F'termini tal-produzzjoni Komunitarja, il-gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun rrappreżentaw 52 % tal-produzzjoni totali stmata ta' profili vojta minn ġewwa fil-Komunità. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati u ma ressqu ebda oġġezzjoni. Barra minn hekk, il-produtturi Komunitarji l-oħrajn intalbu jipprovdu ċerta dejta ġenerali għall-analiżi tal-ħsara. Madankollu, produttur Komunitarju parti mill-kampjun ma bagħatx risposta għall-kwestjonarju u ddeċieda li mhux se jikkoopera aktar fl-investigazzjoni. Billi l-inklużjoni ta' wħud mill-produtturi Komunitarji l-oħrajn li kienu offrew li jikkooperaw kien ikollu impatt żgħir fuq ir-rappreżentattività tal-kampjun, kien deċiż li l-ebda kumpanija oħra ma tieħu post il-kumpanija li waqfet tikkoopera fl-investigazzjoni.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi Torok fil-kampjun, lill-produttur esportaturi li qegħdin jikkooperaw fil-Belarus u fl-Ukraina, lill-uniku produttur fl-Istati Uniti tal-Amerika li offra li jikkoopera għall-għan tal-identifikazzjoni tal-valur normali għall-Belarus, lill-produtturi Komunitarji fil-kampjun, lill-importaturi kollha li offrew li jikkoperaw u lill-utenti magħrufa kollha. Ir-risposti għall-kwestjonarju kienu rċevuti minn tliet gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun li jirrappreżentaw 14-il produttur Komunitarju, erba’gruppi ta' kumpaniji fit-Turkija, produttur esportatur individwali Tork li jagħmel parti minn grupp ta' kumpaniji, iż-żewġ gruppi ta' kumpaniji fl-Ukraina u produttur terz fl-Ukraina, iż-żewġ produtturi esportaturi fil-Belarus, li bagħtu wkoll formoli għal TI, u l-erba’ importaturi/sidien tal-esportazzjoni tagħhom fil-każ ta' bejgħ bil-kummissjoni, il-produttur fl-Istati Uniti tal-Amerika li qed jikkoopera, tliet importaturi Komunitarji mhux relatati, u utent fil-Komunità. Barra minn dan, ħames produtturi Komunitarji oħrajn ipprovdew tagħrif ġenerali kif mitlub.

(11)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset meħtieġa għad-determinazzjoni ta’ dumping, tal-ħsara li tirriżulta u tal-interess Komunitarju. Iż-żjarat ta’ verifika twettqu fl-istabbilimenti tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi Komunitarji

Condesa Fabril; Legutiano, Alava, Spanja,

Corus Tubes BV; Oosterhout, l-Olanda,

Corus Tubes UK; Corby, ir-Renju Unit,

Lorraine Tubes, Lexy, Franza,

Marcegaglia SPA; Gazoldo degli Ippoliti, Mantova, l-Italja.

(b)

Il-produtturi esportaturi fit-Turkija

Erbosan Erciyas Boru Sanayii ve Ticaret A.Ș., Kayseri,

Noksel Çelik Boru Sanayi A.Ș., Ankara,

MMZ Ohnur Boru Profil Üretim San. ve Tic. A.Ș., Istanbul,

Yücel Boru ve Profil Endüstrisi A.Ș. u l-kummerċjant relatat Yücel Boru Ihracat Ithalat ve Pazarlama A.Ș., Istanbul.

(c)

Il-produtturi esportaturi fl-Ukraina

Lugansk Tube Works u l-kumpaniji relatati, Lugansk u Dniepropetrovsk.

(d)

L-importaturi mhux relatati fil-Komunità

Kromat Trading Ltd; Londra, ir-Renju Unit,

JSC Azovlitas; Kaunas, il-Litwanja.

1.3.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(12)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sat-30 ta’ Settembru 2008 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżaminar tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ћsara kopriet il-perjodu mill-1 ta Jannar 2005 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

1.4.   Il-prodott ikkonċernat

(13)

Il-prodott li huwa allegatament l-oġġett ta' dumping huma tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless, iżda esklużi l-pajpijiet bħal dawk li jintużaw għall-provvista taż-żejt jew tal-gass u l-kisi ta' protezzjoni u t-tubaturi bħal dawk użati għat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, li joriġinaw mill-Belarus, mit-Turkija u mill-Ukraina (“il-prodott ikkonċernat”), normalment klassifikati bil-kodiċi NM 7306 61 92 u 7306 61 99. Il-prodott huwa normalment riferut bħala profil vojt minn ġewwa.

(14)

Il-profili vojta minn ġewwa huma l-aktar użati għall-għanijiet strutturali u ta' rfigħ ta' piżijiet mill-industrija tal-kostruzzjoni, kif ukoll għal partijiet strutturali fil-vapuri, krejnijiet, tagħmir tal-maniġġ, trejlers, trakkijiet, tagħmir fl-irziezet, eċċ. Il-profili vojta minn ġewwa jistgħu jintużaw ukoll għal għamara tal-ħadid, tagħmir sportiv u ta' rikreazzjoni, ġugarelli, bibien u twieqi tal-ħadid, xkaffar, stivar u sarr, eċċ.

2.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(15)

Permezz tal-ittra tat-3 ta’ Ġunju 2009 indirizzata lill-Kummissjoni, il-kwerelant formalment irtira l-ilment tiegħu. Skont il-kwerelant, dan l-irtirar kien ibbażat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni kurrenti fis-suq tal-industrija Komunitarja huwa diffferenti b'mod sinifikanti mis-sitwazzjoni tas-suq meta tressaq l-ilment billi d-domanda reali u dik virtwali riċentement waqgħet fl-UE u dan wassal għal tnaqqis fl-importazzjoni. Fid-dawl ta' dawn il-bidliet fis-sitwazzjoni tas-suq, il-kwerelant ma jridx ikompli l-każ tiegħu li kien ibbażat fuq l-analiżi ta' dejta antika li ma tirriflettix aktar il-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Skont il-kwerelant, l-aħjar mod biex wieħed jirrispondi għal kull prattika kummerċjali inġusta ta' ħsara f'dawn iċ-ċirkostanzi huwa permezz ta' każ ġdid – jekk sitwazzjoni futura tirrikjedi din l-azzjoni – li jkun jindirizza bis-sħiħ il-kwistjonijiet kollha.

(16)

Il-kwerelant argumenta wkoll li jekk il-volumi tal-importazzjoni jerġgħu jiżdiedu, fiċ-ċirkostanzi preżenti dawn l-importazzjonijiet jistgħu jikkawżaw dubji dwar il-vijabbiltà tal-industrija Komunitarja.

(17)

Ta' min jinnota li s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-prodott ikkonċernat kemm fil-KE u anki fil-pajjiżi kkonċernati hija kkaratterizzata minn bidla bla preċedent tal-parametri ekonomiċi fundamentali. Filwaqt li f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa diffiċli li wieħed jagħmel preżunzjonijiet motivati dwar l-iżvilupp tas-suq fuq il-medda qasira sa dik medja ta’ żmien, jidher ukoll li s-sitwazzjoni ekonomika hija volatili u li l-eżistenza ta’ dumping inġurjuż fil-futur ma tistax jiġi eskluża. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet inċerti tas-suq ġenerali, jidher xieraq li wieħed jimmonitorja l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-UE. L-informazzjoni miksuba fil-qafas ta' dan il-monitoraġġ tippermetti lill-Kummissjoni tirreaġixxi malajr, jekk ikun hemm bżonn. Pereżempju, din tista' tintuża għall-finijiet ta' bidu ta' proċediment ġdid sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, jiġifieri li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie ta' dumping ta' ħsara.

(18)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, jekk ikun hemm proċediment ġdid fir-rigward tal-prodott u jekk iċ-ċirkostanzi jitolbu hekk, ikun hemm investigazzjoni b'rata mgħaġġla. Ir-Regolament bażiku fil-fatt jaħseb għal din il-possibbiltà fl-Artikolu 7(1) billi jippermetti l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji malajr wara l-bidu.

(19)

Il-perjodu ta’ monitoraġġ ma għandux jaqbeż l-24 xahar mill-pubblikazzjoni tat-tmiem tal-proċediment preżenti.

(20)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jitwaqqaf meta l-ilment jiġi rtirat sakemm tmiem bħal dan ma jkunx fl-interess tal-Komunità.

(21)

F’dan ir-rigward ta' min jinnota li l-analiżi ta’ hawn fuq tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, u li kull investigazzjoni ġdida possibbli li tista’ ssir fil-futur, ma jqanqlux dubju dwar l-azzjoni tal-kwerelant li jirtira l-ilment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-proċedura attwali għandha titwaqqaf billi l-investigazzjoni ma tefgħet l-ebda dawl fuq il-possibbiltà li dan it-twaqqif ma jkunx fl-interess tal-Komunità. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu ma waslu lura l-ebda kummenti li setgħu biddlu din id-deċiżjoni.

(22)

Il-Kummisssjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċedimenti kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless li joriġinaw mill-Belarus, mit-Turkija u mill-Ukraina għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri kontra d-dumping,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-proċediment kontra d-dumping dwar l-importazzjoni ta' tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b'sezzjoni trasversali fil-forma ta' kaxxa jew rettangolari, tal-ħadid għajr ħadid fondut jew azzar għajr dak stainless, iżda esklużi l-pajpijiet bħal dawk li jintużaw għall-provvista taż-żejt jew tal-gass u l-kisi ta' protezzjoni u t-tubaturi bħal dawk użati għat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass, li joriġinaw mill-Belarus, mit-Turkija u mill-Ukraina, normalment klassifikati bil-kodiċi NM 7306 61 92 u 7306 61 99, hu b'hekk mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Catherine ASHTON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU C 290, 13.11.2008, p. 13.


Top